LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

6. Nikodemu ġie għand Ġesù billejl

Ġw: 3: 1-21.


Q

Qari

Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud. Dan ġie għand Ġesù billejl u qallu: "Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista' jagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu." Ġesù wieġbu: "Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta' Alla."

Qallu Nikodemu: "Kif jista' wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista' forsi jerġa' jidħol f'ġuf ommu u jitwieled?"

Wieġbu Ġesù: "Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta' Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma' ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu."

"Kif qatt jista' jkun dan?" raġa' qallu Nikodemu.

U Ġesù qallu: "Inti mgħallem f'Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta' dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ ta' l-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema?

"Ħadd ma tela' s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa' s-serp  fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta' dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta' l-Iben il-waħdieni ta' Alla.

"U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax  l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu."

 

IL-KUNTEST TAS-SILTA U S-SIMBOLIŻMU LI FIHA

Dawn il-ftit noti mhux parti mil-Lectio Divina, imma qegħdin biex ifissru l-kuntest tal-ġrajja u s-simboliżmu kbira li hemm marbut magħha.  Għalhekk huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt il-meditazzjoni.  Minħabba t-tul tagħhom, ikun tajjeb li dawn in-noti jinqraw qabel u mhux waqt il-Lectio Divina nfisha.

Nikodemu

Spiss forsi nistgħu noħduha kontra Nikodemu għaliex naħsbu li staħa jew beża jmur għand Ġesù binhar.  Madankollu l-Evanġelista, li fil-kitba tiegħu jikkuntrasta diversi drabi, id-dawl u dlam, donnu ried jurina dixxiplu ta’ Ġesù, li mid-dlam tal-ħajja tiegħu ta’ qabel, ġie għad-dawl tassew li huwa Ġesù. (ara Ġw 8:12)  Aktar 'il quddiem, dan jikkuntrastah ma' dak li għamel Ġuda, meta mid-dawl ta’ Kristu fiċ-Ċenaklu joħroġ għad-dlam tad-dnub u tat-tradiment tiegħu. L-Evanġelista jinnota, li “kien billejl” (Ġw 13:30)

Aktar ‘il quddiem, l-awtur tar-raba’ evanġelju, jlaqqana ma' Nikodemu meta jiddefendi lil Gesù fis-Sinedriju.  F’dan il-każ l-evanġelista jinnota li dan kien l-istess Nikodemu li kien mar għand Ġesù billejl. (Ġw 7:50) 

Fl-aħħar, wara l-mewt ta’ Ġesù, meta d-dixxipli ħarbu għax forsi ħasbu li kollox kien spiċċa, Nikodemu joħroġ fid-deher u bla biża jgħin lil Ġużeppi ta’ Arimatea biex jidfen l-ġisem mejjet tal-Imgħallem.  Anke hawn l-Evanġelista jerġa’ jirrimarka li dan kien dak l-istess Nikodemu li mar għand Ġesù billejl. (Ġw 19:39)

 

Id-Djalogu bejn Ġesù u Nikodemu.

Ir-raba’ Evanġelista jibni l-kitba tiegħu fuq numru ta’ djalogi li Ġesù nnifsu jagħmel ma’ diversi personaġġi.  F’partijiet minnu, id-djalogu ma’ Nikodemu jinħass fih element ta’ ironija. 

Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn id-diffikultà ta’ Nikodemu tidher waħda ta’ natura bioloġika, madankollu huwa evidenti li huwa aktarx kien fehem sewwa li Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar it-twelid naturali. Id-diffikultà tiegħu kienet dwar kif jista’ bniedem anzjan bħalu, wara li kien kiber u xjieħ fi drawwiet u uzanzi tal-liġi l-qadima, jħalli dawn kollha warajh biex jimxi ma’ dak li issa kien beda jipproponilu Ġesù. 

It-twelid li dwaru Ġesù kellem lil Nikodemu jrid jiftiehem fid-dawl ta’ dak li l-Evanġelista jgħid fl-ewwel kapitlu meta jsemmi lil dawk li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla. (Ġw 1:13)

Imma huwa donnu jibqa’ ma jifhimx u jerġa', “Imma kif qatt jista' jkun dan?” Fid-diskursata jidhru diversi kuntrasti:-

  • Nikodemu jpoġġi l-enfasi tiegħu fuq is-sinjali, “ħadd ma jista jagħmel is-sinjali li qed tagħmel int jekk Alla ma jkunx miegħu.”  Imma Ġesù jwieġeb li biex wieħed jara s-Saltna ta’ Alla jeħtieġlu jitwieled mill-ġdid.

  • Nikodemu jinsisti dwar it-twelid tal-ġisem u jistaqsi kif jista’ wieħed xiħ jerġa jitwieled. Imma Ġesù jwieġeb billi jinsisti fuq it-twelid mill-ilma  (konverżjoni) u l-Ispirtu s-Santu. F’post ieħor naqraw dwar l-insistenza ta’ Ġesù li l-fatt waħdu, li wieħed huwa mwieled mir-razza ta’ Abraham, mhux biżżejjed biex jikkwalifikah għas-Saltna ta’ Alla.  (ara Ġw 8:31-59)

  • Nikodemu jibda’ d-diskursata billi jsejjah lil Ġesù, “Mgħallem mibgħut minn Alla”.  Aktar ‘il quddiem, huwa Ġesù li jgħid lil Nikodemu, “Inti, Mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux?”

  • Nikodemu jgħid, “aħna nafu li inti mibgħut minn Alla.”  Ġesù jurih li minkejja li kienu jafu, madankollu huma xorta ma laqgħux ix-xhieda tiegħu.

 

"Ħadd ma tela' s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.

Fil-bidu tad-diskursata tiegħu ma’ Gesù, Nikodemu kien aċċetta li l-missjoni ta’ Ġesù kienet waħda ġejja minn Alla.  Imma Ġesù jinsisti li mhux il-missjoni tiegħu biss kellha oriġini divina, imma anke huwa nnifsu kien niżel mis-sema. 

Ġesù nnifsu kien ir-rigal tal-imħabba li l-Missier għandu għad-dinja.  L-iskop kien wieħed, dak li min jemmen fih, ikollu ħajja ta’ dejjem. Dan huwa wkoll l-istess skop li għalih kien miktub l-evanġelju; “biex intom temmnu li Ġesù huwa l-Messija, l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu." (Ġw 20:31)

Lil wieħed mgħallem tal-liġi u tal-profeti bħal ma kien Nikodemu, Ġesù jfakkru kif kellha titwettaq din il-missjoni tal-Messija.  Dan jagħmlu billi jsemmilu l-figura tas-serp tal-bronż li rafa’ Mosè  fid-deżert (Num 21:4-9), xbieha ta’ Kristu merfugħ fuq is-salib.  Imma l-kelma merfugħ hija waħda li turi li fl-istess kruċifissjoni kien hemm il-glorja.  Hija l-istess kelma li Ġesù jerġa’ juża’ meta jgħid; “meta nintrefa ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” (Ġw 12:32)


M

Meditazzjoni

 

 

Nikodemu, Fariżew  u wieħed mill-kbarat tal-Lhud ...ġie għand Ġesù billejl.

Nikodemu kien membru tal-għaqda tal-Fariżej, duttur  tal-liġi Lhudija, meqjus bħal Mgħallem f’Iżrael u membru tas-Sinedriju, li f’dawk iż-żminijiet kien il-qorti sumprem tal-Iżreal. Kien personaġġ li mill-kwalitajiet esterni tiegħu seta’ faċilment ikun meqjus wieħed minn dawk li kienu tant kontra Ġesù.

Kristu, li ma kien jikkritika lil ħadd, imma lilhom sejħilhom oqbra mbajda (Mt 23:27). Qalilhom li huma, kienu jduru d-dinja biex idawwru bniedem għal magħhom u wara jagħmluh ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnhom. (Mt 23:15)

Nikodemu, membru ta’ ċirku bħal dan, x’mar jagħmel għand Ġesù? Imma fuq kollox għaliex mar għandu billejl?

  • Forsi llum Nikodemu jista’ jkun simbolu tiegħi, meta għal xi raġuni jew oħra stħajt jew forsi bżajt nuri li jiena nisrani u allura dixxiplu ta’ Ġesù?

  • Fost sħabi tax-xogħol, fil-ħanut mnejn nixrtri, mal-ħbieb jew fil-familja, nitkelem xejn dwar Ġesù, jew forsi kapaci nitkellem fuq kollox imma mhux dwaru u dwar Alla?

  • Lest jiena wkoll nagħmel il-konverżjoni li għamel Nikodemu?

 

"Is-sinjali li qiegħed tagħmel int."

Fit-tieġ ta’ Kana rajna kif wara is-sinjal li kien għamel Ġesù, id-dixxipli tiegħu emmnu fih.  F’din is-silta nintebħu li kien aktarx minħabba s-sinjali, li Nikodemu beda jemmen f’Ġesù. Madankollu, il-kbarat l-oħra u l-Fariżej, li wkoll kien raw is-sinjali, baqgħu ma emmnux.

  • Jiena nilmagħhom is-sinjali li Alla għadu jagħmel madwari u f’ħajti , anke llum?

  • Dawn is-sinjali lili jqarbuni lejn Kristu jew iħalluni biered u indifferenti?

  • Jew forsi jiena wieħed li dejjem niġri nfittex is-sinjali, iżda t-Triq nibqa’ ma nsibha qatt?

 

"Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid... "

Nikodemu donnu ma setgħax jifhem x’ried jgħid Ġesù.  Li titwieled mill-ġdid mhux twemmin fir-riinkarnazzjoni, kif uħud jaslu li jgħidu.  It-twelid mill-ġdid li tkellem dwar Ġesù huwa dak li San Pawl fissru bi kliem ieħor li jixxibah, “Intom inżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu.” (Kol 3:9-10)

  • Lest li nitwieled mill-ġdid jiena wkoll, anke jekk dan ifisser għalija li l-bniedem il-qadim tiegħi irid imut ma’ Kristu?

  • Fil-ħajja tiegħi, kif nista’ jiena wkoll fil-prattika, nitwieled mill-ġdid?

  • Jiena lest għall-bidla radikali li dan it-twelid mill-ġdid jista’ jitlob minni?

 

"Kif qatt jista' jkun dan?"

Bidla radikali f’ħajti tista’ tidher diffiċli.  Kultant ukoll impossibli u jiena wkoll nistaqsi lil Ġesù, “Kif jista’ jkun dan?”  Darba l-Appostli għamlulu domanda simili u dakinhar Ġesù weġibhom, “Għall-bniedem dan ma jistax ikun.  Imma għal Alla iva; għal Alla kollox jista’ jkun.” (Mk 10:27)

  • Qatt jiena wkoll għamiltlu din id-domanda?  Forsi oġġezzjoni! Kif jista jkun? !

  • Nifhem li bidla radikali f’ħajti tista’ tiġi biss minn Alla, iżda jiena rrid ukoll nikkopera mal-grazzja tiegħu?

 

"Dak li jitwieled mill-ġisem .... u dak li jitwieled mill-Ispirtu."

Ġesù hawn jitkellem dwar dak li jitwieled mill-ġisem u dak li jitwieled mill-Ispirtu.  San Pawl, fl-ittra tiegħu lil Galatin jgħid li l-għemejjel tal-ġisem u dawk ta’ l-Ispirtu. Tal-ġisem huma żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, glied, għira, korla, ambizzjoni, partiti, invidja, sokor, tbaħrid u ħwejjeġ bħal dawn.  Huwa jwissi li min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla. Mill-banda l-oħra, mal-frott tal-Ispirtu, Pawlu jsemmi l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.  (ara Galatin 5:16-26)

  • Forsi f’dawn il-listi ta’ San Pawl, mhemmx għalija wkoll eżami tajjeb tiegħi nnifsi u gwida li tgħinni għas-salvazzjoni tiegħi?

 

"Ir-riħ fejn irid jonfoħ."

Il-kelma Griega wżata mill-Evanġelista għal Spirtu tfisser ukoll Riħ. San Ġwann jagħmel użu minn din it-tifsira doppja tal-kelma griega biex juri li min jitwieled mill-Ispirtu huwa liberu għaliex mhux imxekkel minn użanzi u tradizzjonijiet umani, ġibdiet tal-ġisem, jew ambizzjoni. Min jitwieled mill-Ispirtu huwa dejjem immexxi mill-Ispirtu u allura huwa liberu f’dak li jagħmel. Fuq kollox, l-għemil tiegħu mhux imxekkel mil-liġi, mhux għaliex imur kontra l-liġi, imma għaliex il-liġi ġejja mill-Ispirtu nnifsu u għalhekk hija f’armonija sħiħa miegħu.

  • U jiena, liberu f’dak li nagħmel jew imxekkel mill-ħwejjeġ tad-dinja u tal-ġisem?

  • Kif inwieġeb għas-sejħat li jagħmilli Alla?

 

"Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu ..  mhux biex jagħmel ħaqq mid-dinja"

Ġesù jispjega lil Nikodemu, li bħala għotja ta’ Alla lid-dinja, huwa ma kienx mibgħut biex jagħmel ħaqq mid-dinja iżda biex din ssalva permezz tiegħu. Huwa l-bniedem stess li bl-għażliet żbaljati tiegħu jagħmel ġudizzju fuqu nnifsu meta jagħżel id-dlam minflok id-dawl.

  • U jiena fhiex, jew f’min qed infittex is-salvazzjoni tiegħi? Fija nnifsi? Fl-opri tajba li nagħmel?  Jew f'persuna oħra jew oġġett ieħor?

  • Min huwa Ġesù Kristu għalija?  Nemmen li dan huwa rigal mogħti lili mill-Missier ?

 

"Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam."

L-Evanġelista jurina lill-Ġesù bħala, id-dawl li jiddi fid-dlam u li dlam ma għelbux. (Ġw 1:1) 

  • X’inhuma l-għażliet li għamilt f’ħajti? Favur id-dawl? Favur id-dlam?  Jew forsi nippreferi nibqa newtrali, fid-dell, bla ma qatt nikkometti ruħi?

  • Lil Nikodemu, Ġesù qallu li kull min jagħmel il-ħazen jobgħod id-dawl u ma jersaqx lejn id-dawl biex għemilu ma jinkixifx. Jista’ jkun li dan il-kliem jgħodd ukoll xi ftit għalija?

  • Kif nista’ tassew, fil-prattika, nibda nħobb aktar id-dawl milli d-dlam?

 


T

Talb

 

 

 

 

  • Spirtu Qaddis, għinni inti biex wara l-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù, jiena wkoll nuri bla biża li jiena dixxiplu tiegħu. 

  • Mulej Ġesù, fl-għazliet tiegħi bejn id-dawl u d-dlam, irriid dejjem nagħżel lilek, id-Dawl veru tal-ħajja tiegħi.

  • Trintà Qaddisa, kien fil-magħmudija tiegħi li f’isimkom jien kont imwieled mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu.  Irrid li bil-grazzja qaddisa li ġejja minnkom jiena ngħix kuljum dan it-twelid ġdid tiegħi.

  • Mgħallem Ġesù, inti biss s-Salvaturi tiegħi.  Tħallini qatt infittex salvazzjoni oħra ħlief dik li ġejja minnek.

  • Missier Qaddis, grazzi tal-imħabba kbira tiegħek li wasslitek tagħtina lill-Ibnek stess biex ikun wieħed minna.


K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Dan il-ħin ta’ kontemplazzjoni huwa d-destinazzjoni tal-mixja kollha tiegħi/tagħna waqt il-Lectio Divina.

Wara li, bħal Nikodemu, jiena wkoll kelli l-grazzja tal-laqgħa u djalogu tiegħi ma’ Ġesù, ħa nsib il-ħin biex nieqaf sieket fil-kumpanija tiegħu.  Forsi kultant nisemgħu jkellimni, imma anke jekk le, jiena nemmen li kemm jekk billejl u kif ukoll jekk binhar huwa qiegħed kontinwament miegħi.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta