Għeżież ħuti Nsara,
Fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes tas-sena
2015, u bi preparazzjoni għall-mixja li ser
nagħmlu f’dan iż-żmien, xtaqt inwassal
messaġġ qasir lil kull wieħed u waħda
minnkom.
Darba minnhom, il-Fariżej u l-kittieba
staqsew lil Ġesù għaliex id-dixxipli tiegħu
ma kinux qed isumu. U Ġesù qalilhom: “Jaqaw
tistgħu ġġiegħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu
sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma
għad jasal iż-żmien meta l-għarus
jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu
dakinhar” (Lq 5, 33-35).
Meta naħseb fiċ-ċirkustanzi li qiegħda tgħix
il-Knisja Maltija bħalissa, sikwit tiġini
f’moħħi din it-tixbiha ta’ Ġesù. Kif tafu,
fit-18 ta’ Ottubru li għadda, il-Papa
Franġisku aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof
Emeritu Pawlu Cremona O.P. Dakinhar ukoll,
il-Papa nnominani bħala Amministratur
Appostoliku, u fid-Djoċesi ta’ Malta bdejna
mument ta’ talb u stennija. Mument li
nistgħu nsejħulu ‘ta’ sawm’ għaliex
itteħdilna l-għarus u issa qegħdin nistennew
il-ħatra ta’ Arċisqof ġdid li huwa l-preżenza
ta’ Ġesù, l-għarus tal-Knisja fostna.
Għalhekk dan il-mument huwa bħal mument ta’
sawm.
Il-Kelma ‘sawm’ ġegħlitni nirrifletti wkoll
fuq erba’ aspetti tar-Randan f’dan il-mument
storiku fil-ħajja tad-Djoċesi. Il-kelma
‘sawm’ hija magħmula minn erba’ ittri li
jfakkruni fl-iStennija, fl-Antiċipazzjoni,
fil-Wens u fil-Maħfra. Nitlobkom li, meta
tlissnu l-kelma ‘sawm’ tiftakru fl-erba’
ittri li jiffurmaw il-kelma, u tiftakru
f’dawn l-erba’ aspetti li nixtieq naqsam
magħkom.
L-‘S’ tal-kelma sawm tfakkarni fl-istennija.
L-istennija tagħna għal Arċisqof ġdid trid
tkun magħmula qabelxejn minn talb ħerqan.
It-talb ħerqan minnu nnifsu jurina li l-istennija
hija stennija ta’ rigal li ġej minn Alla.
Meta aħna nitolbu għall-grazzja ta’ Arċisqof
ġdid, qegħdin ngħidu b’att ta’ fidi li din
hija xi ħaġa li nirċevuha minn idejn Alla.
Imma dan it-talb ħerqan irid isir ukoll
b’fiduċja fit-tjubija tal-Mulej li hu
Missier tagħna, allura b’fiduċja serena,
mingħajr ħafna qtigħ il-qalb jew inkwiet
żejjed. U għalhekk, it-talba tagħna u l-istennija
tagħna tkun stennija ta’ distakk matur, li
jwassalna biex nemmnu li, jiġi min jiġi,
huwa don tal-Mulej u aħna nilqgħuh.
Dan l-atteġġjament ta’ maturità kbira
jwassalna għat-tieni ittra fil-kelma sawm,
l-‘A’ għal antiċipazzjoni. Xi rrid ngħid? L-ewwel
nett, minn issa, mingħajr ma nafu min hu l-Arċisqof il-ġdid
hemm bżonn li nħejju ruħna b’atteġġjament
pożittiv lejn min se jkun ir-ragħaj tagħna.
Qabelxejn irridu nħarsu lejn Kristu r-Ragħaj
it-Tajjeb għaliex huwa r-Ragħaj tagħna.
Jiena nista’ nħares lejn min ikun magħżul u
ngħid ‘ma tantx jogħġobni’, jew ‘ma tantx
jinżilli’, imma l-fidi matura tiegħi
ġġegħelni nħares lejh u ngħid ‘Kristu
qiegħed ikellimni permezz tiegħu, Kristu
qiegħed imexxini permezz tiegħu, għaliex
Kristu huwa r-Ragħaj’. L-atteġġjament
t’antiċipazzjoni jfisser impenn leali, imma
impenn u mhux qtigħ il-qalb. Fl-istess ħin
ifisser ukoll libertà tal-ulied; jiena
m'inix marbut mal-persuna tal-Arċisqof imma
ma’ Ġesù Kristu. Ikun min ikun l-Arċisqof
tiegħi jiena nħares lejn Kristu, għax hu dak
li jmexxini u jiggwidani.
It-tielet ittra tal-kelma sawm tfakkarni
fil-wens. Hemm bżonn li l-komunità tagħna
tikber fl-ispirtu ta’ wens. Hemm bżonn tilqa’
lil kull min iħabbat fuq il-bieb tal-qalb
tagħna bi mħabba akkoljenti li twassal
għall-karità, fejn dak li jkun iħossu
milqugħ, hi min hi l-persuna, ġejja minn
fejn ġejja. Il-wens ifisser li jkollna għal
kulħadd imħabba inklussiva hi x’inhi l-istorja
ta’ ħajjet il-persuna, il-background tagħha,
ir-reliġjon jew in-nuqqas ta’ reliġjon
tagħha, u l-kultura jew il-pajjiż tagħha.
M’aħniex il-Knisja tal-perfetti, u r-Randan
ifakkarna propju f’din il-ħaġa. Waqt li
nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nippreparaw
ruħna biex inġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija,
niftakru li aħna midjunin mal-ħniena t’Alla
u għandna bżonn min jilqagħna. L-istorja ta’
ħajjitna hija mmarkata minn tant mumenti
fejn ħassejna lilna nfusna maħbubin minn
Alla. Din l-imħabba tagħtina l-kuraġġ li
nkomplu fil-mixja tagħna anke fil-mumenti
diffiċli tas-salib fejn ġieli ma nħossux
il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna kif u
daqskemm inkunu nixtiquha aħna.
L-aħħar ittra fil-kelma sawm hija l-ittra
‘M’, u partikolarment fil-kuntest tar-Randan
tfakkarni fil-maħfra. Il-kelma maħfra
nixtieq nippreżentahielkom f’erba’ mumenti.
L-ewwel. Meta nitlob maħfra qiegħed nimpenja
ruħi li nirbaħ bit-tajjeb il-ħażin li hemm
fija u madwari. Nagħti eżempju żgħir. Vizzju
li huwa drawwa ħażina fil-ħajja tiegħi
nirbħu biss billi nbiddlu b’għażliet aħjar;
drawwa ħażina tkeċċiha ’l barra bi drawwiet
tajbin. Tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb! Il-maħfra
tfisser ukoll li min jagħmilli l-ħsara mhux
se npattihielu, għax jekk nagħmel hekk ma
nkunx qed nirbaħ il-ħażin bit-tajjeb, iżda
nkun qed nidħol f’ċirku vizzjuż ta’ tpattija
u forsi anke vjolenza li tiġġenera iżjed
tpattija u vjolenza.
It-tieni mument tal-maħfra huwa li nifhem li
dak li għamilt ħażin hemm bżonn li niftaħlu
l-bieb biex joħroġ minn ħajti. Il-kelma ta’
Ġesù lill-mara li nqabdet fid-dnub kienet
“Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw
8, 11). Il-kelma ‘mur’ kienet kelma ta’
ħelsien li permezz tagħha l-mara kellha d-dritt
tibqa’ tgħix għaliex Ġesù ma kkundannahiex
għall-mewt. Imma Ġesù jgħidilha wkoll biex
ma terġax tidneb, biex tbiddel ħajjitha,
biex tagħmel li tista’ biex tgħix aħjar. U
dan l-impenn jevita li aħna nabbużaw mill-ħniena
t’Alla jew li nersqu lejn is-Sagrament
tal-Qrar bħala xi ħaġa li hija grazzja faċli.
It-tielet mument fil-maħfra hija l-kapaċità
li dak li nitlob lill-Mulej inkun nista’
naqsmu ma’ ħuti, “Aħfrilna dnubietna, bħalma
naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6, 12).
Jiena għandi jkolli l-wiċċ immur quddiem
il-Mulej, mgħobbi bi dnubieti, u nitolbu
maħfra biss jekk nimpenja ruħi li nitlob
lill-Mulej jaħfirli biex jiena wkoll naħfer
lil min hu midjun miegħi. U għalhekk, it-tielet
mument f’din it-triq tal-maħfra hija d-disponibilità
tiegħi li naqsam ma’ ħaddieħor dak li qed
nirċievi mingħand il-Mulej. Hu jaħfirli u
għalhekk jien irrid naħfer lil ħaddieħor.
Hekk insir tassew wild il-Missier u parti
mill-familja ta’ Alla għax naġixxi bħalma
qed jagħmel Hu miegħi, u hekk nagħmel jien
ma' ħaddieħor.
Ir-raba’ u l-aħħar punt hija t-tislima ta’
Ġesù f’Ħadd il-Għid, li nħalluha tidwi
magħna għal ħamsin jum ta’ ferħ wara erbgħin
jum ta’ penitenza fir-Randan, “Il-paċi
magħkom” (Ġw 20, 21). Il-maħfra ġġib il-paċi
f’qalbna u tiżra' l-paċi madwarna. “Il-paċi
magħkom” mhijiex rigal mogħti lill-individwi,
imma lill-komunità. Il-maħfra li jiena
nakkwista u li naħdem għaliha fir-Randan
imqaddes, permezz tas-sagrament tal-Qrar,
billi nagħmel il-karità ma' ħuti, billi
nrażżan il-ħażen fija, hija verament
ir-riċetta tal-paċi, l-għajn tal-paċi
fis-soċjetà.
Minn qalbi nawgura lil kull wieħed u waħda
minnkom Randan mimli qdusija, rebbiegħa
sabiħa tal-ispirtu u tal-qalb.
Nagħtikom il-Barka Pastorali tiegħi.
✝ Charles
Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Amministratur Appostoliku ta’ Malta
|