LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

9.   Marija oħt Lazzru, u Ġuda;  Din mhux ħela?

Ġw: 12:1-11.


Q

Qari

Id-dilka ta' Ġesù f'Betanja

[Ġw:12:1] Sitt ijiem qabel il-festa ta' l-Għid Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. [Ġw:12:2] Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma' Ġesù. [Ġw:12:3] Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b'xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ. [Ġw:12:4] Ġuda  l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal:[Ġw:12:5] "Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?" [Ġw:12:6] Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kull ma kienu jaqilgħu. [Ġw:12:7] Qallu Ġesù: "Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. [Ġw:12:8] Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni."

[Ġw:12:9] Kotra kbira ta' Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. [Ġw:12:10] Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, [Ġw:12:11] għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f'Ġesù.

 


IL-KUNTEST TA’ DIN IS-SILTA FID-DAWL TA’ DAK LI KITBU L-EVANĠELISTI L-OĦRA

Dawn il-ftit noti mhux parti mil-Lectio Divina, imma qegħdin biex ifissru l-kuntest tal-ġrajja u s-simboliżmu kbira li hemm marbut magħha.  Għalhekk huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt il-meditazzjoni.  Minħabba t-tul tagħhom, ikun tajjeb li dawn in-noti jinqraw qabel u mhux waqt il-Lectio Divina nfisha.

Is-silta dwar id-dilka f’Betanja tfakkar immedjatament f’rakkonti oħra li jagħtu l-Evanġelisti sinottiċi u li fihom ukoll ċertu xebħ ma’ dak li jikteb ir-raba’ Evanġelista, iżda ninnutaw ukoll differenzi. 

Fir-rakkont komuni ta’ Mark-Mattew, il-mara li isimha li isimha ma jissemmiex, tidlek ras Ġesù b’żejt ifuħ. (ara Mk 14:3-9 u Mt 26:6-13) Fir-rakkont ta’ Luqa, mara midinba xxarrablu riġlejh bid-dmugħha u wara tixxuttahomlu b’xuxitha. (ara Lq 7:36-50) Fir-rakkont ta’ Ġwanni, il-mara li kien jisimha Marija u kienet oħt Lazzru, l-istess wieħed li Ġesù kien qajjem mill-mewt, ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u biha dilket riġlejn Ġesù u mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha.  U d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.

Ninnutaw ukoll x’għidu l-Evanġelisti dwar il-post fejn seħħet il-ġrajja. Fir-rakkont Mark-Mattew, Ġesù kien qiegħed għand Xmun il-lebbruż, f’Betanja. Fir-rakkont ta’ Luqa, il-ġrajja sseħħ għand Xmun il-Fariżew. Differenza? Mhux neċċesarjament għaliex Xmun il-lebbruż għandu mnejn kien ukoll membru tal-Fariżej.  Mill-banda l-oħra, Ġwanni jikteb li l-ġrajja seħħet f’Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru, iżda ma jgħidx li kienu fid-dar ta’ Lazzru. Dwar min kien li stieden lil Ġesù huwa ma jsemmi xejn.  Anzi l-fatt li l-Evanġelista jħoss il-bżonn jikteb li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù, juri li aktarx ma kienetx daru, għaliex kieku, bħala dak li jistieden, dan kien ikun ovvju u ma kienx ikun meħtieġ li jingħad.

Il-konnotazzjoni tad-dilka tar-ras, li naqraw f’Marku-Mattew hija waħda Messjanika.  Ir-rakkont tal-mara midimba f’Luqa jagħti aktar wieħed x’jifhem li dan kien att profond ta’ mħabba u indiema u f’konformità mal-kumplament ta’ dan l-evanġelju jkompli juri il-ħniena kbira ta’ Alla lejn il-midneb.  Iżda l-messaġġ ta’ Ġwanni joħroġ minn kliem Ġesù nnifsu “Din il-fwieħa kienet refgħeta għal jum id-difna tiegħi; kliem li fih nnifsu huwa tħabbira oħra tal-mewtu u s-siegħa li huwa tant stenna b’ħerqa.

Imbagħad hemm dettal ieħor ta’ ċerta mportanza.  Fl-Evanġelji ta’ Marku-Mattew l-istmerrija lejn dak li għamlet il-mara tiġi minn għand xi uħud minn dawk li kienu hemm.  F’Luqa din tiġi minn għad Xmun nnifsu.  Iżda fi Ġwanni din tiġi minn għand wieħed mid-dixxipli stess, Ġuda, li kien se jittradih.

Dawn il-ftit noti, li jqabblu r-rakkonti minn Evanġelisti differenti bejniethom, huma biss riflessjoni storika u forsi kultant teoloġika tal-ġrajja u bħala tali ma jagħmlux parti mill-meditazzjoni tagħna fil-Lectio Divina.  Dan irid ikun enfasizzat għaliex il-meditazzjoni fil-Lectio Divina trid tkun waħda spiritwali, li fiha nirrifletti/u dwar il-messaġġ personali li s-silta għandha għalija, jew għalina bħala grupp.  Madankollu, kull riflessjoni storika jew teoloġika li nagħmel qabel jibda l-proċess tal-Lectio Divina, jista’ jgħinni biex nifhem aħjar l-messaġġ li l-Mulej irid iwassal lili/lilna permezz tal-qari.


M

Meditazzjoni

 

 

Nota dwar il-Meditazzjoni:-   Fil-Meditazzjoni tal-laqgħat preċedenti konna tfajna enfasi tagħna fuq kliem, frażijiet u sentenzi mis-silta li minnhom stajna ħadna messaġġ personali li japplika għalina fiċ-ċirkustanzi preżenti tal-ħajja tagħna.  Fis-silta tallum dan il-metodu se jibqa’ validu u nistgħu nkomplu napplikawh.  Madankollu, biex nuru mod ieħor ta’ kif nistgħu nagħmlu l-meditazzjoni fuq is-silta moqrija, illum iċ-ċentru tal-attenzjoni se jkunu l-personaġġi nfushom.  Dak li jagħmlu u dak li jgħidu se jdur magħhom, imma l-iskop aħħari huwa li jiena nara l-messaġġ li l-personaġġ għandu għalija.  F’uħud mill-każi, huwa jiena stess li nieħu post dan il-personaġġ.

-----------

Lazzru

Hawn għandna silta oħra li fejn Lazzru huwa preżenti, imma l-preżenza tiegħu tidher waħda passiva. Qiegħed hemm iżda ma jgħid xejn u ma jagħmel xejn. Iżda dawk li huma kontra Ġesù jaħsbuha mod ieħor, tant li l-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu mhux biss lil Ġesù, imma lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f'Ġesù.  Altru milli preżenza passiva.

  • U jiena?  Il-preżenza tiegħi tħalli l-istess effett fl-oħrajn?  Il-preżenza tiegħi hija, fiha nfisha, xhieda tal-qawwa ta’ Kristu f’ħajti?

  • Anke jekk qabel kont mejjet, imma l-fatt li llum jiena ħaj jista’ juri l-qawwa li Ġesù għandu fuq il-mewt, mhux biss dik tal-ġisem, imma anke dik tar-ruħ.  Il-qawwa li l-Ħajja għandha fuq il-mewt.  Il-qawwa li d-Dawl għandu  fuq id-dlam.

  • Kristu darba qal, “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw 15:20).  Ma’ Lazzru hekk imxew.  U miegħi?  Il-fatt li għadni ma kontx ippersegwitat għal Kristu jista’ jfisser li għadni mhux qed inkun xhud tajjeb tiegħu.

Marta

Għal kuntrarju ta’ Lazzru, Marta hija l-hin kollu għaddejja b’ħajja ta’ attività kontinwa. Hija mara tajba.  Tħobb ħafna lil Ġesù.  Imma mill-Evanġelju ieħor nafu kemm hi kienet tinkwieta wisq u taħseb dwar bosta ħwejjeġ.  Imbagħad ħalliet warajha l-ħaġa importanti; l-aħjar sehem. (Luqa 10:41-42)

  • U jiena, hemm xejn minn Marta fija?  Inqis lili nnifsi ħabib ta’ Ġesù.  Iżda liema huma l-ħwejjeġ li l-aktar ninkwieta u naħseb dwarhom?

  • F’din is-silta, Marta tidher qed isservi. Forsi li nkun qaddej ta’ l-oħrajn mhux waħda mill-kummissjonijiet (ordnijiet) li Ġesù ħalla f’idejn id-dixxipli tiegħu?  Imma jista’ jkun li l-qadi tiegħi lill-oħrajn sar skop fih nnifsu?  Jista’ jkun li l-istess xogħol li ngħid li qed nagħmel għal Ġesù, mhux qed iħallili ħin biżżejjed għalih.  Biex ikun miegħu?

  • Nifhem id-differenza kbira li hemm bejn BEING u DOING?  Bejn li NKUN u li NAGĦMEL?  Bejn MARIJA u MARTA? It-tnejn huma importanti, imma dak li nagħmel irid joħroġ minn dak li jien.  Ma jistgħux jinfirdu. Forsi huwa għalhekk li Marta u Marija huma żewġt aħwa u li jridu kontinwament jimxu id f’id?

 

Marija

Jekk Marta hija l-persuna ta’ l-azzjoni (missjoni), Marija hija l-persuna tal-kontemplazzjoni. Fija dawn mhumiex żewġ persuni diversi, imma żewġ sejħiet kbar li jiena għandi u li t-tnejn ġejjin minn Alla nnifsu. Anke fija, l-azzjoni u l-kontemplazzjoni huma żewġt aħwa li jridu jimxu id f’id. L-istess jgħodd għalina bħala Knisja u bħala komunitajiet fi ħdanha.

  • Kemm lest li jiena wkoll insib ħin li fiħ nieqaf mill-azzjoni, anke jekk din hija waħda qaddisa, biex bħal Marija ngħaddih f’kontemplazzjoni divina?

  • B’dak li għamlet Marija, id-dar kollha imtliet bir-riħa tfuħ.  Nemmen li b’dak li jidher bħal ħin privat bejni u bejn Alla tiegħi, ma nqawdihx jiena biss, imma wkoll dawk kollha li huma madwari ?

  • Mir-rakkont f’dan l-evanġelju ma nafux x’kien dak li giegħel lil Marija tagħmel dak li għamlet?  Forsi gratitudni għax qajjem lil ħuha mill-mewt?  Forsi ndiema ta’ ħajja passata kif naqraw f’rakkonti simili f’evanġelji oħra? Bla dubju ta’ xejn kienet l-imħabba kbira li hija kellha lejn l-Imgħallem tagħħa.  U jiena, ma ngħidx li nħobbu wkoll?  Kif esprimejtha l-imħabba tiegħi lejh?

 

Ġuda

  • Ġuda kien dixxiplu, magħżul huwa wkoll mill-Imgħallem.  Imma għalih, l-azzjoni ta’ Marija, kienet ħela.  U jiena x’jiena lest li “naħli” biex nuri l-imħabba tiegħi lejn l-Ġesù?

  • Il-mottiv wara l-kliem u l-attitudni ta’ Ġuda lejn dak li għamlet Marija, jgħidulna l-Evanġelista nnifsu.  “Għax kien ħalliel.”   Naf li meta ma nagħtix lil Alla, dak li huwa tiegħu, jiena wkoll inkun ħalliel?  X’jistgħu jkunu dawk il-ħwejjeġ li jiena qiegħed nisraqlu lil Alla? Li huma tiegħu u mhux qed naghtihom lilu?

  • "Dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra."  Jista’ jkun li bl-iskuża li għandi x’nagħmel, għal ġid ta’ l-oħrajn, nonqos milli nwettaq atti ta’ mħabba diretti personalment lejn Alla?  Per eżempju ma nitlobx, jew ma nitlobx biżżejjed għax għandi x’nagħmel!  L-iskuża tkun dejjem l-oħrajn, imma aktarx li r-raġuni tassew tkun is-sodisfazzjon personali tiegħi.

  • Jista’ jkun li bħal Ġuda, jiena wkoll inkun spiss pront niġġudika l-azzjonijiet tal-oħrajn, imma mhux daqstant lest nifli sewwa l-azzjonijiet u l-mottivi tiegħi?

  • Il-kritika ta’ Ġuda lejn Marija, kienet ukoll diretta lejn Kristu li ppermetta dik l-azzjoni.  Nifhem illi kull kritika lil nagħmel lil ħuti hija wkoll diretta lejn Kristu, għax huma wkoll jiffurmaw il-ġisem tiegħu?

 

Ġesù

  • Ġesù aċċetta u ddefenda l-azzjoni ta’ Marija.  Kieku minflok Marija kien hemm jien, forsi mhux l-istess kien jagħmel miegħi ukoll?

  • L-azzjoni sempliċi imma kollha mħabba ta’ Marija, ġiet mogħtija tifsira ferm akbar minn Ġesù nnifsu.  “Din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi."  Żgur li lanqas hija stess ma kienet fehmet it-tifsira kbira ta’ dak li għamlet.  L-istess jiġri f’dak kollu li jiena nagħmel miegħu.  Anke l-aktar azzjonijiet privati u moħbija.  Basta jkunu huma wkoll imqanqlin mill-imħabba.

  • Kull att ta’ mħabba lejn il-proxxmu li jwettaq in-nisrani, jrid joħroġ mill-imħabba li huwa għandu lejn Kristu, inkella jkunu biss azzjoni soċjali. "Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni."  Inkella xi nkunu nagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan?  (Mt 5 :47)

  • Ninota kif kull mument u kull ġrajja li għadda minnha Ġesú kien iqisha bħala pass ieħor fit-twettiq tal-missjoni, li l-Missier fdalu f’idejh u li sab il-milja tiegħu fil-Misteru tal-Għid?  U jiena, fil-ġrajjiet li ngħaddi minnhom,  kemm nilmaħ ir-rieda ta’ Alla u t-twettieq tal-pjan tiegħu għalija ?

 

T

Talb

 

 

  • Mulej, irrid li jiena wkoll, bil-ħajja tiegħi, inkun xhud ħaj ta’ dak li Inti tagħmel miegħi.

  • Spirtu Qaddis, kompli imlieni bil-preżenza tiegħek biex dak li nagħmel ikun ġej biss minnek.

  • Alla tiegħi, aħfirli ta’ kull darba li minħabba l-ħidma tiegħi, insejt lilek.

  • Missier Qaddis, inroddlok ħajr li ridt li Ibnek ikun bniedem bħalna, biex fil-wiċċ uman tiegħu nikkontemplaw il-wiċċ divin tiegħek.

  • Mulej Ġesù, fakkarni kontinwament, li miegħek u għalik xejn ma jkun moħli.

  • Aħfirli, Mulej, ta’ kull darba li bl-iskuża ta’ l-oħrajn, ħadtha kontrik.

  • Spirtu Qaddis, kun inti d-Difensur tiegħi.

  • Sinjur Alla, agħtini l-grazzja li nikkontempla kontinwament il-wiċċ divin tiegħek.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Marija, oħt Marta u Lazzru, hija xempju ta’ kontemplazzjoni nisranija. 

Ħa nfittex jiena wkoll ħin biex imqanqal mill-imħabba, ninxteħet sieket f’riġlejh, għax naf li miegħi ukoll għamel dak kollu li għamel magħħa.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta