Home          |          Email          |             Blog          |                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

Tibda l-Mixja taż-Żgħażagħ bis-Salib u l-Ikona

Ħadd, 24 Jannar 2010:

Il-preparazzjoni lejn iż-żjara f’Malta tal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, hi espressjoni ta’ fidi u responsabbilità ta’ kull membru tad-Djoċesi ta’ Malta u Għawdex. Għal kull Nisrani, lajk, ikkonsagrat, jew reliġjuż, dawn ix-xhur li għandna quddiemna għandhom ukoll tifsira ta’ ‘pellegrinaġġ’: żmien ta’ stennija, ta’ sagrifiċċju, u ta’ riflessjoni li se jwassluna sabiex ilkoll niltaqgħu mal-Papa Benedittu XVI.

Iż-żgħażagħ, imsejħin mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP (fit-tieni ittra tiegħu liż-żgħażagħ - 2008), biex ikunu l-‘Protagonisti fil-Knisja tat-Tielet Millenju’, għandhom l-irwol li janimaw dan il-pellegrinaġġ fid-Djoċesi tagħna. Is-Salib li ser jintuża, li jappartjeni liż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK), huwa replika tas-Salib mogħti liż-żgħażagħ mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1984. Dan is-Salib tbierek mill-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, nhar il-Ġimgħa 5 ta' Novembru, 2004, dakinhar Arċisqof, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2005. Is-Salib, li fis-snin li għaddew kien fiċ-ċentru ta’ diversi ċelebrazzjonijiet mtella’ minn mijiet ta’ żgħażagħ, jagħti identita żagħżugħa li timmarka l-involviment taż-żgħażagħ fil-Knisja Kattolika f’Malta. Flimkien ma’ l-Ikona, dan is-Salib ser ikun sinjal li permezz tat-tifsira simbolika tiegħu jmexxi liż-żgħażagħ tul il-pellegrinaġġ li se jwassalhom għall-laqgħa mal-Papa.

Matul dawn ix-xhur ta’ pellegrinaġġ, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) qiegħda tiltaqa’ b’mod regolari ma’ żgħażagħ minn ambjenti differenti li jħossu lilhom infushom il-bogħod mill-Knisja, bil-għan li tisma’ l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom. Dawn il-laqgħat huma stedina għal dawn iż-żgħażagħ sabiex jagħmlu wkoll mixja flimkien mal-membri kollha tal-Knisja. Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ qiegħda ukoll tikkummissjona gruppi taż-żgħażagħ sabiex jagħtu sehem attiv fl-evanġelizzazjoni ta’ sħabhom. Iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) ġiet ikkummissjonata biex mill-24 ta’ Jannar 2010, ittella’ diversi attivitajiet f’parroċċi differenti, bi preparazzjoni għall-laqgħa tagħhom mal-Papa. Fl-istess ġurnata, is-Salib u l-Ikona, replika ta’ dawk użati fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ser jibdew mixja li permezz tagħha kull ġimgħa ser iżuru Knejjes differenti f’Malta, permezz tal-liturġija tal-Ħadd animata miż-żgħażagħ. Dan il-pellegrinaġġ qed jibda bi vjaġġ simboliku mix-xatt tal-Belt Valletta sax-xatt tas-Sliema, fejn is-Salib u l-Ikona jgħaddu mingħand iż-żgħażagħ impenjati fiż-ŻAK, għal għand iż-żgħażagħ li dakinhar stess ser janimaw il-Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ġesu Nazzarenu, fis-19.00. Aktar dettalji fuq din il-mixja jinsabu fuq il-website tal-KDŻ: www.kdz.org.mt

 

Informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ

Ir-ritratti huma meħuda mill-Photocity, Valletta.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta