LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

12. Pietru u d-Dixxiplu l-Maħbub; Il-Mulej dan!  Ġw: 21:1-14.


Q

Qari

 

[Ġw:21:1] Wara dan, Ġesù raġa' deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta' Tiberija. Dehrilhom hekk: [Ġw:21:2] Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu  t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, [Ġw:21:3] u Xmun Pietru qalilhom: "Sejjer nistad." Qalulu: "Ħa niġu miegħek aħna wkoll." Marru, rikbu  d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

[Ġw:21:4] Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. [Ġw:21:5] Ġesù qalilhom: "Għandkom x'tieklu, ħbieb?" "Le," weġbuh. [Ġw:21:6] Qalilhom: "Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu." Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! [Ġw:21:7] Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: "Il-Mulej dan!" Għalhekk Xmun Pietru, kif sama' li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta' fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa' l-baħar. [Ġw:21:8] Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq  mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

[Ġw:21:9] Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. [Ġw:21:10] Qalilhom Ġesù: "Newwlu 'l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu." [Ġw:21:11] Xmun Pietru tala' fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b'mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.

[Ġw:21:12] Qalilhom Ġesù: "Ejjew, kulu." Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, 'Int min int?', għax kienu jafu li kien il-Mulej. [Ġw:21:13] Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. [Ġw:21:14] Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 


M

Meditazzjoni

 

 

 

 

T

Talb

 

 

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta