L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Ecclesia de Eucharistia

 

ECCLESIA DE EUCHARISTIA

ITTRA ENĊIKLIKA

TAL-PAPA

ĠWANNI PAWLU II

LILL-ISQFIJIET,

LILL-PRESBITERI U LID-DJAKNI

U LILL-FIDILI LAJĊI KOLLHA

DWAR L-EWKARISTIJA

FIR-RELAZZJONI TAGĦHA

MAL-KNISJA

 

17 ta' April 2003

 

  
 

WERREJ

INTRODUZZJONI   …

L-EWWEL KAPITLU    … Misteru tal-fidi

IT-TIENI KAPITLU   … L-Ewkaristija tibni l-Knisja

IT-TIELET KAPITLU   … L-Apostoliċità ta’ l-Ewkaristija u tal-Knisja

IR-RABA’ KAPITLU   … L-Ewkaristija u l-komunjoni ekkleżjali

IL-ĦAMES KAPITLU   … Id-dekor taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika

IS-SITT KAPITLU   … Fl-iskola ta’ Marija, Mara “Ewkaristika”

KONKLUŻJONI  ...


 

INTRODUZZJONI

 

  1. Il-Knisja titmantna bl-Ewkaristija.  Din il-verità ma tesprimix biss esperjenza ta’ kuljum ta’ fidi, imma tiġbor f’sintesi n-nukleu tal-ministeru tal-Knisja.  Kollha ferħana hija tesperimenta f’ħafna forom, it-twettiq kontinwu tal-wegħda: “U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20); iżda fl-Ewkaristija Mqaddsa, minħabba l-bidla tal-ħobż u ta’ l-inbid fil-ġisem u fid-demm tal-Mulej, hija tifraħ b’din il-preżenza b’intensità unika.  Sa minn meta, permezz tal-Pentekoste, il-Knisja, il-Poplu tal-Patt il-Ġdid, bdiet il-mixja ta’ pellegrina lejn is-sema pajjiżha, is-Sagrament Divin kompla jkejjel il-jiem tiegħu, filwaqt li jimlihom b’tama fiduċjuża.

 

Il-Konċilju Vatikan II qal sewwa meta pproklama li s-Sagrifiċċju Ewkaristiku hu “l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija”[1]. “Fil-fatt, fl-Ewkaristija Mqaddsa hemm miġbura l-ġid spiritwali tal-Knisja, jiġifieri l-istess Kristu, l-Għid tagħna u ħobż ħaj li permezz ta’ l-istess ġisem mogħti l-ħajja mill-Ispirtu s-Santu u li jagħti l-ħajja, jagħti lill-bnedmin il-ħajja”.[2]  Għalhekk, il-ħarsa tal-Knisja hija mitfugħa l-ħin kollu fuq is-Sid tagħha, preżenti fis-Sagrament ta’ l-Altar, u li fih hija tiskopri l-wirja sħiħa ta’ l-imħabba mmensa tiegħu.

 

  1. Matul il-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000, ġie mogħti lili l-permess li niċċelebra l-Ewkaristija fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm, hemm fejn, skond it-tradizzjoni, hija kienet ġiet imwettqa għall-ewwel darba minn Kristu nnifsu.  Iċ-Ċenaklu hu l-post tat-twaqqif ta’ dan is-Sagrament imqaddes.  Kien hemmhekk li Kristu ħa f’idejh il-ħobż, qasmu u tah lid-dixxipli, filwaqt li qal: “Ħudu u kulu lkoll, dan hu ġismi li jingħata għalikom” (ara Mt 26,26; Lq 22,19; 1 Kor 11,24).  Imbagħad ħa f’idejh il-kalċi bl-inbid u qalilhom: “Ħudu u ixorbu minnu lkoll: dan hu l-kalċi ta’ demmi, id-demm tal-patt il-ġdid, li jixxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet” (ara Mk 14,24; Lq 22,20; 1 Kor 11,25).  Inħossni tassew grat lejn il-Mulej Ġesù li tani l-permess nirrepeti fl-istess post, filwaqt li obdejt il-amar tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22,19), l-istess kelmiet li Hu tenna elfejn sena ilu.

 

L-Appostli li ħadu sehem fl-Aħħar Ċena fehmu t-tifsira tal-kelmiet li ħarġu minn xofftejn Kristu?  X’aktarx li le.  Dawk il-kelmiet kellhom jiċċaraw ruħhom fil-milja tagħhom fit-tmiem biss tat-Triduum sacrum, jiġifieri f’dak il-perijodu li kellu jgħaddi mil-lejla tal-Ħamis sas-sbiħ tal-jum tal-Ħadd.  F’dawk il-jiem inkiteb il-mysterium paschale; u fihom ukoll inkiteb il-mytserium eucharisticum.

 

  1. Mill-misteru tal-Għid titwieled il-Knisja.  Proprju minħabba f’hekk, li l-Ewkaristija, li hija s-sagrament per eċċellenza tal-misteru tal-Għid, tqiegħed lilha nnfisha fiċ-ċentru tal-ħajja ekkleżjali.  Dan jidher sa mill-ewwel xbihat tal-Knisja, li joffrulna l-Atti ta’ l-Appostli:  “Huma kienu jżommu sħaħ fit-tagħlim ta’ l-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (2,42).  Fil-“qsim tal-ħobż” naraw l-Ewkaristija.  Wara elfejn sena aħna qed inkomplu nwettqu dawk ix-xbihat tal-bidu tal-Knisja.  U filwaqt li nwettquhom fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, l-għajnejn tar-ruħ imorru fuq it-Tridu Paskwali:  għal dak li seħħ dak in-nhar filgħaxija ta’ Ħamis ix-Xirka, matul l-Aħħar Ċena, u dak li seħħ wara.  Fil-fatt, it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija antiċipa sagramentalment dawk il-ġrajjiet li ftit tal-ħin wara kellhom jitwettqu, sa mill-agunija fil-Ġetsemani.  Naraw lil Ġesù ħiereġ miċ-Ċenaklu, jinżel flimkien mad-dixxipli sabiex jaqsam il-wied ta’ Kedron u jasal fil-Ġnien taż-Żebbuġ.  F’dak il-ġnien għad hemm xi siġar taż-żebbuġ antiki ħafna.  Forsi kienu xhieda ta’ dak li seħħ għad-dell tagħhom f’dik il-lejla, meta Kristu, waqt li kien jitlob, ġarrab dwejjaq tal-mewt “u l-għaraq tiegħu sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art” (Lq 22,44).  Id-demm li ftit qabel kien offra lill-Knisja bħala xorb li jġib is-salvazzjoni fis-Sagrament Ewkaristiku, beda jixxerred ; it-tixrid tiegħu kellu mbagħad jitwettaq fil-milja tiegħu fuq il-Golgota,  u b’hekk sar l-għodda tal-fidwa tagħna: “Kristu […] li ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid ġejjieni, […] hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem (Lhud 9, 11-12).

 

  1. Is-siegħa tal-fidwa tagħna.  Minkejja li kien imġarrab immensament, Ġesù ma ħarabx quddiem is-“siegħa” tiegħu:  “U x’naqbad ngħid?  Missier eħlisni minn din is-siegħa?  Imma jiena għalhekk ġejt: għal din is-siegħa!” (Ġw 12,27).  Huwa xtaq li d-dixxipli jagħmlulu kumpanija, u kellu jduq is-solitudni u l-abbandun:  “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib” (Mt 26, 40-41)Ġwanni waħdu baqa’ taħt is-Salib tal-Ġimgħa l-Kbira, qrib Marija u xi nisa twajba.  L-agunija fil-Ġetsemani kienet l-introduzzjoni għall-agunija tas-Salib tal-Ġimgħa l-Kbira.  Is-Siegħa Mqaddsa,  is-siegħa tal-fidwa tad-dinja.  Meta tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija qrib il-qabar ta’ Ġesù, f’Ġerusalemm, nerġgħu nirritornaw b’mod tanġibbli għas-“siegħa” tiegħu, is-siegħa tas-salib u tal-glorifikazzjoni.  Kull presbiteru li jiċċelebra l-Quddiesa jwassal lilhu nnifsu,  flimkien mal-komunità Nisranija li tkun qed tieħu sehem miegħu,  f’dak il-post u f’dik is-siegħa.

 

“Hu ġie msallab, miet u difnuh; fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet”.  Għal dawn il-kelmiet ta’ l-istqarrija tal-fidi jidwu l-kelmiet tal-kontemplazzjoni u tal-proklamazzjoni:  “Ecce lignum Crucis, in quo salus mundi pependit.  Venite adoremus”.  Din hija l-istedina li l-Knisja tagħmel lil kulħadd fis-siegħat ta’ wara nofs in-nhar tal-Ġimgħa l-Kbira.  Hija terġa’ tkompli l-għanja tagħha matul iż-żmien tal-Għid sabiex tistqarr: “Surrexit Dominus de sepulcro qui pro nobis pependit in ligno. Alleluia”.

 

  1. “Mysterium fidei! – Misteru tal-fidi!”  Meta s-saċerdot igħid jew ikanta dawn il-kelmiet, dawk li jkun hemm preżenti jtennu: “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja”.

 

F’dawn il-kelmiet jew inkella f’oħrajn bħalhom, il-Knisja, filwaqt li turi lil Kristu fil-misteru tal-Passjoni tiegħu, tirrivela ukoll il-misteru proprju tiegħu:  Ecclesia de Eucharistia.  Jekk bid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-Pentekoste l-Knisja toħroġ għad-dawl u timxi mat-toroq tad-dinja, mument tassew deċisiv tal-formazzjoni tagħha huwa bla dubju ta’ xejn it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija fiċ-Ċenaklu.  Il-pedament u l-għajn tagħha huwa it-Triduum paschale kollu kemm hu, iżda dan qisu miġbur, antiċipat u “konċentrat” għal dejjem fid-don Ewkaristiku.  F’dan ir-rigal, Ġesù Kristu ta lill-Knisja l-attwalizzazzjoni dejjiema tal-misteru paskwali.  Permezz tiegħu Huwa waqqaf “kontemporanjetà” misterjuża bejn dak it-Triduum u l-mixja tas-sekli kollha.

 

Dan il-ħsieb iwassalna għal sentimenti ta’ stagħġib kbir u mill-iżjed grati.  Fil-ġrajja paskwali u fl-Ewkaristija li tattwaliżżah matul is-sekli, hemm “ġabra” tassew enormi, li fiha l-istorja kollha tinsab miġbura, bħala destinatarja tal-grazzja tal-fidwa.  Dan l-istagħġib għandu jimla’ dejjem lill-Knisja miġbura fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika.  Iżda b’mod tassew speċjali hija trid issieħeb il-ministru ta’ l-Ewkaristija.  Fil-fatt huwa dan il-ministru, li minħabba l-fakulta’ mogħtija lilu fis-sagrament ta’ l-Ordinazzjoni saċerdotali, jwettaq il-konsagrazzjoni.  Huwa hu li jtenni, bis-setgħa lilu mogħtija u li tiġi għandu mingħand Kristu taċ-Ċenaklu: “Dan hu ġismi mogħti b’sagrifiċċju għalikom…  Dan huwa l-kalċi ta’ demmi, mxerred għalikom…”.  Is-saċerdot jgħid dawn il-kelmiet, jew aħjar jislef il-fomm u l-leħen tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ Dak li tennihom fiċ-Ċenaklu, u ried li jiġu ripetuti minn ġenerazzjoni għall-oħra minn dawk kollha li fil-Knisja jieħdu sehem ministerjalment fis-saċerdozju tiegħu.

 

  1. Jien nixtieq inħeġġeg mill-ġdid din il-“meravilja” Ewkaristika permezz ta’ din l-istess ittra enċiklika, f’kontinwità mal-wirt ġubilari, li jiena ridt nagħti lill-Knisja bl-Ittra Appostolika Novo millennio ineunte u bl-inkoronament Marjan tiegħu Rosarium Virginis Mariæ. Li nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu, u li nikkontemplawh flimkien ma’ Marija, huwa l-“programm” li jiena ħlaqt lill-Knisja fiż-żerniq tat-tielet millenju, filwaqt li stedintha sabiex taqla’ ’il barra fil-baħar ta’ l-istorja bl-entużjażmu ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.  Li nikkontemplaw lil Kristu jimplika li nsiru nagħrfuh f’kull post li fih huwa juri lilu nnifsu, fin-numru kbir ta’ preżenzi, iżda l-aktar fis-Sagrament ħaj tal-ġisem u tad-demm Tiegħu.  Il-Knisja tgħix bi Kristu Ewkaristiku, minnu hi mitmugħa, minnu hi mdawla.  L-Ewkaristija hija misteru ta’ fidi, u fl-istess waqt “misteru tad-dawl”.[3] Kull darba li l-Knisja tiċċelebrah, il-fidili jistgħu jgħixu b’xi mod mill-ġdid, l-esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’  Emmaws: “infetħulhom għajnejhom u għarfuh” (Lq 24, 31).

 

  1. Sa minn meta bdejt il-ministeru tiegħi ta’ Suċċessur ta’ Pietru, jiena dejjem irriservajt f’Ħamis ix-Xirka, jum ta’ l-Ewkaristija u tas-Saċerdozju, sinjal ta’attenzjoni partikulari, billi nibgħat ittra lis-saċerdoti kollha tad-dinja.  Din is-sena, il-ħamsa u għoxrin sena tal-Pontifikat tiegħi, nixtieq indaħħal bis-sħiħ lill-Knisja kollha f’din ir-riflessjoni Ewkaristika, anki sabiex inrodd ħajr lill-Mulej għar-rigal ta’ l-Ewkaristija u tas-Saċerdozju: “Don u misteru”.[4]  Jekk, filwaqt li xandart is-Sena tar-Rużarju, jiena ridt inqiegħed il-ħamsa u għoxrin sena tiegħi fis-sinjal tal-kontemplazzjoni ta’ Kristu fl-iskola ta’ Marija, ma jistax ikun li nħalli jgħaddi dan il-Ħamis ix-Xirka 2003 bla ma nieqaf quddiem il-“wiċċ Ewkaristiku” ta’ Kristu, filwaqt li nuri b’qawwa ġdida lill-Knisja ċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija.  Il-Knisja tgħix biha.  Hija titmantna b’dan “il-ħobż ħaj”.  Kif jista’ jkun li ma nħossx il-ħtieġa li nħeġġeġ lil kulħadd sabiex jagħmel minnha esperjenza mġedda?

 

  1. Meta naħseb fuq l-Ewkaristija, filwaqt li nħares lejn il-ħajja tiegħi ta’ saċerdot, ta’ Isqof, ta’ Suċċessur ta’ Pietru, dlonk inħoss il-ħtieġa li niftakar f’tant mumenti u f’tant postijiet li fihom ġejt mogħti l-permess sabiex niċċelebraha.  Niftakar fil-knisja parrokkjali ta’ Niegowic, fejn wettaqt l-ewwel ħidma pastorali tiegħi, il-kolleġġjata ta’ San Floriano ġo Krakow, il-katidral ta’ Wawel, il-bażilika ta’ San Pietru u l-ħafna bażiliċi u knejjes ta’ Ruma u tad-dinja kollha.  Stajt niċċelebra l-quddiesa f’kappelli mibnija fuq qċaċet il-muntanji, fuq ix-xtut ta’ għadajjar kbar, fuq xtut il-baħar; iċċelebrajtha fuq Altari mibnija fi stadiums, fil-pjazez ta’ l-ibliet… Dan ix-xenarju daqstant imżewwaq taċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tiegħi jgħinuni nesperimenta bis-sħiħ il-karattru universali, u saħansitra kożmiku.  Iva, kożmiku!  Għaliex anki meta tiġi ċċelebrata fuq Altar ċkejken ta’ xi knisja fil-kampanja, l-Ewkaristija hija dejjem iċċelebrata, f’ċertu sens,  fuq l-Altar tad-dinja.  Hija tgħaqqad l-art u s-sema.  Tiġbor fiha u tinfed il-ħolqien kollu.  L-Iben t’ Alla sar bniedem, sabiex jagħti lura l-ħolqien, f’att suprem ta’ tifħir, lil Dak li għamlu mix-xejn. U hekk Huwa, il-Qassis il-Kbir u Etern, filwaqt li daħal permezz tad-demm tas-Salib tiegħu fis-santwarju etern, jagħti lura lill-Ħallieq u Missier il-ħolqien kollu mifdi.  Dan jagħmlu permezz tal-ministeru saċerdotali tal-Knisja, bħala glorja lit-Trinità Qaddisa.  Tassew dan huwa il-mysterium fidei li jwettaq lilu nnifsu fl-Ewkaristija:  id-dinja li ħarġet minn idejn Alla ħallieq terġa’ lura għandu, mifdija minn Kristu.

 

  1. L-Ewkaristija, preżenza salvifika ta’ Ġesù fil-komunità tal-fidili u l-ikel spiritwali tagħha, hija dik il-ħaġa l-iżjed prezzjuża li qatt jista’ jkollha fil-mixja ta’ l-istorja tagħha. Hekk titfisser l-attenzjoni premuruża li hija dejjem irriservat għall-Misteru Ewkaristiku, attenzjoni li toħroġ b’mod awtorevoli fl-opra tal-Konċilji u tal-Papiet.  Kif nistgħu ma nammirawx it-tagħlim dottrinali tad-Digrieti dwar l-Ewkaristija Mqaddsa u dwar is-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa promulgati mill-Konċilju ta’ Trento?  Fis-sekli li ġew wara dawk il-paġni mexxew kemm it-teoloġija kif ukoll il-katekeżi, u għadhom sa llum il-punt ta’ riferiment dommatiku għat-tiġdid kontinwu u għat-tkabbir tal-Poplu ta’ Alla fil-fidi u fl-imħabba lejn l-Ewkaristija.  Fi żminijiet aktar qrib tagħna, ta’ min isemmi tliet Enċikliċi: l-Enċiklika Miræ Charitatis tal-Papa Ljun XIII (28 ta’ Mejju 1902),[5] l-Enċiklika Mediator Dei tal-Papa Piju XII (20 ta’ Novembru 1947)[6] u l-Enċiklika Mysterium Fidei tal-Papa Pawlu VI (3 ta’ Settembru 1965).[7] 

 

Il-Konċilju Vatikan II, minkejja li ma ppubblika l-ebda dokument speċifiku dwar il-Misteru Ewkaristiku, b’danakollu juri l-aspetti varji matul l-ark sħiħ tad-dokumenti tiegħu, u b’mod speċjali fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium kif ukoll fil-Kostituzzjoni tal-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium.

 

Jiena stess, fl-ewwel snin tal-Ministeru Appostoliku tiegħi fuq il-Kattedra ta’ Pietru, bl-Ittra Appostolika Dominicæ Cenæ (24 ta’ Frar 1980),[8] kelli ċ-ċans li nittratta xi aspetti tal-Ministeru Ewkaristiku u dwar l-inċidenza tiegħu fuq il-ħajja ta’ min hu ministru.  Illum qiegħed nerġa’ naqbad il-fil ta’ dak id-diskors b’qalb dejjem iżjed mimlija kommozzjoni u gratitudni, kważi kważi ntenni mill-ġdid il-kelma tas-Salmista: “Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ” (Salm 116 ġ115ħ,12-13).

 

  1. Għal dan l-impenn ta’ tħabbir min-naħa tal-Maġisteru jiena ltqajt ukoll ma tkabbir interjuri tal-komunità Nisranija.  M’hemmx dubju li r-riforma liturġika tal-Konċilju ġabet magħha vantaġġi tassew kbar għal parteċipazzjoni iktar magħrufa, attiva u mimlija frott tal-fidili fis-Sagrifiċċju Qaddis ta’ l-Altar.  F’ħafna postijiet, imbagħad, l-adorazzjoni tas-Santissimu Sagrament issib post iktar importanti fil-ħajja ta’ kuljum u ssir għajn li ma taqta’ qatt ta’ qdusija.  Il-parteċipazzjoni devota tal-fidili fil-purċissjoni Ewkaristika fis-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu hija grazzja tal-Mulej li ta’ kull sena jimla’ bil-ferħ lil kull min jieħu sehem fiha.  Hemm imbagħad sinjali oħra posittivi ta’ fidi u ta’ imħabba Ewkaristika li huma ta’ min isemmihom.

 

Madankollu, ħdejn dawn id-dwal kollha, ma jistax ma jkunx hemm xi dellijiet. Fil-fatt insibu postijiet li fihom il-kult ta’ l-Adorazzjoni Ewkaristika ġiet imwarrba kważi għal kollox.  Barra minn hekk, f’diversi taqsimiet tal-Knisja, seħħew abbużi li wasslu għal konfużjonif’dak li għandu x’jaqsam ma’ fidi soda u d-Duttrina Kattolika marbuta ma’ dan is-Sagrament ta’ l-għageb.  Kultant jitfaċċa għarfien batut wisq tal-Misteru Ewkaristiku.  Mela mneżża’ mill-valur sagrifikali tiegħu, dan is-sagrament jiġi ċċelebrat daqs li kieku kien sempliċement ikla fost l-aħwa.  Barra minn hekk, il-ħtieġa tas-saċerdozju ministerjali, li serraħ fuq is-suċċessjoni appostolika xi kull tant hi mdella u n-natura s-sagramentali ta’ l-Ewkaristija tiċċekken tant li ssir sempliċement dikjarazzjoni. Dan iwassal sabiex ‘l hawn u ‘l hemm jittieħdu xi inizjattivi Ekumeniċi, li minkejja li għandhom intenzjoni tajba, jwasslu għall-prassi ewkaristiċi li huma kuntrarji għad-dixxiplina li fiha l-Knisja tesprimi l-fidi tagħha.  Kif nistgħu, quddiem dan kollu, ma nurux id-dulur profond tagħna? L-Ewkaristija hija rigal kbir wisq, biex naslu nittolleraw ambigwità u tnaqqis fil-valur tiegħu.

 

Nittama li din l-Ittra enċiklika tiegħi tasal biex tikkontribwixxi b’mod tassew effettiv sabiex jinqerdu dawn id-dellijiet tad-duttrini u ta’ prattika li m’humiex aċċettati, ħalli b’hekk l-Ewkaristija tkompli tiddi bid-dija kollha tal-misteru tagħha.


 

L-EWWEL KAPITLU

MISTERU TAL-FIDI

 

  1. “Il-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut” (1 Kor 11, 23), waqqaf is-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-ġisem u tad-demm tiegħu.  Il-kelmiet ta’ l-Appostlu Pawlu jeħduna fiċ-ċirkostanza drammatika li fiha twieldet l-Ewkaristija.  Hija ġġorr miktub fuqha, b’mod li ma jitħassar qatt, il-ġrajja tal-passjoni u tal-mewt tal-Mulej.  Ma hijiex biss tifkira, iżda r-ri-preżentazzjoni sagramentali.  Hija s-sagrifiċċju tas-Salib li jkompli jeżisti matul is-sekli.[9]  Il-kelmiet “Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej!” li bihom il-poplu, fir-rit latin, iwieġeb għall-proklamazzjoni tal-“misteru tal-fidi” mtennija mis-saċerdot, jesprimu tassew tajjeb din il-verità.

 

Il-Knisja rċeviet l-Ewkaristija mingħand Kristu, il-Mulej tagħha, mhux sempliċement bħala rigal, għalkemm prezzjuż, fost ħafna rigali oħra oħra, iżda bħala d-don per eċċellenza, għaliex huwa rigal tiegħu nnifsu, tal-persuna tiegħu fl-umanità qaddisa tiegħu, kif ukoll ta’ l-opra tas-salvazzjoni.  Dan ma jibqax imwaħħal mal-passat, peress li “dak kollu li Kristu hu, dak kollu li huwa wettaq u bata għall-bnedmin kollha, jieħu sehem fl-eternità divina u għalhekk tiżboq kwalunkwe żmien”.[10]

 

Meta l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija, it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej tagħha, din il-ġrajja ċentrali ta’ salvazzjoni ssir realment preżenti u “isseħħ l-opra tal-fidwa tagħna”.[11]  Dan is-sagrifiċċju hu daqstant deċiżiv għas-salvazzjoni tal-ġeneru uman, li Ġesù Kristu wettqu u reġa’ lura biss għal għand il-Missier wara li ħallielna il-mezz sabiex nieħdu sehem fih daqs li kieku konna preżenti hemmhekk.  B’hekk kull fidil jista’ jieħu parti u jduq il-frott li ma jispiċċa qatt.  Din hija l-fidi, li minnha għexu ġenerazzjonijiet ta’ Insara matul is-sekli.  Din il-fidi l-Maġisteru tal-Knisja baqa’ dejjem jikkonfermaha bi gratitudni kollha ferħ għal dan ir-rigal imprezzabbli.[12]  Irrid għal darba oħra niġbed l-attenzjoni għal din il-verità, billi ningħaqad magħkom, għeżież ħuti, f’adorazzjoni quddiem dan il-Misteru: Misteru kbir, Misteru ta’ ħniena.  X’seta’ jagħmel aktar għalina Ġesù? Tassew, fl-Ewkaristija, huwa jurina imħabba li tasal “sa l-aħħar” (ara Ġw 13, 1), imħabba li ma taf l-ebda kejl.

 

  1. Dan l-aspett ta’ karità universali tas-Sagrament Ewkaristiku huwa mibni fuq il-kelmiet stess tas-Salvatur.  Meta waqqfu, huwa ma illimitax ruħu li jgħid: “Dan huwa ġismi”, “dan huwa demmi”, iżda żied “mogħti lilkom… mxerred għalikom” (Lq 22, 19-20).  Huwa ma stqarrx biss li dak li kien qiegħed jagħtihom biex jieklu u biex jixorbu kien il-ġisem u d-demm tiegħu, imma wera wkoll il-valur sagrifikali, billi rrenda preżenti b’mod sagramentali s-sagrifiċċju tiegħu, li kellu jitwettaq fuq is-Salib xi ftit siegħat wara għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.  “Il-Quddiesa hi fl-istess ħin ħaġa waħda mat-tifkira sagrifikali li fiha jiġġedded għal dejjem is-sagrifiċċju tas-Salib u l-ikla mqaddsa ta’ l-għaqda mal-ġisem u d-demm ta’ Kristu bit-Tqarbin”.[13]

 

Il-Knisja tgħix kontinwament mis-sagrifiċċju tal-fidwa, u lejh hija tersaq mhux biss permezz ta’ dit-tifkira sħiħa, iżda wkoll f’kuntatt reali, għaliex dan is-sagrifiċċju ta’ fidi jiġġedded il-ħin kollu perpettwat sagramentalment minn kull komunità li toffrih permezz ta’ l-idejn tal-ministru kkonsagrat.  B’dan il-mod, l-Ewkaristija tagħti lill-bnedmin ta’ llum ir-rikonċiljazzjoni miksuba darba għal dejjem minn Kristu għall-umanità ta’ kull żmien.  Fil-fatt, “is-sagrifiċċju ta’ Kristu u s-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija huma sagrifiċċju wieħed”.[14]  San Ġwann Grisostmu kien diġà qal b’mod mill-iżjed effettiv: “Aħna noffru dejjem l-istess Ħaruf, u mhux illum noffru wieħed u għada noffru ieħor, iżda dejjem l-istess.  Minħabba f’hekk, is-sagrifiċċju huwa dejjem wieħed. […] Anki issa, aħna noffru dik il-vittma, li kienet ġiet offruta dak in-nhar, u li ma tikkonsma ruħha qatt”.[15]

 

Il-Quddiesa tagħmel preżenti s-sagrifiċċju tas-Salib; ma iżżid xejn iżjed miegħu u lanqas timmoltiplikah.[16]  Dak li jirrepeti ruħu huwa ċ-ċelebrazzjoni memorjali, “it-tifkira li tidher” (memorialis demostratio)[17] tiegħu, li permezz ta’ dan, is-sagrifiċċju uniku u definittiv ta’ Kristu jagħmel lilu nnifsu dejjem iżjed attwali fiż-żmien.  In-natura sagrifikali tal-Misteru Ewkaristiku ma tistax tiġi aċċettata bħala xi ħaġa separata, independentement mis-salib jew inkella b’referiment biss indirett għas-sagrifiċċju tal-Kalvarju.

 

  1. Minħabba r-rapport intimu tagħha mas-sagrifiċċju tal-Golgota, l-Ewkaristija hija sagrifiċċju fis-sens proprju tagħha, u mhux biss fis-sens ġeneriku, qisha xi ħaġa li tittratta dwar Kristu li joffri lilu nnifsu bħala ikel spiritwali lill-fidili.  Fil-fatt, id-don ta’ l-imħabba u ta’ l-ubbidjenza tiegħu sa l-aħħar ta’ ħajtu (ara Ġw 10, 17-18) huwa qabel xejn id-don lill-Missier tiegħu.  Bla dubju ta’ xejn, huwa don li ngħata għaliha, anzi f’isem l-umanità kollha (ara Mt 26,28; Mk 14,24); (Lq 22,20); Ġw 10,15), iżda hu l-ewwel u qabel kollox don lill-Missier: “sagrifiċċju li l-Missier aċċetta, filwaqt li patta din id-donazzjoni totali ta’ l-Iben tiegħu, li għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt” (Fil 2,8), bid-donazzjoni paterna tiegħu, jiġifieri bid-don ta’ ħajja ġdida immortali fir-resurrezzjoni”.[18]

 

Bl-għoti tas-sagrifiċċju tiegħu lill-Knisja, Kristu ried ukoll jagħmel tiegħu s-sagrifiċċju spiritwali tal-Knisja, li hi msejħa sabiex toffri, permezz tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, anki lilha nnfisha. Dan jgħallimulna, peress li jirrigwarda lill-fidili kollha, il-Konċilju Vatikan II: “Filwaqt li jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija kollha, huma joffru lil Alla l-Vittma Divina u lilhom infushom magħha”.[19] 

 

  1. L-Għid ta’ Kristu jiġbor fih, flimkien mal-passjoni u l-mewt, anki l-qawmien.  Din il-ħaġa hija mfakkra mill-akklamazzjoni tal-poplu wara l-konsagrazzjoni: “Inxandru l-qawmien tiegħek”.  Fil-fatt, is-Sagrifiċċju Ewkaristiku jagħmel preżenti mhux biss il-misteru tal-passjoni u tal-mewt tas-Salvatur, imma wkoll il-misteru tal-qawmien, li fih is-sagrifiċċju jsib l-inkoronament tiegħu.  Hu proprju minħabba l-fatt li huwa ħaj u mqajjem mill-mewt li Kristu jista’ jagħmel mill-Ewkaristija “ħobż tal-ħajja” (Ġw 6,35.48), “ħobż ħaj” (Ġw 6, 51).  San Ambroġ fakkar dan lil dawk li kienu qed jitħejjew sabiex jitgħammdu, bħala applikazzjoni għall-ħajja tagħhom fil-grajja tal-qawmien.: “Jekk illum Kristu huwa tiegħek, hu jirxoxta għalik kull jum”.[20] Min-naħa tiegħu, San Ċirillu ta’ Alessandrija kien jgħid li s-sehem fil-Misteri qaddisa “huwa stqarrija vera u tifkira li l-Mulej miet u reġa’ għall-ħajja għalina u favur tagħna”.[21]

 

 

  1. Il-preżentazzjoni sagramentali mill-ġdid fil-Quddiesa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu nkurunat mill-qawmien tiegħu fil-Quddiesa, timplika preżenza mill-iżjed speċjali, li – biex nużaw il-kelmiet ta’ Pawlu VI – “jingħad ‘reali’ mhux b’esklużjoni, kważi kważi li l-oħrajn mhumiex ‘reali’, iżda b’antonomasja għaliex hi sostanzjali, u minħabba fiha, Kristu, il-Bniedem-Alla, huwa preżenti kollu kemm hu”.[22]  Qed tiġi mill-ġdid ri-proposta d-duttrina dejjem valida tal-Konċilju ta’ Trento: “Bil-konsagrazzjoni tal-ħobż u ta’ l-inbid titwettaq il-bidla tas-sustanza kollha tal-ħobż fis-sustanza tal-Ġisem ta’ Kristu, il-Mulej tagħna, u s-sustanza kollha ta’ l-inbid fis-sustanza tad-demm tiegħu.  Din il-bidla, b’mod konvenjenti u approprijat, hija msejħa mill-Knisja Mqaddsa Kattolika, transustanzjazzjoni”.[23]  Tassew, l-Ewkaristija hija mysterium fidei, misteru li jegħleb ir-raġunijiet kollha tagħna, u jista’ jiġi aċċettat biss bil-fidi, bħalma ta’ spiss ifakkru s-Santi Padri fil-Katekeżi dwar dan is-sagrament divin.  “La tarawx – itenni San Ċirillu ta’ Ġerusalemm – fil-ħobż u fl-inbid elementi sempliċi u naturali, għaliex il-Mulej qal espressament li dawn huma l-ġisem u d-demm tiegħu: il-fidi tassigurak dwar dan, avolja s-sensi jissuġġerulek xi ħaġa oħra”.[24]

 

Adoro te devote, latens Deitas” inkomplu nkantaw mad-Duttur Anġeliku.  Quddiem dan il-misteru ta’ imħabba, ir-raġuni umana tesperjenza l-limiti tagħha.  Nifhmu aħjar kif, matul is-sekli, din il-verità ħeġġet it-teoloġija għal sforzi tassew iebsin ta’ komprensjoni.

 

Huma sforzi ta’ min ifaħħarhom, daqstant utli u penetranti daqs kemm huma kapaċi jorbtu l-eżerċizzju kritiku tal-ħsieb mal-“fidi ħajja” tal-Knisja, li tinstab fil-“kariżma ċerta tal-verità” tal-Maġisteru u “fl-għerf interjuri tal-ħwejjeġ Spiritwali” [25] li jilħqu fuq kollox sal-Qaddisin.  Jibqa’ l-limitu muri minn Pawlu VI: “Kull tifsira teoloġika, li tipprova b’xi mod tippenetra dan il-misteru, sabiex tkun taqbel mal-fidi Kattolika trid iżżomm sħiħ li fir-realta’ oġġettiva, independentement mill-ispirtu tagħna, il-ħobż u l-inbid jieqfu milli jeżistu wara l-konsagrazzjoni, peress li f’dak il-mument huma jinbidlu fil-ġisem u d-demm adorabbli tal-Mulej Ġesù li huwa realment quddiemna taħt l-ispeċi tal-ħobż u ta’ l-imbid”.[26]

 

  1. L-effikaċja salvifika tas-sagrifiċċju titwettaq fil-milja tagħha meta nitqarbnu, fil-waqt li nkunu nirċievu il-ġisem u d-demm tal-Mulej.  Is-Sagrifiċċju Ewkaristiku huwa minnu nnifsu orjentat lejn l-unjoni intima tagħna l-fidili ma’ Kristu permezz tat-tqarbin: nirċievu Lilu stess li offra lilu nnifsu għalina, il-Ġisem tiegħu li huwa ta għalina fuq is-salib, id-demm li huwa “xerred għall-ħafna, għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26,28).  Niftakru fil-kelmiet tiegħu: “Bħalma l-Missier, li hu ħaj bagħat lili, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija” (Ġw 6,57).  Ġesu stess jiżgurana li għaqda bħal din, li hu jqabbilha mal-ħajja tat-Trinità, titwettaq verament.  L-Ewkaristija hija verament ikla, li fiha Kristu joffri lilu nnifsu bħala ikel.  Meta, għall-ewwel darba, Ġesù jħabbar dan l-ikel, dawk li semgħuh baqgħu mistagħġbin u mifxulin, u dan ġiegħel lill-Imgħallem jagħmel enfasi fuq il-verità oġġettiva tal-kelmiet tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6, 53).  Hawnhekk ma għandniex ikel metaforiku: “Għax ġismi hu ikel tassew, u demmi huwa tassew xorb” (Ġw 6, 55).

 

  1. Permezz ta’ l-għaqda mal-ġisem tiegħu u mad-demm tiegħu, Kristu jgħaddilna lill-Ispirtu tiegħu.  San Efrem jikteb: “Sejjaħ il-ħobż bħala ġisem ħaj, imlieh bih innifsu u bl-Ispirtu tiegħu. […] U dak li jieklu bil-fidi, jiekol in-Nar u l-Ispirtu.  […] Ħudu u kulu lkoll, u kulu miegħu l-Ispirtu s-Santu.  Fil-fatt huwa verament il-ġisem tiegħi u min jiekol minnu jgħix għal dejjem”.[27]  Il-Knisja titlob dan id-Don divin, għerq ta’ kull don ieħor, fl-epiklesi Ewkaristika.  Per eżempju naqraw fil-Liturġija Divina ta’ San Ġwann Grisostmu: “Aħna nsejħulek, aħna nitolbuk: ibgħat l-Ispirtu s-Santu tiegħek fuqna lkoll u fuq dawn id-doni […] sabiex għal dawk kollha li jieħdu sehem fihom, jkunu tisfija tar-ruħ, maħfra tad-dnubiet, komunikazzjoni ma’ l-Ispirtu s-Santu”.[28]  Fil-Missal Ruman, iċ-ċelebrant jitlob ħerqan: “Lilna li nieklu mill-ġisem u d-demm ta’ l-Iben tiegħek, agħtina l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu, sabiex insiru fi Kristu ġisem wieħed u spirtu wieħed”.[29] B’hekk, permezz tad-don tal-ġisem u tad-demm tiegħu, Kristu jkabbar fina d-don ta’ l-Ispirtu tiegħu, diġà msawwab fuqna fil-Magħmudija u mogħti lilna bħala ”siġill” fis-sagrament tal-Konfirmazzjoni.

 

  1. L-akklamazzjoni li l-poplu jtenni wara l-konsagrazzjoni tagħlaq b’mod opportun billi turi l-projezzjoni eskataloġika li timmarka ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika (ara 1 Kor 11, 26): “sa ma jiġi fil-glorja”. L-Ewkaristija hija forza li tmexxina lejn l-iskop, tgħinna integħmu minn qabel il-milja tal-ferħ imwiegħed minn Kristu (ara Ġw 15,11); f’ċertu sens, hija antiċipazzjoni tas-sema “rahan tal-glorja li għad trid tiġi”.[30]  Kollox fl-Ewkaristija jesprimi l-istennija kollha tama li “titwettaq it-tama qaddisa u jiġi s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu”.[31]  Dak li jiekol lil Kristu fl-Ewkaristija ma għandux għalfejn joqgħod jistenna d-dinja l-ġdida sabiex jirċievi il-ħajja eterna: jippossidiha diġà minn din id-dinja stess, bħala l-ewwel frott tal-milja li għad trid tiġi, li tirrigwarda lill-bniedem fit-totalità kollha tiegħu.  Fil-fatt, fl-Ewkaristija aħna nirċievu wkoll il-garanzija tal-qawmien tal-ġisem fl-aħħar tad-dinja: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi, dan għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6, 54).  Din il-garanzija tal-qawmien li għad irid jiġi, hija ġejja mill-fatt li l-ġisem ta’ l-Iben t’Alla, mogħti bħala ikel, huwa l-ġisem irxuxtat tiegħu fl-istat glorjuż.  Permezz ta’ l-Ewkaristija induqu, biex ngħidu hekk, is-“sigriet” tal-qawmien.  Minħabba f’hekk sewwa qal Sant Injazju minn Antijokja meta ddefinixxa l-Ħobż Ewkaristiku bħala “mediċina ta’ immortalità, antidotu kontra l-mewt”.[32]

 

  1. It-tensjoni eskataloġika mqabbda mill-Ewkaristija tesprimi u ssaħħaħ il-komunjoni mal-Knisja tas-Sema.  Mhux ta’ b’xejn li fl-Anafori Orjentali u fit-talbiet Ewkaristiċi Latini jiġu mfakkra b’qima Marija dejjem Verġni, Omm Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu, l-anġli, il-qaddisin Appostli, il-martri glorjużi u l-qaddisin kollha.  Dan hu aspett wieħed ta’ l-Ewkaristija li jimmerita li jingħata attenzjoni akbar: filwaqt li aħna niċċelebraw is-sagrifiċċju tal-Ħaruf, aħna ningħaqdu mal-“liturġija” tas-sema, billi norbtu lilna nfusna mal-moltitudni mmensa li tgħajjat: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf!” (Apok 7, 10) L-Ewkaristija hija tassew dehra tas-sema kif tidher minn fuq l-art.  Hija raġġ ta’ glorja ta’ Ġerusalemm tas-sema, li tinfed is-sħab ta’ l-istorja tagħna u tarmi d-dawl tagħha fuq il-mixi tagħna.

 

  1. Konsegwenza sinifikattiva tat-tensjoni eskatoloġika li tinsab fl-Ewkaristija hija ukoll il-fatt li hija tagħti mbuttatura lill-mixja storika tagħna, filwaqt li tqiegħed żerriegħa ta’ tama vivaċi fir-rabta ta’ kull jum ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ ħidmietu.  Jekk fil-fatt il-viżjoni Nisranija twassal sabiex inħarsu lejn “smewwiet ġodda” u lejn “art ġdida” (ara Apok 21, 1), dan ma jdgħajjifx, iżda pjuttost jistimola is-sens tagħna ta’ responsabiltà lejn d-dinja preżenti. [33]  Dan irrid nerġa’ ntennih b’qawwa fil-bidu ta’ dan il-millennju ġdid, sabiex l-Insara jħossuhom dejjem iktar impenjati biex ma jittraskurawx id-dmirijiet li huma għandhom bħala ċittadini ta’ din l-art.  Xogħolhom hu li jikkontribwixxu bid-dawl tal-Vanġelu għall-bini ta’ dinja aktar umana u li twieġeb bis-sħiħ għall-pjan ta’ Alla.

 

Ħafna huma l-problemi li jdallmu l-orizzont ta’ żmienna.  Biżżejjed niftakru fl-urġenza li hemm biex inħabirku għall-paċi,  li naraw li bejn il-popli jkun hemm rapporti tajba mibnija fis-sod fuq premessi ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà, li niddefendu l-ħajja umana mit-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.  U xi ngħidu, imbagħad, għall-eluf ta’ kontradizzjonijiet ta’ dinja “globalizzata”, fejn l-iżjed dgħajfa, iż-żgħar u l-iżjed foqra jħossu li ftit li xejn hemm x’jimliehom bit-tama?  Hu proprju f’din id-dinja fejn għandha tiddi t-tama Nisranija!  Kien ukoll minħabba dan kollu li l-Mulej ried jibqa’ magħna fl-Ewkaristija,  billi jagħmel il-preżenza tiegħu fl-ikla u fis-sagrifiċċju l-wegħda ta’ umanità mġedda mill-imħabba tiegħu.  B’mod tassew sinifikattiv, sewwa sew fejn is-Sinottiċi jirrakkontaw it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, il-Vanġelu ta’ Ġwanni juri it-tifsira mill-iżjed profonda, fir-rakkont tal-“ħasil tar-riġlejn”, li fih Ġesù jagħmel lilu nnifsu għalliem ta’ komunjoni u ta’ qadi (ara Ġw 13, 1-20).  Minn naħa tiegħu, l-Appostlu Pawlu jqis bħala “indenn” li l-komunità Nisranija, tieħu sehem fl-Ikla tal-Mulej, meta din isseħħ f’kuntest ta’ diviżjoni u ta’ indifferenza lejn il-fqar (ara 1 Kor 11, 17-22.27-34).[34]

 

Meta jħabbru l-mewt tal-Mulej “sa ma jiġi” (1 Kor 11, 26) dawk kollha li jieħdu sehem fl-Ewkaristija, jimpenjaw ruħhom li jibdlu l-ħajja, sabiex hija ssir, b’ċertu mod, kollha kemm hi “Ewkaristika”. Hu proprju dan il-frott ta’ bidla ta’ l-eżistenza tagħna u l-impenn li nibdlu d-dinja skond il-Vanġelu juri fid-dija kollha tagħhom il-ġibda eskataloġika u l-ħajja kollha Nisranija: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22, 20).


 

IT-TIENI KAPITLU

L-EWKARISTIJA TIBNI L-KNISJA

 

  1. Il-Konċilju Vatikan II fakkar li ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika hija fiċ-ċentru tal-proċess ta’ tkabbir tal-Knisja.  Fil-fatt, wara li qal li “il-Knisja, jew aħjar is-saltna ta’ Kristu diġà preżenti f’misteru, tikber viżibilment fid-dinja minħabba l-qawwa ta’ Alla”,[35]  kważi bħal biex iwieġeb għall-mistoqsija: “Kif tikber?”, il-Konċilju jżid: “Kull darba li s-sagrifiċċju tas-Salib ‘li permezz tiegħu Kristu, il-ħaruf ta’ l-Għid tagħna, jiġi offrut’ (1 Kor 5,7), jiġi ċċelebrat fuq l-Altar,  titwettaq l-opra tal-fidwa tagħna. U flimkien, mas-sagrament tal-ħobż Ewkaristiku, tiġi rappreżentata u prodotta l-unità tal-fidili, li jikkostitwixxu ġisem wieħed fi Kristu (ara 1 Kor 10,17)).”[36]

 

Hemm influss każwali ta’ l-Ewkaristija, sa mill-oriġini proprji tal-Knisja.  L-Evanġelisti jippreċiżaw li kienu t-Tnax, l-Appostli, li ltaqgħu ma’ Ġesù fl-Aħħar Ċena (ara Mt 26,20; Mk 14,17; Lq 22,14).  Dan hu dettal ta’ rilevanza notevoli, għaliex l-Appostli “kienu kemm iż-żerriegħa ta’ Iżrael il-ġdid u kemm l-oriġini tal-ġerarkija qaddisa”.[37]     

 

Filwaqt li offra bħala ikel il-ġisem u d-demm tiegħu, Kristu daħħalhom misterjożament fis-sagrifiċċju li kellu jiġi kkunsmat ftit tas-sigħat wara fuq il-Kalvarju.  F’analoġija ma’ l-Alleanza tas-Sinai, issiġillata mis-sagrifiċċju u mit-traxxix tad-demm,[38]  il-ġesti u l-kelmiet ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena poġġew il-pedamenti tal-komunità messjanika ġdida, il-Poplu tal-Patt il-ġdid.

 

Waqt li l-Appostli fiċ-Ċenaklu laqgħu l-istedina ta’ Ġesù: “Ħudu u kulu…  Ixorbu lkoll…” (Mt 26, 26-27), daħlu għall-ewwel darba, f’komunjoni sagramentali Miegħu.  Minn dak il-ħin ’il quddiem, sat-temma tas-sekli, il-Knisja bniet u se tkompli tibni lilha nfisha permezz tal-komunjoni sagramentali ma’ l-Iben t’ Alla offrut għalina: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi… Agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11, 24-25; ara Lq 22,19)

 

  1. L-inkorporazzjoni fi’ Kristu, imwettqa permezz tal-Magħmudija, iġġedded u ssaħħaħ lilha nfisha kontinwament bis-sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, speċjalment bis-sehem sħiħ fih permezz tal-komunjoni sagramentali.  Nistgħu ngħidu li mhux biss kull wieħed u waħda minna jirċievi ’l Kristu, iżda wkoll li Kristu jirċievi lil kull wieħed u waħda minna. Hu jorbot il-ħbiberija tiegħu magħna: “Intom ħbiebi” (Ġw 15,14).  Anzi aħna ngħixu minħabba fih: “Min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija” (Ġw 6, 57).  Bil-komunjoni Ewkaristika jitwettaq b’mod sublimi l-għajxien ta’ Kristu u kull wieħed mid-dixxipli f’xulxin: “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15,4).

 

Permezz ta’ l-għaqda tiegħu ma’ Kristu, il-Poplu tal-Patt il-ġdid, minflok ma jingħalaq fih innifsu, isir “sagrament” għall-umanità,[39] sinjal u strument ta’ salvazzjoni mwettqa minn Kristu, dawl tad-dinja u melħ ta’ l-art (ara Mt 5, 13-16) għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.[40]  Il-missjoni tal-Knisja hija f’kontinwità ma’ dik ta’ Kristu: “bħalma l-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20,21).  Għalhekk mill-perpetwazzjoni tas-sagrifiċċju tas-Salib u tal-komunjoni mal-ġisem u mad-demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija,  il-Knisja tixrob il-qawwa spiritwali meħtieġa sabiex twettaq il-missjoni tagħha.  B’hekk, l-Ewkaristija tqiegħed lilha nfisha bħala għajn u fl-istess ħin il-quċċata ta’ l-evanġelizzazzjoni, peress li l-fini tagħha hija l-komunjoni tal-bnedmin ma’ Kristu u fiH mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu.[41]

 

  1. Bil-komunjoni Ewkaristika, l-Knisja hija imsaħħa bl-istess mod fl-unità tagħha mal-ġisem ta’ Kristu.  San Pawl jirreferi għal din il-qawwa li tgħaqqad tal-parteċipazzjoni fl-Ikla Ewkaristika meta huwa jikteb lill-Korintin: “U l-ħobż li naqsmu m’huwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?  Għax la l-ħobża hija waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: billi lkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10, 16-17)  Puntwali u profond jasal il-kumment ta’ San Ġwann Grisostmu: “X’inhu l-ħobż? Hu l-ġisem ta’ Kristu.  X’jsir minn dawk li jirċievuh? Dawn isiru l-Ġisem ta’ Kristu; imma, mhux ħafna iġsma, iżda ġisem wieħed.  Fil-fatt bħalma l-ħobż huwa ħaġa waħda, minkejja l-fatt li huwa magħmul minn ħafna qamħiet u dawn, għalkemm ma jidhrux, xorta jinsabu fih, b’tali mod li d-differenza ta’ bejniethom tisparixxi minħabba l-fużjoni reċiproka u perfetta tagħhom; bl-istess mod anki aħna nħossuna magħqudin reċiprokament bejnietna u lkoll kemm aħna ma’ Kristu”.[42]  Dan l-argument huwa konvinċenti: l-unjoni tagħna ma’ Kristu, li hi don u grazzja għal kull wieħed u waħda minna, jagħmel li fiH aħna wkoll inkunu msieħba fl-unità tal-ġisem Tiegħu li hi l-Knisja.  L-Ewkaristija ssaħħaħ l-għaqda fi Kristu, li seħħet fil-Magħmudija permezz tad-don ta’ l-Ispirtu (ara 1 Kor 12, 13.27)

 

L-attività magħquda u inseparabbli ta’ l-Iben ma’ dik ta’ l-Ispirtu s-Santu, li tinsab sa fil-bidu tal-Knisja, fit tisħiħ tagħha u fil-ħajja dejjiema tagħha, tinsab taħdem fl-Ewkaristija.  Dan kien evidenti għall-awtur tal-Liturġija ta’ San Ġakbu: fl-epiklesi ta’ l-Anafora Alla l-Missier hu mitlub sabiex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-fidili tiegħu u fuq l-offerti tiegħu, sabiex il-ġisem u d-demm ta’ Kristu “jgħin lil dawk kollha li jieħdu sehem minhom […] għat-tqaddis kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem tagħhom”.[43]  Il-Knisja hija msaħħa mill-Paraklitu Divin permezz tat-tqaddis tal-fidili fl-Ewkaristija.

 

  1. Id-don ta’ Kristu u ta’ l-Ispirtu tiegħu, li aħna nirċievu fit-Tqarbin Imqaddes, jwettaq jimla b’abbondanza x-xewqat ħerqana ta’ unità fraterna li jgħammru fil-qalb tal-bniedem; fl-istess ħin jgħolli ’il fuq l-esperjenza ta’ fraternità li tinsab diġà fil-parteċipazzjoni komuni tagħna mill-istess mejda Ewkaristika li hi f’livelli wisq ogħla minn dik ta’ esperjenza konvivjali umana sempliċi.  Permezz tal-komunjoni mal-ġisem ta’ Kristu,  il-Knisja tilħaq dejjem iżjed profondament dak l-esseri tagħha “fi Kristu bħala sagrament, jiġifieri sinjal u strument ta’ l-unjoni intima ma’ Alla u ta’ l-unità ta’ l-umanità kollha”.[44]

 

Iż-żrieragħ tal-firda, li l-esperjenza ta’ kuljum turi li għandhom għeruqhom fl-umanità minħabba d-dnub, isibu tifqilhom il-qawwa li tgħaqqad tal-ġisem ta’ Kristu.  L-Ewkaristija, preċiżament billi tibni l-Knisja,  toħloq komunità fost il-bnedmin.

 

  1. L-adorazzjoni ta’ l-Ewkaristija barra mill-Quddiesa huwa ta’ valur li ma jistax jitkejjel fil-ħajja tal-Knisja.  Dan il-kult huwa strettament marbut maċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  Il-preżenza ta’ Kristu taħt l-ispeċi qaddisa li jiġu kkonservati wara l-Quddiesa – preżenza li ddum sakemm jibqgħu l-ispeċi tal-ħobż u ta’ l-imbid[45] – tieħu miċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju u twassal għall-komunjoni sagramentali u spiritwali.[46]  Huwa d-dmir tar-Rgħajja li jinkoraġġixxu, anki bix-xhieda personali tagħhom, il-kult Ewkaristiku, b’mod partikolari l-espożizzjoni tas-Santissimu Sagrament, kif ukoll mumenti ta’ adorazzjoni quddiem Kristu preżenti taħt l-Ispeċi Ewkaristiċi.[47]

 

Hija ħaġa tassew sabiħa li ngħaddu ftit tal-ħin Miegħu, u nbaxxu rasna fuq is-sider tiegħu bħad-dixxiplu predilett (ara Ġw 13,25), u nħossuna milquta mill-imħabba infinita tal-qalb tiegħu.  Jekk il-Kristjaneżmu jrid jiddistingwi ruħu, fi żminijietna, fuq kollox bl-“arti tat-talb”,[48] kif qatt nistgħu ma nħossux il-ħtieġa mġedda li nieqfu fit-tul, f’konversazzjoni spiritwali, f’adorazzjoni siekta, f’atteġġjament ta’ imħabba, quddiem Kristu preżenti fis-Santissimu Sagrament?  Kemm drabi, ħuti għeżież, għamilt din l-esperjenza, u ksibt qawwa, konsolazzjoni u għajnuna!

 

Din il-prattika mfaħħra u rakkomandata kemm il-darba mill-Maġisteru,[49] jagħtuna eżempju tagħha il-Qaddisin.  B’mod partikolari, jispikka f’dan San Alfons Marija de’ Liguori, li kiteb hekk: “Fost il-ħafna devozzjonijiet, din li naduraw lil Ġesù Sagramentat hija l-ewwel waħda wara is-sagramenti, l-aktar għażiża għal Alla u l-iżjed utli għalina”.[50] L-Ewkaristija hija teżor li ma jistax jitkejjel: billi mhux biss niċċelebrawha, imma wkoll billi nieqfu nitolbu quddiemha barra mill-Quddiesa, aħna nistgħu nersqu qrib l-għajn ta’ kull grazzja.  Komunità Nisranija li trid tkun kapaċi tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu, f’dak l-ispirtu li jiena ssuġġerejt fl-Ittri apostoliċi tiegħi Novo millennio ineunte u Rosarium Virginis Mariæ, ma tistax ma tiżviluppax ukoll dan l-aspett tal-kult Ewkaristiku, li fih jiġu mtawla u mmultiplikati il-frott tal-komunjoni tagħna mal-ġisem u d-demm tal-Mulej.


 

IT-TIELET KAPITLU

L-APOSTOLIĊITÀ TA’ L-EWKARISTIJA U TAL-KNISJA

 

  1. Jekk, bħalma semmejt iktar ’il fuq, l-Ewkaristija tibni l-Knisja u l-Knisja tagħmel l-Ewkaristrija,  jidher minnufih li l-konnessjoni li hemm bejn waħda u l-oħra hija konnessjoni mill-iżjed stretta.  Dan huwa tassew minnu tant li jikkonsentilna napplikaw lill-Misteru Ewkaristiku dak li ngħidu dwar il-Knisja, meta, fis-Simbolu niċenu-kostantinopolitan, nistqarruha “waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”.  Waħda u kattolika hija wkoll l-Ewkaristija.  Hija wkoll qaddisa, anzi hija s-Santissimu Sagrament.  Imma fuq kollox hija l-appostoliċità tagħha li lejha aħna rridu nitfgħu l-attenzjoni tagħna.

 

  1. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, meta jfisser kif il-Knisja hija appostolika, jew aħjar mibnija fuq l-Appostli, jindividwa sens triplu ta’ espressjoni.  Minn naħa waħda “Hija twaqqfet u għadha mwaqqfa ‘fuq il-pedament ta’ l-Appostli’ (Ef 2, 20) xhieda magħżula u mibgħuta b’missjoni minn Kristu nnifsu”.[51]  Anki bħala pedament ta’ l-Ewkaristija hemm l-Appostli, mhux għaliex is-Sagrament ma jwassalx sa Kristu nnifsu, iżda peress li huwa ġie afdat f’idejn l-Appostli minn Kristu u ġie mgħoddi minnhom lis-suċċessuri tagħhom sa għandna.  Huwa f’kontinwità mal-ħidma ta’ l-Appostli u ubbidjenti għall-amar tal-Mulej, li l-Knisja tiċċelebrah matul is-sekli.

 

It-tieni sens ta’ l-appostoliċità tal-Knisja, indikat fil-Katekiżmu huwa li “tħares u twassal bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fiha, it-tagħlim, it-teżor sabiħ, il-kliem qaddis li ġie afdat lill-Appostli”.[52]  Anki f’dan it-tieni sens, l-Ewkaristija hija apostolika, għaliex tiġi ċċelebrata f’konformità mal-fidi ta’ l-Appostli.  Il-Maġisteru ekkleżjastiku f’diversi okkażjonijiet, matul l-istorja bi-millenarja tal-Poplu tal-Patt il-ġdid, iddefinixxa b’mod aktar preċiż id-duttrina Ewkaristika, inkluża t-terminoloġija eżatta, proprju biex tħares il-fidi apostolika f’dan il-Misreu hekk għoli.  Din il-fidi tibqa’ bla ma tinbidel u huwa essenzjali għall-Knisja li hi tibqa’ dak li hi.

 

  1. Fl-aħħarnett, il-Knisja hija appostolika fis-sens li “tkompli tiġi mgħallma, imqaddsa u mmexxija mill-Appostli,  sa meta jerġa’ jiġi Kristu, permezz tas-suċċessuri tagħhom fil-ħidma pastorali: il-kulleġġ ta’ l-Isqfijiet, “bl-għajnuna tas-saċerdoti, u f’għaqda mas-suċċessur ta’ San Pietru, ir-ragħaj il-kbir tal-Knisja’”.[53] Is-suċċessjoni ta’ l-Appostli, fil-missjoni pastorali, timplika neċessarjament is-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, jew jiġifieri s-serje ma taqta’ xejn sa mill-bidu ta’ l-ordinazzjonijiet validi ta’ l-Isqfijiet.[54]  Din is-suċċessjoni hija essenzjali, għaliex hemm il-Knisja f’sens proprju u sħiħ.

 

L-Ewkaristija tesprimi anki dan is-sens ta’ appostoliċità.  Fil-fatt, bħalma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “il-fidili, minħabba s-saċerdozju regali tagħhom, jingħaqdu fis-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija”,[55]  iżda huwa is-saċerdot ministerjali li “iwettaq is-Sagrifiċċju Ewkaristiku fil-persuna ta’ Kristu u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu”.[56]  Minħabba f’hekk fil-Messale Romano hemm miktub li huwa biss is-saċerdot li għandu jirreċita t-talba Ewkaristika, filwaqt li l-poplu, jossoċja ruħu miegħu bil-fidi u fis-skiet.[57]

 

  1. L-espressjoni, ripetutament użata mill-Konċilju Vatikan II, li skond hi “is-saċerdot ministerjali jwettaq is-Sagrifiċċju Ewkaristiku fil-persuna ta’ Kristu”,[58] kienet diġà radikata sewwa fit-tagħlim pontifiċju.[59]  Bħalma kelli mod li nfisser f’okkażjoni oħra, in persona Christi “tfisser ferm iżjed minn “f’isem”, jew inkella “fil-parti” ta’ Kristu.  In persona: jiġifieri fl-identifikazzjoni speċifika u sagramentali mas-Saċerdot il-kbir u etern, li hu l-awtur u s-suġġett prinċipali ta’ dan is-sagrifiċċju proprju tiegħu, li fih il-verità ma tista’ qatt tiġi mibdula minn ħadd”.[60]  Il-ministeru tas-saċerdoti li rċivew is-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, fl-ekonomija tas-salvazzjoni magħżula minn Kristu, juri li l-Ewkaristija, minnhom iċċelebrata, hija don li jgħaddi radikalment is-setgħa ta’ l-assemblea u allura hu inostitwibbli sabiex jorbot b’mod validu il-Konsagrazzjoni Ewkaristika mas-sagrifiċċju tas-Salib u ma’ l-Aħħar Ċena.

 

L-assemblea li tingħaqad flimkien għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija teħtieġ assolutament saċerdot ordnat li jippresidiha sabiex tista’ tkun verament Assemblea Ewkaristika.  Min-naħa l-oħra, il-komunità mhix fi stat li tagħti lilha nfisha, minn jeddha, il-ministru ordnat.  Dan huwa rigal li hija tirċievi permezz tas-suċċessjoni episkopali li tmur lura sa l-Appostli.  Hu l-Isqof li, permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, jagħmel presbiteru ġdid filwaqt li jsawwab fuqu is-setgħa li jikkonsagra l-Ewkaristija.  Għalhekk, “il-Misteru Ewkaristiku ma jista’ qatt jiġi ċċelebrat fl-ebda’ komunità jekk mhux minn saċerdot ordnat, bħalma għallem espressament ir-Raba’ Konċilju Lateranensi IV”.[61]

 

  1. Kemm din id-duttrina tal-Knisja Kattolika dwar il-ministeru saċerdotali f’rapport ma’ l-Ewkaristija, kif ukoll dik dwar is-Sagrifiċċju Ewkaristiku, f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin, kienu oġġett ta’ djalogu profiku fil-qasam ta’ l-azzjoni ekumenika.  Jeħtieġ inrodd ħajr lit-Trinita Qaddisa għaliex f’dan ir-rigward kien hemm progressi u tqarrib sinifikanti li jgħinuna nittamaw f’ġejjieni ta’ kondiviżjoni sħiħa tal-fidi.  Għadha sa llum tassew pertinenti l-osservazzjoni magħmula mill-Konċilju dwar il-Komunitajiet Ekkleżjali li nibtu fl-Oċċident mis-seklu XVI ’il hawn u li huma mifrudin mill-Knisja kattolika: “Il-Komunitajiet Ekkleżjali mifrudin minna, għalkemm tonqos minnhom dik l-unità sħiħa magħna li hija ġejja mill-Magħmudija, u għalkemm aħna nemmnu li huma, speċjalment minħabba in-nuqqas tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, ma żammewx is-sustanza ġenwina u integra tal-Misteru Ewkaristiku, safrattant, waqt li fl-Ikla Qaddisa jagħmlu t-tifkira tal-mewt u tal-qawmien tal-Mulej, jkunu jistqarru ħajja f’komunjoni ma’ Kristu u jistennew il-miġja glorjuża tiegħu”.[62]

 

Il-fidili kattoliċi, filwaqt li jirrispettaw il-konvinzjonijiet reliġjużi ta’ dawn ħutna mifruda, m’għandhomx jieħdu sehem fit-tqarbin mogħti fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, sabiex b’hekk ma jkunux jiċċertifikaw l-ambigwità dwar in-natura ta’ l-Ewkaristija, u minħabba f’hekk, jonqsu mid-dmir li jixhdu b’ċarezza l-verità.  Dan iwassal biex itawwal il-mixja lejn l-unità viżibbli u sħiħa. Hekk ukoll, ma nistgħu qatt naslu li nissostitwixxu l-Quddiesa tal-Ħadd b’ċelebrazzjonijiet ekumeniċi tal-Kelma jew b’laqgħat ta’ talb flimkien ma’ Nsara li jappartienu lil dawn il-Komunitajiet Ekkleżjali li semmejna jew inkella bis-sehem fis-servizz liturġiku tagħhom.  Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u laqgħat, li minnhom infushom huma ta’ min ifaħħarhom f’ċirkustanzi opportuni, iħejju għall-komunjoni sħiħa, anki Ewkaristika, iżda ma jistgħux jiħdulha postha.

 

Il-fatt li s-setgħa li jikkonsagraw l-Ewkaristija ġie afdat biss lill-Isqfijiet u lill-presbiteri, ma jikkostitwixxi l-ebda tnaqqis għall-bqija tal-Poplu ta’ Alla, peress li fil-komunjoni tal-ġisem uniku ta’ Kristu li hu l-Knisja, dan id-don jerġa’ jdur bħala vantaġġ għal kulħadd.

 

  1. Jekk l-Ewkaristija hija ċ-ċentru u l-quċċata tal-ħajja tal-Knisja, hekk ukoll hija ċ-ċentru u l-quċċata tal-ministeru saċerdotali.  Minħabba f’hekk, b’qalb tassew grata lejn is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, nerġa’ ntenni li l-Ewkaristija hija l-iskop prinċipali u ċentrali tas-Sagrament tas-saċerdozju, li effettivament twieled fil-mument tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija u flimkien magħha”.[63]

 

L-attivitajiet pastorali tal-presbiteru huma ħafna.  Jekk imbagħad inġibu quddiem għajnejna l-kundizzjonijiet soċjali u kulturali tad-dinja ta’ żmienna, hija ħaġa tassew faċli li tifhem kemm hu difiċili għall-presbiteri l-periklu ta’ tixrid f’numru tassew kbir ta’ ħidmiet diversi. Il-Konċilju Vatikan II lemaħ, fil-karità pastorali, ir-rabta li tagħti l-unità lil ħajjithom u l-attivitajiet tagħhom.  Hija – iżid jgħid il-Konċilju – “toħroġ fuq kollox mis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, li allura huwa ċ-ċentru u l-għerq tal-ħajja kollha tal-presbiteru”.[64] Għalhekk nifhmu kemm huwa importanti għall-ħajja spiritwali tas-saċerdot, kif ukoll għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja li l-qassisin jimxu fuq ir-rakkomandazzjoni konċiljari billi jiċċelebraw ta’ kuljum l-Ewkaristija “li hija dejjem att ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, anki meta mhux possibli li jassistu l-fidili”.[65]  B’dan il-mod, is-saċerdoti jkunu jistgħu jirbħu kull tensjoni li ttellifhom fil-ħajja, filwaqt li jsibu fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, ċentru tassew tal-ħajja u tal-ministeru tagħhom, l-enerġija spiritwali meħtieġa sabiex jaffrontaw il-ħidmiet pastorali diversi.  B’hekk il-ġranet tagħhom siru tassew ewkaristiċi.

 

Miċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija fil-ħajja u fil-ministeru tas-saċerdoti toħroġ anki ċ-centralità tagħha fil-pastorali b’risq il-vokazzjonijiet saċerdotali.  Hu fl-Ewkaristija illi t-talba ħerqana għall-vokazzjonijiet issib l-aqwa unjoni mat-talba ta’ Kristu, is-Saċerdot il-kbir u etern. Fl-istess ħin, id-diliġenza tal-qassisin fit-twettiq tal-Ministeru Ewkaristiku flimkien mas-sehem konxju, attiv u mimli frott tal-fidili fl-Ewkaristija tikkostitwixxi eżempju effettiv u stimolu għat-tweġiba ġeneruża miż-żgħażagħ għas-sejħa ta’ Alla.  Alla ta’ spiss jinqeda’ bl-eżempju ta’ karità pastorali żelanti ta’ xi saċerdot sabiex jiżra’ u jiżviluppa fil-qalb ta’ żagħżugħ iż-żerriegħa ħajja tas-sejħa għas-saċerdozju.

 

  1. Dan kollu juri kemm hija ta’ dwejjaq u lil hinn min-normal is-sitwazzjoni ta’ komunità Nisranija li, filwaqt li tqis lilha nnifisha bħala parroċċa minħabba n-numru u l-varjetà ta’ fidili, ma jkollhiex saċerdot li jmexxiha.  Fil-fatt, il-parroċċa hija komunità ta’ mgħammdin li jesprimu u jaffermaw l-identità tagħhom, fuq kollox, permezz taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  Iżda dan jitlob il-preżenza ta’ presbiteru, li hu biss għandu s-setgħa li joffri l-Ewkaristija in persona Christi.  Meta l-komunità hija mċaħħda mis-saċerdot, ġustament hija tipprova, b’xi mod, issib rimedju, sabiex ikunu jistgħu jitkomplew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ nhar ta’ Ħadd, u r-reliġjużi u l-lajċi li jmexxu fit-talb lil ħuthom, irġiel u nisa, jeżerċitaw b’mod ta’ min ifaħħru, is-saċerdozju komuni tal-fidili kollha, mibni fuq il-grazzja tal-Magħmudija.  Iżda dawn is-soluzzjonijiet għandhom jinżammu biss proviżorjament, meta l-komunità tkun qed tistenna s-saċerdot.

 

L-inkompletezza sagramentali ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandha, qabel xejn, tistimola lill-komunità kollha sabiex titlob b’fervur ikbar, ħalli l-Mulej jibgħat ħaddiema fil-għalqa tiegħu (ara Mt 9, 38); għandha imbagħad tkun ta’ inċentiv għaliha sabiex tqiegħed fil-prattika r-riżorsi meħtieġa l-oħra kollha għall-promozzjoni pastorali u adegwata ta’ vokazzjonijiet bla ma tħalli lilha nfisha taqa’ fit-tentazzjoni li tfittex soluzzjonijiet li jnaqqsu l-kwalitajiet morali u formattivi mitluba mill-kandidati għas-saċerdozju.

 

  1. Għalhekk mela, minħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti, tiġi afdata f’idejn fidili li mhumiex ordnati, il-parteċipazzjoni fil-kura pastorali tal-parroċċa, dawn għandhom iżommu quddiem għajnejhom, li, bħalma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “mhux possibbli li tiġi ffurmata komunità Nisranija jekk ma jkollhiex bħala għeruq tagħha u bħala ċ-ċentru tagħha iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa”.[66]  Għalhekk huma għandhom jaraw li jżommu ħaj fil-komunità “ġuħ” veru għall-Ewkaristija, li jwassal sabiex ma tintilef ebda okkażjoni li jkun hemm ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, anki billi japprofittaw ruħhom mill-preżenza okkażjonali ta’ xi saċerdot li mhux miżmum mid-dritt tal-Knisja milli jiċċelebraha.


 

IR-RABA’ KAPITLU

L-EWKARISTIJA U L-KOMUNJONI EKKLEŻJALI

 

  1. L-Assemblea straordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, fl-1985, identifikat fl-“ekkleżjoloġija tal-komunjoni” l-idea ċentrali u fundamentali tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.[67]  Il-Knisja, waqt il-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art, hija msejħa sabiex iżżomm u ġġib ’il quddiem kemm il-komunjoni ma’ Alla Trinità kif ukoll il-komunjoni fost il-fidili.  Minħabba f’hekk hija għandha l-Kelma u s-Sagramenti; fuq kollox hija għandha l-Ewkaristija, li permezz tagħha hija “kontinwament tgħix u tikber”[68], u li fiha, fl-istess ħin, tesprimi lilha nfisha.  Mhux ta’ b’xejn li t-terminu komunjoni sar wieħed mill-ismijiet speċifiċi ta’ dan is-Sagrament hekk kbir.

 

L-Ewkaristija, għalhekk, tidher bħala l-quċċata tas-Sagramenti kollha, meta hija twassal għall-perfezzjoni l-komunjoni tagħha ma’ Alla l-Missier permezz ta’ l-identifikazzjoni ma’ l-Iben Waħdieni Tiegħu bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Permezz ta’ fidi mill-iżjed intensa, wieħed kittieb distint tat-tradizzjoni Biżantina, esprima din il-verità: Fl-Ewkaristija “b’differenza minn kull sagrament ieħor, il-misteru ġtal-komunjoniħ hu daqstant perfett li jwassalna sal-quċċata ta’ dak kollu li hu tajjeb: hawn jinsab l-iskop aħħari ta’ kull xewqa umana, għaliex hawnhekk nilħqu lil Alla u Alla jgħaqqad lilu nnifsu magħna f’unjoni mill-iżjed perfetta”.[69]  Proprju minħabba f’hekk, tkun ħaġa flokha li nikkoltivaw f’ruħna x-xewqa kostanti għas-Sagrament Ewkaristiku.  Hawn twieldet il-prattika tal-“komunjoni spiritwali” affermata tul sekli sħaħ mill-Knisja u rakkomandata minn Qaddisin għalliema tal-ħajja spiritwali.  Santa Tereża ta’ Ġesù kitbet: “Meta ma titqarbnux u ma tiħdux sehem fil-Quddiesa, intom tistgħu titqarbnu spiritwalment, u din il-ħaġa hija tassew vantaġġjuża…  Hekk fikom tiġi stampata sewwa l-imħabba tal-Mulej tagħna”.[70]

 

  1. Iżda ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija ma tista’ tkun qatt il-punt tat-tluq tal-komunjoni; Din tistenna li hi tkun diġà teżisti, sabiex issaħħaħha u twassalha għall-perfezzjoni.  Is-Sagrament jesprimi din ir-rabta ta’ komunjoni kemm fid-dimensjoni inviżibbli li, fi Kristu, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, torbotna mal-Missier u bejnietna, kif ukoll fid-dimensjoni viżibbli li timplika l-komunjoni fid-duttrina ta’ l-Appostli, fis-Sagramenti u fl-ordni ġerarkiku.  Ir-rapport intimu eżistenti bejn l-elementi inviżibbli u l-elementi viżibbli tal-komunjoni ekkleżjali hija kostituttiv tal-Knisja bħala sagrament ta’ salvazzjoni.[71]  Hu biss f’dan il-kuntest li jkollna ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u l-parteċipazzjoni vera fiha.  Għalhekk hija esiġenza intrinsika għall-Ewkaristija li din tiġi ċċelebrata fil-komunjoni, u żżomm bla minsusa r-rabtiet ta’ dik il-komunjoni.

 

  1. Il-komunjoni inviżibbli, minkejja li min-natura tagħha, dejjem qed tikber, tissoponi l-ħajja tal-grazzja, li bis-saħħa tagħha, “lilna sseħibna fin-natura divina”( 2 Pt 1,4), u l-prattika tal-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-karità.  Fil-fatt hekk biss ikun hawn komunjoni vera mal-Missier, ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu s-Santu.  Mhux biżżejjed il-fidi, hemm bżonn ukoll il-perseveranza fil-grazzja santifikanti u fil-karità, filwaqt li aħna nibqgħu fi ħdan il-Knisja bil-“ġisem” u bil-“qalb”;[72]  li jeħtieġ, għalhekk, biex ngħiduha fi kliem San Pawl hu, “il-fidi li taħdem permezz tal-karità” (Gal 5,6).

 

L-integrità tar-rabtiet inviżibbli huwa dmir morali preċiż tan-Nisrani li jrid jieħu sehem bis-sħiħ fl-Ewkaristija billi jitqarben bil-ġisem u bid-demm ta’ Kristu.  Għal dan l-istess dmir isejjaħ Appostlu Pawlu meta jwissi: “Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi” (1 Kor 11,28).  San Ġwann Grisostmu, bil-qawwa ta’ l-elokwenza tiegħu, kien iħeġġeġ lill-fidili: “Anki jien ngħolli leħni, nitniehed, nitlob u niskonġra li ma jkun hemm ħadd li jersaq lejn din il-Mejda mqaddsa b’kuxjenza mtebba’ jew korrotta.  Fil-fatt, li nersqu b’dan il-mod ma jista’ qatt jissejjaħ tqarbin, anki jekk immissu elf darba l-ġisem tal-Mulej, iżda jkun kundanna, turment u żieda ta’ kastigi”.[73]

 

Ġustament f’din il-linja l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jistabilixxi: “Min ikun jaf li huwa ħati ta’ dnub gravi, l-ewwel għandu jirċievi s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel jersaq jitqarben”.[74]  Nixtieq għalhekk nerġa’ ntenni li għadha tgħodd, u tibqa’ tgħodd fil-Knisja, in-norma li biha l-Konċilju ta’ Trento kkonkretizza t-twissija iebsa ta’ l-Appostlu Pawlu meta stqarr li biex ikun hemm laqgħa denja ta’ l-Ewkaristija, “irid ikun hemm qabel xejn il-maħfra tad-dnubiet, meta wieħed huwa konxju ta’ dnub mejjet”.[75]

 

  1. L-Ewkaristija u l-Qrar huma żewġ sagramenti marbutin strettament flimkien.  Billi l-Ewkaristija tagħmel preżenti s-sagrifiċċju tas-Salib, u tkomplih sagramentalment, dan ifisser li minnha toħroġ il-ħtieġa kontinwa ta’ konverżjoni, ta’ tweġiba personali għall-eżortazzjoni li San Pawl kien itenni lill-Insara ta’ Korintu: “Nitlobkom f’ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5, 20).  Jekk imbagħad in-Nisrani għandu fuq il-kuxjenza tiegħu l-piż ta’ xi dnub gravi, allura l-itinerarju ta’ penitenza permezz tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, isir triq obbligatorja sabiex wieħed jasal għas-sehem sħiħ fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku.

 

Bla dubju ta’ xejn, il-ġudizzju dwar l-istat ta’ grazzja jaqa’ biss fuq il-persuna interessata, peress li din hi kwistjoni ta’ valutazzjoni ta’ kuxjenza.  Iżda f’każi ta’ xi komportament estern li hu b’mod gravi, ċar u kostanti kuntrarju għan-norma morali, il-Knisja, fil-kura pastorali tal-bon ordni komunitarju u minħabba r-rispett lejn is-Sagrament, ma tistax tistenna li ma tiġix indaħħla fil-kwistjoni.  Għal din is-sitwazzjoni li turi nuqqas ta’ dispożizzjoni morali, insibu n-norma tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku dwar l-inammissibilità għat-tqarbin Ewkaristiku ta’ dawk “li jwebbsu rashom u jkomplu jgħixu fi dnub gravi li jidher”.[76]

 

  1. Il-komunjoni ekkleżjali, bħalma diġà fakkart, hi wkoll viżibbli, u tesprimi ruħha fl-“irbit” msemmi mill-istess Konċilju meta jgħallem: “Huma inkorporati bis-sħiħ fis-soċjetà tal-Knisja dawk li, filwaqt li għandhom l-Ispirtu s-Santu, jilqgħu bħala ħaġa sħiħa l-istruttura tagħha kif ukoll il-mezzi kollha ta’ salvazzjoni li huma istitwiti fiha, u li fl-istruttura viżibbli tagħha huma magħqudin ma’ Kristu – li jmexxiha permezz tal-Papa u ta’ l-Isqfijiet – bl-irbit ta’ l-istqarrija ta’ fidi, tas-Sagramenti, tat-tmexxija ekkleżjastika u tal-komunjoni”.[77]

 

L-Ewkaristija, peress li hija l-manifestazzjoni suprema sagramentali tat-tqarbin fil-Knisja, teżiġi li tkun iċċelebrata f’kuntest fejn ir-rabtiet esterni ta’ komunjoni huma intatti. B’mod speċjali, peress li hija “il-quċċata tal-ħajja spiritwali u l-iskop tas-Sagramenti kollha”,[78] tistenna li jkunu veri l-irbit tal-komunjoni fis-Sagramenti, partikolarment fil-Magħmudija u fl-Ordni Sagri.  Mhix ħaġa possibli li jingħata t-tqarbin lil xi persuna li ma tkunx ġiet imgħammda jew li tirrifjuta l-verità kollha tal-fidi dwar il-Ministeru Ewkaristiku.  Kristu huwa l-verità u jagħti xhieda tal-verità (ara Ġw 14,6; 18,37); is-Sagrament tal-ġisem u tad-demm tiegħu ma jaċċettax finzjonijiet.

 

  1. Barra minn hekk, minħabba l-karattru stess tal-komunjoni ekkleżjali u minħabba r-relazzjoni li għandu magħha s-sagrament ta’ l-Ewkaristija, irid jiġi mfakkar li s-“Sagrifiċċju Ewkaristiku, minkejja li jiġi ċċelebrat dejjem f’komunità partikolari, ma hux ċelebrazzjoni ta’ dik il-komunità waħedha.  Fil-fatt, filwaqt li tirċievi l-preżenza Ewkaristika tal-Mulej, il-komunità tirċievi wkoll id-don sħiħ tas-salvazzjoni u turi, anki li fil-forma partikulari viżibbli u dejjiema tagħha, hi l-immaġini u preżenza reali ta’ Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”.[79]  Minn dan joħroġ li komunità verament Ewkaristika ma tista’ qatt tkun magħluqa fiha nnfisha, qisha kienet xi ħaġa awto-suffiċjenti, iżda għandha żżomm ruħha f’sintonija ma’ kull komunità kattolika oħra.

 

Il-komunjoni ekkleżjali ta’ l-assemblea Ewkaristika hija komunjoni ma’ l-Isqof proprju u mal-Papa Ruman. L-isqof, effettivament, huwa l-bidu viżibbli u l-pedament ta’ l-unità fil-Knisja partikulari tiegħu.[80]  Kienet tkun inkongruwenza tassew kbira kieku s-Sagrament per eċċellenza tal-Knisja kellu jiġi ċċelebrat mingħajr komunjoni vera ma’ l-Isqof.  Sant Injazju ta’ Antijokja kiteb hekk: “Għandha tiġi meqjusa bħala ħaġa żgura dik l-Ewkaristija li tiġi ċċelebrata taħt it-tmexxija ta’ l-Isqof jew dak li jkun ġie mogħti l-inkarigu mill-Isqof”.[81] Hekk ukoll, peress li “l-Papa Ruman, bħala s-suċċessur ta’ Pietru, huwa l-prinċipju perpetwu u viżibbli kif ukoll il-pedament ta’ l-unità kemm ta’ l-Isqfijiet kif ukoll tal-moltitudni ta’ fidili”,[82] il-komunjoni miegħu hija eżiġenza intrinsika għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  Minn hawn toħroġ il-verità kbira espressa b’modi diversi mil-Liturġija: “Kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija hija magħmula f’unjoni mhux biss ma’ l-Isqof proprju iżda wkoll mal-Papa, ma’ l-Ordni ta’ l-Isqfijiet, mal-kleru kollu u mal-poplu kollu.  Kull ċelebrazzjoni valida ta’ l-Ewkaristija tesprimi din il-komunjoni universali ma’ Pietru u mal-Knisja kollha kemm hi, jew inkella tfakkarha oġġettivament, bħalma tagħmel fil-każ tal-Knejjes Insara mifrudin minn Ruma”.[83]

 

  1. L-Ewkaristija toħloq komunjoni u teduka għall-komunjoni.  San Pawl kiteb lill-fidili ta’ Korintu, filwaqt li urihom kemm il-firdiet tagħhom, li kienu qed jidhru fil-laqgħat ewkaristriċi, kienu f’kuntrast ma’ dak li kienu qed jiċċelebraw, l-Ikla tal-Mulej. Konsegwentement, l-Appostlu stedinhom jirriflettu dwar ir-realta’ vera ta’ l-Ewkaristija, sabiex jgħinhom jerġgħu lura lejn l-ispirtu tal-komunjoni fraterna (ara 1 Kor 11, 17-34).  B’mod mill-iżjed effikaċi tenna din l-eżiġenza Sant Wistin, filwaqt li fakkar il-kelmiet ta’ l-Appostlu: “Intom il-ġisem ta’ Kristu u kull wieħed minnkom membru tiegħu” (1 Kor 12, 27). Hu żied jgħid: “Jekk intom il-ġisem tiegħu u l-membri tiegħu, fuq il-mejda tal-Mulej hemm imqiegħed dak li hu l-misteru tagħkom; iva, intom tirċievu dak li hu il-misteru tagħkom”.[84]  Hu minn dan il-fatt huwa ħareġ bil-konklużjoni: “Kristu l-Mulej […] ikkonsagra fuq il-mejda tiegħu l-misteru tal-paċi u ta’ l-unità tagħna.  Min jirċievi l-misteru ta’ l-unità, iżda ma jikkonservax ir-rabta tal-paċi, jirċievi mhux xi misteru favur tiegħu, iżda prova kontra tiegħu nnifsu”.[85]

 

  1. Din l-effikaċja partikulari ta’ l-Ewkaristija li ġġib ’il quddiem il-komunjoni, hija wieħed mill-motivi ta’ l-importanza tal-Quddiesa tal-Ħadd.  Fuqha u fuq ir-raġunijiet l-oħra li jirrenduha fondamentali għall-ħajja tal-Knisja u tal-fidili individwali, jiena diġà tkellimt fl-Ittra Appostolika dwar it-tqaddis tal-Ħadd Dies Domini,[86] fejn kont fakkart, fost affarijiet oħra, li huwa obbligu għall-fidili li jieħdu sehem fil-Quddiesa, jekk mhux meta jkollhom xi impediment gravi, u lir-Rgħajja kont għabbejthom bid-dmir li jmiss lilhom li joffru lil kulħadd il-possibilità effettiva li jissodisfaw il-preċett.[87]  Iktar reċenti, fl-Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, filwaqt li wrejt il-mixja pastorali tal-Knisja fil-bidu tat-tielet millennju, jiena għamilt enfasi partikulari fuq l-Ewkaristija tal-Ħadd, billi sħaqt dwar l-effikaċja kreattiva tal-komunjoni: “Hija”, kont ktibt, “il-post privileġġjat fejn il-komunjoni hija kostantement imħabbra u kkultivata.  Proprju permezz tal-parteċipazzjoni Ewkaristika, jum il-Mulej isir ukoll jum il-Knisja, li b’hekk tkun tista’ twettaq b’mod tassew effettiv ir-rwol tagħha ta’ sagrament ta’ unità”.[88] 

  2. Il-ħarsien u l-promozzjoni tal-komunjoni ekkleżjali hija ħidma ta’ kull fidil, li jsib fl-Ewkaristija bħala sagrament ta’ l-unità tal-Knisja, qasam ta’ ħeġġa speċjali. Fil-konkret, din il-ħidma taqa’ mill-ġdid b’responsabbiltà partikulari fuq ir-Rgħajja tal-Knisja, kull wieħed fil-grad u skond l-uffiċċju tiegħu ekkleżjastiku.  Għalhekk il-Knisja ħolqot ċerti normi li lkoll jimmiraw flimkien sabiex jiffavorixxu l-aċċess frekwenti u mimli frott tal-fidili lejn il-Mejda Ewkaristika u sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom għandu jkun hemm astensjoni fl-amministrazzjoni tat-tqarbin.  L-attenzjoni li tgħin il-ħarsien fidil ta’ dawn in-normi ssir espressjoni effettiva ta’ imħabba lejn l-Ewkaristija u lejn il-Knisja.

 

 

  1. Meta l-Ewkaristija tiġi osservata bħala sagrament ta’ komunjoni ekkleżjali niltaqgħu ma’ argument li ma għandux jiġi mwarrab, u dan minħabba l-importanza tiegħu.  Qed nirreferi għar-relazzjoni ta’ l-Ewkaristija ma’ impenn Ekumeniku.  Aħna lkoll għandna għax inroddu ħajr lit-Trinità Qaddisa talli, f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin, ħafna fidili, f’kull parti tad-dinja, ħassew ix-xewqa qawwija ta’ l-unità fost l-Insara kollha.  Il-Konċilju Vatikan II, fil-bidu tad-Digriet dwar l-Ekumeniżmu, jara f’dan kollu rigal speċjali ta’ Alla.[89]  Kienet grazzja effikaċi li tat bidu għall-mixja matul it-triq ekumenika kemm għalina, ulied il-Knisja kattolika, kif ukoll lil ħutna tal-Knejjes l-oħra u Komunitajiet ekkleżjali.

 

L-aspirazzjoni lejn il-mira ta’ l-unità timbuttana sabiex nitfgħu ħarsitna fuq l-Ewkaristija, li hija s-Sagrament ewlieni ta’ l-unità tal-Poplu ta’ Alla, peress li hija l-espressjoni adegwata u l-għajn insuperabbli ta’ dik l-għaqda.[90]  Fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, il-Knisja terfa’ ’il fuq it-talba ħerqana tagħha lejn Alla, Missier il-ħniena, sabiex jagħti lil uliedu il-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu ħalli b’hekk isiru ġisem wieħed u spirtu wieħed fi Kristu.[91]  Filwaqt li toffri din it-talba lill-Missier tad-dawl, li minnu jiġu “kull għotja tajba u kull don perfett” (Ġk 1,17), il-Knisja temmen fl-effikaċja tagħha, għaliex hija titlob f’għaqda ma’ Kristu ras u għarus, li jagħmel tiegħu it-talba ħerqana tal-għarusa, filwaqt li jgħaqqadha ma’ dik tas-sagrifiċċju li jsalva.

 

  1. Proprju għaliex l-unità tal-Knisja, li l-Ewkaristija twettaq permezz tas-sagrifiċċju u l-għaqda mal-ġisem u d-demm tal-Mulej, għandha l-eżiġenza ta’ għaqda sħiħa fir-rabtiet ta’ l-istqarrijiet tal-fidi, tas-Sagramenti u tat-tmexxija ekkleżjastika, mhix possibli tiċċelebra l-istess liturġija Ewkaristika sakemm ma terġax tiġi stabbilità l-integrità ta’ dawn ir-rabtiet.  Konċelebrazzjoni magħmula b’dan il-mod ma hijiex mezz validu, anzi tista’ turi ruħha bħala ostaklu li jtellef milli tiġi milħuqa bis-sħiħ il-għaqda, filwaqt li jnaqqas is-sens ta’ distanza mill-mira u jintroduċi jew jippermetti ambigwità fuq waħda jew oħra mill-veritajiet tal-fidi.  Il-mixja lejn l-unità sħiħa ma tistax titwettaq jekk mhux fil-verità.  F’dan il-kontest, id-divjet tal-liġi tal-Knisja ma jħalli l-ebda spazju għall-inċertezzi,[92] b’lealta’ għan-norma morali proklamata mill-Konċilju Vatikan II.[93]

 

Irrid għalhekk nerġa’ ntenni dak li kont semmejt fl-Ittra enċiklika Ut unum sint, wara li qist l-impossibilità tal-kondiviżjoni Ewkaristika: “Safrattant, aħna għandna x-xewqa mħeġġa li niċċelebraw flimkien l-unika Ewkaristija tal-Mulej, u din ix-xewqa ssir diġà tifħir komuni, implorazzjoni waħda.  Flimkien aħna nduru lejn il-Missier u dan nagħmluh dejjem iżjed ta’ spiss “b’qalb waħda”.[94]

 

  1. Waqt li fl-ebda każ ma hija leġittima l-konċelebrazzjoni fin-nuqqas ta’ għaqda sħiħa, ma jiġrix l-istess fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, f’ċirkostanzi speċjali, lil individwi li jagħmlu parti mill-Knejjes jew Komunitajiet ekkleżjali li mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika.  F’dan il-każ, Fil-fatt, l-obbjettiv huwa li tissodisfa l-ħtieġa spiritwali gravi għas-salvazzjoni dejjiema tal-fidili individwali, u mhux li toħloq interkomunjoni, li hija impossibbli sakemm ma jkunx hemm xi għamla ta’ irbit viżibbli ta’ komujoni ekkleżjali.

 

F’dan is-sens tkellem il-Konċilju Vatikan II, meta ffissa l-komportament li għandu jkun hemm ma’ l-Orjentali, li filwaqt li jsibu ruħhom in buona fede mifruda mill-Knisja Kattolika, jitolbu spontanjament li jirċievu l-Ewkaristija mingħand il-ministru Kattoliku u jkollhom id-dispożizzjoni meħtieġa.[95]  Dan il-mod ta’ kif wieħed għandu jaġixxi kien ġie ratifikat miż-żewġ Kodiċijiet, li fihom jiġi kkunsidrat ukoll, b’adattament neċessarju, il-każ ta’ l-Insara l-oħra mhux Orjentali li ma humiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja kattolika.[96]

 

  1. Fl-Enċiklika Ut unum sint jiena stess urejt apprezzament għal dawn in-normi, li jagħmluha possibili li tipprovdi għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ, permezz ta’ dixxerniment opportun: “Hu motiv ta’ ferħ li tiftakar li l-ministri Kattoliċi jistgħu, f’każi partikulari determinati, jamministraw is-Sagramenti ta’ l-Ewkaristija, tal-Qrar, tal-Griżma tal-Morda lill-Insara oħra li m’humiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika, iżda li għandhom xewqa kbira li jirċevuhom, li jitolbuhom liberament u juru fil-beraħ il-fidi li l-Knisja Kattolika tistqarr f’dawn is-Sagramenti. Reċiprokament, f’każi dterminati u għal xi ċirkostanzi partikolari, anki l-Kattoliċi jistgħu jitolbu dawn l-istess Sagramenti lil ministri ta’ dawk il-Knejjes fejn dawn is-Sagramenti huma validi”.[97]

 

Jeħtieġ li wieħed joqgħod għal dawn il-kundizzjonijiet, li huma inderogabbli, minkejja li jittrattaw dwar każi partikulari determinati. Iċ-ċaħda ta’ waħda jew aktar minn waħda tal-veritajiet tal-fidi dwar dawn is-Sagramenti, u fosthom, ta’ dik li tikkonċerna il-ħtieġa tas-Saċerdozju ministerjali sabiex ikunu validi, tirrendi lil min ikun jitlobhom mhux dispost għall-amministrazzjoni leġittima tagħhom.  U bil-maqlub, kattoliku fidil ma jistax jirċievi t-tqarbin f’komunità li fiha jkun hemm nieqes is-sagrament validu ta’ l-Ordni Sagri.[98]

 

L-osservanza fidila tal-ġabra flimkien tan-normi stabiliti f’din il-materja[99] hija manifestazzjoni, u fl-istess ħin garanzija, ta’ imħabba kemm lejn Ġesù Kristu fis-Santissimu Sagrament, kif ukoll lejn l-aħwa ta’ reliġjonijiet Insara oħra, li lejhom għandha tiġi mogħtija xhieda tal-verità, u wkoll għall-istess kawża tal-promozzjoni għall-unità.


 

IL-ĦAMES KAPITLU

ID-DEKOR TAĊ-ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

 

  1. Min jaqra fil-Vanġeli sinottiċi r-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, jibqa’ milqut mis-sempliċità u fl-istess waqt mis-“solennità”, li bihom Ġesù, fil-lejl ta’ l-Aħħar Ċena, waqqaf dan is-Sagrament kbir.  Hemm episodju li, f’ċertu sens, jagħmilha ta’ preludju: huwa d-dilka ta’ Betanja.  Waħda mara, identifikata minn Ġwanni bħala Marija oħt Lazzru, ixxerred fuq ir-ras ta’ Ġesù vażett ta’ fwieħa prezzjuża, filwaqt li pprovokat fost id-dixxipli – b’mod partikulari f’Ġuda (ara Mt 26,8; Mk 14,4; Ġw 12, 4) – reazzjoni ta’ protesta, qisu li dan il-ġest, f’konsiderazzjoni mal-ħtiġijiet tal-fqar, kien jikkostitwixxi “ħela” intollerabbli.  Iżda l-valutazzjoni ta’ Ġesù kienet ferm differenti.  Bla ma naqqas xejn mid-dmir tal-karità lejn min kien fqir, li lilhom id-dixxipli kellhom dejjem jagħtu l-attenzjoni tagħhom – “Il-fqar huma dejjem magħkom” (Mt 26,11; Mk 14,7; ara Ġw 12, 8) – Huwa jħares lejn il-ġrajja imminenti tal-mewt tiegħu u tad-difna tiegħu, u japprezza d-dilka li kienet saret lilu bħala antiċipazzjoni ta’ dak l-unur li l-ġisem tiegħu kien ser ikompli jimmerita anki wara l-mewt, magħqud bla ma jista’ qatt jinħall mal-misteru tal-persuna tiegħu.

 

Fil-Vanġeli sinottiċi, ir-rakkont ikompli, bl-inkarigu li Ġesù ta lid-dixxipli biex jippreparaw sewwa “l-kamra l-kbira” meħtieġa sabiex jagħmlu l-ikla tal-Għid (ara Mk 14,15; Lq 22,12), u bir-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Filwaqt li jħalli kemm kemm jidher il-kwadru tar-riti lhud taċ-ċena ta’ l-Għid sal-kant tal-Hallel (ara Mt 26,30; Mk 14,26), ir-rakkont joffri b’mod konċiż kemm huma solenni, għalkemm b’tibdiliet tad-diversi tradizzjonijiet, il-kelmiet li qal Ġesù fuq il-ħobż u l-inbid, magħżulin minnu bħala espressjonijiet tal-għoti ta’ ġismu u t-tixrid ta’ demmu.  Dawn il-partikularitajiet kollha huma mfakkra mill-Evanġelisti fid-dawl ta’ użanza tal-“qsim tal-ħobż” diġà kkonsolidata fil-Knisja primittiva. Tassew, sa minn żmien Ġesù, il-ġrajja ta’ Ħamis ix-Xirka turi biċ-ċar sinjali ta’ “sensibilità liturġika, mfassla fuq it-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim u lesta li terġa’ tfassal lilha nfisha mill-ġdid fiċ-ċelebrazzjoni Nisranija f’sintonija mal-kontenut ġdid tal-Għid.

 

  1. Bħal dik il-mara tad-dilka ta’ Betanja, il-Knisja ma beżgħet qatt “taħli”, filwaqt li investiet l-aħjar tar-riżorsi tagħha sabiex tesprimi l-istagħġib tagħha ta’ adorazzjoni quddiem ir-rigal li ma jista’ qatt jitkejjel ta’ l-Ewkaristija. Mhux inqas mill-ewwel dixxipli li ġew inkarigati sabiex iħejju l-“kamra l-kbira”, hija ħassitha imbuttata matul is-sekli u mal-laqgħat ma’ kulturi differenti sabiex tiċċelebra l-Ewkaristija f’kuntest denn ta’ Misteru tassew kbir.  Fuq l-eżempju tal-kelmiet u tal-ġesti ta’ Ġesù, u waqt li fl-istess ħin tiżviluppa l-wirt ritwali tal-ġudajiżmu, twieldet il-liturġija Nisranija.  Jista’ qatt ikun hemm mod adegwat biex jesprimi kif jiġi aċċettat id-don li l-Għarus divin kontinwament jagħmel minnu nnifsu lill-Knisja-Għarusa, filwaqt li jqarreb ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ nies li jemmnu, dan is-Sagrifiċċju offrut darba għal kulħadd fuq is-Salib, u hekk għamel minnu ikel għall-fidili kollha?  Għalkemm il-loġika ta’ l-“ikla” tispira familjarità, il-Knisja ma ċediet qatt għat-tentazzjoni li tibbanalizza din “il-kunfidenza” mal-Għarus tagħha, billi tinsa’ li Huwa wkoll is-Sid tagħha u li l-“ikla” tibqa’ dejjem ikla sagrifikali, immarkata bid-demm imxerred fuq il-Golgotha.  L-Ikla Ewkaristika hija verament ikla “qaddisa”, li fiha s-sempliċità tas-sinjali taħbi warajha l-abbiss tal-qdusija ta’ Alla: “O Sacrum convivium, in quo Christus sumitur!”  Il-ħobż maqsum fuq l-Altari tagħna, offrut lilna fil-kundizzjoni tagħna ta’ pellegrini f’mixja mat-toroq tad-dinja, huwa “panis angelorum”, ħobż ta’ l-anġli, li ma nistgħux nersqu lejh jekk mhux bl-umiltà taċ-ċenturjun tal-Vanġelu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” ( Mt 8,8; Lq 7,6).

 

  1. B’dan is-sens hekk għoli ta’ misteru, wieħed jifhem kemm il-fidi tal-Knisja fil-Misteru Ewkaristiku tiġi espressa fl-istorja mhux biss permezz ta’ l-insistenza ta’ atteġġjament interjuri ta’ devozzjoni, iżda wkoll permezz ta’ serje ta’ espressjonijiet esterni, imqegħdin sabiex iġibu mill-ġdid quddiem għajnejna u jenfasizzaw il-kobor ta’ din il-ġrajja ċċelebrata. Minn hawnhekk tibda t-triq li wasslet sabiex jitħejja statut speċjali ta’ regolamentazzjoni tal-Liturġija Ewkaristika, fid-dawl ta’ diversi tradizzjonijiet ekkleżjali leġittimament imwaqqfa.  Fuq din il-bażi ġie żviluppat ukoll patrimonju artistiku għani.  L-arkitettura, l-iskultura, il-pittura, il-mużika, filwaqt li ħallew lilhom infushom jiġu orjentati mill-misteru Nisrani, sabu fl-Ewkaristija, direttament jew indirettament, motiv ta’ ispirazzjoni mill-aqwa.

 

Hekk jista’ jingħad, per eżempju, għall-arkitettura li malli l-kuntest storiku ppermetta, rat il-passaġġ mis-sedi ewkaristiċi tal-bidu mqegħdin fid-“domus” tal-familji Nsara sal-bażiliċi solenni ta’ l-ewwel sekli, kif ukoll sal-katidrali imponenti tal-Medjuevu, u l-knejjes kbar jew żgħar, li bil-mod il-mod imlew dawk l-artijiet li fihom daħal il-Kristjaneżmu.  Il-forom ta’ l-Altari u tat-tabernakli li żviluppaw fil-knejjes bil-mod il-mod, ma kinux biss motivati minn ispirazzjoni artistika, iżda wkoll b’għarfien ċar tal-Misteru.  L-istess ħaġa tista’ tingħad dwar il-musica sacra; jekk wieħed jaħseb ftit fuq il-melodiji gregorjani ispirati, u l-ħafna awturi, spiss ta’ kalibru, li ppruvaw ikunu denji tat-testi liturġiċi tal-Quddiesa.  L-istess jista’ jingħad għall-kwantità enormi ta’ produzzjonijiet artistiċi, mit-twettiq ta’ xogħol tassew tajjeb fl-artiġġjanat sa’ l-opri ta’ l-arti veri, fl-ambitu ta’ l-oġġetti u ta’ ilbiesi użati għaċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika?

 

Jista’ jingħad ukoll li l-Ewkaristija, filwaqt li għaġnet il-Knisja u l-ispiritwalità tagħha, ħalliet bis-sħiħ il-marka fuq il-“kultura”, speċjalment fl-ambitu estetiku.

 

  1. F’dan l-isforz ta’ adorazzjoni tal-Misteru, meħud fil-prospettiva ritwali u estetika, f’ċertu sens kien hemm “kompetizzjoni” bejn l-Insara ta’ l-Oċċident u dawk ta’ l-Orjent.  Kif nistgħu ma nroddux ħajr lill-Mulej, b’mod partikulari, għall-kontribut li ġie mogħti lill-arti Nisranija mill-opri kbar arkitettoniċi u ta’ pittura tat-tradizzjoni Greko-Bizantina u tal-qasam ġeografiku u kulturali Slav kollu?  Fl-Orjent, l-arti sagra kkonservat b’mod speċjali, sens qawwi ta’ misteru, filwaqt li mbuttat lill-artisti sabiex jaraw l-impenn tagħhom fil-produzzjoni tas-sabiħ mhux biss bħala espressjoni tal-ġenju tagħhom, iżda wkoll bħala servizz awtentiku għall-fidi. Filwaqt li jmorru lil hinn minn sempliċi stħarriġ tekniku, huma kienu kapaċi jinfetħu b’doċilità għall-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu ta’ Alla.

 

L-isplenduri ta’ l-arkitettura u tal-możajċi fl-Orjent u fl-Oċċident Nisrani huma patrimonju universali ta’ dawk li jemmnu, u jġorru fihom awgurju, u ngħid jien impenn, għall-milja ta’ komunjoni mixtieqa fil-fidi u fiċ-ċelebrazzjoni.  Dan jistenna u jeżiġi, bħall-kwadru ċelebri tat-Trinità ta’ Rublev, Knisja profondament “Ewkaristika”, li fiha il-qsim tal-misteru ta’ Kristu fil-ħobż maqsum, tidher mgħarrqa fl-unità ineffabbli tat-tliet Persuni divini, li tagħmel mill-istess Knisja “ikona” tat-Trinità.

 

F’din il-prospettiva ta’ arti mifruxa sabiex tesprimi, fl-elementi kollha tagħha, is-sens ta’ l-Ewkaristija skond it-tagħlim tal-Knisja, jeħtieġ li jingħata kull attenzjoni għan-normi li jirregolaw il-bini u t-tiżjin ta’ postijiet sagri.  L-ispazju kreattiv li l-Knisja dejjem ħalliet għall-artisti hu wiesa’, kif jidher mill-istorja u kif jiena stess semmejt fl-Ittra lill-artisti.[100] Iżda l-arti sagra għandha tiddistingwi lilha nnifisha għall-kapaċità tagħha li tesprimi b’mod xieraq il-Misteru li hemm fil-milja tal-fidi tal-Knisja u skond l-indikazzjonijiet pastorali konvenjentement offruti mill-Awtorità kompetenti.  Dan hu kliem li jiswa kemm għall-arti figurattiva kif ukoll għall-mużika sagra.

 

  1. Dak li seħħ fl-artijiet ta’ Kristjanizzazzjoni antika, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-arti sagra u mad-dixxiplina liturġika, qiegħed jiżviluppa wkoll fil-kontinenti li fihom il-kristjaneżmu huwa iktar żagħżugħ.  Dan huwa l-orjentament li kien għamel il-Konċilju Vatikan II f’dik li hija eżiġenza ta’ “inkulturizzazzjoni” b’saħħitha u fl-istess ħin doveruża. Fil-vjaġġi pastorali numerużi li jiena għamilt kelli ċ-ċans nosserva, fil-partijiet kollha tad-dinja, kemm hija kapaċi li toħloq vitalità ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika f’kuntatt mal-forom, l-istili u s-sensibilità tal-kulturi diversi.  Filwaqt li taddatta ruħha għall-kundizzjonijiet li jinbidlu skond iż-żmien u l-ispazju, l-Ewkaristija toffri nutriment mhux biss għall-individwi imma wkoll għall-istess popli, u tagħġen kulturi li huma ispirati mill-Kristjaneżmu.

 

Madankollu huwa meħtieġ li din il-ħidma importanti ta’ adattament tkun imwetqa fl-għarfien kostanti tal-Misteru ineffabbli li miegħu kull ġenerazzjoni tiġi msejħa sabiex tkejjel lilha nfisha.  It-“teżor” huwa tassew importanti u prezzjuż biex jissogra li jiftaqar jew li jiġi preġudikat, permezz ta’ sperimentazzjoni jew ħidmiet introdotti mingħajr verifika attenta min-naħa ta’ l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi kompetenti.  B’dana kollu, iċ-ċentralità tal-Misteru Ewkaristiku huwa tali li jeżiġi li l-verifika ssir f’rapport strett mas-Santa Sede.  Kif ktibt fl-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali Ecclesia in Asia, “kollaborazzjoni bħal din hija essenzjali għaliex il-Liturġija Qaddisa tesprimi u tiċċelebra l-unika fidi mistqarra minn kulħadd u peress li hija wirt tal-Knisja kollha ma tistax tiġi determinata mill-Knejjes lokali iżolati mill-Knisja Universali”.[101]

 

  1. Minn dan li għidna, nifhmu r-responsabbiltà kbira li għandhom is-saċerdoti, qabel kulħadd, fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Huma għandhom id-dmir li jippreseduha in persona Christi, billi jassiguraw xhieda u servizz ta’ komunjoni mhux biss għall-komunità li direttament tkun qed tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, iżda anki tal-Knisja Universali, li hija parti minn kull Ewkaristija.  Iżda ta’ min jilmenta li, minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar is-sens ta’ kreattività u ta’ adattament, speċjalment fis-snin li ġew wara ir-riforma liturġika post-konċiljari, ma naqsux abbużi, li kienu mottiv ta’ tbatija għal ħafna.  Ċerta reazzjoni kontra l-“formaliżmu” wasslet lil xi wħud, speċjalment f’ċerti reġjuni, sabiex ma jibqgħux iżommu bħala obligatorji il-“forom” magħżula mit-tradizzjoni kbira liturġika tal-Knisja u tal-Maġisteru u jintroduċu tiġdid mhux awtorizzat u ta’ spiss mill-iżjed skonvenjenti.

 

Għalhekk inħoss id-dmir li nagħmel appell ħerqan sabiex, fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, in-normi liturġiċi jkunu mħarsa b’fedelta’ tassew kbira.  Huma espressjoni konkreta ta’ l-ekkleżjalità awtentika ta’ l-Ewkaristija; dan hu s-sens l-iżjed profond tagħhom.  Il-liturġija qatt ma tista’ tkun proprjetà privata ta’ ħadd, la taċ-ċelebrant, lanqas mal-komunità li fiha jiġu ċċelebrati l-Misteri.  L-Appostlu Pawlu ħass il-ħtieġa li jtenni kelmiet tassew ħorox f’konfront tal-komunità ta’ Korintu minħabba n-nuqqasijiet gravi fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tagħhom, li kienet saħansitra wasslet għad-diviżjoni (skismata) u għall-formazzjoni ta’ fazzjonijiet (‘aireseis) (ara 1 Kor 11, 17-34).  Anki fiż-żminijiet tagħna, l-ubbidjenza għan-normi liturġiċi għandha terġa’ tiġi skoperta u valoriżżata bħala rifless u xhieda tal-Knisja waħda u universali, li tinsab preżenti f’kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija.  Is-saċerdot li jiċċelebra fedelment il-Quddiesa, skond in-normi liturġiċi u l-komunità li tikkonforma ruħha magħhom juru, b’mod silenzjuż iżda fl-istess ħin elokwenti, l-imħabba tagħhom għall-Knisja.  Proprju sabiex jiġi msaħħaħ dan is-sens profond tan-normi liturġiċi, jiena tlabt lid-Dikasteri kompetenti tal-Kurja Rumana sabiex iħejju dokument iktar speċifiku, b’sejħat ukoll ta’ karattru ġuridiku, dwar dan is-suġġett ta’ importanza kbira.  Lil ħadd ma qed jiġi mogħti l-permess li jiżvaluta l-Misteru li ġie afdat f’idejna: tant huwa kbir li ħadd ma jista’ jittrattah b’mod personali, li ma jirrispettax la l-karattru sagru u lanqas id-dimensjoni universali tiegħu.


 

IS-SITT KAPITLU

FL-ISKOLA TA’ MARIJA, IL-MARA “EWKARISTIKA”

 

  1. Jekk aħna rridu niskopru fil-għana kollu tiegħu, ir-rapport intimu li jorbot flimkien l-Knisja u l-Ewkaristija, ma nistgħux ninsew lil Marija, Omm u mudell tal-Knisja.  Fl-Ittra appostolika Rosarium Virginis Mariæ, filwaqt li wrejt lill-Verġni Santissima bħala Għalliema fil-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu, jiena daħħalt ukoll, fost il-misteri tad-dawl, it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija.[102]  Fil-fatt, Marija tista’ tmexxina lejn dan is-Sagrament hekk Qaddis, għaliex għandha miegħu relazzjoni profonda.

 

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, il-Vanġelu ma jgħid xejn fuqha.  Fir-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka Marija ma tissemmiex.  Iżda nafu li hija kienet preżenti fost l-Appostli, “ilkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien” (At 1,4) fl-ewwel komunità miġbura wara t-tlugħ fis-Sema u fl-istennija tal-Pentekoste.  Din il-preżenza tagħha ma setgħetx tkun nieqsa fiċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi fost il-fidili ta’ l-ewwel ġenerazzjoni Nisranija, miġbura flimkien “fil-qsim tal-ħobż” (At 2,42)

 

Iżda lil hinn mill-parteċipazzjoni tagħha fl-Ikla Ewkaristika, ir-rapport ta’ Marija ma’ l-Ewkaristija jista’ jiġi meqjus indirettament li jibda’ mill-atteġġjament interjuri.  Marija hija mara “Ewkaristika” b’ħajjitha kollha kemm hi.  Il-Knisja, filwaqt li tħares lejn Marija bħala l-mudell tagħha, hija msejħa sabiex timitaha anki fir-rapport ma’ dan il-Misteru hekk qaddis.

 

  1. Mysterium fidei!  Jekk l-Ewkaristija hija misteru tal-fidi, li tissupera bil-wisq l-intellett tagħna saħansitra tasal biex tobbligana għall-abbandun mill-iżjed safi għall-Kelma ta’ Alla, ħadd bħal Marija ma jista’ jkun ta’ għajnuna u ta’ gwida għalina f’dan l-atteġġjament.  Ir-ripetizzjoni min-naħa tagħna tal-ġest ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena fit-twettiq tal-mandat tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi!”, issir fl-istess waqt laqgħa ta’ l-istedina ta’ Marija sabiex nobduh mingħajr ebda eżitazzjoni: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom hu!” (Ġw 2,5) B’dik il-premura ta’ omm murija fit-tieġ ta’ Kana, Marija tidher qed tgħidilna: “Toqgħodux ittellgħu u tniżżlu.  Afdaw fil-kelma ta’ l-Iben tiegħi.  Hu, li kien kapaċi jibdel l-ilma f’inbid, hekk ukoll huwa kapaċi li jagħmel mill-ħobż u mill-inbid il-ġisem u d-demm tiegħu, filwaqt li jafda permezz ta’ dan il-misteru f’idejn dawk li jemmnu it-tifkira ħajja tal-Għid tiegħu, sabiex b’dan il-mod, jagħmel minnu nnifsu ‘il-ħobż tal-ħajja’”.

 

  1. F’ċertu sens, Marija eżerċitat il-fidi Ewkaristika tagħha saħansitra qabel ma’ l-Ewkaristija kienet ġiet imwaqqfa, minħabba l-fatt stess li offriet il-ġuf verġinali tagħha għall-inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla.  L-Ewkaristija, filwaqt li tfakkarna fil-passjoni u fil-qawmien, tqiegħed lilha nfisha f’kontinwità ma’ l-Inkarnazzjoni.  Fit-Tħabbira ta’ l-Anġlu Marija nisslet lill-Iben divin fil-verità fiżika tal-ġisem u tad-demm, u b’hekk antiċipat fiha dak li f’ċertu kejl kellu jitwettaq sagramentalment f’kull bniedem li jemmen li jirċievi, fis-sinjal tal-ħobż u ta’ l-imbid, il-ġisem u d-demm tal-Mulej.

 

Għalhekk, hawnhekk għandna analoġija profonda bejn il-fiat li tenniet Marija għall-kelmiet ta’ l-Anġlu, u l-amen li kull fidil itenni meta jirċievi il-ġisem tal-Mulej.  Marija kienet ġiet mitluba temmen li dak li hija nisslet “bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu” kien l-“Iben ta’ Alla” (ara Lq 1, 30-35)  F’kontinwità mal-fidi tal-Verġni, fil-Misteru Ewkaristiku aħna qed niġu mitluba nemmnu li dak l-istess Ġesù, Iben ta’ Alla u Iben ta’ Marija, qed ipoġġi lilu nnifsu preżenti bl-esseri sħiħ tiegħu uman u divin taħt l-ispeċi tal-ħobż u ta’ l-inbid.

 

“Imbierka dik li emmnet” (Lq 1,45): Marija antiċipat, fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, anki l-fidi Ewkaristika tal-Knisja.  Meta fil-Viżitazzjoni, ġarret f’ġufha il-Verb inkarnat, hija għamlet lilha nfisha, bħal qisha, “tabernaklu” – l-ewwel “tabernaklu” ta’ l-istorja – fejn l-Iben ta’ Alla, li kien għadu inviżibbli għall-għajnejn tal-bnedmin, jagħti lilu nnifsu għall-adorazzjoni ta’ Eliżabetta, qisu “jarmi d-dija” permezz ta’ l-għajnejn u l-leħen ta’ Marija.  U l-ħarsa msaħħra ta’ Marija meta hija tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu għadu kif twieled u fl-għafsa li biha trossu f’dirgħajha, mhumiex forsi dawn il-mudell li ma jista’ jintlaħaq qatt ta’ imħabba u li għandha tispirana kull darba li nitqarbnu?

 

  1. B’ħajjitha kollha qrib Ġesù, u mhux biss fuq il-Kalvarju, Marija għamlet tagħha id-dimensjoni sagrifikali ta’ l-Ewkaristija.  Meta ġarret lit-tarbija sat-Tempju ta’ Ġerusalemm “sabiex toffrih lill-Mulej” (Lq 2,22), semgħet jitħabbrilha mix-xwejjaħ Xmuni li dik it-Tarbija kellha tkun “sinjal ta’ kontradizzjoni” u li “sejf” kellu jinfed lill-qalbha (ara Lq 2, 34-35).  B’hekk ġie mħabbar minn qabel id-dramm ta’ l-Iben imsallab u b’xi mod anki “l-stabat Mater” tal-Verġni f’riġlejn is-Salib.  Filwaqt li kienet tħejji lilha nfisha, ġurnata b’ġurnata, għall-Kalvarju, Marija kienet tgħix sura ta’ “Ewkaristija antiċipata”, jew aħjar “komunjoni spiritwali” ta’ xewqa u ta’ offerta, li ssib il-milja tagħha fl-għaqda ma’ l-Iben fil-passjoni, u li tesprimiha, imbagħad, fil-perijodu ta’ wara l-Għid, fil-parteċipazzjoni tagħha fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, ippreseduta mill-Appostli, bħala “tifkira” tal-passjoni.

 

Kif nistgħu nimmaġinaw is-sentimenti ta’ Marija, fis-smigħ minn fomm Pietru, Ġwanni, Ġakbu u l-Appostli l-oħra, tal-kelmiet ta’ l-Aħħar Ċena: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom” (Lq 22, 19)?  Dak il-ġisem mogħti f’sagrifiċċju u ppreżentat mill-ġdid fis-sinjali sagramentali, kien l-istess ġisem imnissel fil-ġuf tagħha!  Li tirċievi l-Ewkaristija kellu jfisser għal Marija kważi laqgħa mill-ġdid fil-ġuf ta’ dik il-qalb li kienet ħabbtet bl-istess ritmu mal-qalb tagħha, kif ukoll li tgħix mill-ġdid dak li kienet għaddiet minnu hija stess taħt is-Salib.

 

  1. “Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi” (Lq 22, 19).  Fit-“tifkira” tal-Kalvarju nsibu preżenti dak kollu li Kristu wettaq fil-passjoni tiegħu u fil-mewt tiegħu.  Għalhekk ma jonqosx “dak li Kristu wettaq anki b’risq Ommu favur tagħna.  Fil-fatt lilha afdala f’idejha lid-dixxiplu predilett tiegħu u fih, afda wkoll lil kull wieħed u waħda minna” “Hekku ibnek!”  Hekk ukoll jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Hekku ommok!” (Ġw 19, 26-27).

 

Li tgħix fl-Ewkaristija t-tifkira tal-mewt ta’ Kristu, jimplika wkoll li tirċievi kontinwament dan ir-rigal.  Dan ifisser li aħna nieħdu għandna – fuq l-eżempju ta’ Ġwanni – lil dik li ta’ kull darba qed tiġi mogħtija lilna bħala Omm. Tfisser ukoll li fl-istess ħin nieħdu fuqna l-impenn li nikkonformaw ruħna ma’ Kristu, billi nattendu fl-iskola ta’ l-Omm u nħallu lilna nfusna niġu msieħba minnha.  Marija hija preżenti, mal-Knisja u bħala Omm tal-Knisja, f’kull Ċelebrazzjoni Ewkaristika tagħna.  Jekk Knisja u Ewkaristija huma maqgħuda b’mod li ma jinħallux, hekk ukoll jeħtieġ ngħidu dwar Marija u Ewkaristija.  Minħabba f’hekk, sa mill-antikità, it-tifkira ta’ Marija minn dejjem kienet parti miċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tal-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent

 

  1. Fl-Ewkaristija, il-Knisja tgħaqqad lilha nfisha bis-sħiħ ma’ Kristu u mas-sagrifiċċju tiegħu, filwaqt li tagħmel tagħha l-ispirtu ta’ Marija.  Hija verità li tista’ tinftihem b’mod aktar profond meta wieħed jaqra mill-ġdid il-“Magnificat” fi prospettiva Ewkaristika.  Fil-fatt, l-Ewkaristija, bħalma hu l-kantiku ta’ Marija, hija qabel xejn tifħir u radd il-ħajr.  Meta Marija tesklama “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi”, hija tkun qed iġġorr fil-ġuf tagħha lil Ġesù.  Tfaħħar lill-Missier “permezz” ta’ Ġesù, iżda tfaħħru wkoll “f’Ġesù” u “ma’” Ġesù.  U preċiżament dan hu l-veru “atteġġjament Ewkaristiku”.

 

Fl-istess ħin Marija tiftakar fl-għeġubijiet li wettaq magħha Alla fl-istorja tas-salvazzjoni, skond il-wegħda magħmula lil missirijietha (ara Lq 1, 55), filwaqt li tħabbar l-meravilja li tgħaddihom kollha, l-Inkarnazzjoni li tifdi.  Fil-Magnificat hija fl-aħħarnett preżenti t-tensjoni eskataloġika ta’ l-Ewkaristija.  Kull darba li l-Iben ta’ Alla jippreżenta ruħu mill-ġdid quddiemna fil-“faqar” tas-sinjali sagramentali, il-ħobż u l-inbid, titqiegħed iż-żerriegħa ta’ dik l-istorja ġdida li fiha “jitniżżlu s-setgħana minn fuq it-tron tagħhom” u jiġu “mgħollija ’il fuq iċ-ċkejknin” (ara Lq 1, 52).  Marija tkanta dawk is-“smewwiet ġodda” u dik l-“art ġdida” li fl-Ewkaristija jsibu l-antiċipazzjoni tagħhom u f’ċertu sens il-“pjan” programmatiku tagħhom.  Jekk il-Magnificat tesprimi l-ispiritwalità ta’ Marija, xejn iżjed minn din l-ispiritwalità ma jgħinna ngħixu l-Misteru Ewkaristiku.  L-Ewkaristija ġiet mogħtija lilna, sabiex ħajjitna, bħal dik ta’ Marija, tkun kollha kemm hi magnificat!


 

KONKLUŻJONI

 

  1. Ave, verum corpus natum de Maria Virgine!”  Ftit tas-snin ilu jiena ċċelebrajt il-ħamsin anniversarju tas-saċerdozju tiegħi. Illum għandi l-grazzja li noffri lill-Knisja din l-Enċiklika dwar l-Ewkaristija, f’Ħamis ix-Xirka li jaħbat mal-ħamsa u għoxrin sena tal-ministeru Petrin.  Dan qed nagħmlu b’qalb mimlija bi gratitudni. Għal aktar minn nofs seklu, ta’ kull jum, sa mit-2 ta’ Novembru 1946, il-jum li fih ċċelebrajt l-ewwel quddiesa tiegħi fil-kripta ta’ San Leonardu fil-Kattidral ta’ Wawel ġo Krakoja, għajnejja jinġabru fuq l-ostja u l-kalċi. B’xi mod, iż-żmien u l-ispazju “jingħaqdu” flimkien u d-dramm tal-Golgotha jiġi ppreżentat mill-ġdid, b’mod ħaj, filwaqt li jikxef il-“kontemporanjetà” misterjuża tiegħu.  Ta’ kull jum il-fidi tiegħi kienet tista’ tagħraf fil-ħobż u fl-inbid ikkonsagrat, il-Pellegrin divin li jum wieħed resaq ħdejn iż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws sabiex jiftħilhom għajnejhom għad-dawl u l-qalbhom għat-tama (ara Lq 24, 13-35).

 

Ħalluni, għeżież ħuti, li naqsam magħkom b’emozzjoni kbira, biex nakkompanja u nsaħħaħ il-fidi tagħkom, ix-xhieda tiegħi ta’ fidi fl-Ewkaristija Mqaddsa.  “Ave, verum corpus de Maria Virgine, /  vere passum, immolatum, in cruce pro homine!”  Hawn jinsab it-teżor tal-Knisja, il-qalb tad-dinja, ir-rahan tal-mira li għalih, kull bniedem jixxennaq, anki bla ma jkun jaf.  Misteru kbir, li tassew, jogħla ’il fuq minna, u li jqiegħed għall-prova iebsa l-ħila tal-moħħ tagħna li jmur ’il hinn minn dak li jidher.  Hawnhekk ifallu s-sensi tagħna – “visus, tactus, gustus in te fallitur”, hekk jintqal fl-innu Adoro te devote –, iżda l-fidi waħdanija, radikata fil-kelma ta’ Kristu, mgħoddija lilna mill-Appostli, hija biżżejjed.  Ħalluni, bħal Pietru fit-tmiem tad-diskors Ewkaristiku fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, intenni lil Kristu, f’isem il-Knisja kollha, f’isem kull wieħed u waħda minna: “Mulej għand min tridna mmorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 68).

 

  1. Fiż-żerniq ta’ dan it-tielet millennju, aħna lkoll, ulied il-Knisja, qed niġu mħeġġin nimxu b’forza mġedda fil-ħajja Nisranija.  Kif ktibt fl-Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, “dan ma jfissirx li rridu nivvintaw “programm ġdid”.  Il-programm diġà jeżisti: huwa dak ta’ dejjem, miġbur fil-Vanġelu u mit-Tradizzjoni ħajja.  Fl-aħħar mill-aħħar, huwa jiċċentra ruħu fi Kristu stess, biex nagħrfuh, inħobbuh, nimitawh, ngħixu fih il-ħajja Trinitarja, u sabiex nittrasformaw miegħu l-istorja sat-twettiq tagħha f’Ġerusalemm ċelesti”.[103]  It-twettiq ta’ dan il-programm, ta’ din il-forza mġedda fil-ħajja Nisranija, jgħaddi mill-Ewkaristija.

 

Kull impenn ta’ qdusija, kull azzjoni magħmula sabiex tirrealizza l-missjoni tal-Knisja, kull twettiq ta’ pjani pastorali jeħtieġu li jieħdu l-qawwa tagħhom meħtieġa mill-Misteru Ewkaristiku u lejh għandhom jimmiraw bħala l-quċċata tagħhom.  Fl-Ewkaristija għandna lil Ġesù, għandna s-sagrifiċċju li jifdi, għandna l-qawmien tiegħu, għandna id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, għandna l-adorazzjoni, l-ubbidjenza u l-imħabba lejn il-Missier. Jekk aħna nittraskuraw l-Ewkaristija, kif nistgħu qatt nirmedjaw għal dan in-nuqqas tagħna?

 

  1. Il-Misteru Ewkaristiku – sagrifiċċju, preżenza, ikla – ma jikkonsentix tnaqqis u lanqas strumentalizzazzjoni; irid ikun esperjenzat fl-integrità tiegħu, kemm fil-ġrajja ċelebrattiva, kemm fil-kollokwju intimu ma’ Ġesù li nkunu għadna kif irċivejnih fit-tqarbin, kif ukoll fil-mument ta’ talb ta’ Adorazzjoni Ewkaristika barra mill-Quddiesa.  B’hekk il-Knisja tiġi msaħħa fl-istruttura tagħha u tesprimi dak li verament hi: waħda, qaddisa, kattolika u appostolika; poplu, tempju u familja ta’ Alla; ġisem u għarusa ta’ Kristu, animata mill-Ispirtu s-Santu; sagrament universali ta’ salvazzjoni u komunjoni ġerarkikament strutturata.

 

It-triq li minnha għaddiet il-Knisja f’dawn l-ewwel snin tat-tielet millennju hija wkoll triq ta’ impenn ekumeniku mġedded. L-aħħar għaxriet ta’ snin tat-tieni millennju, li laħqu l-quċċata tagħhom fil-Ġublew il-Kbir, imbuttawna f’din id-direzzjoni, filwaqt li ħeġġew lill-imgħammdin kollha sabiex iwieġbu għat-talba ta’ Ġesù  “ut unum sint” (Ġw 17, 11).  Hija triq tassew twila, mimlija b’ħafna diffikultajiet li huma ferm ikbar mill-kapaċitajiet tal-bnedmin; iżda aħna għandna l-Ewkaristija u quddiemha nistgħu nħossu fil-fond ta’ qalbna, qishom indirizzati lilna, l-istess kelmiet li l-profeta Elija kien sema’: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek” (1Slaten19,7).  It-teżor Ewkaristiku li l-Mulej qiegħed għad-dispożizzjoni tagħna, iħeġġiġna nimxu lejn il-mira ta’ kondiviżjoni sħiħa flimkien ma’ l-aħwa, li magħhom tgħaqqadna l-Magħmudija komuni.  Sabiex ma nitilfux dan it-teżor, jeħtieġ għalhekk nirrispettaw l-eżiġenzi li joħorġu mill-fatt li huwa Sagrament tal-komunjoni fil-fidi u fis-suċċessjoni appostolika.

 

Filwaqt li nagħtu lill-Ewkaristija dak kollu li jixirqilha, u filwaqt li nieħdu ħsieb bi premura kbira li ma nnaqqsu l-ebda dimensjoni jew eżiġenza, aħna nuru ruħna li nagħrfu l-kobor ta’ dan id-don.  Tistedinna għal dan kollu, ċerta tradizzjoni li ma qatgħet qatt, li sa mill-ewwel sekli dejjem rat lill-komunità Nisranija għassiesa fil-ħarsien ta’ dan it-“teżor”.  Imbuttata mill-imħabba, il-Knisja tħabrek li tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet Insara li ġew wara, bla ma titlef anqas farka waħda, il-fidi u d-duttrina dwar il-Misteru Ewkaristiku.  Ma hemm l-ebda periklu li neżaġeraw fil-ħarsien ta’ dan il-Misteru, għaliex “f’dan is-Sagrament jinġabar il-misteru kollu tas-salvazzjoni tagħna”.[104]

 

  1. Għeżież ħuti, ejjew inqegħdu lilna nfusna fl-iskola tal-Qaddisin, interpreti kbar tal-vera pjetà Ewkaristika.  Fihom it-teoloġija ta’ l-Ewkaristija tikseb is-sbuħija kollha ta’ esperjenza reali; “aħna nittieħdu minnha”, u biex ngħidu hekk, “lilna ssaħħanna”.  Ejjew nisimgħu lil Marija Santissima, li fiha l-Misteru Ewkaristiku jidher, iktar minn fi ħwejjeġ oħra, bħala misteru ta’ dawl.  Filwaqt li nħarsu lejha, aħna nagħrfu l-qawwa tremenda li tippossjedi l-Ewkaristija.  Fiha aħna naraw lid-dinja tiġġedded fl-imħabba.  Filwaqt li nikkontemplawha mtella’ fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem, aħna naraw biċċa mis-“smewwiet ġodda” u mill-“art ġdida” li jinfetħu quddiem għajnejna mat-tieni miġja ta’ Kristu. F’din id-dinja, l-Ewkaristija tikkostitwixxi r-rahan u, sa ċertu punt, l-antiċipazzjoni tagħhom: “Veni, Domine Iesu!” (Apok 22,20).

 

Fis-sinjal umli tal-ħobż u ta’ l-inbid, mibdula fil-ġisem u d-demm tiegħu, Kristu jimxi magħna, bħala saħħa tagħna u l-vjatku tagħna, u jagħmilna għal kulħadd xhieda ta’ tama.  Jekk quddiem dan il-Misteru r-raġuni tagħraf il-limiti tagħha, il-qalb imdawla mill-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu tifhem sewwa kif għandha ġġib ruħha, filwaqt li titbaxxa f’adorazzjoni u f’imħabba mingħajr ebda limiti.

 

Nagħmlu tagħna s-sentimenti ta’ San Tumas d’Aquino, teologu mill-aqwa u fl-istess ħin kantur appassjonat ta’ Kristu Ewkaristiku, u naraw li anki qalbna tinfetaħ fit-tama ta’ kontemplazzjoni ta’ dik il-mira, li lejha il-qalb tagħna tixxennaq, għatxana kif inhi għall-ferħ u għall-paċi:

 

“Bone pastor, panis vere,

Iesu, nostri miserere…”.

 

            “Ragħaj it-Tajjeb, ħobż veru,

            O Ġesù, ikollok ħniena minna:

            itmagħna u ddefendina,

            wassalna għall-ġid etern

            fl-art tal-ħajjin.

 

            Int li kollox taf u tista’

            li titmagħna fuq din l-art,

            wassal lill-ħutek

            għall-mejda tas-sema

            fil-ferħ tal-qaddisin”.

 

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, fis-17 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, tas-sena 2003, il-ħamsa u għoxrin sena tal-Pontifikat tiegħi, Sena tar-Rużarju.

 

 

Joannes Paulus


 

[1] Konċ.Ekum. Vat. II, Kost. Domm. Dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11

[2] Konċ.Ekum. Vat. II, Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, Presbyterorum Ordinis, 5

[3]  Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra apost. Rosarium Virginis Mariae (16 ta’ Ottubru 2002), 21: AAS 95 (2003),19.

4  Dan hu t-titlu li jiena ridt nagħti lil xhieda awto-bijografika fl-okkażjoni tal-ħamsin sena tas-saċerdozju tiegħi.

[5]  LeonisXIII Acta XXII (1903), 115-136.

[6] AAS 39 (1947), 521-595.

[7] AAS 57 (1965), 753-774.

[8]  AAS 72 (1980), 113-148

[9]  Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 47: “Salvator noster […] Sacrificium Eucharisticum Corporis et Sanguinis sui instituit, quo Sacrificium Crucis in saecula, donec veniret, perpetuaret”.

[10]  Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,  n. 1085.

[11]  Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 3.

[12]  Ara Pawlu VI, Professjoni Solenni tal-fidi, 30 ta’ Ġunju 1968, 24: AAS 60 (1968), 442;  Ġwanni Pawlu II, Ittra appost. Dominicae Cenae (24 ta’ Frar 1980), 12: AAS 72 (1980), 142.

[13]  Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1382.

[14]  Ibid., n. 1367.

[15]  Omeliji fuq l-Ittra lil-Lhud, 17, 3:  PG 63, 131

[16]  Ara Konċ. Ekum. Tridentin,  Sess. XXII, Doctrina de ss. Missae sacrificio, kap. 2: DS 1743: “Hawn insibu vittma waħda u identika kif ukoll l-istess Ġesù joffriha issa permezz tal-ministeru tas-saċerdoti, hu li jum wieħed offra lilu nnifsu fuq is-salib:  il-mod ta’ kif joffri lilu nnifsu huwa biss differenti”.

[17]  Piju XII, Ittra Enċik. Mediator Dei (20 ta’ Novembru 1947): AAS 39 (1947), 548

[18]  Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċik. Redemptor hominis (15 ta’ Marzu 1979), 20; AAS 71 (1979), 310.

[19]  Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11.

[20]  De sacramentis, V, 4, 26:  CSEL 73, 70.

[21]  Dwar il-Vanġelu ta’ Ġwanni, XII, 20;  PG 74, 726.

[22]  Ittra Enċik. Mysterium fidei (3 ta’ Settembru 1965): AAS 57 (1965), 764.

[23]  Sess. XIII, Digriet de ss. Eucharistia, kap. 4:  DS 1642.

[24]  Katekeżi mistagoġiċi, IV, 6: SCh 126, 138.

[25]  Konċ. Ekum. Vat. II, Kostituzzjoni dwar ir-Revelazzjoni Divina  Dei Verbum, 8

[26]  Professjoni Solenni ta’ fidi, 30 ta’ Ġunju 1968, 25: AAS 60 (1968), 442-443

[27]  Omelija IV tal-Ġimgħa Mqaddsa:  CSCO 413/ Syr. 182, 55.

[28]  Anafora.

[29]  Talba Ewkaristika III.

[30]  Solennità tal-Ġisem u d-Demm  ta’ Kristu, antifona tal-Magnificat tat-Tieni Vespri.

[31]  Missal Ruman, Emboliżmu wara l-Missierna.

[32]  Ittra lin-nies ta’ Efesu, 20:  PG 5, 661

[33]  Ara Konċ. Ekum, Vat. II., Kost past. Dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes, 39.

[34]  “Trid tonora l-ġisem ta’ Kristu? La tittraskurahx meta tarah għarwien.  La tagħtihx unur hawn fit-tempju b’ilbies tal-ħarir, biex imbagħad tittraskurah barra, fejn ikun iterter bil-bard u bl-għera.  Dak li qal :“Dan huwa ġismi”, hu l-istess wieħed li qal: “Intom rajtuni bil-ġuħ u ma tmajtunix”, u “Dak li intom għamiltu ma’ l-iżgħar wieħed minn ħuti, għamiltuh miegħi” […] X’tiswa li jkun hemm mejda Ewkaristika mimlija b’kalċijiet tad-deheb, meta hu qed imut bil-ġuħ?  Ibda’ biex titma’ lil min hu bil-ġuħ, imbagħad b’dak kollu li jifdal tkun tista’ tonora l-altar”: S. ĠWANN GRISOSTMU, Omeliji dwar il-Vanġelu ta’ Mattew, 50, 3-4: PG 58, 508-509; Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċik. Sollecitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 31: AAS 80 (1988), 533-556.

[35]  Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 3.

[36]  Ibid.

[37]  KONĊ. EKUM. VAT. II, Degriet dwar il-ħidma missjonarja tal-Knisja Ad Gentes, 5

[38]  “Mose mbagħad ħa d-demm, u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej   jagħmel magħkom skond dan il-kliem kollu!” (Es 24,8)

[39]  Ara KONĊ. EKUM. VAT. II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1).

[40]  Ara ibid., 9

[41]  Ara KONĊ. EKUM. VAT. II, Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-Presbiteri Presbyterorum Ordinis, 5.  L-istess Digriet, fin-No. 6 jgħid: “Mhux possibli li tiġi mibnija komunità Nisranija jekk ma jkollhiex bħala għeruq u ċentru tagħha ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa”.

[42]  Omeliji dwar l-Ewwel Ittra lill-Korintin, 24, 2:  PG 61, 200.  Ara Didache’, IX, 4: F.X. FUNK, I, 22;  San Ċiprijan, Ep. LXIII,13: PL 4, 384.

[43]  PO 26, 206

[44]  KONC. EKUM. VAT. II, Kost.domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1

[45]  Ara KONĊ. EKUM. TRIDENTIN, Sess XIII, Decretum de ss. Eucharistia, can. 4 DS 1654

[46]  Ara Rituale Romanum: De sacra communione et de cultu mysterii eucharistici extra Missam, 36 (n.80).

[47]  Ara ibid., 38-39 (nn.86-90)

[48]  ĠWANNI PAWLU II, Ittra Ap. Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 32: AAS 93 (2001), 288.

[49]  “Matul il-jum, il-fidili jonqsu milli jagħmlu żjara lis-Santissimu Sagrament, li għandu jiġi mqiegħed f’post mill-iżjed distint, bl-għola unuri fil-knejjes, skond il-liġijiet liturġiċi, għaliex il-viżta hija prova ta’ gratitudni, sinjal ta’ imħabba u dejn ta’ rikonoxxenza lejn Kristu l-Mulej, hemm preżenti”: PAWLU VI, Ittra Encik. Mysterium fidei (3 ta’ Settembru 1965): AAS 57 (1965), 771.

[50]  Viżti  lis-SS.mu Sagrament u lil Marija Santissima, Introduzzjoni:  Opere ascetiche, Avellino 2000, p. 295.

[51]  N. 857

[52]  Ibid.

[53]  Ibid.

[54]  Ara KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra Sacerdotium ministeriale (6 t’Awissu 1983), III. 2:  AAS 75 (1983), 1005

[55]  Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 10.

[56]  Ibid.

[57]  Ara Insstitutio generalis:  Editio typica tertia, n. 147.

[58]  Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 10 u 28; Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-Presbiteri Presbyterorum Ordinis, 2

[59]  “Il-ministru ta’ l-Altar jaġixxi fil-persuna ta’ Kristu minħabba li huwa kap, li joffri f’isem il-membri kollha”: PIJU XII, Ittra enċik. Mediator Dei (20 ta’ Novembru 1947): AAS 39 (1947), 556;  Ara PIJU X, Eżort. Apost. Haerent animo (4 t’Awissu 1908): Pii X Acta, IV, 16;  PIJU XI, Ittra enċik. Ad catholici sacerdotii (20 ta’ Diċembru 1935): AAS 28  (1936), 20.

[60]  Ittra apos. Dominicae Cenae (24 ta’ Frar 1980), 8: AAS 72 (1980), 128-129.

[61]  KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra Sacerdotium ministeriale (6 t’Awissu 1983), III.4: AAS 75 (1983), 1006; Ara  KONĊ. EKUM. LATERANENSI IV, kap. 1, Kost dwar il-fidi Kattolika Firmiter credimus: DS 802.

[62]  KONĊ. EKUM. VAT. II, Digriet dwar l-ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 22.

[63]  Ittra apost. Dominicae Cenae (24 ta’ Frar 1980), 2: AAS 72 (1980)

[64]  Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum Ordinis, 14.

[65]  Ibid., 13; Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, can. 904; Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, can. 378.

[66]  Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum Ordinis, 6.

[67]  Ara Relazzjoni finali, II.C.1: L’Osservatore Romano,10 ta’ Diċembru 1985, p.7.

[68]  KONĊ. EKUM. VAT. II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 26.

[69]  NICOLA CABASILAS, Il-Ħajja ta’ Kristu, IV, 10: SCh 355, 270.

[70]  Cammino di preferenza, c. 35

[71]  Ara KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika dwar xi aspetti tal-Knisja bħala Communionis notio (28 ta’ Mejju 1992), 4: AAS 85 (1993), 839-840.

[72]  Ara KONĊ. EKUM. VAT. II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 14.

[73]  Omeliji fuq Isaija 6,3: PG 56, 139

[74]  N. 1385; Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 916;  Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 711)

[75]  Diskors lill-membri tas-Sacra Penitenzieria Apostolika u lill-Penitenzieri tal-Bażiliċi Patrijarkali ta’ Ruma (30 ta’ Jannar 1981); AAS 73 (1981), 203.  Ara KONĊ. EKUM. TRIDENTIN, Sess XIII, Decretum de ss. Eucharistia, kap.7 u Kan. 11: DS 1647, 1661.

[76]  Kan. 915;  Ara Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 712

[77]  Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 14.

[78]  SAN TUMAS D’AQUINO, Summa theologiae, III, q. 73, a. 3c.

[79]  KONGREGAZZJONI TAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja kattolika dwar xi aspetti tal-Knisja bħala komunjoni, Communionis notio (28 ta’ Mejju 1992), 11: AAS 85 (1993), 844.

[80]  Ara KONĊ.EKUM.VAT.II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 23

[81]  Ittra lin-nies ta’ Smirne, 8: PG 5, 713.

[82]  KONĊ. EKUM. VAT. II, Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium,23.

[83]  KONGREGAZZJONI TAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja kattolika dwar xi aspetti tal-Knisja bħala komunjoni Communionis notio (28 ta’ Mejju 1992), 14:AAS 85 (1993), 847.

[84]  Sermo 272: PL 38, 1247

[85]  Ibid., 1248

[86]  Ara nn. 31-51:  AAS 90(1998), 731-746.

[87]  Ara ibid.,nn.  48-49: AAS 90 (1998), 744.

[88]  N. 36: AAS 93 (2001), 291-292.

[89]  Ara Digriet dwar l-Ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 1

[90]  Ara Kost. Domm. dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11.

[91] “Agħmel li anki aħna, li qed nieħdu sehem minn ħobża waħda u kalċi wieħed, nkunu ħaġa waħda bejnietna fil-għaqda waħda ma’ l-Ispirtu s-Santu”:  Anafora tal-Liturġija ta’ San Bażilju.

[92]  Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 908; Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 702;  KUNSILL  PONTIFIĊJU GĦALL-PROMOZZJONI TA’ L-UNITÀ TA’  L-INSARA, Direttorju għall-ekumeniżmu ((25 ta’ Marzu 1993),122-125, 129-131: AAS 85 (1993), 1086-1089;  KONGREGAZZJONI TAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Ittra Ad exsequendam (18 ta’ Mejju 2001): AAS 93 (2001), 786.

[93]  “Il-komunikazzjoni fi ħwejjeġ sagri li toffendi l-unità tal-Knisja jew inkella tinkludi l-adeżjoni formali ta’ l-iżball jew il-periklu li wieħed jiżbalja fil-fidi, bi skandlu jew b’indifferentiżmu, hija projbita mil-Liġi Divina”: Digriet dwar il-Knejjes orjentali kattoliċi Orientalium Ecclesiarum, 26.

[94]  N.45: AAS 87 (1995), 948.

[95]  Digr. Dwar il-Knejjes Kattoliċi Orjentali Orientalium Ecclesiarum, 27.

[96]  Ara Kodiċi ta’ Diritt Kanoniku, kan. 844ss 3-4;Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 671ss 3-4

[97]  N.46:  AAS 87 (1995), 948.

[98]  Ara KONĊ. EKUM. VAT. II, Digriet dwar l-Ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 22.

[99]  Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 844;  Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 671.

[100]  Ara AAS 91 (1999), 1155-1172.

[101]  N. 22: AAS 92 (2000), 485.

[102]  Ara n.21:  AAS 95 (2003), 20.

[103]  N.29:  AAS 93 (2001), 285

[104]  SAN TUMAS D’AQUINO, Summa theologiae, III, q. 83, a. 4 c.