LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

5. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Ġw: 2: 1-12..


Q

Qari

 

Il-Mara li emmnet bla ma rat.

Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f'Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: "Ma għandhomx inbid." U Ġesù qalilha: "X'hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx." Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: "Agħmlu kull ma jgħidilkom hu."

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa' xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: "Imlew il-ġarar bl-ilma." U dawk imlewhom sax-xifer. Mbagħad qalilhom: "Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda." U huma marru jagħtuhulu.

Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: "Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa."

Dan li għamel Ġesù f'Kana  tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm għal ħafna żmien.

 

IL-KUNTEST TAS-SILTA U S-SIMBOLIŻMU LI FIHA

Dawn il-ftit noti mhux parti mil-Lectio Divina, imma qegħdin biex ifissru l-kuntest tal-ġrajja u s-simboliżmu kbira li hemm marbut magħha.  Għalhekk huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt il-meditazzjoni.  Minħabba t-tul tagħhom, ikun tajjeb li dawn in-noti jinqraw qabel u mhux waqt il-Lectio Divina nfisha.

 

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, dan jista’ jidher bħala rakkont ta’ ġrajja oħra fil-ħajja publika ta’ Ġesù, tagħrif dwar l-ewwel miraklu li huwa għamel, u minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ faċli ħafna li kull riflessjoni li toħroġ minnu spiss tkun lokaliżata f’ambjent ta’ żwieġ u familja. U dan ikun tajjeb.

Madankollu l-kuntest ta’ din il-ġrajja li seħħet f’Kana tal-Galileja huwa ferm aktar wiesgħa minn hekk. F’dan ir-rakkont, unikament mogħti lilna mir-raba’ Evanġelista, hemm tant ċirkustanzi u simboliżmu li jippuntaw ‘l barra mis-silta nfisha, li din trid tinqara u tkun meditata mhux biss fid-dawl tal-ġrajja kollha ta’ Ġesù Kristu, speċjalment tal-aħħar jiem; iżda wkoll fl-isfond tal-istorja kollha tas-salvazzjoni, li tmur sa mill-ewwel mumenti fi Ġnien l-Eden.

Fit-tielet jum: Din l-espressjoni, “fit-tielet jum”, żgur kellha tifsira speċjali għall-ewwel komunità nisranija.  Fil-kotba tat-Testment il-Ġdid, insibuha erbatax-il darba. Fi tnax minnhom tirreferi għal dakinhar li bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, il-Mulej Ġesù wera l-glorja tiegħu lid-dixxipli tiegħu u dawn emmnu fih. Anke b’dak li Ġesù għamel f’Kana tal-Galileja, “huwa wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fih.”

It-tieġ:  L-ambjent tal-ġrajja ma nistgħux ninjorawh. Wara li fl-istess kapitlu, Ġwanni l-Għammiedi jindika lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla, wieħed mill-ewwel jintebaħ li l-festa tat-tieġ li saret f’Kana tal-Galileja, minkejja li hija ġrajja li seħħet tassew, madankollu hija wkoll simbolu ċar tal-festa tat-tieġ tal-Ħaruf. L-għarusa tal-Ħaruf hija l-Knisja, rappreżentata f’din il-ġrajja mill-ewwel ftit dixxipli, li kif naqraw fi tmiem is-silta, raw is-sinjal li kien għamel Ġesù u emmnu fih.  Forsi huwa għalhekk li għajr għal referenza qasira għall-għarus, mill-bqija l-għarajjes ma jissemmew xejn.  Anke jekk mal-ewwel daqqa t’għajn donnu jidher li huma l-akbar żewġ benefiċarji tal-miraklu.

Omm Ġesù: Fir-raba’ evanġelju, isimha  ma jidher imkien u barra din ir-riferenza tal-Evanġelista, Ġesù nnifsu lil ommu jsejħilha, “Mara”. 

Ir-raba’ Evanġelista huwa wieħed, li fir-rakkont tiegħu jidħol f’tant dettal u jipprovdi saħansitra l-ismijiet ta’ diversi personaġġi li huma sekondarji għall-ġrajja.  Għakhekk meta huwa jħalli kompletament barra l-isem ta’ protagonista daqshekk importanti bħal ma kienet Omm Ġesù, żgur għamel dan bi skop għax ried iwassal messaġġ. Huwa juża l-istess tattika fil-każ tad-Dixxiplu l-Maħbub għax ismu ma nsibuh imkien.

Lejn tmiem il-ġrajja, meta Ġesì kien fuq is-salib, huwa jerġa jsejjaħ lil ommu bl-istess mod, “Mara, hawn hu ibnek.” (Ġw 19:26)  U allura dan il-fatt iġagħlna mill-ewwel norbtu dak li ġara f’Kana ma dak li seħħ fuq il-Kalvarju. Dan nerġgħu narawh aktar ‘l isfel meta niflu dak li jgħid Ġesù dwar is-siegħa tiegħu.

Imma l-kelma, “Mara”, użata minn Ġesù għal ommu, fil-bidu u fit-tmiem tal-missjoni tiegħu, tfakkarna wkoll fil-wegħda li Alla stess għamel fil-ġnien ta’ l-Eden, meta lix-xitan, raffigurat mis-serp, jgħidlu, “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha. U huwa jisħaqlek rasek.” (Ġen. 3:15)

Għalhekk fl-anonimità tal-isem tagħha u fl-użu tal-kelma, “Mara”, l-Evanġelista qed juri li Ġesù huwa dak il-wild imwiegħed fl-Eden, li l-Mara tal-wegħda ta’ Alla, hija Omm Ġesù. Fuq kollox juri li issa, il-wegħda ta’ Alla kienet bdiet titwettaq.

Is-siegħa ta’ Ġesù: Din ma kienx xi jum jew xi waqt meta Ġesù kellu jibda jwettaq il-mirakli.  F’dan l-evanġelju nsibu kontinwament lil Ġesù jsemmi s-siegħa tiegħu, u minnhom wieħed faċli jintebah li huwa dejjem kien qed jirreferi għal dak il-mument meta kellu jintrefa’ mill-art u hekk jiġbed lill-bnedmin kollha lejh. (Ġw. 12:32).  Tant hu hekk li kif l-aħħar ikla mad-dixxipli, huwa jgħid, “Missier, waslet is-siegħa.” (Ġw. 17:1)  (ara noti dwar is-Siegħa ta’ Ġesù)

F'Kana, fuq il-kelma ta’ Ommu, Ġesù jagħti l-ewwel pass lejn is-siegħa tiegħu.  Meta tasal is-siegħa, Ommu terġa tkun hemm.

L-ilma mibdul f'inbid: Dak li jikteb l-Evanġelista dwar il-ġarar li kienu wżati għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, mhux dettal żejjed li qiegħed hemm biex jagħmel storja aktar mirquma. Il-Missjoni ta’ Ġesù kienet waħda ta’ purifikazzjoni li magħha ġġib bidla radikali kemm fil-poplu ta’ Alla, kif ukoll fil-persuni nfushom li minn rajhom jagħżlu li jkunu dixxipli tiegħu. Din it-tema ta’ bidla radikali nsibuha aktar ċara f’siltiet oħra, l-ewwel waħda fosthom meta huwa jgħid lil Nikodemu li jinħtieġlu jitwieled mill-ġdid. (Ġw. 3:3)

Barra minn hekk, l-inbid huwa dejjem assoċjat mal-hena.  Fuq kollox Ġesù stess, fl-aħħar ikla, jgħid lid-dixxipli, "Ngħidilkom li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta' Missieri.” (Mt 26: 17.29)

Għalhekk fis-simboliżmu ta’ l-ilma mill-ġarar tal-purifikazzjoni mibdul fl-inbid “it-tajjeb”, l-Evanġelista jrid juri li huwa permezz tal-purifikazzjoni u l-bidla radikali, l-istess bħal ta’ l-ilma mibdul f’inbid, li jista’ jkollna l-hena tassew.  Dan jista’ jwettqu Ġesù biss, madankollu jiena, l-istess kif għamlu l-qaddejja, irrid nikkopera miegħu u fuq il-parir ta’ Omm Ġesù jinħtieġli nagħmel dak li jgħidli hu.


M

Meditazzjoni

 

 

 

Ġesù kien mistieden ukoll.

Jidher li l-istedina saret lil Omm Ġesù, imma għax stiednu lilha, magħha stiednu ukoll lil binha.  U għax stiednu lilu, miegħu stiednu wkoll lid-dixxipli tiegħu. 

  • Devozzjoni u mħabba vera lejn Omm Ġesù qatt ma tieqaf fuqha, imma tkun hija stess li tressaqna lejn binha. Fejn hemm Marija, hemm Ġesù ukoll.

  • Ġesú, l-Iben ta’ Alla, li skont ma jgħidilna l-istess Evanġelista fil-bidu tal-ktieb, “kollox sar bih u mingħajru ma sar xejn” (Ġw. 1:3). Aktar ‘l isfel naqraw li meta ġie fid-dinja huwa kien ġie propju f’daru (Ġw.1:11), minkejja dan, Ġesù qatt ma jinforza lilu nnifsu fuqna, iżda jistenna li nistednuh biex jidħol f’darna u f’ħajjitna.  Jiena stedintu jidħol f’ħajti u f’dik tal-familja tiegħi?

Flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Spiss nisemgħu l-kliem, “Kristu iva, imma l-Knisja le.”   Iżda kultant jiena nagħmel bil-maqlub. Nieħu sehem jew nattendi ċelebrazzjonijiet reliġjużi,  iżda dan mhux dejjem jissarraf f’relazzjoni personali ma’ Kristu. 

  • Possibli jkolli relazzjoni mar-Ras imma mhux mal-Ġisem jew bil-maqlub?

  • Kif nista’ ngħid, Ġesù iva, imma l-Knisja le? Kif nista’ ngħidlu ma’ dawk “iva” imma ma l-oħrajn “le”?

  • San Pawl ixebbaħ lill-Knisja ma’ ġisem, li r-ras tiegħu huwa Kristu. (1 Kor 12:12-30). Mhemmx firda fi Kristu. Persważ minn dan? Nipprattikah f'ħajti?

  • Jekk jiena dixxiplu veru ta’ Kristu, huwa jistenna minni li nkun kull fejn ikun hu. Isibni miegħu kuljum u kullimkien? Kemm f'Kana, imma wkoll fuq il-Kalvarju!

“M’għandhomx inbid.”

Fl-evanġelju ta’ Ġwanni nindunaw kif rakkont storiku bi ġrajjiet u personaġġi reali, huwa żviluppat f’test simboliku li bih il-qarrej ta’ kull żmien jista’ huwa wkoll jirrelata mal-ġrajja u mal-figura prinċipali tal-ġrajja, Ġesú Kristu.

L-inbid f’dan ir-rakkont irid jwassalna għal realtà ferm profonda. F’diversi siltiet tal-Bibbja nsibu l-inbid deskritt bħala dak li jferraħ qalb il-bniedem. (Salm 104:15) Għalhekk is-simboliżmu tiegħu f’din is-silta rridu nifhmuh ukoll f’dak il-kuntest.

Aktarx li l-istess għarajjes lanqas biss kienu intebħu bil-gwaj li kienu fih. Iżda Omm Ġesù, intebħet u daħlet għalihom quddiem binha.

  • Nemmen li dak li Omm Ġesù għamlet mal-għarajjes fit-tieġ ta’ Kana, illum għadha trid tagħmlu miegħi wkoll?  Imma jiena stedintha tidhol fil-grajjiet ta’ ħajti  jew forsi, indur lejha biss meta l-gwaj tiegħi jkun daħal wisq ‘il ġewwa?

Il-Mara u nisilha.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-mod kif Ġesù jsejjaħ lil Ommu, jista’ jfixkilni għax jidhirli li il-kelma, “Mara” mhux il-mod kif Iben jindirizza lill-ommu. Fl-evanġelju skont San Ġwann stess, Ġesù sejjaħ lill-ommu bl-istess mod meta kien fuq is-Salib, “Mara, hawn hu ibnek.”  (Ġw 19:26)

Madankollu, f’dan l-evanġelju, li tant jorbot ġrajjiet u kliem Ġesù ma’ dak li hemm fit-Testment il-Qadim, b’mod speċjali fil-ktieb ta’ Ġenesi, il-kelma “Mara” li biha Ġesù jsejjaħ lill-Ommu tfakkar mill-ewwel fil-wegħda li għamel Alla fil-ġnien tal-Eden meta lix-xitan, raffigurak fis-serp, jgħidlu, “Inqajjem gwerra bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, u Huwa jisħaqlek rasek.” (Ġen 3:15). U allura bi kliemu Ġesù qed juri li Ommu hija dik il-Mara mwegħda minn Alla u li huwa stess kien il-Feddej imwiegħed.

  • F’din il-gwerra bejn it-tajjeb u l-ħażin, jiena ma nistgħax nibqa’ newrali.  Kif ngħidu fil-Malti, jien ma’ Alla jew max-xitan?  Mhux bi kliemi, imma bil-fatti ta’ għamili!

  • Min hi tassew għalija, Omm Ġesù?  Għandha xi rwol f’ħajti bħala nisrani?

  • Xi tfisser tassew għalija li Ġesù huwa l-Feddej imwiegħed?

  • Għandi tama tassew li minkejja l-ħażin kollu ta’ madwari, Ġesù saħaq ras ix-xitan?

 

"Agħmlu kull ma jgħidilkom hu."

Din hija l-unika kelma li nsibu minn fomm Omm Ġesù f’dan ir-raba’ evanġelju. Minkejja li hi Ommu, hija wkoll dixxiplu tiegħu, l-ewwel fost id-dixxipli. U ta’ dixxiplu veru, dejjem turina lil Binha.  L-istess bħal Ġwanni l-Battista taf li jinħtieġ tiċkien hi biex jikber Hu.

  • U jiena, ma’ dawk ta’ madwar, nimxi l-istess jew infittex li nikber jien?

  • Nemmen li devozjoni vera lejn Marija, qatt ma twaqqafni fiha, imma turini u tmexxini lejn Ġesù?

  • Lil dawk ta' madwari, speċjalment fil-familja  jew fuq ix-xogħol, nħeġġiġhom xejn biex jagħmlu dak li jgħidilhom Ġesù jew aktar nistenna li jagħmlu dak li ngħidilhom jew nixtieqhom jagħmlu jien?

 

"Imlew il-ġarar bl-ilma." U dawk imlewhom sax-xifer.

Il-rwol importanti li kellhom il-qaddejja f’din il-ġrajja, aktarx li ħafna drabi ma nintebħux bih.   Kienu qaddejja bla ebda pretensjoni ta’ xejn mhux bħad-dixxipli, li aktar ma beda jgħaddi żmien aktar bdew jagħmlu pjanijiet għalihom infushom u għall-Imgħallem tagħhom.  Darba Ġesù qal, “Meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’”  Hekk għamlu il-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana.  Iżda aktar minn hekk, dak li għamlu, għamluh bl-abbundanza. Taw dak kollu li setgħu. Imlew il-ġarar sax-xifer.

  • Qatt ikkunsidrajt kif spiss Alla jrid jinqeda bija biex jagħti l-grazzji u l-providenza tiegħu lill-oħrajn?  Allura spiss jista’ jiddependi minni u mill-mod kif nagħmel il-parti tiegħi?

  • Dak li nagħmel mal-proxxmu tiegħi, nagħmlu bil-qalb, jew forsi kollox nofs kedda?

  • Qatt intbaht li d-dixxiplu tassew, irid ikun qaddej. “Min hu l-akbar fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom.” (Mk 10:43)

 

"Int, l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa."

Minn kliem il-kap tal-mejda, donnu jurini li lanqas dak li xorbu dakinhar waqt it-tieġ f’Kana ma kienx l-inbid it-tajjeb, għaliex l-inbid it-tajjeb tassew, Ġesù refahulna sa l-aħħar meta huwa stess tah lid-dixxipli u qalilhom, “Ixorbu minnu lkoll. Dan huwa demmi.”  (Mt. 26:29)

  • Forsi m'huwiex dan tassew l-inbid it-tajjeb?

  • Kemm tassew il-Mulej jimxi magħna b’mod differenti milli jimxi x-xitan jew milli timxi d-dinja.  Dawn fil-bidu jdewwquk il-ħelu u wara jisquk il-morr.  Ġesù jdewwqek il-ħall imma jisqik l-inbid tal-hena. Jitolbok terfa’ salibek, imma ħejjilek post fis-saltna.

 

Sinjal li Ġesù bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Fir-raba’ evanġelju nsibu wżata l-kelma, “sinjali” minflok il-kelma, “mirakli”. Dan għaliex il-mirakli li għamel Ġesù kienu sinjal li bihom wera l-glorja tiegħu u b’hekk “id-dixxipli emmnu fih”.  Madankollu l-miraklu la huwa l-għajn u lanqas garanzija ta’ fidi.  Infatti kien hemm bosta persuni li raw il-mirakli ta’ Ġesù u xorta baqgħu ma emmnux fih. Anzi uħud ħraxu kontrih bħal ma ġara wara l-qawmien tal-Lazzru mill-mewt. (ara Ġw. 11:45-50)  Il-fidi hija don minn għand Alla, iżda titlob tweġiba libera mill-bniedem.

  • U jiena ninduna xejn bis-sinjali tal-għeġubijiet li Alla għadu kontinwament iwettaq madwar?  Jew tant jiena aljenat li dawn jgħaddu bla ma biss nintebaħ.

  • Quddiem is-sinjali li jurini l-Mulej, inwieġeb bil-fidi jew inkompli nikber fid-dubji? 

  • L-Evanġelista jtemm is-silta billi jikteb li wara li raw dan l-ewwel sinjal ta’ Ġesù, id-dixxipli emmnu fih. Forsi jiena nibqa' dejjem inħares lejn is-sinjali u qatt ma nsib it-Triq li huma juruni?  (ara Ġw. 14:6)

 

Il-Mara li emmnet qabel ma rat.

Lil Tumas, Ġesù qallu, "Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” (Ġw. 20:29)   L-ewwel waħda fost dawn kienet Ommu, li emmnet qabel ma rat.  Forsi kien għalhekk li qabel ma twieled Ġesù, Eliżabetta qaltilha, “Hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq. 1:45)

  • Lejn tmiem l-evanġelju, San Ġwann jgħid li dawn is-sinjali nkitbu biex aħna nemmnu.  Għalija, il-Kelma ta’ Alla, hija stedina biex jiena nemmen jew sempliċiment rakkont ta’ ġrajja li seħħet żmien ilu lil persuni oħra?

  • Il-fidi li biha Omm Ġesù wieġbet għas-sejħa tagħha, hija ta’ mudell għalija fil-mixja tal-fidi tiegħi?

 


T

Talb

 

 

 

 

  • Idħol illum ukoll fil-familja tiegħi, Mulej, Int, Ommok u ħbiebek kollha.

  • Mulej Ġesù, ħallini nkun jien, dak li nagħtik l-ilma maħmuġ tal-umanità tiegħi biex illum ukoll inti tibdlu fl-inbid it-tajjeb tad-divintà tiegħek.

  • Missier Qaddis, il-Mara mwegħda minnek fil-ġnien ta’ Eden tatna lill-Ibnek ħalli jkun il-Feddej tagħna.  Fil-mument tal-Fidwa, Ibnek tana lil din il-Mara, biex minn Ommu tkun Ommna. Bl-interċessjoni tagħha nitolbok tkattar fina l-grazzji tiegħek biex fuq il-parir tagħha, f’ħajjitna nagħmlu dejjem dak li jgħidilna Hu.

  • Mgħallem Divin, fl-ewwel ikla tiegħek mad-dixxipli, inti bdilt l–ilma f’inbid u fl-aħħar ikla magħhom, dak l-inbid inti bdiltu f’demmek stess. Agħtini l-Ispirtu tiegħek biex jgħinni ngħozz dejjem dan il-Misteru kbir tal-fidi tagħna.

  • Mulej, inti ssiġġilajt l-ħidma tiegħek kollha fostna, sa mill-ewwel mumenti f’Kana tal-Galileja sa l-aħħar waqtiet tiegħek fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerualemm billi minn fuq is-salib xerridt “demm u ilma”. Tħalli qatt li għalija, l-opra tal-fidwa tiegħek tisfa fix-xejn.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Ieqaf illum ukoll, għal ftit minuti, fil-preżenza divina. 

F’dawn il-waqtiet, biżżejjed attività li ġejja minnek.  Biżżejjed talb li ġej minn fommok.  Biżżejjed ħidma mentali.  Strieħ ħiemed fil-preżenza tiegħu.  

“Biżżejjed!  Kun afu li jien Alla.” (Salm 46 (45):11)

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta