Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

Il-V Kungress Kateketiku Nazzjonali

Ċentru Parrokkjali, Attard.

13 u 14 ta’ Novembru 2009

 

L-ESPERJENZA ĠDIDA TAGĦNA

Fis-Sistema ta' Ċelloli Parrokkjali għall-Evanġelizzazzjoni

Dun Pawl Fenech

13 ta' Novembru 2009

 

Introduzzjoni.

Nixtieq nibda billi naqsam magħkom esperjenza friska illi wkoll naħseb illi hija indikattiva tar-realta' kif inhi.

 

Ftit tax-xhur ilu konna msejħin minn Kappillan biex nintroduċu is-Sistema ta' Ċelloli Parrokkjali għall-Evanġelizzazzjoni – illi hija l-esperjenza li jiena ġejt mistieden naqsam magħkom –. Mela, għamilna sejħa lil dawk li ma jattendu l-ebda grupp, għaqda, jew moviment, biex jattendu għal Kors ta' 12-il ġimgħa, imsejjaħ: Ċellola Mudell bi Prova”.

Fost dawk li attendew, kien hemm mara żgħażugħa illi impressjonatni. Fejn normalment trid toqgħod tħambaq biex għal-laqgħat ta' talb inġibu l-Bibbja magħna, din ġiet biha minn jheddha. Iżda l-aktar li mpressjonatni kienet il-ħeġġa kbira li għandha għal Alla u biex titkellem dwaru, u l-mod kif kienet diġa taf tfittex il-Bibbja u tikkwotaha! Għall-ewwel ħsibtha kienet tattendi xi moviment fil-Knisja; iżda meta smajtha tikkritika l-Knisja, iddevozzjoni lejn il-Madonna u lejn ix-xbiehat, kif ukoll is-Sagramenti, mall-ewwel iċċumbajtha. Staqsejtha: “Jaqaw inti qed issegwi it-tali programm fuq it-TV?” Ir-risposta kienet iva; u mhux dak biss, imma anke stazzjon magħruf ieħor illi taqbdu bis-satellita! U s-sabiħa hija din: kemm taħsbu li kienet ilha issegwi dawn il-programmi? Xi tlett xhur!! Ta' l-għaġeb! X' qawwa għandha l-evanġelizzazzjoni, li kapaċi twassal biex mara bħal din titwieled mill-ġdid permezz tat-TV! Ħasra illi mbagħad bdiet tixrob il-”katekeżi” settarja u Protestanta, u dan minkejja – ma ninsewx – illi meta kienet żgħira attendiet il-klassijiet tadduttrina tagħna għal 4 snin sħaħ!!

Pero', x' inhija r-risposta tagħna? Ir-risposta tagħna hija illi, permezz tas-Sistema ta' Ċelloli Parrokkjali ta' Evanġelizzazzjoni, aħna qed nużaw l-istess metidoloġija. Minn meta ġiet fiċ-Ċellola, din il-mara sabet nies illi jħobbuha kif inhi, ma jiġġudikawhiex u ma jikkonfrontawhiex: dħalna f' relazzjoni sabiħa magħha. Wara t-tnax-il ġimgħa, baqgħet tattendi b' mod regolari fiċ-Ċellola. Tant ħassitha komda, illi bdiet tinfetaħ u tesponi l-weġgħat tagħha. Tiskanta: ħadd ma jkun kontra l-Knisja għax jisma' min jitkellem kontra l-Knisja! Min ikun kontra l-Knisja, x' imkien ikun sofra xi azzjoni minn nies tal-Knisja! Illum, din il-mara niltaqa' magħha mhux aktar minn darba fix-xahar u qed ninnota kif qed tkun ikkatekizzata mill-ġdid dwar il-Knisja, il-Madonna, is-Sagramenti u l-Ewkaristija. Qed naraha tinbidel; biżżejjed ngħidilkom illi din il-ġimgħa mexxiet Adorazzjoni f' Pellegrinaġġ li għamilna. Ċertament, irrid nirringrazzja 'l Alla illi kemm il-Kors u kemm din iċ-Ċellola qed titmexxa minn Katekista ta' esperjenza, iżda li daħlet f' din l-esperjenza ġdida.

 

1. L-esperjenza tagħna fis-SĊPE.

L-esperjenza. Jiena qiegħed hawn biex naqsam l-esperjenza tiegħi; tiegħi u ta' ħafna oħrajn. Jiena wkoll, bħal kulħadd, attendejt il-klassijiet tad-duttrina. Sa minn meta kont żgħir kont ngħid li nixtieq insir qassis. Iżda ġie mument meta kont fi kriżi kbira ta' fidi. Kont diġa fis-Seminarju u bdejt nirrealizza illi ma jagħmilx sens inkun ministru ta' xi ħadd li ma nafux, li għandi dubju jeżistix jew le, jew aħjar illi m' għandix esperjenza personali Tiegħu. It-talba tiegħi kienet saret waħda: “Mulej, jekk inti hemm, urini lilek innifsek, inkella insieni!” Appena iddeċidejt li ma nkomplix it-triq għas-saċerdozju, f' post li mort fih darba biss f' ħajti, permezz ta' żewġ irġiel Norveġiżi Luterani, li ltqajt darba biss magħhom f' ħajti, Alla missni u nista' ngħid li twelidt mill-ġdid. Il-konsegwenza kienet: sena illi fiha m' għaddietx ġurnata li ma qattgħajtx siegħa  Adorazzjoni, siegħa ta' dmugħ: sena ta' purifikazzjoni u fejqan.

Il-konsegwenza kienet: ħeġġa kbira biex naqsam l-esperjenza tiegħi, mhux tant li nirrakontaha, daqskemm li nagħmilha possibbli biex, jekk jista' jkun, kulħadd jgħaddi minnha! Il-konsegwenza kienet illi, xi wħud li ltqajt magħhom, bdew jagħmlu din l-esperjenza huma wkoll u bejnietna nħolqot komunjoni profonda. Jiena trabbejt fil-qalba ta' parroċċa u nħobb il-parroċċa. Flimkien ma' grupp ta' lajċi, li qasmu miegħi din l-esperjenza, ħlomna ħolma dwar il-parroċċa. Bdejna nimmaġinaw kif tkun il-parroċċa kieku kull membru taghha jgħaddi minn din l-esperjenza li konna għaddejjin minnha aħna. Kienet ħolma li emminniha: il-parroċċa kif għandha tkun.

Wara erba' snin nippruvaw diversi metodi ta' evanġelizzazzjoni fil-parroċċa, il-Providenza ta' Alla laqqgħetna ma' parroċċa reali li tikkorrispondi sew mall-ħolma li kellna. Qed nirreferi għall-parroċċa ta' Sant' Eustorgio, fiċ-ċentru ta' Milan. Parroċċa li ġiet trasformata minn waħda mejta għal waħda ħajja – u b' ħajja” ma nifhimx attiva u organizzata – parroċċa strutturata mill-ġdid. Parroċċa li ddur madwar il-Quddiesa tal-Ħadd, li ddum sagħtejn, f' Bażilika antika li tesa madwar elf ruħ ippakkjata. Iżda parroċċa li għandha żewġ sigrieti, anzi tlieta:

a) matul il-ġimgħa, jiltaqgħu mall-150 ċellola – ma jidhrux, għax jiltaqgħu fid-djar għal laqgħa ta' siegħa u nofs;

b) kulħadd jaf li l-parroċċa, u allura kull wieħed u waħda minnhom, jeżisti biex jevanġelizza – dawn, mhux jinqatgħu min-nies fi klikka tat-tajbin, iżda il-ħin kollu jidħlu u jibnu relazzjonijiet ġodda – bl-iskop li jirbħu 'l xi wħud għal Kristu!

ċ) il-passjoni li għandhom lejn il-Persuna ta' Ġesu' Kristu hija xi ħaġa impressjonanti – huma jħobbu jgħidu: “innamorati di Cristo” –, għalihom, il-Kappella ta' l-Adorazzjoni mhix post ieħor li għandhom fil-parroċċa u servizz li toffri l-parroċċa, imma parti essenzjali mill-ħajja tagħhom!

F' Ottubru 1994, aħna ddeċidejna li nintroduċu dan il-metodu parrokkjali ta' evanġelizzazzjoni ġdida flimkien ma' tlett kappillani. Illum, din is-Sistema qed taħdem fi tnax-il parroċċa. Intom u ħerġin mitluba tieħdu brochure li jagħti aktar informazzjoni dwar din is-Sistema illi m' għandix ħin biżżejjed hawnhekk biex nidħol fiha. Pero' tajjeb ngħid illi fit-2 ta' April li għadda, il-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi ta r-rikonoxximent lil din is-Sistema u approva l-Istatut illi bih twaqqaf Organiżmu Internazzjonali għas-Servizz tagħha.

 

2. X' inhu l-ġdid u x' inhu l-qadim fis-SĊPE.

Din hija esperjenza ġdida fil-Knisja; din ukoll hija r-realta'. Hija xi ħaġa ġdida illi tisfidana, tisfida l-mod kif qed nagħmlu l-parroċċa, tisfida l-mod kif qed niċċelebraw il-Quddiesa tal-Ħadd, u tisfida x-xandir kollu tal-Kelma li qed nagħmlu, inkluża l-katekeżi. Iżda x' hemm ġdid f' din l-esperjenza? Jiena nemmen illi l-ġdid u t-tiġdid li neħtieġu fil-Knisja b' mod ġenerali, u fil-parroċċa b' mod partikulari, huwa mill-aktar antik: aktar antik mill-istess antik  li jibża' u jirreżisti tant biex jinbidel! Dak li huwa ġdid fis-Sistema ta' Ċelloli Parrokkjali ta'  Evanġelizzazzjoni insibuh propju fl-għeruq fondi tal-Kristjaneżmu u ta' l-istess Knisja. Ħa nsemmi erba' elementi:

a) Dan huwa metodu kif jimmottiva lil kulħadd biex iwassal l-Ewwel Tħabbira. Il-Papa Pawlu VI, fl-Evangelii Nuntiandi qal: “il-Knisja teżisti biex tevanġelizza” (art.14). Dan huwa l-aħħar mandat li Ġesu' ta lid-dixxipli Tiegħu qabel ma rritorna lejn il-Missier, insejħulu il-Mandat il-Kbir. L-Ewwel Tħabbira ma jfissirx tirrakkonta dwar Ġesu' Kristu, iżda tintroduċi il-Persuna ta' Ġesu' Kristu biex wieħed ikun jista' jagħmel laqgħa personali miegħu u jagħrfu bħala l-Mulej u s-sid ta' ħajtu.

b) Dan huwa metodu illi jista' jħaddmu biss min iduqu. Peress li l-Ewwel Tħabbira mhix kwistjoni ta' rakkonti dwar Ġesu' Kristu, rakkonti li kulħadd jista' jaqrahom u jismagħhom, iżda li tintroduċi il-Persuna ta' Ġesu' Kristu, allura titlob li wieħed ikun JAFU, ikun MIDĦLA TIEGĦU, jekk jista' jkun ikun INNAMRAT miegħu! Huwa għalhekk illi Ġesu', fl-istess ħin illi bagħathom jevanġelizzaw, ordnalhom biex qabel imorru u jistennew sakemm jitlibbsu bil-qawwa mill-Għoli. Fl-istess Enċiklika, il-Papa Pawlu VI qal illi “l-Ispirtu s-Santu huwa l-Awtur Prinċipali ta' l-evanġelizzazzjoni” (art.75). Dan huwa metodu li jista' jħaddmu min iltaqa' personalment ma' Ġesu' Kristu u rċieva il-Magħmudija fl-Ispirtu, illi mhix neċessarjament marbuta mar-Rit tal-Magħmudija. Fl-Atti ta' l-Appostli għandna diversi provi ta' dan, wieħed minnhom huwa Kornelju, ċ-ċenturjun pagan illi mtela' bl-Ispirtu s-Santu malli beda jisma' l-Ewwel Tħabbira minn Pietru, u dan qabel ma tgħammed! (ara Atti 10)

ċ) Dan huwa metodu li jiskopri mill-ġdid il-Knisja tad-dar. Il-Knisja ma bdietx bil-massa, iżda b' komunitajiet żgħar ta' ftit nies tgħoddhom fuq żewġ idejn. Il-Knisja lanqas ma bdiet fil-Knejjes u l-bażiliċi, iżda fid-djar, aktar u aktar meta l-ewwel Insara tkeċċew mis-Sinagogi u ma kellhomx aktar fejn jiltaqgħu. Aqraw l-Atti ta' l-Appostli 2,43-47. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-massa huma sbieħ u għandhom il-valur tagħhom, iżda jridu jkunu sostnuti minn esperjenza ta' qsim tal-fidi f' komunita' żgħira. Anke is-soċjoloġija tifhmu dan! Inkella jkollna, kif għandna, esperjenzi reliġjużi, iżda meta nfittxu l-fidi fihom ma nsibuhiex!

d) Dan huwa metodu illi, quddiem pessimiżmu taċ-ċensimenti li jindikaw rati dejjem aktar niżlin ta' nies li jmorru l-Quddiesa tal-Ħadd, għandu l-ottimiżmu u l-ambizzjoni li jkabbar il-Knisja. Dawn il-knejjes tad-dar, dawn il-komunitajiet żgħar, dawn iċ-ċelloli, m' humiex stabbli:ma jiltaqgħux biex jitolbu għall-missjunarji u l-missjonijiet, ma jiltaqgħux biex jitolbu għal dawk li birdu, tbegħdu, tilfu l-fidi, jew għandhom xi twemmin ieħor. Dawn huma missjunarji, l-iskop li għalih jiltaqgħu huwa biex jevanġelizzaw, biex iressqu 'l min huwa 'l bogħod. U tant jemmnu f' din il-missjoni illi qegħdin kontinwament jistennew lil min huwa 'l bogħod jagħmel l-istess esperjenza tagħhom u jinagħqad magħhom.

Għalhekk, huma ċelloli miftuħin, “welcoming”; mhux alla ħares naraw lil xi ħadd ġdid għax nibżgħu minnu li se joħdilna postna! Għalhekk dan huwa metodu mibni fuq ilprinċipju tal-multiplikazzjoni: inti Nisrani, trid tiġġenera Nisrani ieħor; intom ċellola, tridu tiġġeneraw ċellola ġdida.... Aktar ma jkun hemm ċelloli, u ċelloli ħajjin, aktar il-Ġisem se jikber u se jikber b' saħtu!

 

3. X' inhu l-messaġġ li l-esperjenza tagħna trid twassal lil dan il-Kungress Kateketiku.

Din l-istedina, li naqsmu l-esperjenza tagħna, wasslitna biex nistaqsu lilna nfusna mhux biss x' hemm ġdid fiha; iżda wkoll x' inhi r-relevanza tagħha għal dan il-Kungress Kateketiku. Naħsbu li l-esperjenza tagħna qed tagħmel proposta illi nistednukom taħsbu  fuqha. Il-proposta tagħna għandha ħames konsiderazzjonijiet:

a) Jista' jkun illi wasal iż-żmien li nġibu l-Kerygma qabel il-Katekeżi? L-esperjenza tal-fidi tiġi riżultat ta' l-Ewwel Tħabbira. Din trid tiġi qabel kull programm ta' Katekeżi. Jista' jkun illi aħna qed inqegħdu l-karrettun qabel iż-żiemel? San Pawl huwa ċar: “kif jistgħu jisimgħu jekk ma jkunx hemm min ixandar?” (Rum 10,14). Jista' jkun illi l-kriżi li għandna fil-predikazzjoni u fl-omeliji kollha tagħna ġejja mill-fatt li lanqas biss nafu d-differenza bejn priedka u omelija kateketika u priedka u omelija kerygmatika!?

b) Jista' jkun li wasal iż-żmien illi jkollna Katekeżi Missjunarja  u mhux nibqgħu nikkuntentaw ruħna sempliċement illi l-missjoni tkun wieħed mis-suġġetti tal-Katekiżmu? Waqt li l-fidi titnissel mis-smiegħ, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fir-Redemptoris Missio jgħid li l-fidi “tikber meta tinagħta” (art. 2). Dan ifisser illi l-aspett missjunarju irid ikun parti integrali minn kull proċess ta' Katekeżi u mhux xi wieħed mis-suġġetti, per eżempju, għal Jum il-Missjoni!

ċ) Jista' jkun illi wasal iż-żmien illi nippromovu u niżviluppaw il-komunita' żgħira ta' fidi bħala l-ambjent essenzjali tal-katekeżi? Il-komunita' hija l-frott neċessarju ta' l-evanġelizzazzjoni u l-”visual aid” ta' levanġelizzazzjoni:dik li tagħmel l-evanġelizzazzjoni mhux biss kelma, imma wkoll xhieda. Parroċċa li tevanġelizza hija parroċċa li tiġġenera u timmultiplika gruppi żgħar (ċelloli) ta' fidi. Jista' jkun li l-Katekeżi tagħna għadha ma bdietx taddotta din ilmetidoloġija? Jista' jkun illi meta, nitkellmu fuq l-ambjent tal-Katekeżi, għandna aktar naħsbu fuq il-komunita' ta' fidi, milli fuq il-klassi jew is-sala?

d) Jista' jkun illi wasal iż-żmien illi l-istruttura kateketika tkun immirata biex twassal lill-Imgħammdin biex jagħrfu r-responsabbilta' tagħhom li jiffurmaw dixxipli? L-evanġelizzazzjoni hija proċess illi jintemm meta, dak li darba kien 'il bogħod, mhux biss jiltaqa' personalment ma' Ġesu', jibda mixja ta' dixxipulat (jew katekeżi), u jsib postu fil-komunita' (il-Knisja) billi jibda jaqdi ministeru, iżda fuq kollox meta jagħraf issejħa tiegħu li jevanġelizza u jassumi din ir-responsabbilta' f' isem u flimkien mal-Knisja. Għalhekk, komunita' ta' fidi ma tridx tkun biss missjunarja, iżda wkoll skola ta' dixxipulat, kateketika. Il-Katekeżi trid tħares lejn it-tfal, ż-żgħażagħ u l-adulti mhux sempliċi oġġetti tal-Katekeż, iżda wkoll suġġetti, dawk li jagħtu katekeżi. Jista' jkun li għad m' għandniex din il-mentalita' illi wieħed jevanġelizza u jagħmel dixxipli, mhux wara li jkun temm xi kors jew programm, imma “inti u għaddej” (Matt. 10,7)? Jista' jkun li l-akbar sfida tal-katekeżi hija li noħolqu mentalita' kateketika?

e) Jista' jkun illi wasal iż-żmien li nibdew insejħu għall-Ministeru ta' Katekisti mill-komunitajiet żgħar ta' fidi?  Dan l-aħħar tagħtna rasna għax f' daqqa waħda ridna numru akbar ta' Katekisti għas-sentgħin li żidna meta għollejna l-eta' tal-Griżma. Aħna jkollna l-Katekisti li rridu u l-Katekisti li nfittxu. Biex issib Katekisti li għandhom esperjenza ta' fidi – għaliex ħadd ma jista' jagħti minn dak li m' għandux” – trid tfittixhom fejn tkun qed issir esperjenza ta' fidi! F' ambjent reliġjuż, bħal fil-Quddiesa tal-Ħadd mhux neċessarjament issibhom! Għalhekk, jista' jkun li wasal iż-żmien illi l-verifika ta' kemm għandna programm tajjeb ta' Katekeżi, nagħmluha fuq kemm ikun iġġenera u immultiplika il-Katekisti?

Fil-waqt li nixtieq nirringrazzja lis-Segretarjat għall-Katekeżi, ta' din l-opportunita' li tana biex naqsmu magħkom din l-esperjenza sabiħa u entusjażmanti li qed nagħmlu, bid-diffikultajiet kollha li niltaqgħu magħhom, inwegħdukom it-talb tagħna biex l-esperjenza personali ta' Kristu tkun l-aktar ħaġa li nfittxu, u l-ġawhra li nixtiequ noffru lit-tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u adulti li niltaqgħu magħhom.

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta