LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

4. "Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti."

Ġw.1:43-51.


Q

Qari

Is-Sejħa u Aktar Xhieda.

L-għada Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u qallu: "Ejja warajja." Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta' Indrì u Pietru.

Filippu sab lil Natanjel u qallu: "Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi." Qallu Natanjel: "Tista' toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?" "Ejja u ara," wieġbu Filippu.

Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: "Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih."

Natanjel staqsieh: "Kif sirt tafni?" U Ġesù wieġbu: "Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu."

"Rabbi," qallu Natanjel,"int l-Iben ta' Alla, inti s-sultan ta' Iżrael!"

Ġesù wieġbu: "Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!" U żied jgħidlu: "Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta' Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem."

 

M

Meditazzjoni

 

 

L-għada …

Jum wara l-ieħor, il-kittieb ikompli l-Evanġelju tiegħu billi għat-tielet darba konsekuttiva jibda r-rakkont bil-kelma, “l-għada”; bħal donnu li dak kollu li qiegħed iseħħ fil-ħajja tad-dixxipli l-ġodda huwa kollu kemm hu riżultat tax-xhieda li Ġwanni l-Għammiedi ta dwar Ġesù fl-ewwel jum tal-ġrajja.  Il-profeta jixħet il-kelma, u kemm jekk rieqed u kemm jekk imqajjem, billejl jew binar, din tikber u tixtered bħal żerriegħa ċkejkna, bla ma hu jaf kif (Mk 4:27).

 

Ġesú sab lill-Filippu u qallu, “Ejja warajja.”

Is-sejħa tad-dixxiplu dejjem tiġi mill-Imgħallem tiegħu. “Mhux intom għażiltu lili, imma jiena għażilt lilkom u ħtartkom” (Ġw 15:16). Madankollu huwa f’idejja li naċċetta u nirrifjuta s-sejħa magħmula lili.  Alla qatt ma jimponi r-rieda tiegħu fuqi. Imma jekk nilqa’ s-sejħa tiegħu u l-missjoni li jagħmilli, allura lili wkoll jagħtini l-missjoni biex dik l-istedina li għamel lili, jiena nwassalha wkoll lill-oħrajn.  Fis-silta ta’ qabel, kien Indri li mar jagħti x-xhieda tal-esperjenza tiegħu ma’ ħuh, Xmun. F’din is-silta huwa Filippu li jmur fuq Natanjel u jagħmel l-istess.

  • Kemm jiena konxju li is-sejħa tiegħi ukoll ġejja minnu?

  • Kemm jiena grat lejH ta’ din is-sejħa li għamilli?

  • Kemm jiena fidil fil-missjoni li qed naqdi wara s-sejħa li irċevejt?

  • Jista’ jkun li forsi naħseb li bil-ħidma tiegħi qed nagħmel pjaċir lil xi ħadd, forsi lill-Kappillan jew ngħid b’sinċerità, kif qalilna Ġesù stess, “Jiena qaddej ma niswa għal xejn. Għamilt biss dak li kelli nagħmel.” (Lq 17:10)

  • Nifhem li l-missjoni li nwettaq mhux tiegħi, imma tiegħu?

 

“Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti.”

“Sibna l-Messija”.  X’ironija hemm fil-bniedem!  Ngħid li sibt lil Ġesú  f’ħajti, meta kien hu li sabni l-ewwel.  Meta naħseb li sibtu jien, Hu jkun diġà qiegħed hemm jistenna li nintebaħ. Li nagħrfu.

F’din il-ġrajja, bħal donnu mhux ċar, min sab lil min. L-ewwel l-evanġelista jgħidilna li kien Ġesù li sab lil Filippu.  Issa Filippu jgħid ma’ Natanjel, “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti.  Iżda f’dan kollu ma hemm ebda kontradizzjoni għaliex kif jgħid Thomas Merton fil-ktieb tiegħu, The Silent Life, “Ħadd ma jista’ jsib lil Alla, jekk Alla ma jkunx sab lilu qabel.” 

  • Jien sibtu lil Alla jew għadni nikkuntenta lili nnifsu biss bir-rakkonti li nisma dwaru? 

  • Jekk tassew sibtu, lil min mort ngħid b’din s–sejba tiegħi?  Għaliex jekk din l-esperjenza tiegħi għadni ma bdejt naqsamha ma ħadd, allura aktarx li mhux veru sibtu. 

  • Jekk lil Alla għadni ma sibtux, allura jfisser li lanqas qiegħed inħalli lilu jsib lili?

  • X’inhuma dawk il-ħwejjeġ f’ħajti li qiegħed infittex minfloku?

 

"Ara, dan tassew wieħed li ma hemm ebda qerq fih."

Alla huwa dak li jagħraf dak kollu li hemm f’qalb il-bniedem.  Jikteb San Ġwann, “Ġesú kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem. (Ġw 2:24)

  • Meta nitkellem ma’ Alla u dwaru, kemm jiena sinċier fi kliemi?  

  • Fit-talb  ngħidlu biss dak li naħseb li jogħġbu u nipprova naħbilu dak li hemm f’qalbi?

  • Nemmen li l-Missier jaf x’hemm f’qalbi qabel ma nitlobulu? (Mt 6:8)  Jiena nkun għadni lanqas lissint il-kelma, u l-Mulej jkun diġà jafha kollha (Salm 139:4)  Forsi huwa ma jħobbx aktar il-qalb sinċiera? (Salm 51:8)

  • Naf li ma Alla m’hemm bżonn noqgħod nagħrbel il-kliem qabel ngħidulu.  Naf li huwa ma jieħux għalih.  Basta miegħu inkun sincier.

 

Għad taraw is-sema miftuħ …

Dak li seħħ fit-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema jew dak li għad irid iseħħ fit-tieni miġja tiegħu?

  • Nemmen li għad irid jerġa jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin?  Forsi mhux dan huwa dak li nistqarr fil-kredu. 

  • Dan għadni nemmnu, jew hemm xi veritajiet minn dak li temmen u tistqarr il-Knisja, li llum m’għadhomx jagħmlu parti mill-kredu li nemmen jien?  Per eżempju, il-Qawmien mill-imwiet?  Il-gudizzji tiegħi u dak universali li għad irid isir fl-aħħar għal kulħadd?  L-infern? Il-ġenna?  L-eżistenza l-eżistenza u l-immortalità ta’ ruħ il-bniedem?

 

T

Talb

 

 

 

 

Mulej, inti Sid il-jiem u ż-żminijiet.  Irridek tkun ukoll is-Sid ta’ kull jum u kull għada fil-ħajja tiegħi.

Mgħallem, jiena wkoll irrid nimxi warajk. Erġa’ sejjaħli llum ukoll u aħfirli ta’ kull darba li sejjaħtli u ma weġibtekx.

Mulej Ġesù, tant drabi f’ħajti qrajt u smajt dak li qalu dwarek il-profeti tiegħek.  Imma lilek għadni ma sibtekx. Għinni nitolbok biex infittex sewwa fija nnifsi, għax ninsab ċert li meta nidħol fil-kamra tiegħi ta’ ġewwa, lilek insibek hemm tistennieni.

Alla tiegħi, jiena bħal ktieb miftuħ quddiemek. Inti biss tagħraf dak li hemm fil-fond ta’ qalbi.  Saffini minni nnifsi u minn kull qerq li hemm fija.

Mulej, jiena nemmen.  Għini nitolbok fil-fidi dgħajjfa tiegħi.  Ġedded fija l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex ngħix kull jum ta’ ħajti fl-istennija tal-miġja tiegħek.

 

K

Kontemplazzjoni

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Bħal Filippu taħt is-siġra tat-tin, jiena wkoll qiegħed kontinwament fil-preżenza ħajja tal-Mulej Ġesù.  Bla ma nintebaħ bih, huwa jħares lejja u jħobbni b’imħabba tal-ġenn.  Minkejja dak kollu li hemm f’qalbi, huwa jixtieqni nkun tiegħu.  Ħa nistrieħ llum ukoll f’din il-ħarsa ta’ mħabba nfinita li huwa għandu għalija u f’dan il-ħin ta’ kontemplazzjoni, nwarrab minn moħħi kull ħsieb ieħor li jista’ jbegħdni minnu.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta