LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

10.   Marija ta’ Magdala;  Lil min qed tfittex?

Ġw: 20:1-18.


Q

Qari

[Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. [Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: "Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!"

[Ġw:20:3] Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. [Ġw:20:4] It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. [Ġw:20:5] Tbaxxa, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. [Ġw:20:6] Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, [Ġw:20:7] u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f'post għalih. [Ġw:20:8] Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. [Ġw:20:9] Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet. [Ġw:20:10] Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.

[Ġw:20:11] Iżda Marija baqgħet 'il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, [Ġw:20:12] u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta' Ġesù. [Ġw:20:13] Huma qalulha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki?" Hi wieġbet: "Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh."

[Ġw:20:14] Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. [Ġw:20:15] Ġesù qalilha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?" Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: "Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura."

[Ġw:20:16] Ġesù sejjħilha: "Marjam!" Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri Mgħallem. [Ġw:20:17] Ġesù qalilha: "La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla' għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom." [Ġw:20:18] Marija ta' Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: "Rajt lill-Mulej", u qaltilhom x'qalilha.

 


M

Meditazzjoni

 

 

L-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni – Jerġa jfakkarna fl-ewwel jum tal-ħolqien, "Ikun id-dawl".  Kristu huwa d-dawl il-ġdid.  Dan il-Knisja tiċċelebrah fil-vġili tal-Għid.  Bil-qawmien tiegħu mill-mewt jitwieled ħolqien ġdid. Filgħodu kmieni għax bil-qawmien ta’ Kristu, għall-umanità sebaħ jum ġdid.

  • Kristu huwa tassew id-dawl li jdawwal il-jiem kollha ta’ ħajti? 

  • Kristu huwa dak li fih infittex il-qawmien ġdid tiegħi?  It-twelid mill-ġdid  li dwaru Huwa stess tkellem ma’ Nikodemu ?

 

Ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar – Il-qabar huwa l-post li jfakkar fir-rebħa tal-mewt.  Imma minn dakinhar għall-bniedem, il-mewt hija mirbuħa.  M’għandhiex aktar l-aħħar kelma. F’dan l-evanġelju, il-qabar ta’ Kristu huwa fi ġnien. (Ġw 19 :41)   Forsi jrid ifakkar f’dak l-ewwel ġnien fejn bid-dnub tal-ewwel bniedem kienet rebħet il-mewt.  Imma f’dan il-ġnien, bil-qawmien ta’ Krista, tirbaħ mill-ġdid il-ħajja.

  • Forsi naħseb li l-qawmien ta’ Kristu huwa ġrajja li fiha jiena sempliċi spettatur?  Qatt ħsibt dwar it-tifsira vera u l-valur kbir li dan il-qawmien għandu fil-ħajja tiegħi ?

 

Rat il-blata mneħħija mill-qabar – Il-blata li tista’ tfisser l-ostaklu li ma jħallix lid-dixxiplu jersaq lejn l-Imgħallem tiegħu.  Il-blata li d-dixxiplu waħdu ma jistgħax ineħħi, iżda li huwa Alla nnifsu li jrid ineħħilna minn quddiemna.  Basta li bħal Marija ta’ Magdala, jiena ħerqan li nara l-Imgħallem.

  • X’inhija l-blata, li fil-ħajja tiegħi qed tifridni minn Kristu?  Taħbihuli ?

  • Forsi naħseb li din il-blata nista’ nneħħiha bil-qawwa tiegħi biss ?

 

Marija ta’ Magdala – Titfaċċa fl-evanġelju lejn tmiem il-ġrajja.  Xogħolha li tkun xhud u appostlu; xhud tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Għalkemm għaliha jidher mejjet, iżda xorta tibqa tfittxu. Hija l-ewwel waħda li ratu wara li qawmien tiegħu.  Hija l-ewwel waħda li tkellmet miegħu. Hija l-ewwel waħda li tirċievi l-missjoni minn għandu biex twassal l-aħbar tal-qawmien.  L-ewwel waħda li xehdet li Huwa ħaj. Hija l-ewwel appostlu; l-appostlu tal-appostli.

  • F’din l-esperjenza ta’ Marija rrid nilmah l-esperjenza tiegħi. Il-mewt, il-blata, it-tfittxija, il-qawmien, il-laqgħa, id-diskursata miegħu, il-missjoni u x-xhieda.   Nilmaħhom dawn fil-ġrajjiet ta’ ħajti?

 

Tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor – Fid-diffikulta’ tagħha, Marija ġriet lejn il-komunità tad-dixxipli.  Meta ma sabitx lill-Imgħallem fittxet l-appoġġ tal-komunità.

  • Fil-mixja spiritwali tiegħi għall-Ġesú, kemm infittex l-għajnuna tal-komunità tad-dixxipli (il-Knisja) ?

  • Marija ġriet lejn id-dixxipli – imma jiena nitnikker xejn ?

 

Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġrew flimkien – Il-mixja tal-Knisja lejn Kristu rxoxt hija waħda li dixxipli jridu jagħmlu flimkien.  Fit-triq uħud jiġru aktar minn  oħrajn.  Imma fl-aħħar irridu nistennew lil xulxin biex inkunu ta’ għajnuna għal xulxin.

  • Forsi naħseb li l-mixja spiritwali tiegħi qed nagħmilha waħdi ?

  • Forsi naħseb li jekk niġri waħdi nista’ nħalli warajja lil Pietru (il-maġisteru) u lill-oħrajn (il-komunità)

 

Tbaxxa, u ra l-faxex ….   - 

  • Huwa obbligu tal-Knisja li tkompli tirrifletti fuq dawk is-sinjali li jkomplu jwassluha lejn Kristu Rxoxt.  Li jkomplu jkabbru fiha t-twemmin tagħha fih (ra u emmen).  U bir-riflessjoni tagħha fuq dawn is-sinjali, trid tmur lura lejn il-komunità biex isaħħaha (marru lura lejn sħabhom).

 

Iżda Marija baqgħet 'il barra mill-qabar, tibki ….   -  Anke l-esperjenza personali li d-dixxiplu jista’ jagħmel ta’ l-Imgħallem tiegħu, din ukoll hija tal-komunità kollha.  Ma tkunx mogħtija għalih biss.  Magħha hemm marbuta l-ordni mill-Imgħallem, "Mur għand ħuti u għidilhom."

  • Nifhmu dan?  Nifhem li għax il-Knisja trid iġġorr magħha lil kulħadd, allura il-mixja tagħha lejn Kristu tista’ xi drabi tidher kajmana ?

  • Nifhem li l-esperjenzi personali fil-ħajja spiritwali jġorru magħhom l-ordni ta’ Ġesù, "Mur għand ħuti u għidilhom" ?

  • Nifhem li l-ħidma tan-nisrani fil-Knisja mhix voluntarjat imma missjoni?

 

Marija ma ntebħitx li kien Ġesù – Il-laqgħa tad-dixxiplu ma Ġesù Rxoxt hija fuq livell differenti minn dik li kellu qabel.  Din il-laqgħa l-ġdida trid tkun waħda mqanqla mill-fidi.  U għax ġejja mill-fidi, spiss hija waħda dgħajjfa, allura xi drabi, id-dehra ta’ l-Imgħallem aktarx tkun waħda mċajpra.  Aktarx jiġri li jiena wkoll ma nintebaħx li jkun Hu.  Huwa meta jsejjaħli b’ismi li jiena ndur lejh u nintebah li kien tassew Hu. Ġesù sejjħilha: "Marjam!" Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!'."

  • Meta nfittex lil Ġesù, b’xi mod inkun diġà bdejt insibu.

  • Ma nista’ qatt insib lil Ġesù, jekk qabel ma jkunx diġà sabni Hu.

 

Għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex? -

  • Mhumiex domandi li Hu qiegħed kontinwament jagħmel lili wkoll?

  • Għaliex qiegħed nibki?

  • Lil min, jew lil xhiex qiegħed infittex ?

  • Naf inwieġeb għalihom ?  Għandi tweġiba ?

 

La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier – Kien jonqos l-aħħar pass tal-fidwa tal-bniedem, dak li n-natura umana, mifdija mill-jasar tal-dnub u meħlusa mill-ħakma tal-mewt, issib triqtha lura f’dar il-Missier. Dan kien possibli biss fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.

  • Għaliex Alla poġġa fil-qalb tal-bniedem xewqa għall-immortalità, għamilha possibli li din ix-xewqa titwettaq. Il-mistoqsijiet fuq it-tifsira tal-ħajja, għaliex il-mewt u x’hemm wara l-mewt, kollha jiġu mwieġba permezz tal-fidi. Infatti, Kristu stess qabel ma’ bata’ għalina qal lil dawk li kienu miegħu, “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”  … (ara “It-Tifsira tal-Qawmien fit-taghlim ta’ Joseph Ratzinger”, minn Sr. Daniela Micallef U.S.A.M. online: http://www.laikos.org/BXVI_Qawmien.htm)

 

Għand ħuti …  għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom. –

  • Bl-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu sar wieħed minna l-bnedmin u għalhekk sar ħuna l-kbir.  Għaliex huwa l-Iben ta’ Alla, allura mal-mument tal-Fidwa, aħna sirna l-ulied addottivi tal-istess Missier ; dak li kien u jibqa’ dejjem Alla tagħna, issa nistgħu insejħulu wkoll Missierna.  U dan mhux biss għax ħalaqna Hu, iżda wkoll għax permezz tal-umanità li ħa Ibnu, issa seħibna fid-divinità tiegħu. Hu sar bniedem biex lilna jagħmilna allat. (ara St. Thomas Aquinas, Opusc. 57, 1-4.)

 

T

Talb

 

 

  • Mulej, Ġesù, irrid li inti biss tkun id-dawl, il-qawmien u l-ħajja tiegħi.

  • Kemm drabi ħsibt li waħdi stajt inneħħi il-blat u l-ostakli li jifirduni minnek.  Bħal Pietru ħsibt li anke jekk jiċħdek kulħadd, imma jiena żgur li le.  Mulej, illum naf kemm kont żbaljat.

  • Minkejja d-dnub tiegħi, naf, Mulej, li bl-għajnuna tiegħek jiena wkoll nista’ nkun xħud tal-qawmien tiegħek.

  • Għinna, Mulej, biex fil-mixja tagħna lejk, inkunu dejjem lesti biex nistennew lil xulxin.

  • Mulej Ġesù, bħal Marija, jiena spiss inkun irrid inżommok għalija.  Imma anke lili, inti tgħidli kif għidt lilha, “Mur għand ħuti u għidilhom.” Għinni nkun fidil għall-missjoni li kuljum tafdali f’idejja.

  • Spirtu Qaddis, għinni biex nagħraf is-sinjali li inti kontinwament tagħtini u biex meta nagħrafhom inkun lest li nimxi ‘il quddiem lejn it-Triq li juruni.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Bħal Marija ta’ Magdala ħa nieqaf għal ftit mumenti, fil-preżenza ta’ Alla tiegħi u anke jekk bħalha jiena ma nagħrfux, imma l-fidi tipperswadini li huwa Hu. 

Ħa niskot ħiemed biex meta lili wkoll, isejjaħli b’ismi, nisemgħu, u jiena wkoll inkun lest inwieġbu, “Rabbuni! … Mgħallem!”

 

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta