LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

7.   Is-Samaritana: "Agħtini nixrob."

Ġw: 4: 1-41.


Q

Qari

[Ġw:4:1] Il-Fariżej semgħu li Ġesù kien qiegħed jiġbor u jgħammed dixxipli iżjed minn Ġwanni. U Ġesù sar jaf b'dan, [Ġw:4:2] għalkemm hu nnifsu ma kienx jgħammed, imma d-dixxipli tiegħu; [Ġw:4:3] għalhekk telaq mil-Lhudija u raġa' mar fil-Galilija. [Ġw:4:4] U kellu jgħaddi mis-Samarija. [Ġw:4:5] Ġie f'belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, [Ġw:4:6] fejn kien hemm ukoll il-bir ta' Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. [Ġw:4:7]

U ġiet mara  mis-Samarija timla l-ilma. "Agħtini nixrob," qalilha Ġesù. [Ġw:4:8] Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x'jieklu. [Ġw:4:9] Il-mara  mis-Samarija qaltlu: "Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?" Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. [Ġw:4:10] Ġesù weġibha: "Kieku kont taf id-don ta' Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, 'Agħtini nixrob,' kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj." [Ġw:4:11] Qaltlu l-mara: "Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? [Ġw:4:12] Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?" [Ġw:4:13] Weġibha Ġesù: "Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa' jagħtih l-għatx; [Ġw:4:14] imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta' l-ilma li jwassal sal-ħajja ta' dejjem." [Ġw:4:15] Qaltlu l-mara: "Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma."

[Ġw:4:16] Qalilha Ġesù: "Mur sejjaħ lil żewġek u erġa' ejja hawn." [Ġw:4:17] Weġbitu l-mara: "Ma għandix żewġi." Qalilha Ġesù: "Sewwa għedt, 'ma għandix żewġi.' [Ġw:4:18] Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m'huwiex żewġek. Sewwa weġibt!" [Ġw:4:19] Qaltlu l-mara: "Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. [Ġw:4:20] Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f'Ġerusalemm." [Ġw:4:21] Qalilha Ġesù: "Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f'Ġerusalemm. [Ġw:4:22] Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. [Ġw:4:23] Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. [Ġw:4:24] Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità." [Ġw:4:25] Qaltlu l-mara: "Jiena naf li ġej il-Messija, - dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna." [Ġw:4:26] Qalilha Ġesù: "Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek."

[Ġw:4:27] Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma' mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, 'Xi trid?', jew, 'Għax qiegħed titkellem magħha?' [Ġw:4:28] Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: [Ġw:4:29] "Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?" [Ġw:4:30] U  nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

[Ġw:4:31] Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: "Rabbi, kul!" [Ġw:4:32] Iżda hu qalilhom: "Jien għandi ikel x'niekol li intom ma tafux bih." [Ġw:4:33]   Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: "Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x'jiekol?" [Ġw:4:34] Qalilhom Ġesù: "L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta' min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. [Ġw:4:35] Intom ma tgħidux li baqa' erba'xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x'ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! [Ġw:4:36] Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta' dejjem, biex min jiżra' jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. [Ġw:4:37] F'dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra' u l-ieħor jaħsad. [Ġw:4:38] Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom."

[Ġw:4:39] Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f'Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: 'Qalli kull ma għamilt,' [Ġw:4:40] tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa' magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. [Ġw:4:41] Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, [Ġw:4:42] u lill-mara qalulha: "issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja."

 

IS-SIMBOLIŻMU F'DIN IS-SILTA U FIR-RABA' EVANĠELJU

Dawn il-ftit noti mhux parti mil-Lectio Divina, imma qegħdin biex ifissru l-kuntest tal-ġrajja u s-simboliżmu kbira li hemm marbut magħha.  Għalhekk huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt il-meditazzjoni.  Minħabba t-tul tagħhom, ikun tajjeb li dawn in-noti jinqraw qabel u mhux waqt il-Lectio Divina nfisha.

Is-simboliżmu tal-ilma f’din is-silta u fir-raba’ evanġelju.

Is-Simboliżmu ta’ l-Ilma f’dan l-Evanġelju huwa wieħed tassew profond u spiss irid jitfisser fid-dawl ta’ dak li nsibu dwaru fit-Testment il-Qadim, b’mod partikolari f’Eżekjel 36  u f’Isaija 44.

Fl-ewwel kapitlu tal-evanġelju, Ġwanni l-Għammiedi jistqarr li huwa ġie jgħammed bl-ilma propju biex Hu (Ġesù) jkun mgħarraf lil Iżrael. (Ġw 1:31) F’Kana, Ġesù huwa dak li jitlob l-ilma biex jagħtih lura mibdul fl-inbid it-tajjeb. (Ġw 2:7-9) Lil Nikodemu jfakkru fuq il-ħtieġa li wieħed jitwieled mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu. (Ġw 3:5)   Fir-raba’ kapitlu, it-talba ta’ Ġesù lill-mara Samaritana, toħroġ minn fommu bħal karba. Huwa jitlobha l-ilma li jispiċċa, u lilha joffrilha ilma ħaj li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.  Fil-ħames kapitlu naqraw dwar il-marid ta’ Betzata, jistenna li jitħarrek l-ilma biex xi ħadd jitfgħu fih ħalli jfiq, iżda għal tmienja u tletin sena sħaħ qatt ma sab min jitfgħu fl-ilma.  Imbagħad jiġi Ġesù, u bla ma jkollu bżonn jixħet lir-raġel fl-għadira, jfejjqu; simboliżmu ċar ta’ dak l-ilma ħaj li ħiereġ minnu. (Ġw 5:1-9) F’kapitlu sitta, l-ilma ma jissemmiex, imma Ġesù jitkellem dwar il-ħtieġa li d-dixxplu jiekol ġismu u jixrob demmu. (Ġw 6:56) Dan jikseb tifsira kbira jekk moqri fid-dawl ta’ dak li seħħ f’Kana u fl-aħħar ċena.

Kapitlu seba’ huwa fost l-aktar diretti għax fih Ġesù joffri lil kull min hu bil-għatx biex imur għandu u jixrob. (Ġw 7:37-39).  Fl-aħħar ċena, huwa stess jferra l-ilma f’lembija u jaħsel saqajn id-dixxipli. (Ġw 13:5)  Minn fuq is-salib, huwa jerġa jokrob għall-ilma u jgħid, “Għandi  l-għatx”.(Ġw 19:28)  U fl-aħħar, meta huwa mejjet u s-suldat jinfidlu ġenbu b’lanza, minnufih joħroġ demm u ilma.” 

Minbarra dawn id-drabi, hemm ukoll referenzi anqas diretti għall-ilma jew għall-ħasil. Fil-ġrajja tar-raġel imwieled għama li Ġesù jgħidlu biex imur jinħasel fil-menqgħa ta’ Silwam. (Ġw 9:7) Imbagħad f’kapitlu tnax naqraw meta Marija, oħt Marta u Lazzru taħsel hija stess riġlejn Ġesù. (Ġw 12:3)

Minn dawn kollha jidhru ċari s-simboliżmi ta’ l-ilma bħala sors ta’ tisfija jew tindif u bħala sors ta’ ħajja. Dawn spiss insibuhom ukoll fit-Testment il-Qadim u fl-Evanġelji sinottiċi (Mattew, Mark u Luqa). Iżda f’dan l-evanġelju l-ilma huwa assoċjat direttament ma’ Ġesù nnifsu, li għad-dixxiplu huwa l-għajn ta’ ilma ħaj, li jaqta’ l-għatx, li jagħti l-ħajja u li jfejjaq.  Fuq kollox is-simboliżmu jsir wieħed aktar personali u juri l-ħtieġa li d-dixxiplu jkollu fidi f'Ġesù.

Barra minn hekk l-Evanġelista, f’simboliżmu ġdid jorbot l-ilma ma’ l-Ispirtu. Sa mill-ewwel kapitlu, il-Qassisin u l-Leviti, li jirrapreżentaw it-Testment il-Qadim jistaqsu dwar l-identità ta’ Ġwanni, minħabba li kien qed jgħammed.  Huwa jistqarr minnufih li l-Messija ma kienx wieħed li jgħammed bl-ilma, kif kien qed jgħammed hu, imma bl-Ispirtu s-Santu. (Ġw 1:33).  Ma’ Nikodemu, Ġesù jinsisti dwar il-ħtieġa ta' twelied bl-ilma u l-Ispirtu. (Ġw 3:5). Iżda forsi l-aktar simboliżmu profond qiegħed fil-frażi meta hu “mejjel rasu u radd ruħu”, (referenza ċara għal-Ispirtu li Ġesù ta lid-dixxipli) u dak li jiġi mmedjatament wara fejn naqraw li minn ġenbu, “minnufih ħareġ demm u ilma”.

Il-frażi, “Jiena hu” fil-Kotba Mqaddsa u fl-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-Bibbja, il-frażi, “Jiena hu” titfaċċa l-ewwel darba fil-ktieb ta’ l-Esodu meta Alla nnifsu juri ismu lil Mosè, “JIENA HU DAK LI HU,  Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael, ‘JIENA HU bagħtni għandkom.’.” (Eżodu 3:14)

Fl-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù nnifsu juża din il-frażi għalih nnifsu diversi drabi. B’dan l-Evanġelista jkompli jsaħħaħ id-Divintà ta’ Ġesù.

Dawn huma:-

  • Għall-kliem tal-mara Samaritana, “jiena naf li ġej il-Messija, dak li jgħidulu Kristu”, Ġesù jwieġeb, “JIENA HU li qiegħed nitkellem miegħek.” (Ġw 4;26)

  • Meta dixxipli raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar, hu qalilhom, “JIENA HU, la tibżgħux.” (Ġw 6:20)

  • Ġesù jgħid, “JIENA HU l-ħobż tal-ħajja.” (Ġw 6:35, 41, 48, 51)

  • Ġesù qabal ikellimhom u jgħidilhom, “JIENA HU d-dawl tad-dinja.” (Ġw 8:12, 9:5)

  • “Jekk intom ma temmnux lil JIENU HU, tmutu fi dnubietkom.” (Ġw 8:24)

  • “Meta terfgħu lil Bin il-bniedem, allura tagħrfu li JIENA HU.” (Ġw 8:28)

  • “Tassew, tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraha, JIENA HU.” (Ġw 8:58)

  • “JIENA HU l-bieb tan-nagħaġ.” (Ġw 10:7)  u “JIENA HU r-ragħaj it-tajjeb.” (Ġw 10:11)

  • JIENA HU il-qawmien u l-ħajja.” (Ġw 11:25)

  • JIENA HU it-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġw 14:6)

  • JIENA HU id-dielja tassew.” (Ġw 15:1)

  • Fil-ġnien taż-zebbuġ, il-Lhud jgħidulu li qed ifittxu lil Ġesù ta’ Nazaret u Ġesù, għal darbtejn jgħidilhom, “JIENA HU.”  U għal din il-frażi huma jersqgħu lura u jaqgħu mal-art.


M

Meditazzjoni

 

 

"Agħtini nixrob," ... "Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx."

Min qed jagħti l-ilma lil min?  Jiena forsi spiss naħseb li huwa jiena li qed nagħmel xi ħaġa għal Ġesù.

  • Imma meta se nibda’ nintebaħ li meta jitlobni, dan jagħmlu biex jagħtini?

"Kieku kont taf id-don ta' Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, 'Agħtini nixrob'."

  • Qatt apprezzajt li kull darba li jiena mitlub nagħmel xi att ta’ mħabba mal-proxxmu tiegħi, dan huwa don minn Alla għaliex jiena nkun strument f’idejn  il-providenza tiegħu?

  • Qatt ftakart fi kliem Ġesù li dak kollu li nagħmlu ma xi ħadd minn ħutu, nkunu qed nagħmluh miegħu?

"Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj  ...?"

  • Kemm drabi ħsibt li xi bżonn li jista’ jkolli jiena jew xi ħadd mill-oħrajn huwa difficli jew impossibli anke għal Alla biex jagħtihuli?

"Agħtini dan l-ilma, Sinjur ..."

Fit-talba tas-Samaritana lil Ġesù kienet qed tara biss bżonn materjali.  Riedet minn dak l-ilma biex ma toqgħodx ġejja u sejra timla.  Fejn qatt basret x’kien lest jagħtiha, Ġesù? 

  • Kemm drabi nagħmel l-istess jiena wkoll?  Ninsisti miegħu għall-intitef meta huwa jkun irid jagħtini bil-ferm aktar mill-qatt nista’ nimmaġina.

  • Alla tas-Sorpriżi – Nemmnu dan?  Nemmen li Alla spiss lest jagħtini sorpriżi. Lest inħallih?  Jew se nibqa’ ninsisti għal dak li rrid jien?  Forsi dan għaliex bħall-mara Samaritana nkun għadi ma għaraftx minn tassew huwa Ġesù.

"Mur sejjaħ lil żewġek u erġa' ejja hawn."

Tgħid min jaf għaliex qalilha din il-kelma?  Forsi biex tintebah min kien?  Jew forsi biex hija tagħraf tassew min kienet hi?  Qabel ma l-bniedem jagħraf tassew lilu nnifsu, allura lanqas jista’ jagħraf lil Alla li jgħammar ġo fih.  Li niskopri tassew min jien huwa l-ewwel pass biex niskopri lil Alla li hemm fija.

  • Jiena fejn infittxu lil Alla?  Jista' jkun li qed infittxu f’kollox u f’kulħadd barra fija nnifsi?

  • Qatt ikkunsidrajt li jiena ma nista’ qatt infiitex lil Alla jekk qabel ma jkunx diġà sabni Hu?

  • Qatt ikkunsidrajt li meta nibda nfittex lil Alla, nkun diġà bdejt insibu?

  • Nifhem li jekk jiena miżżewweġ/a, allura msejjaħ biex infittex lil Alla flimkien ma’ marti jew ma’ żewġi?

"Dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità."

  • Xi tfisser li nadura fl-ispirtu u l-verità?

  • Jiena nadurah lil Alla?  Kif?  Bi drawwa?  

  • Kif inhuwa t-talb tiegħi?  Krib biss? Paroli waħedhom?

Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk.

  • Dak li qabel il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù kien bżonn, issa sar toqol.   Kienet marret propju għall-ilma.  Imma wara li ltaqgħet ma’ Ġesù, il-ġarra ħallietha warajha.

  • U jiena, f’ħajti rrid nibqa’ nġorr miegħi kemm lil Ġesù kif ukoll il-ħwejjeġ l-oħra li kelli qabel iltqajt miegħu!  Irrid niġi warajk, Mulej, imma nista’ nġib kollox miegħi?

"Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt."

Din hija affermazzjoni oħra li qabel hi għarfet lilu, Ġesù għena tagħraf lilha nfisha.   U kien propju dan l-għarfien tagħha, li mhux talli ma qafilhiex fiha nfisha, imma fetaħha għall-oħrajn; tant li marret għandhom biex twasslilhom xhieda tal-esperjenza tagħha.

  • Xi tfisser għalija li nagħraf lili nnifsi?  Li nissakkar fija nnifsi?

  • Wara li jiena għamilt l-esperjenza tiegħi ma’ Ġesù, mort nixhed għalih mal-oħrajn?

  • Il-ħażen passat tiegħi, huwa xhieda ħajja tal-imħabba tiegħu għalija?

"Għandi ikel x'niekol li intom ma tafux bih."

  • Minbarra l-ikel materjali, hemm ikel ieħor fil-ħajja tiegħi li jiena ma nistgħax ngħix mingħajru?  Liema?

  • Il-Kelma ta’ Alla?

  • Il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu?

  • Li nagħmel ir-rieda ta’ Alla?

"Bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom."

Spiss infittex ir-riżultat ta’ dak li nagħmel.  Imma qatt ikkunsidrajt li anke x-xogħol li nwettaq jiena huwa tkomplija fuq xogħol li wettqu oħrajn qabli u allura huwa frott il-ħidma tagħhom ukoll?

  • Moħħni xejn li nfittex ir-riżultati tal-ħidma tiegħi?

  • Napprezza xejn frott il-ħidma ta’ oħrajn?

  • Niftakar xejn li ma nista’ nagħmel ebda frott jekk jiena ma nkunx magħqud mad-dielja?  Li nkun magħqud mad-dielja jfisser li nkun magħqud kemm maz-zokk, li huwa Kristu, kif ukoll mal-friegħi l-oħra, li huma ħuti.

"Emmnu f'Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara."

  • Ix-xhieda tal-mara wasslet lin-nies tar-raħal tagħha biex ifittxu lil Ġesù.  U x-xhieda tiegħi?

  • Nifhem li x-xhieda tal-kelma ma tiswa xejn jekk ma tkun imsieħba bix-xhieda tal-ħajja.

"Għax aħna wkoll smajnieh."

Il-fidi tagħna f’Alla hija bħal xitla li trid tikber u timmatura.  Fil-bidu hija aktarx ibbażata fuq dak li smajna dwar Alla u dak li qalulna dwaru. Imma biż-żmien din trid timmatura u ssir deċiżjoni personali u li tikber aktar ma tikber l-esperjenza tagħna ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.

  • U jiena, li mmaturajt sewwa fiż-żmien, fil-fidi mmaturajt xejn?

  • Jiena għadni nemmen f’Alla, biss għaliex hekk tgħallimt fi ċkuniti?

  • X’inhuma l-ħwejjeg li jgħinuni nikber fil-fidi?

  • X’inhuma l-ħwejjeġ li jxekklu l-fidi fija?

 


T

Talb

 

 

  • “Agħtini, nixrob!”  Kif, Mulej, inti l-Iben ta’ Alla u titlob lili, nagħtik tixrob?  Agħtini, int Mulej, mill-ilma ħaj tiegħek.

  • Għini, Mulej, biex nagħraf id-doni li inti tagħtini kontinwament.

  • Spirtu Qaddis, kun int li tgħini nidħol fija nnifsi.  Huwa hemm ġew li rrid niltaqgħa u nitkellem ma’ Ġesù.

  • Mgħallem Ġesù, irrid li bħalek, jiena wkoll rrid l-għajxien tiegħi mill-ikel li nwettaq ir-rieda tal-Missier, li bagħatek.


K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Għal ftit minuti, strieħ inti wkoll fil-kumpanija ta’ Ġesù l-istess kif għamlet il-mara Samaritana.  ...

Ħalli lilu jkellmek fis-skiet ġewwieni tiegħek. ...

Emmen li kif kellem lilha dakinhar, illum irid ikellem lilek ukoll. 

 

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta