Djarju tas-Sinodu - Familja Seduċenti - 3 ta' Ottubru 2014.

Kliemu niżilli għasel. Il-ħeġġa li wera qanqlitni. Qed nirreferi għall-Professur Joseph Weiler, President tal-Istitut Universitarju Ewropew li hemm Firenze, li dalgħodu smajtu jkellem lilna isqfijiet Ewropej dwar il-kriżi u l-isfidi tal-familja fl-Ewropa. Mhux Kattoliku u lanqas Nisrani, imma l-fidi tiegħu f’Alla hija ta’ eżempju għalija. Huwa Lhudi konvint. Għoġobni għax daqskemm huwa bniedem reliġjuż, għandu dixxiplina intellettwali. Jekk twemminu hu sod, ir-raġuni tiegħu hija profonda. Matul dawn il-jumejn kellmuna diversi kardinali u esperti fit-teoloġija Kattolika, imma ħadd minhom ma laqatni bħal Weiler. Ser naqsam magħkom xi riflessjonijiet li għamilt wara li smajt din il-konferenza.

 

Weiler huwa konvint li l-motivi tal-kriżi li għaddejja minnha l-familja ma humiex il-liġijiet li jippermettu d-divorzju, l-unjoni ċivili jew l-abort; imma huwa l-proċess li bil-mod il-mod qed imermer il-fehma sħiħa li l-familja hija dak l-ambjent li l-aktar jagħmel sens għall-bniedem. Qed ngħixu f’epoka fejn il-bniedem qed jipprova jikkonvinċi ruħu li jista’ jgħaddi mingħajr dan l-ispazju tant sinifikattiv bħalma hija l-familja. Skont Weiler, il-fenomenu ta’ familji b’wild wieħed jew tnejn huwa sinjal ċar tal-kriżi tal-familja. Id-daqs ċkejken tal-familja mhux effett tal-kriżi ekonomika, tant li anki min jimpala l-flus, jippjana familja żgħira! Ir-raġunijiet għaliex illum irridu familji żgħar huma oħrajn li rridu nfittxuhom fil-ġewwieni tagħna.

 

Huwa komdu għalina li nwaħħlu fl-Istat li qed ikisser il-familji. Veru li l-Istat jieħu miżuri li daqskemm jistgħu jsaħħu l-familja, jistgħu jdagħjfuha; imma l-kawża prinċipali tal-kriżi familjari hija waħda kulturali. Qed nagħġnu kultura li aktar tagħti importanza lid-drittijiet milli lid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet. Jekk irridu nsalvaw il-familja, għandna bżonn kbir li nrawmu fina s-sens ta’ responsabbiltà.

 

Kunċett ieħor interessanti li semma Weiler kien li għalina li ngħożżu l-familja, aktar jeħtieġ li nagħtu kas ta’ x’xhieda qegħdin noffru milli noqogħdu nitbaqbqu dwar x’tip ta’ liġijiet ser ikollu l-pajjiż. Naħseb li dan jgħodd għal xi Kattoliċi f’pajjiżna li għadhom b’mentalità gwerriera, u ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk tgħaddi xi liġi li tkun tikkuntrasta mat-twemmin tagħna ta’ familja u l-Knisja tagħżel li ma titkellimx. Aktar milli noħolqu konfronti, id-dmir tagħna huwa li nagħtu xhieda li tkun tant qawwija li kapaċi tisseduċi lill-oħrajn. Il-missjoni tagħna mhix li nimponu xi mudell, imma li nipproponu. Irridu nagħmlu l-ħajja tal-familja attraenti hekk li tqanqal il-kurżità tal-oħrajn. Jekk fil-mod kif ngħixu l-ħajja tal-familja tagħna ma noffru xejn li jnibbet mistoqsija f’min josservana, ebda leġislazzjoni ma sejra ssalva l-familja.

 

Aħna li nħaddnu twemmin reliġjuż, ma rridux immorru bl-idea li għandna xi superjorità etika fuq persuna li ma temminx. Kull min hu mżejjen bir-raġuni umana għandu ħjiel ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin – anki dawk li ma humiex Insara. Dak li jagħżel il-bniedem reliġjuż mill-bniedem lajk mhux il-morali, imma r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Aktar milli noqogħdu niġġudikaw u nikkundannaw lil dawk li, skont aħna, ma għandhomx imġiba Nisranija, aħjar nistinkaw aktar biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu. Hija din l-intimità ma’ Ġesù li għandha “tiddistingwi” l-għażliet familjari li nagħmlu. Għoġobni Weiler meta qal li l-awtorità tal-liġijiet li ġejjin mir-reliġjon ġejja mill-fatt li aħna b’mod għal kollox ħieles inkunu għażilna li nkunu parti mill-“poplu tal-Patt” – li nkunu dixxipli ta’ Kristu. Dawk li ma jagħmlux din l-għażla reliġjuża huma ħielsa li jagħmlu l-għażliet li jridu anki fil-kamp tal-familja – ma għandniex għalfejn nidħlu fil-merti tal-għażliet tagħhom. Ix-xhieda ta’ min ikun wettaq għażliet imnebbħin mill-Vanġelu ta’ Ġesù għandha tkun qawwija u sabiħa biżżejjed li twassal lil ħaddieħor, li jkun għamel għażliet differenti, biex jieqaf jaħseb.