L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Att ta' Affidament tal-Bnedmin u l-Ġnus lill-Madonna

 

 

Ara l-Omelija kollha ...

ĠUBLEW TAL-FAMILJI

Il-Papa jafda l-bnedmin u l-ġnus lill-Madonna

FI TMIEM OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd 25 ta’ Marzu 1984

 

Il-familja hi l-qalb tal-Knisja. Ħa jitla’ llum minn din il-qalb att ta’ affidament partikulari lill-qalb ta’ dik l-Omm li nisslet lil Alla.  Fis-Sena Ġubilari tal-Fidwa nixtiequ nistqarru li l-imħabba hi ikbar mid-dnub u minn kull ħażen, li jhedded lill-bniedem u lid-dinja.  B’umiltà nsejħu lil din l-imħabba:

 

1. “Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, ja Omm qaddisa ta’ Alla!”.

 

Aħna u llissnu l-kliem ta’ din l-antifona, li biha l-Knisja ta’ Kristu ilha titlob sekli sħaħ, ninsabu quddiemek, Omm tagħna, fis-Sena Ġubilari tal-Fidwa tagħna.

 

Ninsabu miġbura mar-ragħajja kollha tal-Knisja, f’rabta partikulari, ġisem u kulleġġ wieħed, hekk kif għar-rieda ta’ Kristu l-Appostli sawru ġisem u kulleġġ wieħed ma’ Pietru.

 

Fir-rabta ta’ din l-għaqda, illissnu l-kliem ta’ dan l-att, li fih nixtiequ niġbru, għal darb’oħra, it-tamiet u l-weġgħat tal-Knisja għad-dinja tal-lum.

 

Erbgħin sena ilu, u mbagħad mill-ġdid għaxar snin wara, il-qaddej tiegħek, il-Papa Piju XII, bl-esperjenzi ta’ tbatija tal-familja tal-bnedmin quddiem għajnejh, fada u kkonsagra lill-Qalb bla Tebgħa tiegħek id-dinja kollha u speċjalment il-popli, li minħabba fil-qagħda tagħhom huma oġġett partikulari ta’ mħabbtek u tal-għożża tiegħek.

 

Din id-dinja tal-bnedmin u tal-ġnus għandna quddiem għajnejna llum ukoll: id-dinja tat-tieni millennju li wasal biex jintemm, id-dinja ta’ żmienna, id-dinja tagħna!

 

Il-Knisja tiftakar fi kliem il-Mulej: “Morru… u għallmu l-ġnus kollha… Ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:19-20), u hekk ġeddet, fil-Konċilju Vatikan II, l-għarfien tal-missjoni tagħha f’din id-dinja.

 

U għalhekk, ja Omm tal-bnedmin u tal-ġnus, int li taf x’inhi t-tbatija tagħhom u t-tama tagħhom, int li tħoss b’qalb ta’ omm it-taqbid bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, li qed jheżżeż lid-dinja ta’ żmienna, ilqa’ l-karba tagħna li, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, induru direttament lejn il-Qalb tiegħek: għannaq, bi mħabba ta’ omm u ta’ qaddejja tal-Mulej, lil din id-dinja tagħna tal-bnedmin, li nafdawlek u nikkonsagrawlek, kollna tħassib għax-xorti terrena u eterna tal-bnedmin u tal-popli.

 

B’mod speċjali nafdawlek u nikkonsagraw dawk il-bnedmin u dawk il-ġnus, li għandhom partikularment bżonn ta’ dan l-affidament u din il-konsagrazzjoni.

 

“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, ja Omm qaddisa ta’ Alla”! La twarrabx minn quddiemek it-talb tagħna li aħna fit-tiġrib!

 

2. Ara, quddiemek, Omm ta’ Kristu, quddiem il-qalb immakulata tiegħek, nixtiequ, flimkien mal-Knisja kollha, ningħaqdu fil-konsagrazzjoni li, għall-imħabba tagħna, Ibnek għamel tiegħu nnifsu lill-Missier: “U jien minħabba fihom – qal – nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità” (Ġw 17:19). Nixtiequ ningħaqdu mal-Feddej tagħna f’din il-konsagrazzjoni għad-dinja u għall-bnedmin, li, fil-qalb divina tiegħu, għandha l-qawwa li tiksbilna l-maħfra u tagħmel tajjeb għalina.

 

Il-qawwa ta’ din il-konsagrazzjoni tibqa’ għal dejjem u tħaddan lill-bnedmin kollha, il-popli u l-ġnus, u tegħleb kull ħażen, li l-ispirtu tad-dlamijiet kapaċi jqanqal fil-qalb tal-bniedem u fl-istorja tiegħu u li, fil-fatt, ġab fi żmienna.

 

Oħ, kemm inħossu qawwi l-bżonn ta’ konsagrazzjoni għall-umanità u għad-dinja: għad-dinja ta’ żmienna, f’għaqda ma’ Kristu nnifsu! L-opra feddejja ta’ Kristu, fil-fatt, id-dinja għandha tieħu sehem fiha permezz tal-Knisja.

 

Dan turihulna din is-Sena tal-Fidwa: il-Ġublew straordinarju tal-Knisja kollha.

 

Ħa tkun imbierka, f’din is-Sena Mqaddsa, fuq kull ħlejqa oħra int, qaddejja tal-Mulej, li bl-aktar mod sħiħ obdejt għas-sejħa divina!

 

Insellmulek, lilek, li int għalkollox magħquda mal-konsagrazzjoni feddejja ta’ Ibnek!

 

Omm tal-Knisja! Dawwal il-poplu ta’ Alla fit-toroq tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba! Dawwal b’mod speċjali lill-popli li tagħhom int tistenna l-konsagrazzjoni u l-affidament tagħna. Għinna ngħixu fil-verità tal-konsagrazzjoni ta’ Kristu għall-familja kollha umana tad-dinja ta’ żmienna.

 

3. Aħna u nafdawlek, Omm tagħna, lid-dinja, lill-bnedmin u l-ġnus kollha, nafdawlek ukoll l-istess konsagrazzjoni tad-dinja, aħna u nqegħduha fil-qalb tiegħek ta’ omm.

 

O Qalb bla tebgħa! Għinna nirbħu lit-theddia tal-ħażen, li hekk faċilment tagħmel għeruqha fil-qlub tal-bnedmin tal-lum u li fl-effetti bla qies tagħha diġà qed tagħfas fuq il-ħajja tal-lum u donnha trid tagħlqilna t-toroq lejn il-futur!

 

Mill-ġuħ u mill-gwerra, eħlisna!

Mill-gwerra nukleari, mill-qerda tagħna nfusna bla kalkoli ta’ xejn, minn kull xorta ta’ gwerra, eħlisna!

Mid-dnubiet kontra l-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu tagħha, eħlisna!

Mill-mibegħda u t-tkasbir tad-dinjità ta’ wlied Alla, eħlisna!

Minn kull xorta ta’ inġustizzja fil-ħajja soċjali, nazzjonali u internazzjonali, eħlisna!

Mill-faċilità li biha nżebilħu l-kmandamenti ta’ Alla, eħlisna!

Mit-tentattiv li nċajpru fil-qlub tal-bnedmin il-verità stess ta’ Alla, eħlisna!

Milli nitilfu l-kuxjenza tat-tajjeb u l-ħażin, eħlisna!

Mid-dnubiet kontra l-Ispirtu s-Santu, eħlisna! Eħlisna!

 

Ilqa’, Omm ta’ Kristu, din il-karba mimlija tbatija tal-bnedmin kollha! Mimlija bit-tbatija ta’ soċjetajiet sħaħ!

 

Għinna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu negħlbu kull dnub: id-dnub tal-bniedem u d-“dnub tad-dinja”, id-dnub f’kull mod li fih jidher.

 

Ħa tidher, għal darb’oħra, fl-istorja tad-dinja l-qawwa salvifika bla qies tal-Fidwa: qawwa tal-Imħabba ħanina! Ħa twaqqaf id-dnub! Tibdel il-kuxjenzi! Ħa jilma għal kulħadd fil-Qalb bla Tebgħa tiegħek id-dawl tat-Tama!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard