LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

8.   Mulej, ħabibek Lazzru, marid.

Ġw: 11:1-44.


Q

Qari

[Ġw:11:1] Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta' Marija u oħtha Marta. [Ġw:11:2] Marija kienet dik li dilket il-Mulej b'żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b'xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. [Ġw:11:3] Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: "Mulej, ara, ħabibek marid." [Ġw:11:4] Meta sama' l-aħbar Ġesù qal: "Din m'hijiex marda  tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta' Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta' Alla." [Ġw:11:5] Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. [Ġw:11:6] Meta sama' li dan marad, baqa' jumejn oħra fejn kien, [Ġw:11:7] u mbagħad qal lid-dixxipli: "Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija." [Ġw:11:8] Qalulu d-dixxipli: "Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa' sejjer hemm?" [Ġw:11:9] Weġibhom Ġesù: "M'hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta' din id-dinja. [Ġw:11:10] Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl." [Ġw:11:11] Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: "Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu." [Ġw:11:12] Qalulu  d-dixxipli: "Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq." [Ġw:11:13] Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta' meta wieħed ikun bin-ngħas. [Ġw:11:14] Mbagħad qalilhom ċar u tond: "Lazzru miet. [Ġw:11:15] U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh." [Ġw:11:16] Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."

[Ġw:11:17] Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. [Ġw:11:18] Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju 'l hemm minnha. [Ġw:11:19] Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. [Ġw:11:20] Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. [Ġw:11:21] Marta qalet lil Ġesù: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. [Ġw:11:22] Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek." [Ġw:11:23] Ġesù qalilha: "Ħuk jerġa' jqum!" [Ġw:11:24] Qaltlu Marta: "Jiena naf li jerġa' jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum." [Ġw:11:25] Qalilha Ġesù: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; [Ġw:11:26] u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?" [Ġw:11:27] "Iva, Mulej," weġbitu, "Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta' Alla, dak li ġie fid-dinja."

[Ġw:11:28] Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: "L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek." [Ġw:11:29] Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. [Ġw:11:30] Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa' fejn kienet ġiet tiltaqa' miegħu Marta. [Ġw:11:31] Il-Lhud li kienu d-dar ma' Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. [Ġw:11:32] Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f'riġlejh, tgħidlu: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut." [Ġw:11:33] Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. [Ġw:11:34] "Fejn qegħedtuh?" staqsiehom. Huma weġbuh: "Mulej, ejja u ara." [Ġw:11:35] U Ġesù beka. [Ġw:11:36] Għalhekk il-Lhud qalu: "Ara kemm kien iħobbu!" [Ġw:11:37] Iżda xi wħud minnhom qalu: "Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?"

[Ġw:11:38] Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb' oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. [Ġw:11:39] Ġesù qal: "Neħħu l-blata." Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: "Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet." [Ġw:11:40] Qalilha Ġesù: "Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta' Alla?" [Ġw:11:41] Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa' għajnejh 'il fuq u qal: "Missier, nroddlok ħajr li smajtni. [Ġw:11:42] Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni." [Ġw:11:43] Kif qal hekk, għajjat b'leħen għoli: "Lazzru, oħroġ!" [Ġw:11:44] U dak li kien mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu. Ġesù qalilhom: "Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."

 

IL-KUNTEST TA’ DIN IS-SILTA FID-DAWL TA’ KLIEM ĠESÙ,

“JIEN HU L-QAWMIEN U L-ĦAJJA”

Dawn il-ftit noti mhux parti mil-Lectio Divina, imma qegħdin biex ifissru l-kuntest tal-ġrajja u s-simboliżmu kbira li hemm marbut magħha.  Għalhekk huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt il-meditazzjoni.  Minħabba t-tul tagħhom, ikun tajjeb li dawn in-noti jinqraw qabel u mhux waqt il-Lectio Divina nfisha.

Fil-kapitlu ta’ qabel, dak dwar il-laqgħa u d-djaloġu ta’ Ġesù mas-Samaritana, jidher bħal donnu kuntrast fit-talba ta’ Ġesù lil mara biex tagħtih jixrob, u l-offerta li huwa stess jagħmlilha biex hu jagħtiha l-ilma ħaj.  Fil-ġrajja tal-qawmien ta’ Lazzru naraw kuntrast ieħor;  Ġesù li ġie biex jagħti l-ħajja, imma fl-aħħar tar-rakkont jispiċċa huwa stess imfiitex biex ikun maqtul.  Anzi, minn dak li jgħid l-istess qassis il-kbir, dan kellu jmut hu biex il-poplu jkollu l-ħajja.” (Ġw 11:50-51)

Il-kuntest tal-ġrajja jagħtihulna l-Evanġelista nnifsu. Il-ġrajja seħħet f’Betanja, mhux wisq bogħod minn Ġerusalemm. Huwa r-raħal fejn kienu joqgħodu l-aħwa Lazzru, Marta u Marija. L-Evanġelista jħoss il-bżonn ukoll li jfakkarna li Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ, ġrajja li fl-evanġelju niltaqgħu magħha fil-kapitlu ta’ wara (Ġw 12:1-8).  Din id-dilka, Ġesù nnifsu jxebbaħha mad-dilka tad-difna tiegħu. “Din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi.” (Ġw 12;7)

Bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet, dik tal-qawmien ta’ Lazzru u l-oħra tad-dilka ta’ Ġesù minn Marija (oħt Lazzru), l-Evanġelista jinfilsa l-komplott tal-qassisin il-kbar biex joqtlu mhux biss lill-Ġesù, iżda wkoll lil-Lazzru.  B’dan il-mod, il-kittieb irid bħal donnu juri li dan l-qawmien ta’ Lazzru u d-dilka minn Marija, tant kellhom rabta mal-mewt ta’ Ġesù li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.

Il-qawmien ta’ Lazzru jista’ jitqies bħala l-quċċata tal-ewwel parti ta’ dan l-evanġelju, li spiss hija msejjħa wkoll, "Il-Ktieb tas-Sinjali". Dan il-miraklu huwa wkoll il-mument l-aktar kruċjali (salib it-toroq - turning point)  fil-ħajja ta’ Ġesù, u dan jintebħu bih l-istess mexxejja tal-Lhud, tant li minn dakinhar Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f’nofshom, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert. (Ġw 11;54)  Din l-assenza tiegħu bdew iħossuha il-Lhud infushom, u kif waslet il-festa tal-Għid tagħhom, bdew jistaqsu wieħed lill-ieħor, “Tgħid jitla' għall-festa?” (Ġw. 11:56)

Il-messaġġ tal-Evanġelju kollu huwa li Ġesù ġie biex jagħti l-ħajja fil-milja tagħha.

Taħt  hawn lista ta’ xi siltiet mir-raba’ evanġelju li juru dan:-

  • Kull ma sar kellu l-ħajja fih. (Ġw 1:4)

  • “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem biex kull minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 3:16)

  • “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 3:36)

  • “L-ilma li nagħti jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw 4:14)

  • “Għax bħal ma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.” (Ġw 5:21)

  • “Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni, għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.” (Ġw 5:24)

  • “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisemgħu leħnu (leħen l-Iben), u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja.” (Ġw 5:28)

  • Lil-Lhud qalilhom “Intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.” (Ġw 5:40)

  • “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.” (ara Ġw 6:22-59)

  • Pietru jistqarr, “Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 6:68)

  • “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġw 8:12)

  • “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.” (Ġw 10:10)

  • “In-nagħaġ tiegħi jisemgħu leħni … u jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 10:28)

  • “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja.” (Ġw 11:25)

  • “Jienu hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġw 14:6)

  • “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma inti tajtu s-setgħa  fuq il-bnedmin kollha, biex huwa jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu f’idejh.” (Ġw 17:1-2)

  • “Dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġw 20:31)


M

Meditazzjoni

 

 

"Mulej, ħabibek marid."

Kliem dawk li ġew għand Ġesù, jidher donnu sempliċi aħbar.  Imma fil-qalba ta’ dik l-aħbar, hemm talba ħerqana biex hu jfejjqu.

  • Ġieli mort għand Ġesù u b’persważjoni fija li huwa tassew il-ħabib tiegħi li jista’ jfejjaqni għidtlu dan il-kliem, “Mulej, ħabibek marid” ?

  • Ġieli għamiltlu din it-talb f’isem xi ħadd minn ħuti?

"Din m'hijiex marda  tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta' Alla."

  • Marda jew mewt – għall-glorja ta’ Alla? Ma nifhimx kif. Imma nemmen?

  • Għax naf x’kien ir-rizultat tal-mewt ta’ Lazzru, allura nista’ nifhem għaliex Ġesù qal hekk.  Imma f’dik ta’ ħbiebi, u qrabati?  Kif jista’ jkun?

  • Lest li nkompli nagħti glorja lil Alla, anke f’ċirkustanzi ta’ tbatija, mard u mewt?  Waħdi ma naħsibx li nista' nasal, imma bil-qawwa ta’ l-Ispirtu li hemm fija …

Baqa' jumejn oħra fejn kien.

  • Imma għaliex il-Mulej, idum ma jwieġeb meta nsejjaħlu?

  • Kultant bħal donnu rieqed.  – Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. (Mk 4 :38)

  • Kultant nażzarda nasal li ngħid li bħal donnu ma jinpurtaħx. - "Mgħallem, dan qisu m'hu xejn għalik li aħna se nintilfu?" (Mk 4 :38)

  • Iżda hu qalilhom, "Dal-biża' kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?" (Mk 4 :41)

  • Tgħid iridni ngħarbel sewwa l-fidi tiegħi ?  Ngħid li nemmen.  Imma x’fidi tiegħi hi din ?

"Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx…  Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel."

Sa mill-bidu tal-evanġelju tiegħu, San Ġwann jippreżenta lil Ġesù bħal d-dawl li jiddi fid-dlam imma d-dlam ma għelbux (Ġw 1:5). Il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam jidher kontinwu tul l-evanġelju kollu.  F’din is-silta hu Ġesù nnifsu, li għall-biża li juru d-dixxipli tiegħu, jurihom li sakemm l-azzjonijiet tal-bniedem huma mdawwla mis-sewwa, allura m’għandux ikollu biża’.  Huwa biss meta nimxu fid-dlam tad-dnub li nitfixxklu.

  • Liema dawl infittex biex idawwal dak li nagħmel.

  • Kristu d-dawl tad-dinja!  Imma tiegħi ukoll?  Liema ħwejjeġ f’ħajti nippreferi nagħmilhom fid-dlam?

  • U jiena, qiegħed inħalli d-dawl ta’ Kristu jirrifletti minni, biex jasal ukoll għand dawk li qegħdin fid-dlam?

"Ħabibna Lazzru rieqed" … Mbagħad qalilhom ċar u tond : "Lazzru miet."

Marid? Rieqed?  Mejjet?  Donnu għal Ġesù ftit li xejn jagħmel differenza.  Għalih xejn mhu mpossibli għaliex kif qal huwa stess, “Kollox jista’ jkun għal min jemmen?”  (Mk 9:23).   Imma d-dixxipli bħal donnhom ma jistgħux jifhmu. Mhux l-ewwel darba!   Għalihom jekk rieqed, jista’ jqum.  Jekk marid forsi jista’ jfiq.  Imma jekk miet, x’jista’ jagħmel Ġesù quddiem bniedem mejjet?

  • Kemm drabi, jiena wkoll poġġejt limitu għas-setgħa divina ta’ Kristu?

  • Quddiem sitwazzjoni diffiċli ta’ mard?

  • F’sitwazzjoni ta’ mewt naturali, kemm drabi ħsibt li dak kien it-tmiem, li issa spiċca kollox?

  • Quddiem mard u mewt spiritwali, kemm qtajt qalbi mill-qawwa ta’ Alla, għalija nnifsi jew għal oħrajn?

"U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu."

Wara l-ewwel “iva” tagħhom, f’dan l-evanġelju, id-dixxipli huma kważi spettaturi, imma fl-aħħar mill-aħħar, huma dawk li l-aktar li qed igawdu minn dak li jagħmel Ġesù.  Is-sinjali tiegħu għandhom dejjem għan wieħed, “Biex intom temmnu.” (Ġw 20:31).  F’Kana raw u emmnu. (Ġw 2:11). Fil-ġrajja tas-Samaritana ħasdu frott li ma tħabtux għalih (Ġw 4:38). F’din is-silta, huwa Ġesù nnifsu li jifraħ b’dak kollu li qed iseħħ, “minħabba fikom.”

  • Napprezza kemm jiena, bħala dixxiplu ta’ Kristu, qiegħed dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħu?

  • Ninduna kemm sinjali huwa jwettaq għalija biex isaħħaħni fil-fidi?  Anke jekk dawn is-sinjali jsiru fil-ħajja tal-oħrajn.  Anke jekk fihom jiena nidher bħal sempliċi spettatur.  Warajhom, f’moħħ Alla, hemm dejjem, jien.

"Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."

Minkejja li ma fehmux x’kien qed jiġri, minkejja l-biża’ tagħhom, id-dixxipli lesti li jagħmlu dan l-pass, li jmorru huma wkoll biex imutu miegħu.  Tumas nnifsu, li spiss nassoċjawh ma nuqqas ta’ fidi, tkellem f’isem sħabu u huwa lest li jagħmel dal-pass.  U dan għax l-Imgħallem għadu magħhom.  Kien aktar tard, meta l-Imgħallem ittieħedilhom u ma kienux qed jarawh, li bezgħu u ħarbu. 

  • Qatt indunajt kemm jiena b’saħti jekk inkun miegħu, imma waħdi, mingħajru, ma niswa xejn?

  • X’inhu dak li lili jagħmilni b’saħti u jagħtini l-kuraġġ li nistqarr li jiena wkoll dixxiplu tiegħu? 

Marta : "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. … 

Marija: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut."

Marta u Marija, ħut Lazzru.  Kienu jemmnu fih.  Imma l-fidi tagħhom kienet għada żgħira wisq.  Għax rawh ifejjaq oħrajn, kienu emmnu li sakemm ħuhom kien għadu ħaj, allura Ġesù kellu s-setgħa li jfejjqu. Imma issa, darba li hu mejjet, x’setgħa jagħmel?  L-istess fidi ta’ Marta fil-qawmien, forsi aktarx kienet biss twemmin f’domma ta’ fidi, imma mhux daqstant fil-qawwa ta’ Alla, li kif jista’ jqajjem fl-aħħar jum, kien setgħa jqajjem ukoll dakinhar.

Fuq kollox, huma emmnu li Ġesù ħtieġlu jkun hemm biex ifejjqu.  Forsi anke ċ-ċenturjun pagan kellu fidi akbar, “Ma jistħoqqlix tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma waħda u l-qaddej tiegħi jfiq.” (Mt 8:8)

  • U jiena x’fidi għandi? Ideoloġija?  Nemmen biss f’lista ta’ dommi ta’ fidi?  Nifhem li jekk jiena ma nemminx tassew fil-qawwa infinita ta’ Alla, allura lanqas it-twemmin tiegħi f’dawn id-dommi ma jfisser xejn?

"Jien hu l-qawmien u l-ħajja."

  • Xi tfisser fil-ħajja tiegħi din l-isqarrija ta’ Ġesù?

  • Tagħmel differenza f’ħajti li Ġesù huwa l-qawmien u l-ħajja?  Kif?

  • Jew ngħid li nemminha u daqshekk? Biha u mingħajrha nibqa ngħix xorta waħda?

"Ara kemm kien iħobbu! … Ma setax dan jagħmel li dan ma jmutx?"

Kemm kien iħobbu?  Forsi issa, għax f’għajnejhom mejjet, allura m’għadux iħobbu?  Forsi għalihom, il-mewt ta’ ħabibu Lazzru hija xi sinjal li l-imħabba ta’ Ġesù għalih spiċċat?

  • “Għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.” (Salm 116:15)

Anke l-Lhud, l-istess bħal Marta u Marija, emmnu f’setgħa parzjali ta’ Ġesù.  Li jfejjqu, iva.  Imma li jqajjmu mill-mewt … !

  • Il-fidi ta’ uħud minn dawk, li forsi nħares lejhom bħala persuni li huma mbegħda minn Alla, lili ċċanfarni!

"Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet."

  • Kemm drabi, l-ħajja tiegħi ta’ dnub lili tagħmilli l-istess?  Dan hu  -vizzju li jidħol f’ħajti ftit.  Ħajti tibda tintenn u jiena lanqas biss nintebah, għax inkun mejjet, l-istess kif Lazzru ma ntebaħx bir-rieħa ta’ taħsir li kienet ħierġa mill-ġisem mejjet tiegħu.

  • Iżda għal Ġesù, xejn ma hu impossibli. Hu jista' jfejjaqni.

"Jekk inti temmen, tara l-glorja ta' Alla."

  • Il-glorja ta’ Alla f’din id-dinja hija li huwa jilmaħ ix-xbieha tiegħu f’uliedu.  Jikteb San Ġwann fil-prologu tal-evanġelju tiegħu, “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru ulied Alla, dawk li jemmnu f’ismu. (Ġw 1:12).  Din hija glorja ta’ Alla, li jien nkun tassew ibnu l-għażiż.  Li fija jara lilu nnifsu.

  • U jiena liema xbieha nara meta nħares lejja nnifsi, mhux fil-mera ta’ ħġieġ, imma f’dik tal-qalb?

  • U meta nħares lejn l-oħrajn, nara fihom l-istess xbieha li Alla nnifsu poġġa fina lkoll?

"Lazzru, oħroġ! ... Neħħu l-blata. ... Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."

X’differenza bejn il-qawmien tad-dixxiplu u dak tal-Imgħallem!  Lil Lazzru qajjmu Ġesù.  Imma Ġesù qam mill-mewt bil-qawwa divina tiegħu stess.   

  • “Lazzru, oħroġ!” - L-ordni minn fomm Kristu lill-mejjet biex iqum u joħroġ.

  • “Neħħu l-blata.” – Forsi dan ma jfakkarx f’xena oħra meta  f’Ħadd il-Għid, Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata ġa mneħħija.

  • “Ħollulu l-faxex.”  Lazzru li joħroġ mill-qabar, imgeżwer fil-faxxex u kellhom ikunu l-oħrajn biex jeħilsuh minnhom.  Imma fil-qabar vojt ta’ Ġesù, l-Evanġelista jerġa jsemmi l-faxxex tal-għażel kienu imqegħda hemm.


T

Talb

 

 

  • Mulej, ħabibek marid!

  • Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi. (Salm 40:18)

  • Mulej, agħti d-dawl lil għajnejja, li ma naqax fir-raqda tal-mewt. (Salm 13:4)

  • Ħenn għalija, Mulej; ara n-niket tiegħi; inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-mewt. (Salm 9:14)

  • Li kont hawn, Mulej, ħabibek ma kienx imut.

  • Eħlisni mill-pwieni tal-mewt, o Alla, Alla tas-salvazzjoni tiegħi; u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek. (Salm 51:16)

  • Bil-glorja tiegħek jithennew ħbiebek, Mulej. (Salm 149:5)

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

"Mulej, inti żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f'ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija." (Salm 131:2)

Strieħ issa, inti wkoll bħal tarbija f’ħoġor ommha.  Hekk tistrieħ inti wkoll f’ħoġor il-Mulej Alla tiegħek.  Itobu fil-bidu ta’ dan il-ħin, biex ibattallek moħħok minn kull ħsieb, u ħalli lilu jserrħek hu.   Tfittix li tieħu inizjattivi int, imma erħi lilek innifsek f’idejh.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta