L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Redemptoris Custos - Dwar il-persuna u l-Missjoni ta' San Ġużepp

 

 

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA  TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

DWAR

IL-PERSUNA U L-MISSJONI  TA' SAN ĠUŻEPP

FIL-ĦAJJA TA' KRISTU U TAL-KNISJA

 MEDIA CENTRE PUBLICATIONS 1990

Ħajr lil Carmen Galea għall-għajnuna tagħha fit-tħejjija tal-verżjoni għal-Laikos


WERREJ

 

1 Daħla

I X'jgħidilna l-Evanġelju

2 - 3 Iż-żwieġ mal-Verġni Marija

4 - 6   II Kellu taħt il-ħarsien tiegħu l-misteru ta' Alla

7 - 8 Il-ministeru ta' missier

9 Iċ-ċensiment

10 It-twelid ta' Betlehem

11 Iċ-ċirkonċiżjoni

12 L-għoti tal-isem

13 Il-preżentazzjoni fit-tempju

14 Il-ħarba fl-Eġittu

15 It-tlitt ijiem fit-tempju

16 It-trobbija u t-trawwim ta' Gesù f'Nażaret

17 - 21 III Il-bniedem ġust---ir-raġel ta' Marija

22 - 24 IV Ix-xogħol bħala xhieda ta' mħabba

25 - 27 V Il-primat tal-ħajja tar-ruħ

28 - 32 VI Patrun tal-Knisja fi żmienna

 


 

IL-PERSUNA U L-MISSJONI TA' SAN ĠUŻEPP

 

Lill-Isqfijiet

lis-saċerdoti u d-djakni,

lir-reliġjużi rġiel u nisa,

lill-insara lajċi kollha

 

DAĦLA

          1. Ġużeppi, dak li kellu jieħu ħsieb il-Feddej..... għamel kif ordnalu l-Anġlu tal-Mulej, u ħa 'l martu għandu. (Mt1,24) .

          Sa mill-ewwel żminijiet, imnebbħin mill-Evanġelju, Missirijiet il-Knisja għallmu li kif San Ġużepp b'imħabba kbira ħa ħsieb il-Verġni Marija u bil-ferħ kollu ħaseb għat-trobbija ta' Ġesù[1] hekk hu jħares u jieħu ħsieb il-Ġisem Mistiku ta' Kristu, jiġifieri l-Knisja, li tagħha l-Verġni Marija hi sura u xbieha.

          Għaddew mitt sena minn meta il-Papa Ljun XIII ħareġ l-enciklika Quamquam pluries[2] u f'din l-okkażjoni nixtieq inwasslilkom, ħuti, xi ħsibijiet dwar dak ''li Alla ried jagħżlu biex jafdalu l-aqwa teżor tiegħu''[3] u hekk inkun qed inkompli l-qima mogħtija lil San Ġużepp tul il-mijiet tas-snin. Bil-qalb kollha jien irrid naqdi dan id-dmir pastorali tiegħi biex dejjem aktar tikber id-devozzjoni lejn San Ġużepp bħala patrun tal-Knisja Universali u biex tikber ukoll l-imħabba għas-Salvatur li San Ġużepp kien jaqdi b'mod tal-għaġeb, wisq aktar minn kull ħaddieħor.

          B'dan il-mod il-poplu nisrani kollu mhux biss idur lejn San Ġużepp u b'ħeġġa akbar jitlob il-ħarsien tiegħu, imma jżomm ukoll dejjem fi ħsiebu l-mod kif San Ġużepp kien iġib ruħu, bl-umiltà u l-irġulija kollha, fil-qadi u fit-''tisħib'' tiegħu fil-ħidma għas-salvazzjoni tal-bniedem.[4] 

          Jien żgur li jekk timmedita b'liema mod l-Għarus tal-Verġni Marija ssieħeb fil-misteru ta' Alla, il-Knisja fil-mixi tagħha lejn il-ġejjieni, flimkien mal-familja kollha tal-bnedmin, tasal biex mill-ġdid tagħraf l-identità tagħha fil-pjan tas-salvazzjoni li għandu l-pedament tiegħu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. 

          Dan hu propju l-misteru li fih ''kellu sehem'' Ġużeppi ta' Nażaret, sehem li ebda bniedem ieħor qatt ma kellu, ħlief il-Verġni Marija, Omm il-Verb ta' Alla magħmul bniedem. Hu kien imsieħeb magħha f'dan il-misteru; kellu x'jaqsam ma din il-ġrajja tas-salvazzjoni; kien hu dak li kellu taħt il-ħarsien tiegħu dik l-istess imħabba, li bil-qawwa tagħha l-Missier ta' dejjem '' iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta' Ġesu Kristu''(Ef 1,5).

 

I

X'JGĦIDILNA L-EVANĠELJU

Iż-żwieġ mal-Verġni Marija

          2. ''Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' li tieħu lil Marija b'martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu . Hi jkollha iben u int issemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu. '' (Mt 1, 20-21). F'dan il-kliem għandna l-qofol tal-verità tal-Iskrittura dwar San Ġużepp, kliem li jfakkarna f'dak il-mument tal-ħajja ta' San Ġużepp li Missirijiet il-Knisja jsemmuh b'mod speċjali.

          L-evanġelista San Mattew jurina x'kien ifisser dan il-mument u fl-istess ħin jgħidilna wkoll kif għexu San Ġużepp. Iżda biex nifhmu sewwa din il-verità fil-kontest kollu tagħha , irridu niftakru wkoll dak li hemm fl-Evanġelju ta' San Luqa. F'San Mattew insibu: ''It-tnissil ta' Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma' Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma  tal-Ispirtu s-Santu'' (Mt 1,18). Iżda kif il- Verġni Marija saret omm ''bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu'' ifissirulna San Luqa aktar fit-tul u b'mod aktar ċar, meta jitkellem dwar it-tħabbira tal-Anġlu lil Marija tat-twelid ta' Ġesù. ''Alla bagħat l-Anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija. jisimha Nażaret, għand xebba mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta' David. Ix-xebba kien jisimha Marija '' (Lq. 1, 26-27). It-tislima tal-Anġlu; ''Ifraħ, mimlija bil-grazzja. Il-Mulej miegħek'' (Lq 1, 28) ħawdet lil Marija u fl-istess ħin ġiegħelitha taħseb x'kienet dik it-tislima. L-Anġlu stess qawwielha qalbha huwa u juriha x'kien il-ħsieb ta' Alla għaliha: ''Tibżax Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej jagħtih it-tron ta' David missieru''(Lq. 1,30-32).

          Ftit qabel l-evanġelista qal li fi żmien it-tħabbira tal-Anġlu Marija kienet ''mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta' David''. X'kien dan ''iż-żwieġ'' ġie mfisser indirettament meta Marija staqsiet kif se jitwildilha binha: ''Kif ikun dan, la darba jiena verġni ?'' (Lq 1,34). L-Anġlu weġibha: ''L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla''. (Lq. 1,35). Għalkemm Marija kienet ''mgħarrsa'' lil Ġużeppi, hi se tibqa' verġni, għax dak li tnissel minnha mat-tħabbira tal-Anġlu, tnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

          Hawn kliem San Luqa jaqbel mal-Evanġelju ta' San Mattew (1,18) u jgħinna nifhmu dak li hemm miktub fih. Jekk wara l-għerusija ma' Ġużeppi, Marija ''saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu'', dan jaqbel ma dak kollu li tfisser it-tħabbira tal-Anġlu, u l-aktar mal-aħħar kelmiet ta' Marija: ''Ħa jsir minni skont kelmtek'' (Lq 1,38). 

          Tul il-jiem u l-ġimgħat ta' wara, Marija, skont il-pjan ċar ta' Alla, quddiem in-nies u quddiem Ġużeppi, bdiet turi li kienet ''saret omm'', mara li se tagħti twelid lil binha u tħaddan fiha nfisha l-misteru tal-maternità.

          3. F'qagħda bħal din, ''żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, u għalhekk għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies'' (Mt 1,19). Ma kienx jaf x'jaqbad jagħmel quddiem il-maternità ''tal-għaġeb'' ta' Marija, u żgur fittex tweġiba għal din il-ħaġa li ħawditu ħafna, u fuq kollox ried jara kif jeħles minn qagħda li kienet iebsa ħafna għalih. Għalhekk ''meta kien għadu jaħsibha, deherlu Anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu 'l Marija b'martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu: hi se jkollha iben u int issemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom '' (Mt. 1,20-21)

          Hemm xebh mill-aqwa bejn it-''tħabbira'' fl-Evanġelju ta' San Mattew u ''tħabbira'' fl-Evanġelju ta' San Luqa. It-tħabbira tal-Anġlu ta' Alla daħħlet lil San Ġużepp fil-qofol tal-misteru tal-maternità ta' Marija. Dik li skont il-liġi kienet ''martu'', waqt li ħarset bla mittiefsa xbubitha, saret omm bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Meta mbagħad l-Iben li Marija ġabet fi ħdanha, twieled għad-dawl tad-dinja, kellu jingħata l-isem ta' Ġesù, isem li kien magħruf mill-Iżraelin u li xi kultant kien jingħata lill-ulied. Iżda issa hu l-Iben innifsu, skont ma wiegħed Alla, li wassal għat-tifsir sħiħ tal-isem, Ġesù: Yehosua, jiġifieri Alla jsalva.

          L-Anġlu kellem lil Ġużeppi bħala ''l-għarus ta' Marija , bħala dak li, meta jasal il-waqt, kellu jagħti l-isem lil dak li kellu jiwieled mix-xebba ta' Nażaret, li kienet mgħarrsa miegħu. Għalhekk l-Anġlu jdur fuq Ġużeppi u jafdalu id-dmir ta' missier fuq l-art għall-Iben Marija.

          ''Ġużeppi meta qam, għamel kif ordnalu l-Anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu'' (Mt.1,24): laqagħha bil-misteru kollu tal-maternità tagħha; laqagħha flimkien ma Binha li kien se jitwieled fid-dinja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hekk San Ġużepp wera l-istess rieda sħiħa ta' Marija f'dak li Alla talbu permezz ta' l-Anġlu.

 

II

KELLU TAĦT IL-HARSIEN TIEGĦU

IL-MISTERU TA' ALLA

 

          4. Meta Marija, ftit wara t-tħabbira tal-Anġlu, marret fid-dar ta' Żakkarija ħa żżur lill-qariba tagħha Eliżabbetta, malli selmitilha semgħet kliem Eliżabbetta li kienet ''imtliet mill-Ispirtu s-Santu ''(Lq. 1,41) . Eliżabbetta barra milli selmitilha bi kliem li jfakkar kliem it-tħabbira tal-Anġlu, żiedet tgħidilha '' Ħienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej '' (Lq.1,45). Dan il-kliem kien il-qofol tal-enċiklika li biha jien ridt nidħol aktar fil-fond tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li għallem illi ''l-Imqaddsa Verġni Marija mxiet ħafna 'l quddiem fil-pellegrinaġġ tal-fidi, u żammet sħiħa l-għaqda tagħha ma' Binha sa fuq is-Salib ''[5]; imxiet l-ewwel waħda[6] quddiem il-bnedmin kollha li jimxu wara Kristu permezz tal-fidi tagħhom.

          Fil-bidu ta' dan il-pellegrinaġġ tal-fidi, il-fidi ta' Marija tiltaqa' mal-fidi ta' San Ġużepp. Eliżabbetta, għal Omm il-Feddej, qalet:'' hienja dik li emmnet''; b'xi mod din l-hena hi wkoll ta' San Ġużepp, għaliex hu wieġeb ''iva'' għall-Kelma ta' Alla li ntqalitlu f'dak il-mument hekk importanti. Għalkemm San Ġużepp ma weġibx bl-istess mod kif wieġbet Marija għat-tħabbira tal-Anġlu, 'għamel kif ordnalu l-Anġlu tal-Mulej u ħa lil martu għandu''. Dak li għamel hu eżempju mill-aktar ċar tal-''ubbidjenza tal-fidi.'' (Rum. 1,5; 16,26; 2Kor. 10,5-6).

          Nistgħu għalhekk ngħidu li dak li għamel San Ġużeppp jorbtu b'mod tassew speċjali mal-fidi ta' Marija: laqa' bħala verità ġejja minn għand Alla, dak li Marija kienet ġa laqgħet fit-tħabbira tal-Anġlu. Il-Konċilju jgħallimna li ''nuru l-ubbidjenza tal-fidi lil Alla meta hu jirrivelalna lilu nnifsu; b'din l-ubbidjenza tal-fidi l-bniedem minn rajh jafda lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla, billi bil-fehma u bir-rieda kollha tiegħu, jilqa' għal kollox dak kollu li jiġi lilu rivelat minn Alla ''[7]. Dan il-kliem, li jolqot il-qofol ta' dak li hi fidi, jgħodd b'mod l-aktar perfett għal Ġużeppi ta' Nażaret.

          5. San Ġużepp ġie imsejjaħ biex ikun b'mod speċjali dak li jżomm taħt il-ħarsien tiegħu ''il-misteru li kien moħbi sa minn mijiet ta' snin f'Alla (ara Ef. 3,9) l-istess bħal Verġni Marija, f'dak il-mument deċisiv li San Pawl sejjaħlu l-milja taż-żminijiet, meta ''Alla bagħat lil Ibnu mwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi biex ikollna l-adozzjoni ta' wlied'' (Gal.4,4-5). Jgħidilna l-Konċilju: ''Alla, fl-għerf u t-tjieba tiegħu, għoġbu juri lilu nnifsu u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (Ef. 1,9), għax ried li l-bnedmin kollha jkollhom id-dħul għal għand il-Missier permezz ta' Kristu, il-Verb ta' Alla magħmul bniedem, u hekk jissieħbu fin-natura ta' Alla ''(ara Ef.2,18; 2Piet.1,4)[8] .

          Flimkien ma' Marija, San Ġużepp hu l-ewwel wieħedli għandu fdatlilu l-ħarsien ta' dan il-misteru. Flimien ma' Marija,u b'rabta magħha hu għandu sehem f'dan l-aħħar mument tar-rivelazzjoni ta' Alla fi Kristu, u dan iseħħ sa mill-bidu. Aħna u nikkunsidraw kliem l-Evanġelisti San Mattew u San Luqa, nistgħu ngħidu wkoll li San Ġużepp kien l-ewwel wieħed li kellu sehem fil-fidi ta' Omm Alla, u b'hekk kien ta' għajnuna għaliha fil-fidi tat-tħabbira tal-Anġlu. Alla qiegħdu wkoll l-ewwel wieħed fit-triq tal-pellegrinaġġ tal-fidi'', triq li fiha l-Verġni Marija mxiet qabel kulħadd b'mod l-aktar perfett, speċjalment mill-Kalvarju sa Għid il-Ħamsin.[9]

          6. Il-mixja ta' Ġużeppi, il-pellegrinaġġ tiegħu tal-fidi intemmet l-ewwel, qabel ma' Marija waqfet ħdejn is-salib fuq il-Kalvarju, u qabel iż-żmien li fih, wara li Kristu reġa lura għand il-Missier, Marija kienet fiċ-Ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin, meta l-Knisja dehret quddiem id-dinja, wara li twieldet bil-qawwwa tal-Ispirtu tal-verità. Madanakollu San Ġużepp mexa mill-istess triq tal-fidi, triq kollha kemm hi tal-fidi fil-misteru li tiegħu San Ġużepp flimkien ma' Marija, kellu jkun l-ewwel wieħed li jżommu taħt il-ħarsien tiegħu. L-inkarnazzjoni u l-fidwa għandhom rabta hekk sħiħa bejniethom li qatt ma tista' tinħall, rabta li fiha l-pjan tar-rivelazzjoni jseħħ permezz ta' kliem u ta' għemil marbutin bejniethom b'mod liema bħalu.[10] Propju minħabba din ir-rabta, il-Papa Ġwanni XXIII, li kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp, ried li San Ġużepp jissemma fil-Kanone Ruman tal-Quddiesa - li hi tifkira għal dejjem tal-fidwa - wara l-isem tal-Verġni Marija u qabel l-Appostli, il-Papiet u l-Martri [11].

 

Il-ministeru ta' missier

          7. Kif nistgħu nifhmu mill-kliem tal-Evanġelju, il-paternità ta' San Ġużepp għandha l-pedament ġuridiku tagħha fiż-żwieġ ma' Marija. Alla għażel lil San Ġużepp bħala għarus tal-Verġni Marija biex ikun żgurat il-ħarsien ta' Ġesù minn missier putattiv. Minn dan jiġi li l-paternità ta' San Ġużepp (paternità li twasslu hekk qrib lejn Kristu, li bih kulħadd hu msejjaħ u predestinat ħa jkun jixbħu - ara Rum. 8,28-29) isseħħ permezz taż-żwieġ ma' Marija, jiġifieri permezz tal-familja.

          Għalkemm l-Evanġelisti b'mod l-aktar ċar jistqarru li Ġesù ġie konċeput mill-Ispirtu s-Santu u l-Verġni Marija żammet bla mittiefsa xbubitha fiż-żwieġ (ara Mt. 1,18-20; Lq. 1,26-34), huma jgħidu li San Ġużepp hu r-raġel ta'Marija, u li Marija kienet mart Ġużeppi (ara Mt.1,16. 18- 20. 24; Lq. 1,27; 2,5) .

          Fil-fehma tal-Knisja wkoll, hi importanti ħafna l-istqarrija tat-tnissil ta' Ġesù ... minn omm verġni, daqskemm hi importanti l-istqarrija taż-żwieġ ta' Marija ma' San Ġużepp ... għax minn dan iż-żwieġ toħroġ ġuridikament il-paternità ta' San Ġużepp. Dan jgħinna nifhmu għax it-tnissil ta' Ġesù fl-Evanġelji ta' San Mattew u ta' San Luqa hu marbut mal-ġenealoġija ta' San Ġużepp. Jikteb Santu Wistin: ''Għaliex it-tnissil ta' Ġesù ma kellux ikun marbut mal-ġenealoġija ta' San Ġużepp? M'huwiex Ġużeppi r-raġel ta' Marija?  .... L-Iskrittura, fuq ix xhieda tal-Anġlu, tgħidilna li Ġużeppi ken ir-raġel ta' Marija. 'Ġużeppi, la tibżax tieħu 'l Marija b'martek', qallu l-Anġlu ' għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu'.'' 

          Ġużeppi wkoll kellu jagħti l-isem lit-tarbja, għalkemm ma kellu ebda sehem fit-tnissil tagħha.Qallu l-Anġlu: ''Hi se jkollha iben u inti ssemmih Ġesù''. L-Iskrittura tgħidilna li Ġużeppi ma kellu ebda sehem fit-tnissil ta' Ġesù u meta sab ruħu mħawwad għax għaraf li Marija saret omm, ġie mgħarraf li dak li tnissel fiha kien ġej mill-Ispirtu s-Santu.... iżda San Ġużepp ma ġiex imċahhad mill-awtorità ta' missier, għaliex ġie lilu ordnat li jagħti isem lit-tifel. Barra dan il-Verġni Marija stess kienet taf li Ġesù ma tnissilx minn att taż-żwieġ ma' San Ġużepp, iżda f'dan kollu baqgħet issejjaħlu missier Kristu[12]       

          Iben Marija hu wkoll Iben Ġużeppi minħabba r-rabta taż-żwieġ bejniethom. ''Minħabba ż-żwieġ tagħhom it-tnejn kien jistħoqqilhom jissejħu l-ġenituri ta' Kristu, mhux biss Marija ommu, imma wkoll San Ġużepp għax kien ir-raġel ta' Omm Ġesù; it-tnejn ġenituri mhux skont il-ġisem imma skont il-fehma.'' [13] Fiż-żwieġ ta' Marija u Ġużeppi ma kien hemm xejn nieqes minn dak li hu meħtieġ f'kull żwieġ: ''Kull ġid li joħroġ minn żwieġ - l-ulied, il-fedeltà, is-sagrament - insibuh fiż-żwieġ tal-ġenituri ta' Ġesù: l-ulied: il-Mulej Ġesù hu l-iben; il-fedeltà: kien nieqes mill-adulterju; is-sagrament: ma kienx hemm divorzju''[14].

          Huma u jiflu sewwa x'inhu ż-żwieġ, kemm Santu Wistin u kemm San Tumas, jgħidu li l-qofol taż-żwieġ hu ''ir-rabta fir-ruħ ta' tnejn, rabta li ma tinħall qatt'', hu ''l-għaqda tal-qlub'', hu l-kunsens''.[15] Dawn it-tliet elementi nsibuhom b'mod tassew eżemplari fiż-żwieġ ta' Marija u Ġużeppi. Fil-qofol tal-ġrajja tas-salvazzjoni, fil-mument li Alla wera mħabbtu għall-bnedmin bl-għoti tal-Verb tiegħu, fiż-żwieġ ta' Marija u Ġużeppi seħħ, b'mod ''l-aktar ħieles'', fil-milja kollha tiegħu, dak l-''għoti 'l xulxin fiż-żwieġ'', huma u juru u jilqgħu mingħand 'l xulxin l-imħabba bejniethom.[16] F'din il-ħidma hekk kbira tat-tiġdid ta' kollox fi Kristu, iż-żwieġ, imsaffi u mġedded, isir ħaġa waħda, sagrament tal-Patt il-Ġdid. Kif fil-bidu tal-Patt il-Qadim insibu tnejn miżżewġin, hekk ukoll insibu tnejn miżżewġin fil-bidu tal-Patt il-Ġdid. U jekk iż-żwieġ ta' Adam u Eva kien il-bidu tad-deni kollu li nxtered mad-dinja, iż-żwieġ ta' Marija u Ġużeppi kien il-quċċata li minnha xterdet il-qdusija mal-art kollha. Il-Feddej ta bidu għall-opra tas-salvazzjoni miż-żwieġ qaddis tal-Verġni Marija ma San Ġużepp, żwieġ li fih dehret ir-rieda ta' Alla li jista' kollox li jsaffi u jqaddes il-familja li hi s-santwarju tal-imħabba u l-benniena tal-ħajja.''[17]

          Kemm għandha x'titgħallem il-fmilja minn dan kollu! Hi l-''imħabba li tagħmel il-familja dak li hi u turi x'inhi l-ħidma tagħha'', ''il-familja għandha l-missjoni li tħares, tgħarraf u tagħti l-imħabba, bħala dehra ħajja tal-imħabba ta' Alla għall-bniedem u tal-imħabba ta' Kristu l-Mulej għall-għarusa tiegħu l-Knisja;''[18] għalhekk kull familja nisranija għandha tara x-xbieha u s-sura tagħha fil-familja Mqaddsa, li hi l-ewwel ''knisja ż-żgħira tad-dar '', l-ecclesia domestica[19]. ''Għal ħafna snin, l-Iben ta' Alla, skont il-pjan misterjuż ta' Alla, għex il-ħajja moħbija tiegħu fil-familja ta' Nażaret: għalhekk din il-familja hi sura u xbieha tal-familji nsara kollha, l-ewwel waħda fost il-familji nsara kollha.''[20]

          8. San Ġużepp ġie msejjaħ minn Alla biex jaqdi 'l Ġesù fil-persuna u l-missjoni tiegħu, billi jkun il-missier putattiv tiegħu. B'hekk fil-milja taż-żminijiet ta l-għajnuna tiegħu fil-misteru kbir tal-Fidwa u kien verament ''ministru tas-salvazzjoni ''[21] Wera bil-fatti l-paternità tiegħu San Ġużepp ''billi ried li ħajtu kollha tkun ħajja ta' qadi u ta' sagrifiċċju għall-misteru tal-Inkarnazzjoni: hu għamel użu mill-awtorità li kienet tagħtih il-liġi fuq il-Familja Mqaddsa  biex jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu, ħajtu kollha u l-ħidma kollha tiegħu lill-Familja Mqaddsa, u biddel is-sejħa tiegħu bħala bniedem u l-imħabba tiegħu għall-familja fl-offerta soprannaturali tiegħu nnifsu, f'offerta li tiżboq il-qawwiet kollha tal-qalb u tal-fakultajiet tal-bniedem, offerta ta' mħabba għall-qadi tal-Messija li kien qiegħed jikber f'daru''[22] .

          Il-Liturġija mqaddsa hi u tfakkar li ġie fdat għall-ħarsien ta' San Ġużepp ''il-misteru tas-salvazzjoni sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu'' [23], tgħidilna wkoll li San Ġużepp, ''il-qaddej fidil u għaqli'', Alla qiegħdu ''fuq il-familja tiegħu biex bis-setgħa ta' missier iħares lill-Iben il-waħdieni tiegħu ''.[24] Il-Papa Ljun XIII juri kemm kienet għolja din il-missjoni ta' San Ġużepp b'dan il-kliem: ''Hu jiżboq lil kulħadd bid-dinjità għolja tiegħu għaliex fil-pjan ta' Alla hu kellu jkun dak li jkollu taħt il-ħarsien tiegħu l-Iben ta' Alla u jkun jitqies bħala missieru fil-fehma tan-nies. Minn dan kien jiġi li l-Verb ta' Alla kien joqgħod għal San Ġużepp, kien jobdih u kien jagħtih il-ġieh li l-ulied huma fid-dmir li jagħtu lil missierhom'[25].

          Ma jistax ikun li dmir hekk għoli ma jkollux miegħu dawk il-kwalitajiet meħtieġa biex wieħed ikun jista' jaqdih sewwa, għalhekk għandna naħsbu li San Ġużepp wera lil Ġesù, ''b'don speċjali mis-sema, dik l-imħabba kollha, dik il-ħeġġa u l-ħerqa kollha, li qatt jista' jkollha qalb ta' missier.''[26]

          Alla, lil San Ġużepp, flimkien mal-awtorità ta' missier, tah ukoll l-imħabba ta' missier, dik l-imħabba li għandha l-bidu tagħha fil-Missier tas-sema ''li minnha tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art'' (Ef. 3,15).

          Id-dmir ta' San Ġużepp bħala missier putattiv ta' Ġesù nsibuh imfisser sewwa fl-Evanġelju. Is-salvazzjoni li tiġina permezz tal-umanità ta' Ġesù, isseħħ b'ħidmiet li huma parti mill-ħajja ta' kuljum f'kull familja, dik is-sura ta' ħajja li l-Iben ta' Alla għoġbu jiċċekken biex jidħol għalija, sura ta' ħajja li kienet parti mill-pjan tal-Inkarnazzjoni. L-Evanġelisti kienu attenti ħafna li juru li xejn fil-ħajja ta' Ġesù ma sar b'kumbinazzjoni, imma kollox sar skont il-pjan imfassal minn Alla. Spiss fl-Evanġellju niltaqgħu ma dan il-kliem: ''dan kollu ġara biex iseħħ .... '' Dan il-kliem jorbot il-fatt li jkun qed isemmi l-Evanġelista ma' xi ġrajja partikulari tal-Patt il-Qadim, u hekk juri li wieħed kien il-pjan li Alla ħaddem tul-iż-żminijiet kollha sa ma seħħ fi Kristu.

          Bl-Inkarnazzjoni ''il-wegħdiet '' u ''x-xbihat'' tal-Patt il-Qadim ''saru fatti''. il-postijiet u l-persuni, il-ġrajjiet u ċ-ċerimonji għandhom rabta bejniethom, skont il-ħsieb ta' Alla, mgħarraf mill-Anġli u milqugħ minn dawk li b'mod speċjali kienu lesti jilqgħu bil-qawwa kollha l-kelma ta' Alla. Il-Verġni Marija kienet il-qaddejja umli tal-Mulej, imħejjija sa minn dejjem, biex tkun Omm Alla; San Ġużepp kien dak li Alla għażel biex ikun ''dak li jkollu taħt il-ħarsien tiegħu t-twelid tal-Mulej''[27] u dmiru kien li jieħu ħsieb li l-Iben ta' Alla jidħol fid-dinja b'''ordni xieraq'' jiġifieri skont ma jitolbu l-liġijiet ta' Alla u tal-bnedmin. Il-ħajja kollha ''privata'' u ''moħbija'' ta' Ġesù giet fdata għall-ħarsien ta' San Ġuzepp.

 

Iċ-ċensiment

          9. San Ġużepp mar Betlehem għaċ-ċensiment biex jobdi ordni tal-awtorità leġittima tal-pajjiż u fl-istess ħin qeda d-dmir tiegħu lejn it-tarbija Ġesù billi pubblikament niżżillu ismu fir-reġistri tal-imperu ta' Ruma: ''Ġesù ta' Nażaret bin Ġużeppi'' (Ġw. 1,45). Din il-kitba ta' isem Ġesù fir-reġistri tal-imperu Ruman turi b'mod l-aktar ċar li Ġesù hu bniedem fost il-bnedmin, jagħmel parti mill-familja tal-bnedmin, ċittadin ta' din id-dinja, suġġett tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet tagħha, u fl-istess waqt Feddej tad-dinja. Il-qawwa teoloġika ta' dan il-fatt storiku, li hu ta' importanza kbira, ifissirielna Oriġene: ''Xjiswieli dan il-fatt li Ċesare Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha u li fost dawk kollha li nkitbu kien hemm ukoll Ġużeppi u Marija, l-għarusa tiegħu, li kienet tqila, u li qabel ma nkitbu twieled Ġesù? Min jifli dan il-fatt bl-akbar reqqa, għandu jaħseb li hawn għandna xi misteru, għaliex meta d-dinja kollha kienet qed tinkiteb, kellu jinkiteb Kristu wkoll. B'ismu mniżżel ma' dawk tan-nies kollha seta' jqaddes lil kulħadd, u magħdud fiċ-ċensiment mad-dinja kollha, seta' joffri lid-dinja xirka miegħu, u, wara li nkiteb hu, kiteb id-dinja kollha miegħu fil-ktieb tal-ħajjin, biex, kull min jemmen fih, wara jinkiteb fis-sema mal-Qaddisin ta' Alla : lilu glorja u setgħa għal dejjem ta' dejjem . Ammen.''  [28]

 

 

It-twelid ta' Betlehem

          10. Bħala dak li kellu taħt il-ħarsien tiegħu ''il-misteru li kien moħbi sa minn mijiet ta' snin f'Alla'' u li beda jseħħ quddiem għajnejh ''fil-milja taż-żminijiet'', Ġużeppi flimkien ma Marija, f'dak il-lejl tal-Milied f'Betlehem kien xhud magħżul tal-miġja tal-Iben ta' Alla fost il-bnedmin. Dan jikteb San Luqa: ''Meta kienu hemm Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda''. (Lq. 2,6-7) .

          Ġużeppi kien xhud li ra b'għajnejh it-twelid ta' Ġesù, twelid li seħħ f'kundizzjonijet li, fil-fehma tal-bnedmin, kienu mill-għar; kienet l-ewwel tħabbira ta' dik il-qagħda li Kristu aċċetta bil-qalb minn rajh, meta ċekken lilu nnifsu għall-maħfra tad-dnubiet (ara Fil. 2,5-8). Fl-istess ħin, San Ġużepp kien ukoll xhud tal-qima tar-ragħajja li marru fil-post fejn twieled Ġesù, wara li l-Anġlu tahom l-aħbar ta' ferħ kbir (araLq. 2,15- 16); kien ukoll imbagħad xhud tal-ġieħ li taw lil Ġesù l-Maġi li ġew mil-Lvant (ara Mt.2,11).

 

Iċ-ċirkonċiżjoni  

11. Il-ħtin ta' iben kien l-ewwel dmir reliġjuż ta' missier; dan Ġużeppi għamlu bħala dritt u dmir lejn Ġesù (ara Lq. 2,21).

          Il-prinċipju jgħid illi r-riti kollha tal-Patt il-Qadim huma dell tal-verità sħiħa (ara Lh. 9,9s; 10,1) jurina għaliex Ġesù ħarishom. Bħar-riti l-oħra tal-Patt il-Qadim iċ-ċirkonċiżjoni f'Ġesù laħqet ''il-perfezzjoni ''. Il-patt ta' Alla ma' Abraham, patt li tiegħu ċ-ċirkonċiżjoni kienet is-sinjal (ara Ġen. 17,18) kiseb f'Ġesù l-qawwa kollha tiegħu u sħuħija perfetta, għaliex f'Ġesù l-wegħdiet ta' Alla saru iva''(ara 2 Kor. 1,20).

 

L-għoti tal-isem

          12. Ġużeppi ta l-isem ''Ġesù'' lit-tifel fiċ ċirkonċiżjoni. Ma hemmx isem iehor li bih aħna għandna nkunu salvi (ara Atti 4,12); it-tifsira ta' dan l-isem giet mogħtija lil Ġużeppi meta l-Anġlu ħabbarlu x'kellha tkun il-missjoni tiegħu: ''Inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom'' (Mt. 1, 21). Bl-għoti tal-isem lil Ġesù, Ġużeppi wera l-paternità leġġitima tiegħu fuq Ġesù u meta semmieh ''Ġesù'', wera x'kellha tkun il-missjoni tat-tifel bħala Feddej.

 

Il-preżentazzjoni fit-tempju

          13. Ir-rit tal-preżentazzjoni fit-tempju (Lq.2,22s), imfakkar minn San Luqa, iħaddan il-fidwa tal-ewwel imwieled u jitfa' wkoll dawl fuq it-tlett ijiem li Ġesù għadda fit-tempju meta kellu tnax-il sena.

          Dmir ieħor tal-missier kien il-fidwa tal-ewwel imwieled, u dan Ġużeppi għamlu wkoll. L-ewwel imwieled kien jirrappreżenta l-poplu tal-Patt, meħlus mill-jasar, ħa jkun kollu kemm hu ta' Alla. Hekk Ġesù, li hu l-veru ''prezz'' tal-fidwa tal-bniedem (ara 1Kor,6,20; 7,23; 1Piet. 1,19) mhux biss ''temm'' ir-rit tal-Patt il-Qadim, imma, fl-istess ħin ukoll issuperah, għaliex hu ma kienx mifdi, imma kien il-Feddej.

          L-Evanġelista jgħidilna li ''missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu'' (Lq. 2,33), u l-aktar b'dak li qal fuqu x-xwejjaħ Xmun; fil-kantiku tiegħu lil Alla, tkellem dwar Ġesù bħala ''s-salvazzjoni .... li Alla ħejja għall-poplu kollu'' u ''dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu ta' Iżrael'', u wkoll ''sinjal li jmeruh'' (Lq. 2,30-34).

 

Il-ħarba fl-Eġittu

          14. Wara l-preżentazzjoni fit-tempju, San Luqa jgħid: ''Malli temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-liġi ta' Mosè, reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nażaret. It-tfajjel baqa' jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu''(Lq. 2,39 -40 ).

          Iżda San Mattew jgħidilna li qabel stess ma reġgħu lura lejn il-Galilija, seħħet ġrajja importanti ħafna, ġrajja li fiha l-providenza ta'Alla rikorriet għand San Ġużepp. Naqraw fl-Evanġelju ta' San Mattew: ''Meta (l-Maġi) telqu deher l-Anġlu tal-Mulej f'ħolma lil Ġużeppi u qallu: ''Qum ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu uaħrab lejn l-Eġittu u ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex it-tifel biex joqtlu'' (Mt. 2,13). Erodi, bil-mġja tal-Maġi mil-Lvant, sar jaf bit-twelid tas-''sultan tal-Lhud'' (ara Mt. 2,2). Meta telqu l-Maġi ''bagħat jeqred f'Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha t-tfal subien kollha ta' minn sentejn 'l isfel (Mt. 2,16). Bil-qtil ta' dawn it-tfal ittama li jeqred ukoll is-''sultan tal-Lhud'' li kien għadu kemm twieled, is-sultan li sar jaf dwaru mingħand il-Maġi. Għalhekk Ġużeppi, imwissi b'ħolma, ħa miegħu t-tifel u 'l ommu bil-lejl, u warrab lejn l-Eġittu u baqa' hemmhekk, sal-mewt ta' Erodi. B'hekk seħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ''Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni'' (Mt.2,14-15; ara Hos. 11,1).

          Hekk Ġesù reġa' lura minn Betlehem għal Nażaret billi għadda mill-Eġittu. Kif Iżrael ħareġ mill-Eġittu, minn dar il-jasar, biex jagħti bidu għall-Patt il-Qadim, hekk Ġużeppi, imsejjaħ biex iżomm taħt il-ħarsien tiegħu l-misteru tal-Provvidenza ta' Alla u jgħin biex iseħħ fl-eżilju tal-Eġittu żamm taħt il-ħarsien tiegħu, bil-għaqal kollu, lil dak li bih kellu jseħħ il-Patt il-Ġdid.   

 

It-tlitt ijiem fit-tempju

          15. Mill-mument tat-tħabbira, Marija u Ġużeppi b'xi mod sabu ruħhom fil-qalba tal-misteru, moħbi sa minn mijiet ta' snin f'Alla, il-misteru li fl-aħħar deher f'ġisem bħal tagħna: ''Il-Verb sar bniedem u għammar fostna'' (Ġw.1,14). Għammar fost il-bnedmin u l-għamara tiegħu kienet fil-familja ta' Nażaret, waħda mill-ħafna familji tal-art ta' Iżrael. Hawn Ġesù kien jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf, u l-grazzja ta' Alla kienet miegħu'' (Lq. 2,40). Dawn il-ftit kelmiet tal-Evanġelju jħaddnu ż-żmien kollu tal-ħajja ''moħbija'', li matulha Ġesù kien qed iħejji ruħu għall-missjoni messjanika tiegħu. Fatt wieħed biss ta' din il-ħajja moħbija nsibuh fl-Evanġelju ta' SanLuqa: il-festa tal-Għid f'Ġerusalemm meta Ġesù kellu tnax-il sena.   

          Ġesù ħa sehem f'din iċ-ċelebrazzjoni bħala pellegrin żagħżugħ flimkien ma Marija u Ġużeppi. U ġara li ''wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu'' (Lq. 2,43). Wara jum mixi, intebħu li Ġesù ma kienx magħhom, u fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom. ''Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda fost l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu'' (Lq. 2,46-47). Marija qaltlu: ''Ibni, dan għax għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma!''(Lq. 2,48). It-tweġiba li tahom Ġesù kienet tweġiba li ma fehmuhiex; qalilhon: ''U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?'' (Lq. 2,49-50). Din it-tweġiba kellu Ġużeppi; ftit qabel Marija sejħitlu ''missierek''; u hekk, fl-aħħar mill-aħħar, kienu jgħidu u jaħsbu n-nies: ''Ġesù ... in-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi'' (Lq.3,23). Madankollu t-tweġiba li kellu l-''missier putattiv'' ta' Ġesù, fakkritu f'dak li kien sema' tnax-il sena qabel: ''Ġużeppi ... xejn la tibża' li tieħu 'l Marija b'martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu''. Sa minn dak iż-żmien hu kien għaraf li kien fdat lilu l-misteru ta' Alla biex iżommu taħt il-ħarsien tiegħu; Ġesù, ta' tnax-il sena, hu stess fakkar dan il-misteru : ''Jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri ''. 

 

 It-trobbija u t-trawwim ta' Gesù f'Nażaret

          16. Ġesù baqa' jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja'' (Lq. 2,52) fi ħdan il-Familja Mqaddsa taħt għajnejn San Ġużepp, li kellu d-dmir importanti li ''jrabbi'' lil Ġesù, jiġifieri li jmantnih, ilibbsu u jgħallmu l-Liġi u xi sengħa, kif jitlob id-dmir ta' missier .

          Fis-sagrifiċċju tal-Ewkaristija l-Knisja ġġedded l-ewwelnett it-tifkira tal-glorjuża dejjem Verġni Marija  ... u tal-għarus tagħha San Ġużepp,[29] għliex hu rabba lil dak li l-poplu nisrani jirċievi bħala ħobż li niżel mis-sema.[30] 

          Min-naħa tiegħu, Ġesù ''kien jobdihom'' (Lq.2,51) jigifieri juri l-qima u r-rispett lejn ''il-ġenituri tiegħu'', għall-imħabba li kienu juruh. B'dan il-mod, Ġesù ried iqaddes id-dmirijiet tal-familja u tax-xogħol li hu għamel ma' San Ġużepp.

 

 

 

III

IL-BNIEDEM ĠUST____ IR-RAĠEL TA' MARIJA

          17. Tul ħajtu kollha, Ġużeppi mexa l-mixja tiegħu tal-fidi, bħall-Verġni Marija. u ħares sal-aħħar ta' ħajtu s-sejħa li għamillu Alla. Marija, b'ħajjitha kollha, kellha twassal il-fiat li tat fit-tħabbira tal-Anġlu, għall-perfezzjoni sħiħa tagħha; imma San Ġużepp għat-tħabbira li saritlu mill-Anġlu ma ta ebda tweġiba, iżda għamel biss kif ordnalu l-Anġlu tal-Mulej (Mt. 1,24). Dan l-ewwel ''għemil' ta' San Ġużepp sar imbagħad l-''għemil'' ta' ħajtu kollha. L-Evanġelisti qatt ma jsemmu xi kelma li qal San Ġużepp tul ħajtu kollha. Iżda s-skiet ta' San Ġużepp jitkellem b'qawwa liema bħalha, għaliex f'dan is-skiet nistgħu nifhmu l-verità ta' dak li jgħid l-Evanġelju dwar San Ġużepp li kien ''raġel ġust'' (Mt. 1,19).

          Jeħtieġ li nifhmu sewwa din il-verità għaliex fiha hemm xhieda mill-aqwa dwar San Ġużepp u l-missjoni tiegħu. Tul iż-żminijiet, il-Knisja ħarset lejn din ix-xhieda b'attenzjoni dejjem akbar, għax għarfet toħroġ ''sew il-ġdid u sew il-qadim'' (Mt. 13,52) minn dak it-teżor li hu l-figura singulari ta' San Ġużepp.

          18. Ir-''raġel ġust'' ta' Nażaret kellu l-ewwelnett l-aqwa kwalitajiet li jista' jkollu raġel. L-Evanġelista jurina 'l Marija bħala ''xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi'' (Lq. 1,27). Qabel stess ma beda iseħħ ''il-misteru moħbi sa minn mijiet ta' snin f'Alla'' (Ef.3,9), l-Evanġelji juruna x-xbieha ta' raġel u mara. Skont id-drawwiet tal-Lhud iż-żwieġ kellu żewġ taqsimiet: fl-ewwel taqsima kienet issir ir-rabta taż-żwieġ skont il-liġi (għalhekk kien żwieġ tassew ); imbagħad biss wara xi żmien ir-raġel kien jieħu f'daru 'l martu.

          Għalhekk qabel ma Marija marret tgħix ma' Ġużeppi, kienet ġà ''martu''. Iżda Marija baqgħet tgħożż ix-xewqa kbira tagħha li tagħti ruħha kollha kemm hi lil Alla biss. Wieħed jista' jistaqsi kif din ix-xewqa ta' Marija tista' toqgħod maż-''żwieġ'' tagħha. It-tweġiba tagħtihielna biss il-ġrajja tas-salvazzjoni kif bdiet isseħħ bil-ħidma speċjali ta' Alla nnifsu. Sa mill-ewwel mument tat-tħabbira tal-Anġlu, Marija kienet taf li kellha tħares il-fehma tagħha li tibqa dejjem verġni, biex tingħata kollha kemm hi u għal kollox lil Alla ħalli tkun Omm l-Iben ta' Alla. Il-maternità bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu kienet is-sura tal-għoti, li Alla talab lil Verġni Marija, mgħarrsa ma' Ġużeppi. Għalhekk Marija tat il-fiat tagħha, qalet ''ħa jsir minni skont kelmtek''.

          L-għerusija ma' Ġużeppi, kienet parti mill-istess pjan ta' Alla. Dan fakkruh minn qabel iż-żewġ Evanġelisti, b'mod speċjali , San Mattew. Ifisser ħafna l-kliem li ngħad lil San Ġużepp: '' Tibżax tieħu 'l Marija b'martek , għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu'' (Mt.1,20). Dan il-kliem kien ifisser il-misteru ta' mart Ġużeppi: Marija kienet verġni u omm, kienet verġni fil-maternità tagħha. Fiha ''Bin il-Għoli sar bniedem, ħa l-ġisem ta' bniedem, u sar ''Bin il-Bniedem''

          Alla kellem lil Ġużeppi bi kliem l-Anġlu bħala r-raġel tal-Verġni ta' Nażaret. Dak li seħħ fiha bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu wettaq r-rabta taż-żwieġ li ġa kien hemm bejn Marija u Ġużeppi. L-Anġlu kellem b'mod l-aktar ċar lil Ġużeppi: ''Tibżax tieħu 'l Marija b'martek''. Mela dak li kien sar qabel - iż-żwieġ ta' Ġużeppi ma' Marija - kien sar bir-rieda ta' Alla u għalhekk kellu jibqa'. Kien jeħtieġ mela li Marija tgħix ta' Omm Alla bħala ''xebba mgħarrsa lil Ġużeppi.''(ara Lq. 1,27)

          19. San Ġużepp mhux biss sama', bit-tħabbira tal-Anġlu f'ħolma, il-verità ta Alla dwar il-vokazzjoni tal-għaġeb ta' martu, imma reġa' sema' wkoll il-verità dwar il-missjoni tiegħu. Dan ir-raġel ''ġust'' li ħabb lill-Verġni ta' Nażaret skont it-tradizzjonijiet l-aktar għolja tal-poplu mażgħul ta' Alla, u kien marbut magħha fl-imħabba bir-rabta taż-żwieġ, ġie mill-ġdid imsejjaħ minn Alla biex juriha din l-imħabba.

          ''Ġużeppi ... għamel kif ordnalu l-Anġlui u ħa 'l martu għandu'' (Mt. 1,24). Dak li tnissel fiha ''ġej mill-Ispirtu s-Santu'': tgħid ma nistgħux nifhmu minn dan il-kliem li l-imħabba ta' Ġużeppi bħala r-raġel ta' Marija ġie wkoll imġedded mill-Ispirtu s-Santu? M'għandniex forsi naħsbu li l-imħabba ta' Alla li ssawbet fi qlub il-bnedmin bl-Ispirtu s-Santu (ara Rum. 5,5) tagħmel perfetta għal kollox kull imħabba tal-bniedem? Din l-imħabba ta' Alla, b'mod tassew speċjali, issawwar l-imħabba tal-miżżewġin billi tqawwi u tgħolli kulma hu sabiħ u jixraq lill-bniedem, kulma jfisser l-għoti lil xulxin tagħhom it-tnejn kollha kemm huma, patt bejn żewġ persuni, xirka vera skont is-sura tal-misteru tat-Trinità Qaddisa.

          ''Ġużeppi ... ħa 'l martu għandu, imma baqa' ma għarafhiex sa ma kellha iben''. (Mt. 1,24-25). Dan il-kliem ifisser sura oħra ta' qrib xulxin fiż-żwieġ. L-ogħla sura ta' qrib xulxin, jew aħjar, il-qawwa tal-għaqda u x-xirka fir-ruħ ta' żewġ miżżewġin, fl-aħħar mill-aħħar tiġi mill-Ispirtu s-Santu, ''il-Mulej li jagħti l-ħajja'' (Ġw. 6.63). Ġużeppi, fl-ubbidjenza tiegħu lill-Ispirtu s-Santu, fl-Ispirtu s-Santu sab l-għajn tal-imħabba tiegħu ta' raġel fiż-żwieġ, imħabba li hi aqwa minn dik li ''raġel ġust'' seta' qatt  jistenna minn qalb ta' bniedem.

          20. Il-Liturġija tagħti ġieħ lill-Verġni Marija bħala dik li kienet ''marbuta ma' Ġużeppi b'rabta liema bħalha ta' mħabba safja.''[31] Hawn għandna żewġ suriet ta' mħabba li flimkien juru l-misteru tal-Knisja,Verġni u Omm, li huma simboleġġjati fiż-żwieġ ta' Marija u Ġużeppi. ''Il-verġnità (u ċ-ċelibat) għas-saltna ta' Alla ma tmurx kontra d-dinjità taż-żwieġ, imma titlobha u twettaqha. Iż-żwieġ u l-verġinità huma żewġ suriet li bihom wieħed juri u jgħix il-misteru waħdieni tal-Patt ta' Alla mal-poplu tiegħu'' [32], patt li hu xirka ta' mħabba bejn Alla u l-bnedmin.

          Bis-sagrifiċċju sħiħ tiegħu nnifsu, Ġużeppi wera mħabba liema bħalha għal Omm Alla għax ''ta lilu nnifsu kollu kemm hu'' lilha U dan ukoll għax ħass li kellu jżomm ruħu lura biex ma jfixkilx il-pjan ta' Alla li kien qed iseħħ fiha; għalhekk ħa għandu 'l martu waqt li wera qima għall-għoti sħiħ tagħha kollha kemm hi lil Alla. Minn naħa l-oħra, id-dinjità singulari ta' Ġużeppi u d-drittijiet fuq Ġesù kienu ġejjjin miż-żwieġ ma' Marija. ''Tant hi għolja d-dinjità tal-Verġni Marija li żgur ma hemm xejn aqwa minnha, iżda għaliex kien hemm ir-rabta taż-żwieġ ta' Ġużeppi mal-imqaddsa Verġni Marija ma hemmx dubju li ħadd daqs Ġużeppi ... ma seta' jersaq lejn dik id-dinjità hekk għolja li minħabba fiha l-Omm ta' Alla kienet tisboq għal kollox il-ħlejjaq kollha. Iż-żwieġ huwa l-ogħla xirka u rabta fost kull xirka u rabta, għaliex iż-żwieġ jitlob li l-ġid kollu ta' kull wieħed mill-miżżewġin ikun tat-tnejn flimkien; għalhekk jekk Alla ta' 'l Ġużeppi lil Marija fiż-żwieġ, ma tahx biss bħala sieħeb ta' ħajjitha, xhud ta' xbubitha, u difensur ta' gieħha, imma tah ukoll sehem, permezz taż-żwieġ, mid-dinjità l-aktar għolja tagħha.''[33]

          21. Fil-ħajja tal-Familja Mqaddsa naraw rabta kbira ta' mħabba, l-ewwel fost il-faqar ta' Betlehem, imbagħad fl-eżilju fl-Eġittu, u fl-aħħarnett fid-dar ta' Nażaret. Il-Knisja tagħti qima liema bħalha lil din il-Familja, u turiha bħala eżempju għal kull familja. Il-Familja ta' Nażaret, li tinsab fil-qofol tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, hi wkoll misteru singulari. U f'dan il-misteru tal-Familja Mqaddsa, insibu wkoll, kif insibu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, paternità vera; is-sura umana tal-familja tal-iben ta' Alla, li kienet vera familja ta' bnedmin, imfassla mill-misteru ta' Alla. F'din il-familja, Ġużeppi hu l-missier, għalkemm il-paternità tiegħu mhix ġejja minn tnissil. Iżda din il-paternità mhijiex biss ''dehra taparsi'', mhijiex biss apparenti u ''sostituttiva'', imma hija paternità vera bid-dmir ta' missier ta' familja. Dan jiġi mill-unjoni ipostatika, jigifieri mill-għaqda tan-natura ta' Alla man-natura ta' bniedem fil-Persuna tal-Iben ta' Alla magħmul bniedem. Flimkien man-natura ta' bniedem, Kristu ħa kulma hu tal-bniedem, u b'mod speċjali l-familja, li hi l-ewwel kondizzjoni tal-ħajja tal-bniedem fid-dinja.. B'hekk il-paternità ta' Ġużeppi bħala bniedem daħlet fil-misteru tal-Inkarnazzjoni.

          Skont dan il-prinċipju, il-kliem li Marija qalet fit-tempju lil Ġesù, meta kellu tnax-il sena jieħu t-tifsir sħiħ tiegħu: ''Ara, missierek u jiena ... konna qegħdin infittxuk.'' Dan mhuwiex kliem ordinarju u konvenzjonali.

          Kliem Marija juri l-verità sħiħa tal-Inkarnazzjoni li tinsab fil-misteru tal-Familja ta' Nażaret. Ġużeppi, sa mill-bidu jaċċetta, bl-ubbidjenza tal-fidi, li jkun missier putattiv ta' Ġesù, imdawwal mill-Ispirtu s-Santu, li jingħata lil bnedmin permezz tal-fidi, wasal biex jagħraf dejjem aktar id-don ta' ġieħ liema bħalu tal-paternità tiegħu.

 

 

 

 

 

 


 

IV

IX-XOGĦOL BĦALA XHIEDA TA' MĦABBA

 

          22. Ix-xogħol kien kuljum xhieda tal-imħabba fil-ħajja tal-Familja ta' Nażaret. L-Evanġelju jgħidilna liema xogħol kien jagħmel San Ġużepp biex imantni l-familja: kien mastrudaxxa. Il-ħajja ta' mastrudaxxa kienet il-ħajja kollha ta' San Ġużepp. Dawn kienu s-snin tal-ħajja moħbija ta' Ġesù li l-Evanġelista jsemmi wara l-ġrajja ta' Ġesù fit-tempju: ''niżel magħhom u reġa' mar Nażaret u kien jobdihom''. (Lq. 2,51). Din l-ubbidjenza ta' Ġesù f'Nażaret, għandna nifhmuha wkoll bħala tisħib fix-xogħol ta' Ġużeppi. Dan li kien magħruf bħala ''bin il-mastrudaxxa'' tgħallem is-sengħa tal-missier putattiv tiegħu. Jekk il-familja ta' Nażaret, fl-ordni tal-qdusija u tas-salvazzjoni hi xbieha u eżempju għall-familji kollha tal-bnedmin, hekk ukoll hi xbieha u eżempju l-ħidma ta' Ġesù maġenb Ġużeppi fil-ħanut ta' Nażaret. Fi żmienna, il-Knisja tat ġieħ lil din il-ħidma biċ-ċelebrazzjoni liturġika ta' San Ġużepp Ħaddiem fl-ewwel ta' Mejju. Ix-xogħol tal-bniedem, u b'mod speċjali x-xogħol tal-idejn, l-Evanġelju jagħtih qawwa partikolari.  

          Fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, l-Iben ta' Alla, flimkien man-natura ta' bniedem, ħa wkoll x-xogħol tal-bniedem u hekk ix-xogħol ukoll ġie mifdi b'mod speċjali . Mill-ħanut tax-xogħol, fejn Ġużeppi kien jaħdem ma' Ġesù, ix-xogħol tal-bniedem resaq lejn il-misteru tal-fidwa.

          23. Waqt li Ġesù kien qed jikber ''fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja'', ix-xogħol bħala virtù, kellu importanza kbira għaliex ix-xogħol ''hu ġid għall-bniedem'', għax bih ''b'xi mod il-bniedem isir aktar bniedem. ''[34]

          Il-piż tax-xogħol fil-ħajja tal-bniedem, minnu nnifsu jitlob li jkun magħruf u milqugħ, biex ''ikun ta' għajnuna għall-bnedmin, ħalli bih aktar jersqu qrib Alla, li ħalaqhom u fdiehom, ħa jissieħbu fil-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tal-bnedmin u tad-dinja, u jsaħħu l-ħbiberija ma' Kristu f'ħajjithom, billi jissieħbu b'fidi ħajja fil-missjoni tiegħu ta' saċerdot, profeta u sultan.'' [35]

          24. Fl-aħħar mill-aħħar dak li jgħodd huwa l-qdusija tal-ħajja ta' kuljum, li kull wieħed hu fid-dmir li jikseb skont ma tkun il-qagħda tiegħu, qdusija li tiġi 'l quddiem fuq eżempju li jkun jiswa għal kulħadd. ''Ġużeppi hu xbieha ta' dawk iż-żgħar kollha li l-fidi nisranija waslitilhom għall-ogħla ġieħ... u prova ta' dan hu li, biex bniedem ikun bniedem tajjeb u veru dixxiplu ta' Kristu, m'hemmx għalfejn jagħmel ħwejjeġ kbar,[36] imma biss li jkollhom dawk il-virtujiet sempliċi li jista' jkollu kull bniedem basta jkunu virtujiet veri u sodi.''

 

V

IL-PRIMAT TAL-ĦAJJA TAR-RUĦ

 

          25. Is-skiet li jħaddan il-ħajja kollha ta' Ġużeppi, iħaddan ukoll il-ħidma tiegħu ta' mastrudaxxa fid-dar ta' Nażaret. Iżda dan is-skiet b'mod speċjali jurina x'kienet is-sura tar-ruħ ta' dan il-bniedem. L-Evanġelju jgħidilna biss dak li ''għamel '' Ġużeppi, iżda fl-istess ħin, f'dan is-skiet, iħallina naraw x'kontemplazzjoni għolja dan l-''għemil '' kellu miegħu. San Ġużepp kien jgħix kuljum mal-misteru ''moħbi sa minn mijiet ta' snin'' li kien jgħammar f'daru. Kien għalhekk li, biex insemmu eżempju, Santa Tereża ta' Ġesù, il-qaddisa kbira li ġabet it-tiġdid tal-Karmelitani kontemplattivi, ħabirket ħafna ħa tqajjem mill-ġdid fost l-insara tal-punent id-devozzjoni lejn San Ġużepp.

          26. Is-sagrifiċċju sħiħ, li bih San Ġużepp offra ħajtu kollha kemm hi għal dak li kienet titlob il-miġja tal-Messija f'daru, nifhmuh biss fid-dawl tal-ħajja spiritwali tiegħu. Minn din il-ħajja ''ħarġu l-ordnijiet speċjali li kellu u kull faraġ li ġarrab, ħajja li tagħtu r-raġuni u l-qawwa li jista' jkollu biss min hu ċar u bla qerq fil-fehmiet tiegħu, u tagħtu l-kuraġġ li joqgħod għar-rieda ta' Alla u jiċċaħħad mil-libertà tiegħu u mis-sejħa tiegħu bħala raġel u mill-hena taż-żwieġ, ħaġa li wasslitu biex jitgħabba bid-dmirijiet u l-piż tal-familja, waqt li jiċċaħħad mill-imħabba naturali fiż-żwieġ, imħabba li biha sseħħ u titmantna l-familja, u dan b'ġieħ imħabba verġinali li m'hemmx oħra bħalha. ''[37]

          Din l-ubbidjenza lejn Alla, din ir-rieda li jingħata minnufih għal kull ma jitlob il-qadi ta' Alla, mhumiex għajr dak l-għemil ta' devozzjoni li juri l-virtù tar-reliġjon.[38]

          27. Ix-xirka li kien hemm fil-ħajja ta' Ġesù u ta' Ġużeppi twassalna biex nikkunsidraw mill-ġdid il-misteru tal-Inkarnazzjoni billi naraw kif in-natura ta' bniedem ta' Kristu kienet l-istrument li bih in-natura tiegħu ta' Alla qaddset il-bniedem: ''L-għemil kollu tiegħu kien ta' salvazzjoni għalina bil-qawwa divina tiegħu, għaliex kisbilna l-grazzja bil-merti u l-qawwa ta' għemilu''. [39]

          Fost l-għemil kollu li jsemmu l-Evanġelisti, l-aqwa importanza jagħtuha lill-għemil li kellu x'jaqsam mal-misteru tal-Għid tiegħu; iżda jsemmu wkoll l-importanza tal-kuntatt fiżiku ma' Ġesù fil-mirakli tal-fejqan  (ara v.g. Mk. 1,41) u l-qawwa li wera ma' San Ġwann Battista meta dan kien għadu f'ġuf ommu. (ara Lq. 1, 41-44).

          Kif rajna aktar 'il fuq, ix-xhieda tal-Appostli ma ħallietx barra la t-twelid ta' Ġesù, la l-ħtin tiegħu, la l-preżentazzjoni fit-tempju, la l-ħarba fl-Eġittu u lanqas il-ħajja moħbija f'Nażaret; dan għaliex f'dawn il-''ġrajjiet'' kollha tas-salvazzjoni, hemm il-''misteru'' tal-grazzja, għaliex il-qawwa kollha tagħhom ġejja minn għajn waħda: id-divinità ta' Kristu, l-ewwel li gawdew minnha kienu dawk li Alla, bir-rieda tiegħu, ried li jkunu marbutin miegħu b'rabta liema bħalha: l-omm ħelwa tiegħu Marija u l-missier putattiv tiegħu San Ġużepp.[40]  

          Għaliex, nistaqsi, l-imħabba ta' Ġużeppi ''bħala missier'' ma kellhiex tinfluwenza l-imħabba ta' Kristu ''bħala iben''? U għal kuntrarju, għaliex l-''imħabba ''bħala iben'' ta' Ġesù ma kellhiex tqanqal f'Ġużeppi l-imħabba tiegħu bħala missier? U għalhekk għaliex m'għandniex nidħlu aktar fil-fond f'din ir-rabta hekk għolja ta' mħabba bejniethom? Mhux ta' b'xejn dawk il-bnedmin li jħossu b'mod l-aktar għoli f'ruħhom il-qawwa tal-imħabba ta' Alla, jaraw f'San Ġużepp xbieha mill-aqwa għalihom tal-ħajja tar-ruħ.

          Barra dan, il-ħajja attiva u l-ħajja kontemplattiva li qishom jidhru li ma jmorrux flimkien, f'San Ġużepp, isibu dik l-armonija sħiħa bejniethom, li tista' tinsab biss f'dawk li fihom l-imħabba tilħaq il-perfezzjoni sħiħa tagħha. Waqt li nagħmlu għażla bejn l-imħabba għall-verità u bejn dak li titlob l-imħabba,[41] bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li San Ġużepp kellu l-imħabba għall-verità, jigifieri kien jikkontempla b'imħabba liema bħalha l-Verità ta' Alla li kienet tiddi fl-umanità ta' Kristu, u għamel kulma titlob l-imħabba, għaliex kellu dik l-imħabba safja li kienet titlob minnu l-missjoni tiegħu li jħares u jrawwem 'l Kristu bħala bniedem.

 

 

VI

PATRUN TAL-KNISJA FI ŻMIENNA

 

          28. Fi żminijiet l-aktar diffiċli għall-Knisja, il-Papa Piju IX ried jafdaha taħt il-ħarsien speċjali tal-Patrijarka San Ġużepp, u għalhekk iddikjarah ''Patrun tal- Knisja Universali.'' [42] Dan il-Papa kien jaf li ma kienx qed jagħmel xi ħaġa barra minn lokha, għaliex minħabba d-dinjità għolja li ngħatat lil dan il-qaddej fidil u għaqli, ''il-Knisja, wara l-Imqaddsa Verġni Marija, l-Għarusa tiegħu, tatu l-aqwa ġieħ u l-għola tifħir u dejjem talbet l-għajnuna tiegħu f'kull tiġrib.''[43]

          Għaliex din il-fiduċja kollha f'San Ġużepp? Ljun XIII ifissru bil-kliem li ġej: ''Ir-raġunijiet għaliex San Ġużepp għandu jitqies patrun speċjali tal-Knisja, u għaliex il-Knisja spiss titlob il-ħarsien u l-patroċinju tiegħu għaliha, huma raġunijiet tassew singulari: San Ġużepp kien ir-raġel ta' Marija u kien il-missier putattiv ta' Ġesù ...  għalhekk wieħed minnufih jifhem li kellu ċerti dmirijiet  ... San Ġużepp kien l-kustodju naturali u leġittimu, il-kap u d-difensur tad-dar ta' Alla, tal-Familja Mqaddsa ..  Kien jaqbel għalhekk u jixraq lil San Ġużepp li, kif darba ħares bla heda l-Familja ta' Nażaret, fil-ħtiġijiet kollha tagħha, hekk issa jiddefendi u jħares bil-patroċinju tiegħu mis-sema l-Knisja ta' Kristu''.[44]

          29. Dan il-patroċinju għandu jitqies illum ukoll bħala meħtieġ għall-Knisja, mhux biss għall-ħarsien tagħha kontra kull tiġrib, imma wkoll, u l-aktar biex iħeġġiġna għall-impenn ġdid ta' evanġeliżżazzjoni tad-dinja, u tal-evanġeliżżazzjoni ta' dawk l-artijiet u ta' dawk il-ġnus, li, kif għidt ... fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħi, Christifidelis laici, ''fl-imgħoddi fihom ir-reliġjon u l-ħajja nisranija kienu jiffjorixxu u llum jinsabu mġarrbin ħafna.''[45] Il-Knisja biex twassal il-bxara t-tajba ta' Kristu għall-ewwel darba, jew biex terġa' twassalha fejn ġiet traskurata jew intesiet jew spiċċat fix-xejn, teħtieġ ''qawwa speċjali mill-għoli ''(ara Lq. 24,49; Atti 1,8), id-don tal-Ispirtu tal-Mulej -- don li hu marbut ukoll mal-interċessjoni u l-eżempju tal-Qaddisin tiegħu.

          30. Minn barra li tafda fil-ħarsien ta' San Ġużepp, il-Knisja tafda wkoll fl-eżempju mill-aqwa li hu jagħtiha , eżempju li jisboq kull sura individwali ta' ħajja u jgħodd għall-komunità nisranija kollha, hi x'inhi l-qagħda ta' kull nisrani u huma x'inhuma dmirijiethom.

          Kif tgħid il-Kostituzzjoni dommatika tal-Konċilju Vatikan II dwar ir-Rivelazzjoni, il-Knisja trid iġġib ruħha bħal ''min jisma' l-Kelma ta' Alla bil-qima kollha''[46], jiġifieri trid tkun dejjem lesta twieġeb minnufih u toqgħod bil-fedeltà kollha għar-rieda ta' Alla, għas-salvazzjoni tad-dinja, imħabbra lilna minn Ġesù. Sa mill-bidu tal-ġrajja tal-fidwa, wara Marija, insibu eżempju ta' ubbidjenza f'San Ġużzepp, ir-raġel magħruf bħala dak li dejjem għamel b'fedeltà kbira kulma Alla ried minnu.

          Il-Papa Pawlu VI ħeġġiġna biex nitolbu l-patroċinju ta' San Ġużepp ''kif hi d-drawwa tal-Knisja li f'dawn l-aħħar iż-żminijiet, l-ewwelnett talbet għaliha nnifisha, hija u tikkontempla teoloġikament ir-rabta li hemm bejn l-għemil tal-bniedem u l-għemil ta' Alla fil-pjan tas-salvazzjoni; f'dan il-pjan l-għemil ta' Alla waħdu hu biżżejjed waqt li l-għemil tal-bniedem ma jista' jasal imkien (ara Ġw. 15,5), iżda mhux meħlus milli jagħti s-sehem umli u kundizzjonat tiegħu, sehem li hu ta' ġieħ kbir fl-istess ħin. Il-Knisja titlob ukoll il-patroċinju ta' San Ġużepp għax-xewqa kbira li għandha li ssaħħaħ il-ħajja tagħha ta' dejjem u ġġedidha permezz ta' dawk il-virtujiiet evanġeliċi li jiddu f'San Ġużepp.''[47] 

          31. Il-Knisja tagħti sura ta' talba lil dawn il-ħtiġijiet kollha tagħha. Hija żżomm quddiem għajnejha li Alla ried jafda ''il-misteru tas-salvazzjoni meta kien għadu fil-bidu tiegħu taħt il-ħarsien fidil ta' San Ġużepp'' il-Knisja titlob lil Alla li jkun jistħoqqilha sehem fil-ħidma tas-salvazzjoni u jkollha dik il-fedeltà u dak is-safa ta' qalb li wera San Ġużepp huwa u jaqdi l-Verb ta' Alla magħmul bniedem, biex timxi quddiem Alla bil-qdusija u l-ġustizzja, bl-għajnuna tal-eżempju u t-talb ta' San Ġużepp''[48].

          Mitt sena ilu, il-Papa Ljun XIII ħeġġeġ l-insara kattoliċi kollha biex jitolbu lil San Ġużepp il-ħarsien tiegħu fuq il-Knisja Universali. L-Enċiklika Quamquam pluries, hija u tfakkar ''l-imħabba ta' missier '' li biha San Ġużepp ''ħabb il-bambin Gesù'', u hija u ssellimlu bħala dak li ġie magħżul mill-provvidenza ta' Alla biex iżomm taħt il-ħarsien tiegħu l-Familja Mqaddsa, fdatlu ''l-wirt għażiż li Ġesù rebaħ b'demmu''. Minn dak iż-żmien ---- kif jien fakkart fil-bidu ta' din l-eżortazzjoni ---- il-Knisja dejjem talbet lil San Ġużepp il-patroċinju tiegħu, f'ġieħ ir-rabta ta' mħabba li biha hu kien marbut mal-Immakulata Omm Alla'' u fdatlu il-ħsibijiet kollha tagħha u t-tiġrib kollu li qed jhedded il-familja kollha tal-bnedmin. Ħafna huma l-kawżi llum li jġiegħluna nagħmlu din l-istess talba: ''O Missier l-aktar maħbub, biegħed minna din il-pesta ta' erruri u ta' ħażen ... ieqaf magħna mis-smewwiet f'din il-ġlieda li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet u kif darba ħlist mill-mewt it-tfajjel Ġesù, hekk iddefendi l-Knisja Mqaddsa ta' Alla minn kull hemm.''[49] Llum ukoll għad fadal ħafna raġunijiet għaliex għandna nafdaw kull bniedem għall-ħarsien ta' San Ġużepp.

          32. Nixtieq ħafna li dawn il-ħsibijiet tiegħi fuq San Ġużepp iqajmu fina dik id-devozzjoni lejn San Ġużeppli kellu l-Papa li mexxa l-knisja mitt sena ilu. Żgur li din it-talba u l-istess figura ta' San Ġużepp huma ta' ġid kbir fi żmienna għall-Knisja fid-dawl tat-tielet elf sena nisranija li waslet biex tibda.

          Il-Konċilju Vatikan II wassal lilna lkoll biex mill-ġdid nagħarfu ''l-għemejjel kbar ta' Alla'', jiġifieri ''il-pjan tas-salvazzjoni, li fih San Ġużepp kellu missjoni speċjali. Meta aħna, għalhekk nafdaw ruħna għall-patroċinju ta' dak li Alla ''għażlu biex jafdalu t-teżori ewlenin tiegħu''[50], minn għandu fl-istess ħin nitgħallmu kif naqdu ''il-pjan tas-salvazzjoni ''. Jalla San Ġużepp ikun għalina lkoll l-Imgħallem ewlieni tagħna fil-qadi tal-missjoni salvifika ta' Kristu, li hi d-dmir ta' kulħadd u ta' kull wieħed mill-membri tal-Knisja: tal-miżżewġin u tal-ġenituri, tal-bnedmin kollha li jgħixu bix-xogħol ta' idejhom u b'kull ħidma oħra li jagħmlu, ta' dawk kollha li huma msejħin għall-ħajja kontemplattiva jew għall-ħajja ta' appostolat.

          Dan ir-raġel ġust, li ħaddan fih innifsu l-wirt kollu tal-Patt il-Qadim, ġie imdaħħal ukoll fil-''bidu'' tal-Patt il-Ġdid u għal dejjem f'Ġesù Kristu. Jalla jurina t-triqat ta' dan il-Patt ta' salvazzjoni lilna li qegħdin fuq il-għatba tat-tielet elf sena, li fihom jeħtieġ li dan il-Patt jibqa', u tiġi dejjem aktar 'il quddiem dik ''il-milja taż-żminijiet'' li hi propju ta' dak il-misteru tal-għaġeb li hu l-Inkarnazzjoni tal-Verb ta' Alla.

           Jalla San Ġużepp jaqla' għall-Knisja u għad-dinja, u għal kull wieħed u waħda minna, il-barka tal-Missier u tal-Iben u tal-l-Ispirtu s-Santu.

 

          Minn Ruma, minn San Pietru, fil-15 t'Awwissu ---- sollennità tal-Verġni Marija mtellgħa s-sema --- fis-sena 1989, il-ħdax-il sena tal-pontifikat

Ioannes Paulus pp II


 

[1] Ara S Irinew, Adversus Haereses, IV, 23, 1-5

[2] Ljun XIII, Enċilklika Quamquam pluries, 15 t'Awwissu1889.

[3] Kongregazzjoni tar-Riti, digriet Quemadmodum Deus tat-8 ta' Diċembru1870; Piju IX Acta pars 1 vol. V, p 282; Piju IX ittra appostolika Inclytum Patriarcham tas-7 ta' Lulju 1871.

[4] San Ġwann Griżostmu, In Matth. Hom. V 3 Missirijiet il-Knisja u l-Papiet raw f'Ġużeppi tal-Eġittu xbieha ta' Ġużeppi ta' Nażaret - l-aktar għax għandhom l-istess isem: Ġużeppi tal-Eġittu b'xi mod ħabbar il-ministeru u l-kobor ta' Ġużeppi ta' Nażaret, li kellu taħt il-ħarsien tiegħu l-għeżeż teżori ta' Alla l-Missier - il-Verb magħmul bniedem u 'l Ommu Marija. Ara vg. lil San Bernard, ''Super Missus est'', Hom II, 16; enċiklika Quamquam pluries tal-15 t'Awwissu 1889

[5] Lumen Gentium, 58.

[6] ibid, 63.

[7]  Dei Verbum 5

[8] ibid., 2

[9] Lumen Gentium, 63

[10] Dei Verbum, 2

[11] Kongregazzjoni tar-Riti, digriet Novis hisce temporibus tat-13 ta' Novembru  1962.

[12] S. Wistin, Sermo 51, 10, 16.

[13] S. Wistin, De nuptils et concupiscientia, 1,11 12; Ara De consensu evangelistarum,II,1, 2;  Contra Faustum ,III,2.

[14] S. Wistin, De nuptils et concupiscientia, 1,11,13; ara Contra Julianum.V,12,46.

[15] Ara S. Wistin, Contra Faustum,  XXIII, 8;  De consensu evangelistarum II, 1,3; S. Tumas, Summa Theol., III 1.29a 2 fil-konklużjoni

[16] Ara d-diskorsi tad-9 u is-16 ta' Jannar u tal-20 ta' Frar 1980.

[17] Pawlu VI Diskors lill-Equipes Notre Dame tal-4 ta' Mejju 1970. L-istess tifħir għall-familja ta' Nażarett bħala eżempju mill-aqwa għall-ħajja tad-dar insibuh, v.g. Fl-ittra appostolika tal-Papa Ljun XIII Neminem fugit tal-14 ta' Ġunju 1892 u fil-motupropju tal-Papa Benedittu XV Bonum Sane tal-25 ta' Lulju 1920.

[18] Familiaris  Consortio, 17.

[19] Ibid. 49; ara Lumen gentium, 11; Apostolicam actuositatem, 11.  

[20] Familiaris  Consortio, 85.

[21] Ara San Ġwann Griżostmu , In Matth. Hom.V,3.

[22] Pawlu VI, diskors tad-19 ta' Marzu 1966

[23] Ara l-kolletta tal-Quddiesa tas-sollennità ta' San Ġużepp.

[24] Ara l-Prefazju tal-istess Quddiesa.

[25] Ljun XIII, Quamquam  pluries.

[26] Piju XII messaġġ bir-radju lill-istudenti tal-iskejjel kattoliċi fl-Istati Uniti tal-Amerika, nhar id-19 ta' Frar 1958

[27] Oriġene, Hom. XIII in Lucam , 6,5.

[28] Oriġene, Hom. XI in Lucam , 6,5.

 

[29] Ara l-ewwel talba ewkaristika

[30] Kongregazzjoni tar-Riti digriet Quemadmodum Deus tat-8 ta' Diċembru 1870.

[31] Prefazju tal-Quddiesa tal-Verġni Marija ta' Nażaret mill-ġabra tal-Quddies f'gieħ il-Madonna,

[32] Familiaris Consortio, 16

[33] Ljun XIII, enċiklika Quamquam pluries

[34] Laborem exercens, 9.

[35] Ibid. 24. Il-Papiet f'dawn l-aħħar żminijiet dejjem urew lil San Ġużepp bħala ''eżempju ''għall-ħaddiema  (ara v.g. Ljun XIII enċiklika Quamquam pluries; Benedettu XV motuproprju Bonum sane; Piju  XII diskors tal-11 ta Marzu 1945 u diskors tal-1 ta' Mejju 1955.  Ġwanni XXIII diskors fuq ir-radju tal-1 ta' Mejju1960

 

[36] Pawlu VI diskors tad-19 ta' Marzu 1969.

[37] Ibid.

[38] Ara S. Tumas Summa Theol. II-IIae q. 82,a.3, ad 2.

[39] Ibid III q. 8,a.1, ad1

[40] Ara Piju XII enċiklika Haurietis aquas tal-15 ta' Mejju  1956.

[41] Ara S. Tumas Summa Theol . Il-IIae q. 182 . 1 , ad 3

[42] Ara Kongregazzjoni tar-Riti digriet Quemadmodum Deus

[43] Ibid.

[44] Ljun XIII, enċiklika Quamquam pluries

[45] Christifidelis laici, 34.

[46] Dei Verbum, 1

[47] Pawlu VI diskors tad-19 ta'Marzu 1969

[48] Kolletta u talba fuq l-offerti tal-Quddiesa tas-sollennità ta' San Ġużepp, u talba ta' wara t-tqarbin tal-Quddiesa Votiva ta' San Ġużepp.

[49] Ara Ljun XIII, Talba lil San Ġużepp li tinsab fl-aħħar tal-enċiklika Quamquam pluries

 

[50] Kongregazzjoni tar-Riti, digriet Quemadmodum Deus.

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta