Djarju tas-Sinodu

FAMILJA SEDUĊENTI - [stampa t-test]

 

Kliemu niżilli għasel. Il-ħeġġa li wera qanqlitni. Qed nirreferi għall-Professur Joseph Weiler, President tal-Istitut Universitarju Ewropew li hemm Firenze, li dalgħodu smajtu jkellem lilna isqfijiet Ewropej dwar il-kriżi u l-isfidi tal-familja fl-Ewropa. Mhux Kattoliku u lanqas Nisrani, imma l-fidi tiegħu f’Alla hija ta’ eżempju għalija. Huwa Lhudi konvint. Għoġobni għax daqskemm huwa bniedem reliġjuż, għandu dixxiplina intellettwali. Jekk twemminu hu sod, ir-raġuni tiegħu hija profonda. Matul dawn il-jumejn kellmuna diversi kardinali u esperti fit-teoloġija Kattolika, imma ħadd minhom ma laqatni bħal Weiler. Ser naqsam magħkom xi riflessjonijiet li għamilt wara li smajt din il-konferenza.

 

Weiler huwa konvint li l-motivi tal-kriżi li għaddejja minnha l-familja ma humiex il-liġijiet li jippermettu d-divorzju, l-unjoni ċivili jew l-abort; imma huwa l-proċess li bil-mod il-mod qed imermer il-fehma sħiħa li l-familja hija dak l-ambjent li l-aktar jagħmel sens għall-bniedem. Qed ngħixu f’epoka fejn il-bniedem qed jipprova jikkonvinċi ruħu li jista’ jgħaddi mingħajr dan l-ispazju tant sinifikattiv bħalma hija l-familja. Skont Weiler, il-fenomenu ta’ familji b’wild wieħed jew tnejn huwa sinjal ċar tal-kriżi tal-familja. Id-daqs ċkejken tal-familja mhux effett tal-kriżi ekonomika, tant li anki min jimpala l-flus, jippjana familja żgħira! Ir-raġunijiet għaliex illum irridu familji żgħar huma oħrajn li rridu nfittxuhom fil-ġewwieni tagħna.

 

Huwa komdu għalina li nwaħħlu fl-Istat li qed ikisser il-familji. Veru li l-Istat jieħu miżuri li daqskemm jistgħu jsaħħu l-familja, jistgħu jdagħjfuha; imma l-kawża prinċipali tal-kriżi familjari hija waħda kulturali. Qed nagħġnu kultura li aktar tagħti importanza lid-drittijiet milli lid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet. Jekk irridu nsalvaw il-familja, għandna bżonn kbir li nrawmu fina s-sens ta’ responsabbiltà.

 

Kunċett ieħor interessanti li semma Weiler kien li għalina li ngħożżu l-familja, aktar jeħtieġ li nagħtu kas ta’ x’xhieda qegħdin noffru milli noqogħdu nitbaqbqu dwar x’tip ta’ liġijiet ser ikollu l-pajjiż. Naħseb li dan jgħodd għal xi Kattoliċi f’pajjiżna li għadhom b’mentalità gwerriera, u ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk tgħaddi xi liġi li tkun tikkuntrasta mat-twemmin tagħna ta’ familja u l-Knisja tagħżel li ma titkellimx. Aktar milli noħolqu konfronti, id-dmir tagħna huwa li nagħtu xhieda li tkun tant qawwija li kapaċi tisseduċi lill-oħrajn. Il-missjoni tagħna mhix li nimponu xi mudell, imma li nipproponu. Irridu nagħmlu l-ħajja tal-familja attraenti hekk li tqanqal il-kurżità tal-oħrajn. Jekk fil-mod kif ngħixu l-ħajja tal-familja tagħna ma noffru xejn li jnibbet mistoqsija f’min josservana, ebda leġislazzjoni ma sejra ssalva l-familja.

 

Aħna li nħaddnu twemmin reliġjuż, ma rridux immorru bl-idea li għandna xi superjorità etika fuq persuna li ma temminx. Kull min hu mżejjen bir-raġuni umana għandu ħjiel ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin – anki dawk li ma humiex Insara. Dak li jagħżel il-bniedem reliġjuż mill-bniedem lajk mhux il-morali, imma r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Aktar milli noqogħdu niġġudikaw u nikkundannaw lil dawk li, skont aħna, ma għandhomx imġiba Nisranija, aħjar nistinkaw aktar biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu. Hija din l-intimità ma’ Ġesù li għandha “tiddistingwi” l-għażliet familjari li nagħmlu. Għoġobni Weiler meta qal li l-awtorità tal-liġijiet li ġejjin mir-reliġjon ġejja mill-fatt li aħna b’mod għal kollox ħieles inkunu għażilna li nkunu parti mill-“poplu tal-Patt” – li nkunu dixxipli ta’ Kristu. Dawk li ma jagħmlux din l-għażla reliġjuża huma ħielsa li jagħmlu l-għażliet li jridu anki fil-kamp tal-familja – ma għandniex għalfejn nidħlu fil-merti tal-għażliet tagħhom. Ix-xhieda ta’ min ikun wettaq għażliet imnebbħin mill-Vanġelu ta’ Ġesù għandha tkun qawwija u sabiħa biżżejjed li twassal lil ħaddieħor, li jkun għamel għażliet differenti, biex jieqaf jaħseb.

 

3 ta’ Ottubru, 2014

 

+ Mario Grech

    Isqof ta’ Għawdex

  


 

Djarju tas-Sinodu (2)

NIFS ĠDID  [stampa t-test]

 

Meta dalgħodu ngħaqadt mal-isqfijiet l-oħra li ser jieħdu sehem fis-Sinodu għall-Quddiesa mal-Papa Franġisku, sibt ruħi ħdejn l-Arċisqof Louis Chamniern Santisukniran mit-Tajlandja. Kliemna waqa’ fuq il-ħtieġa, li ma jonqosx li tagħfas ukoll fuqna l-isqfijiet u s-saċerdoti, li nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Intbaħt li t-tnejn kellna ħsieb wieħed: li l-faqar spiritwali huwa l-għerq ta’ kull kriżi umana. Kif jgħid is-Salmista, għalxejn jitħabtu l-bennejja, jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar (Salm 127:1).

 

Ilbieraħ filgħaxija kien hawn festa sabiħa fi Pjazza San Pietru. Ingħaqadt ma’ madwar 80,000 persuna li ħonqu Pjazza San Pietru biex flimkien mal-Papa Franġisku għamilna talba ħerqana biex l-Ispirtu s-Santu jieqaf mal-Knisja f’dawn il-jiem tas-Sinodu. Minn qalb il-Papa ħarġet din it-tnehida: “Ħa jonfoħ ir-Riħ ta’ Għid il-Ħamsin fuq il-ħidma sinodali, fuq il-Knisja, fuq il-bnedmin kollha. Iħoll l-għoqiedi li qed iżommu lill-persuni milli jiltaqgħu ma’ xulxin, ifejjaq il-ġrieħi li qed idemmgħu, ħafna, jixgħel mill-ġdid it-tama; kemm għandna nies bla tama! Jagħtina dik l-imħabba kreattiva li biha nistgħu nħobbu kif ħabb Ġesù. U hekk it-tħabbira tagħna ssib mill-ġdid il-ħajja u d-dinamiżmu tal-ewwel missjunarji tal-Vanġelu”.

 

Għalkemm il-Velja ta’ talb bdiet fid-dawl tax-xemx, dlonk beda jidlam. Id-dalma ta’ filgħaxija fakkritni f’dawk il-persuni u l-familji li bħalissa jinsabu għaddejjin minn esperjenzi iebsin li jdallmulhom ħajjithom. Għaddew minn qalbi dawk il-familji fejn hemm il-mard, il-qagħad, il-faqar, il-firda. Ħassejt it-toqol ta’ dawk il-ġenituri li fil-kwiet u l-moħbi qed iġorru l-piż ħelu tat-trobbija ta’ wliedhom. Bħal rajt id-dmugħ ta’ dik il-koppja miżżewġa li ma jistax ikollha wlied. Ħsibt f’dawk li raw jgħib il-ħolm sabiħ li kellhom għall-familja tagħhom. Dan l-aħħar, waħda kitbitli hekk fuq il-Facebook: “Nixtieq ħafna nagħmel esperjenza ta’ familja, imma ma għandix din l-opportunità”. Ġew f’moħħi dawk il-miżżewġin li, għax daħlu fit-tieni relazzjoni, qed ikollhom iħallsu prezz għoli. Smajt ukoll il-karba ta’ dawk l-ulied li għal xi raġuni jew oħra sabu ruħhom bla ġenitur/i.

 

Ħassejtha balzmu kelmet il-Papa meta fil-ftuħ tal-omelija tiegħu ftakar f’dan u iktar. Fil-fatt, huwa qal li “il-lejl huwa l-itqal siegħa għal min isib ruħu waħdu wiċċ imb’wiċċ mas-solitudni tiegħu, fl-imrar tal-ħolm imtajjar u l-proġetti mkissra tiegħu: kemm nies jispiċċaw ikaxkru l-ġranet tagħhom fl-isqaq tar-rassenjazzjoni, tat-telqa, jekk mhux ukoll tar-rabja; f’kemm djar naqas l-inbid tal-ferħ u, għalhekk, it-togħma tajba – l-istess għerf – tal-ħajja”.

 

Dawn l-esperjenzi u din it-tbatija ser ikunu fil-bagalja tagħna l-isqfijiet matul dan is-Sinodu. Fil-fatt, f’din il-ġabra fi Pjazza San Pietru l-Papa qalilna li s-Sinodu huwa “ġrajja ta’ grazzja, fejn il-kolleġġjalità episkopali tidher f’mixja ta’ dixxerniment spiritwali u pastorali. Biex infittxu dak li llum il-Mulej qed jitlob mill-Knisja tiegħu, jeħtieġ niftħu widnejna għal kif tħabbat il-qalb ta’ żmienna u nxommu r-‘riħa’ tal-bnedmin tal-lum, sakemm ninħakmu aħna wkoll mill-ferħ u t-tamiet tagħhom, min-niket u t-tħassib tagħhom”.

 

Matul il-Velja d-dlam ma kienx l-uniku element li ġagħalni nirrifletti. Bil-mod il-mod bdew jixegħlu x-xemgħat li qassmulna f’idejna. F’tebqa t’għajn, Pjazza San Pietru saret mixegħla waħda. Dawk l-eluf ta’ msiebaħ inemnu stħajjilthom it-tamiet li hemm fil-qalb ta’ ħafna persuni u familji. Nemmen li lbieraħ waqt il-Velja dik il-ġemgħa kotrana kienet qed tagħmel stqarrija ta’ fidi f’Alla. Il-poplu preżenti kien qed jgħid lis-soċjetà, li bħal donnha qed titlef kull tama, li hemm bżonn nafdaw f’Alla, għax “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja”. Fuq kollox, meta fostna ġieli nisimgħu min idoqq it-tokki tal-agunija tal-familja, dik il-folla enormi kienet qed tafferma t-tama tagħha fil-familja.

 

Imma nħoss ukoll li l-poplu ta’ Alla lbieraħ kellu messaġġ għall-Knisja. Fakkarna li l-missjoni tagħna hija waħda: li ninfaxxaw il-feriti u li ndewwu l-qlub maqsuma. B’dawk l-imsiebaħ mixgħula, dawk preżenti tennewlna dak li jgħid Isaija: “Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (42:2). Għax dawk kollha li qegħdin fid-dlam jew għal xi raġuni huma mġelġlin jew għandhom il-musbieħ mitfi għax bla żejt, bir-raġun qed jistennew minn dan is-Sinodu kelma ta’ faraġ u inkuraġġiment “sakemm jaslu biex jieħdu n-nifs tar-rieda li Alla sejħilna għaliha”.

 

Għall-Knisja din hija s-siegħa li b’sabar u kreattività persistenti xxandar il-Vanġelu tal-familja. Għax kif qal il-Papa lbieraħ, “nafu kif fil-Vanġelu hemm qawwa u ħlewwa li għandhom il-ħila jegħlbu kull ma jġib dwejjaq u vjolenza. Iva, fil-Vanġelu hemm is-salvazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar profondi tal-bniedem! Ta’ din is-salvazzjoni – opra tal-ħniena ta’ Alla u grazzja tiegħu – bħala Knisja aħna sinjal u strument, sagrament ħaj u effikaċi. Kieku ma kienx hekk, il-binja tagħna kienet tibqa’ biss kastell tal-karti u r-rgħajja kienu jispiċċaw kjeriċi tal-istat, li għalxejn fuq fommhom il-poplu jmur ifittex il-freskezza u l-‘fwieħa tal-Vanġelu’”.

 

Fid-dawl ta’ dan, nitolbu biex is-Sinodu jkun nifs ġdid għall-familja u għall-Knisja. Għandi tama qawwija li meta jonfoħ “r-riħ divin” (Spirtu s-Santu) mhux ser jitfi l-imsiebaħ mixgħula imma bl-infiħ tiegħu iħeġġeġ it-tamiet

 

5 ta’ Ottubru 2014

 

+ Mario Grech

    Isqof ta’ Għawdex

 


 

Mid-Djarju tas-Sinodu (3)

ĠMIEL TA’ MISTERU  [stampa t-test]

 

Bdejna niltaqgħu. Konna 182 isqof sinodali. Magħna tgħodd ukoll għadd mhux ħażin ta’ koppji miżżewġin. Wara indirizz qasir mill-Papa Franġisku, ir-Relatur Ġenerali għamel diskors introduttiv. Mill-ewwel deher ċar li l-għan ta’ dan is-Sinodu huwa wieħed pastorali. Il-Knisja qed tagħmel dan l-eżerċizzju biex issib il-kanali li permezz tagħhom tkun tista’ twassal il-Vanġelu tal-familja lis-soċjetà ta’ żminijietna, ħalli l-familji jkunu tassew “skola ta’ umanità, soċjalità, ekkleżjalità u qdusija”.

 

Meta rġajna ltqajna llejla mill-4.30 sas-7.00, l-ewwel intervent fis-Sinodu sar mill-koppja Awstraljana Ramon u Mavis Pirola. Nanniet ta’ tmienja, fakkruna li ż-żwieġ u l-familja huma ġmiel ta’ misteru. Dan ma jfissirx li kollox ward u żahar, tant li stqarrew li l-familja tagħhom għandha l-brix u t-tbenġil; imma l-fidi tagħhom fi Kristu għenithom ma jaqtgħux qalbhom. Huma jemmnu li l-“knisja tad-dar” (il-familja) għandha ħafna x’toffri lill-Knisja.

 

Fis-sessjoni tal-lejla saru diversi interventi interessanti. Fil-fehma tiegħi, wieħed mill-isbaħ kontributi kien dan. Il-Konċilju Vatikan II għallem li għalkemm il-Knisja ta’ Kristu ssib il-milja tagħha fil-Knisja Kattolika, barra mill-Knisja Kattolika jeżistu ħafna elementi ta’ qdusija u verità (Lumen Gentium, 8). Fid-dawl ta’ dan wieħed jista’ jgħid li għalkemm iż-żwieġ kif iridu l-Ħallieq insibuh fiż-żwieġ sagrament, irridu nirrikonoxxu li anki f’forom oħra ta’ għaqda ta’ mħabba (bħal ngħidu aħna fil-każ ta’ koppja li qed tikkoabita jew ta’ dawk li ntrabtu biss biż-żwieġ ċivili, jew dawk li kisbu d-divorzju u reġgħu żżewġu, eċċ…) jista’ jkun hemm elementi ta’ verità u qdusija. Hawnhekk għandna ċavetta biex infittxu dak li huwa pożittiv u “qaddis” anki f’dawk il-familji li ma humiex għal kollox skont il-pjan tal-Ħallieq! Jekk ikunu apprezzati, dawn l-elementi jistgħu jservu ta’ tarġa biex dak li jkun, joqrob aktar għall-proposta ta’ Alla. Huwa fatt li Alla jiżra’ ż-żerriegħa fl-istorja ta’ ħafna… anki fl-istorja ta’ dawk li qegħdin fil-periferija!

 

Imbagħad kien hemm esperjenza mogħnija b’ħafna umanità. Wieħed mill-kardinali qal li ommu u missieru għamlu sebgħa u sittin sena miżżewġin u kellhom sbatax-il tifel u tifla! Stqarr li ma kienx jaf minn fejn ġabu l-qawwa biex għexu din l-avventura; imma jammetti li la missieru u lanqas ommu ma għamlu korsijiet speċjali. Skont hu, is-sigriet tal-imħabba tagħhom, anki f’waqtiet iebsin, kien it-talb u s-sagramenti. Huwa tenna li x-xhieda tal-ġenituri tiegħu hija tagħlima.

 

Qsamt miegħek dawn il-ftit frakiet minn dak li smajt illum dwar dan il-ġmiel ta’ misteru!

 

6 ta’ Ottubru 2014

 

+ Mario Grech

    Isqof ta’ Għawdex

 


 

Mid-Djarju tas-Sinodu (4)

UMANITÀ FERUTA  [stampa t-test]

 

Ma nistħix nistqarr li dalgħodu nksirt waqt li kont qed nisma’ isqof jirrakkonta esperjenza li għadda minnha meta kien kappillan. Qal li darba kien qed imexxi funeral u ntebaħ li fit-tebut il-mejjet kellu f’idejh il-kuruna tar-Rużarju u ittra. Il-kappillan ma kienx jafu ħafna. Kien jaf biss li għalkemm kien imur għall-Quddies, dan ir-raġel ma kienx jersaq jitqarben. Staqsa dwaru lill-familjari u sar jaf li dan ir-raġel ma kienx jersaq jitqarben għaliex snin ilu kien kiseb id-divorzju u reġa’ żżewweġ ċivilment. Xtaq ħafna jirranġa s-sitwazzjoni, tant li kien fittex parir mingħand saċerdot. Dan is-saċerdot irrefera għand saċerdot ieħor espert fil-liġi tal-Knisja. Għadda ż-żmien u baqa’ bla tweġiba. Sadattant, dan ir-raġel marad serjament u kien riesaq lejn it-tmiem. Jum wieħed jirċievi ittra mingħand dak l-espert fejn qallu li wara li studjaw sew il-każ tiegħu, deherlu li kellu d-dispożizzjoni li jersaq jitarben. Dak ir-raġel tant feraħ li dik l-ittra qatt ma ried jerħiha minn idejh. Miet jitqarben u l-ittra baqa’ jgħożżha! Waqt li l-isqof kien qed jirrakkonta din l-istorja fis-sala tas-Sinodu, kien hemm skiet taqtgħu b’sikkina. Bqajna ssummati. Imbagħad, biex jikser dik il-ħemda, dan l-isqof qal: “Forsi l-ittra żammha f’idejh biex jagħtiha lil San Pietru!”. Mhix storja tad-daħk, imma din il-battuta nisslet tbissima fuqna… anki l-Papa Franġisku tbissem. Bejni u bejn ruħi għidt li verament dak il-mejjet wassal l-ittra għand “Pietru”… għand il-Papa!

 

Isqof ieħor irrakkonta storja oħra interessanti. Qal li din is-sena fis-Slovakkja l-Knisja qed tfakkar l-450 anniversarju tad-devozzjoni tad-Duluri. Din id-devozzjoni bdiet għaliex kien hemm familja li kienet waslet biex titkisser minħabba li kien hemm il-ġlied intern bejn l-istess membri fi ħdanha. Kollox kien qed juri li kienu resqin biex jinfirdu. L-omm għamlet wegħda lid-Duluri li jekk tgħinhom jagħmlu rikonċiljazzjoni, tibnilha kappella ddedikata lilha. Dik il-familja qalgħet din il-grazzja u baqgħu flimkien. Illum ħafna koppji jżuru din il-kappella u jxiddu fuqhom il-“mant tad-Duluri” biex il-Madonna tgħinhom jirbħu d-differenzi ta’ bejniethom, jaħfru lil xulxin u jagħmlu paċi. Ma humiex ftit dawk il-familji tagħna li minħabba r-relazzjonijiet miksurin ta’ bejniethom ma jistgħux jaraw lil xulxin! Nitlob lid-Duluri tifrex il-mant tagħha fuq il-familji tagħna.

 

Esperjenza oħra smajtha mingħand isqof miċ-Ċina. Qal li kien hemm koppja miżżewġa li t-tnejn kienu tobba. Il-mara biss kienet Kattolika. Żewġha kien arrestat flimkien ma’ xi rġiel oħra minħabba raġunijiet politiċi u weħlu sentenza ta’ ħabs. Wara priġunerija ta’ għaxar snin, dawn inħelsu; imma ħadd minn dawk l-irġiel ma reġa’ sab lil martu, għax sadattant in-nisa kienu qatgħu qalbhom u għamlu familja oħra. Imma dak it-tabib sab lil martu tistennieh ġej lura d-dar. Għaddiet għaxar snin titlob u tittama li jerġgħu jingħaqdu. Meta ra dan, ir-raġel fehem li martu baqgħet fidila lejh għax kienet konvinta mit-tagħlim reliġjuż tagħha… u għalhekk ikkonverta għall-Kattoliċiżmu.

 

Isqof Franċiż irrakkontalna l-esperjenza tiegħu ma’ dawk li huma ddivorzjati u miżżewġa mill-ġdid. Qal li meta jkun iqarben u dawn jersqu lejh, hu jberikhom. Jemmen li dawn il-persuni jistgħu jkunu magħqudin mal-Ewkaristija aktar minn dawk li jitqarbnu. U meta dawn jitolbu biex iqararhom, billi ma jistax jagħtihom dan is-sagrament, qal li jinżel għarkupptejh magħhom u jitlob maħfra magħhom. 

 

Għalija dawn huma rakkonti mogħnija b’ħafna umanità u jiġbru fihom għana profond li jfarraġ il-qalb. Konvint li dawn huma biss kampjun ċkejken ta’ tant stejjer li qed jinkitbu kuljum fil-familji miġruħin tagħna. Nemmen li permezz ta’ dan is-Sinodu l-Knisja trid tkompli tkun is-Samaritan li jsawwab il-balzmu fuq din l-umanità feruta.

 

9 ta’ Ottubru 2014

 

+ Mario Grech

    Isqof ta’ Għawdex

 


 

Mid-Djarju tas-Sinodu (5)

FAMILJI QADDISA  [stampa t-test]

 

F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.

 

Jien ma naqbilx mal-Kardinal Amato li f’ġensna koppja waħda biss hija kandidata għall-qdusija; għall-kuntrarju, jien konvint li f’pajjiżna kellna u għandna għadd kbir ta’ ġenituri li huma “kanonizzabbli”, fis-sens li jistgħu jiġu ddikjarati qaddisin. Jekk f’kull razza hemm paljazza, irridu ngħidu wkoll li f’kull arblu tar-razza hemm irġiel u nisa li huma kolossi uman u spiritwali – miżżewġin li fil-veru sens tal-kelma tbażwru biex illum aħna dak li aħna. Huma nsew lilhom infushom, biex jarawna nixxettlu u nikbru. Fil-memorja tagħna jibqgħu ikona ta’ persuni li, għax ħabbew tassew, poġġew ħajjithom għall-qadi ta’ xulxin u tal-familja. Ħafna drabi ma kellhomx għaxja ta’ lejla, imma kellhom fiduċja għamja f’Alla. Il-fidi f’Alla kienet is-saħħa tagħhom. Id-dwejra tal-familja kienet in-“niċċa” fejn għammru dawn il-qaddisin!

 

Matul dawn il-jiem tas-Sinodu, diversi isqfijiet saħqu fuq il-bżonn li għandna nagħrfu napprezzaw il-ħafna tajjeb li hemm f’ħafna familji. Kif jgħidu, fil-foresta aktar tagħmel ħoss siġra li taqa’ milli dawk il-ħafna siġar li qegħdin jinbtu u jikbru. Hekk ukoll fil-mappa tal-familji tagħna, ħafna drabi għajnejna jieqfu fuq dak li huwa negattiv u nittraskuraw l-abbundanza ta’ tjubija li hemm fl-esperjenzi ta’ ħafna familji. Ftit jgħaddilna minn moħħna li għandna ġenituri li baqgħu jaħdmu biex iħallsu d-dejn li għamlu biex jaraw lil uliedhom jistudjaw. Naf b’familji li għamlu mid-dar tagħhom “sptar” ċkejken għax għażlu li jikkuraw huma stess lil marid; oħrajn raw id-dar tinbidel f’“nursery” għax aċċettaw li jżommu lil ulied uliedhom biex dawn jistgħu joħorġu jaħdmu; oħrajn saħansitra għamlu tibdil strutturali fid-dar biex setgħu jżommu magħhom lill-missier jew l-omm anzjani. Fuq kollox huwa komuni li ħafna mid-djar tagħna saru “skola” u “knisja ċkejkna” biex irawmu lill-familja fil-valuri umani u spiritwali. Dawn id-djar ġew ittrasformati f’gym mhux tant tal-eżerċizzji fiżiċi, daqskemm f’ambjenti fejn il-bniedem jitħarreġ fil-virtù. Hemm imbagħad dawk id-djar li nbidlu f’ċentru tal-karità, bħal fil-każ ta’ dawk li addottaw tfal bla familja biex joffrulhom familja. Ikollna nammettu li f’pajjiżna aħna miżgħuda b’esperjenzi bħal dawn.

 

Ma naqsux isqfijiet li appellaw biex il-Knisja tapprezza wkoll it-tajjeb li hemm f’dawk l-esperjenzi ta’ ħajja familjari “irregolari” – qed ninkludi lil dawk li għażlu li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu, dawk li raw l-ewwel żwieġ jitmermer u mbagħad daħlu f’relazzjoni oħra, dawk li qegħdin f’unjoni ċivili, dawk li għandhom it-tfal barra miż-żwieġ, u l-bqija. Anki f’dawn ir-realtajiet jaf ikun hemm “ġojjelli” moħbija, bħala huma l-imħabba, il-ġenerożità, sens ta’ ġustizzja, il-fedeltà, il-bżulija, il-ħajja tat-talb, il-karità, u oħrajn. Għalkemm dawn qagħdiet li huma f’kuntrast mal-proposta evanġelika, ma jfissirx li fihom Alla ma jiżrax żerriegħa tajba li tagħmel il-frott. Fihom ukoll jista’ jkun hemm xrar mill-qdusija ta’ Alla.

 

Is-Sinodu qed jgħinna biex nitfgħu dawl fuq dawn ir-realtajiet umani kollha. Kif kien jgħidilna l-Qaddej ta’ Alla Mikiel Attard, “to the pure eye everything is pure”. Bl-għajnejn tal-fidi aħna ma nitfgħux ħarsitna fuq l-ikrah biss, imma rridu napprezzaw it-tajjeb u ngħinu biex dan it-tajjeb joktor. Missierna Pawlu nnifsu jgħallimna li “aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28).

 

10 ta’ Ottubru 2014

 

+ Mario Grech

    Isqof ta’ Għawdex