L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Kuntatt

 

 

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar ir-Rwol u l-Appostolat tal-Lajċi fil-Knisja

 

OMELIJA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

LIL-LAJĊI KATTOLIĊI TA’ RUMA.

Il-Ħadd, 26 ta’ Novembru 1978

Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu.

 

1.     L-ewwel nett nixtieq nesprimi l-ferħ kbir tiegħi għal din il-laqgħa tagħna tal-lum.  Nirringrazzja lill-Kardinal Vigarju ta’ Ruma, li, flimkien mal-Isqfijiet Awżiljarji, organizza din il-laqgħa, li fiha qegħdin jieħdu sehem ir-rappreżentanti tal-lajċi ta’ din id-djoċesi ewlenija tal-Knisja, li tagħha, ftit żmien ilu, skont ir-rieda ta’ Kristu, sirt Isqof. L-organizzazzjonijiet kollha tal-appostolat tal-lajċi fid-djoċesi ta’ Ruma huma preżenti hawn, fil-persuna tar-rappreżentanti tagħhom, akkumpanjati mill-Assistenti Spiritwali ta’ kull organizzazzjoni partikulari.  Meta ħadt is-servizz ta’ Isqof ta’ Ruma, wara l-esperjenza ta’ għoxrin sena fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, jeħtieġ li niddikjara mill-bidu nett li jien nagħti importanza kbira lill-appostolat tal-lajċi, u għal dan l-appostolat dejjem għamilt ħilti biex nagħti l-aħjar li stajt  nagħti, anke fiċ-ċirkustanzi li kienu differenti ħafna minn dawk li hawn hawnhekk.

 

Raġuni partikulari għaliex jien ferħan b’din il-laqgħa tagħna hi li aħna qegħdin niltaqgħu fil-Festa ta’ Kristu Sultan tal-Univers, ġurnata li fost il-ġranet kollha tas-Sena Lituġika, hi l-aktar ġurnata addattata għal laqgħa bħal din, anke minħabba t-tradizzjonijiet tal-Knisja, anke biex nassumu d-dover tal-kollaborazzjoni tagħna.

 

Għeżież Ħuti, ejjew inġeddu din il-kollaborazzjoni tagħna waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju l-aktar imqaddes tal-Quddiesa, biex hekk nirritornaw lejn iċ-ċenaklu li, f’Ħamis ix-Xirka u fil-jum ta’ Pentekoste, sar post speċjali minn fejn “l-appostoli ġew mibgħuta.”

 

2.     Il-Kelma t’Alla tal-liturġija tal-lum, li aħna nisimgħu bl-akbar attenzjoni, tinroduċina fil-profondità tal-misteru ta’ Kristu Sultan. Il-qari kollu li qrajna, fil-fatt, jagħmel dan.  B’mod partikolari rrid niġbed l-attenzjoni tagħkom għall-kliem ta’ San Pawl lill-Korintin, fejn huwa jagħmel paragun bejn iż-żewġ dimensjonijiet tal-eżistenza umana: il-ħajja tagħna f’Adam u l-ħajja li aħna nakkwistaw mingħand Kristu.

 

Is-sehem tal-bniedem f’Adam ifisser diżubbidjenza, “non serviam” – miniex se naqdi lil Alla. 

 

U propju din il-“miniex se naqdi lil Alla” fejn il-bniedem ħaseb li se jsib il-libertà u l-kobor tiegħu fil-konfront ta’ Alla nnifsu, li saret l-għajn tad-dnub u tal-mewt. U llum aħna għadna nixhdu kemm din l-espressjoni u dan il-fatt antik ta’ “miniex se naqdi lil Alla” qed iġġib bosta tipi ta’ skjavitù u dipendenzi għall-bniedem. Dan l-argument nistgħu nanalizzawh b’mod profond, imma issa u hawn ma nistgħux nagħmlu hekk kompletament. Ikollna nikkuntentaw ruħna bi spjega qasira.

 

Kristu, Adam il-ġdid, huwa Dak li daħal u jidħol fl-istorj tal-bniedem propju “biex jaqdi”. “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra” (Mt 20, 28).  Din hi, f’ċertu sens, it-tifsira tas-Saltna tiegħu (ta’ Kristu).  F’dan is-servizz, jekk jimxi fuq il-mudell ta’ Kristu, il-bniedem isib mill-ġdid id-dinjità sħiħa tiegħu, il-vokazzjoni meraviljuża tiegħu u anke s-sehem tiegħu fir-regalità ta’ Kristu.  Hawnhekk, huwa xieraq li nfakkru l-kliem ta’ kapitlu IV tal-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan II Lumen Gentium, meta titkellem fuq ir-rwol tal-lajċi u tal-appostolat tagħhom fil-Knisja: “Il-qassis il-kbir u etern Ġesù Kristu jrid li anke permezz tal-lajċi, ikompli x-xhieda u l-ministeru tiegħu fid-dinja, u għalhekk jagħtihom il-ħajja bl-Ispirtu tiegħu u, mingħajr waqfien, iħeġġeġhom biex jagħmlu kull għemil tajjeb u perfett. Lilhom (iġifieri lill-lajċi) li Ġesu jgħaqqadhom mal-ħajja u mal-missjoni tiegħu, anke jagħtihom parti  mill-uffiċċju saċerdotali tiegħu sabiex jeżerċitaw kult spiritwali u dan għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni tal-bnedmin ... Għalhekk, anke l-lajċi, waqt li jaduraw lil Alla u jagħmlu opri qaddisa, jikkonsagraw id-dinja stess lil Alla” (Lumen Gentium, 34).

 

Li taqdi lil Alla jfisser li ssaltan! B’din il-ħidma, li tesprimi l-atteġġjament ta’ Kristu stess u tas-segwaċi tiegħu, jiġi mkisser il-kult tad-dnub. U tibda “s-saltna tal-verità u tal-ħajja, is-saltna tal-qdusija u tal-grazzja, is-saltna tal-ġustizzja, tal-imħabba u tal-paċi” (mill-Prefazju tal-Festa ta’ Kristu Re).

 

3.     Il-Liturġija tal-lum tgħinna biex naraw żewġ aspetti tal-fatt li meta aħna naqdu lill-oħrajn, inkunu qed nieħdu sehem fis-saltna ta’ Kristu. L-ewwel aspett hu l-ħajja tal-Knisja fid-dinja, it-tieni aspett hu aspett ta’ ġudizzju. Is-sens veru tal-ewwel aspett nistgħu nifhmuh meta nifhmu t-tieni aspett. Qabel ma  Bin il-Bniedem jippreżenta ruħu quddiemna lkoll u quddiem kull wieħed u waħda minna bħala Mħallef li jifred “in-nagħaġ mill-gidien”, huwa dejjem ir-Ragħaj li jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. Huwa jrid jaqsam magħna, u ma’ kull wieħed u waħda minna, dan l-univers ġenwin tiegħu fina bħala r-Ragħaj it-Tajjeb tagħna. Huwa jrid li l-Kelma Tiegħu tissarraf f’servizz min-naħa tagħna fl-aktar sens wiesa’ tal-kelma. Meta ngħdi “tagħna”, ma nirreferix biss għall-isqfijiet, is-saċerdoti u r-reliġjużi, imma anke għal-lajċi fl-aktar sens wiesa’ ta’ din il-kelma. Fi kliem ieħor, “tagħna” tfisser “ta’ kulħadd”. Għax Ġesù jrid li kulħadd jieħu sehem f’dan l-interess ġenwin li jitlob li kulħadd jieħu sehem f’servizz lejn l-oħrajn “kont bil-ġuħ ... kont bil-għatx  ... kont barrani ... kont għeri ... marid ... fil-ħabs ... ippersegwitat”, kont qed insofri l-oppressjoni, il-ġuħ, id-dubju, l-abbandun u t-theddid (forsi anke diġà fil-ġuf ta’ ommi), ma kontx f’sensija.  In-numru ta’ bżonnijiet li jeżistu u ta’ doveri li rridu naqdu, huwa enormi u jeħtieġ li nżommuhom quddiem għajnejna, jekk irridu nkunu “solidali ma’ Kristu”, għax fl-aħħar mill-aħħar hu dan: “Dak li għamiltu mal-iċken fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).  Kristu huwa favur il-bniedem u mal-bniedem: kemm mal-bniedem li għandu bżonn u jistenna l-interess ġenwin fih, l-għajnuna, is-servizz u l-imħabba, u anke favur il-bniedem u mal-bniedem li jagħti s-servizz, li juri l-interess ġenwin u li jagħti l-imħabba.

 

Jeżisti, għalhekk, spazju kbir li fih aħna nistgħu nuru solidarjetà  ma’ Kristu nnifsu, iġifieri għall-appostolat tal-lajċi.  F’din l-omelija qasira huwa impossibbli li niżviluppaw dan l-argument fid-dettall kollu li jixraqlu.  Madanakollu, il-kliem tal-liturġija tal-lum jixprunana biex naqraw mill-ġdid, nimmeditaw fuq u nqiegħdu fil-prattika dak kollu li għallem il-Konċilju fuq l-appostolat tal-lajċi. Fil-passat, l-idea tal-appostolat jidher li kienet riservata kważi biss għal dawk li huma s-suċċessuri tal-Appostli, persuni li jesprimu u jiggarantixxu l-appostoliċità  tal-Knisja.  Però, il-Konċilju Vatikan II uriena kemm jeżistu kampjijiet wesgħin tal-appostolat tal-lajċi. Fl-istess ħin, l-istess Konċilju jħeġġeġ lill-istess lajċi biex jieħdu sehem f’dan l-appostolat. Huwa biżżejjed li nieħdu sentenza mid-Digriet tal-istess Konċilju fuq l-appostolat tal-lajċi Apostolicam Actuositatem, sentenza li f’ċertu sens tiġbor fiha dak kollu li wieħed jista’ jgħid u għandu jgħid fuq dan l-appostolat.  In fatti, f’dan id-Digriet insibu li “l-vokazzjoni Nisranija ... hija min-natura tagħha wkoll vokazzjoni għall-appostolat.” (Apostolicam Actuositatem, 2).

 

4.     Għeżież Ħuti!

 

Irrid nesprimi l-ferħ partikulari tiegħi għal din il-laqgħa tiegħi magħkom tal-lum, intom li minn din il-verità tal-vokazzjoni Nisranija, vokazzjoni li tinkludi vokazzjoni għall-appostolat tal-lajċi, għamiltu l-programm ta’ ħajjitkom, hawnhekk f’Ruma. Jien ferħan u nittama li żżommuni infurmat fuq il-problemi tagħkom u li tintroduċuni fid-diveris oqsma tal-attivitajiet tagħkom. Inħossni ferħan jekk inkun nista’ nidħol magħkom f’dawn it-toroq li intom diġà għaddejjin minnhom u li nkun nista’ nimxi magħkom u anke niggwidakom fihom bħala l-Isqof tagħkom.

 

Propju għal din ir-raġuni, xtaqt tant li niltaqgħu fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Univers. Nixtieq li Hu stess jilqagħna għandu! Forsi jeħtieġ li jisma’ mingħandna din il-mistoqsija li tant staqsewh diversi nies “X’għandi nagħmel?” (Lq 18, 18); aħna x’għandna nagħmlu?

 

Nixtieq infakkar dak li Ommu qalet f’Kana tal-Galilea lil dawk li kienu qed jaqdu mal-mejda, “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5).  Aħna ndawru ħarsitna lejn din l-Omm, u hekk titwieled fina t-tama u nwieġbu: “Aħna lesti!”

 

Maqluba mit-Taljan minn Kathleen Bonello.