L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

L-Isqfijiet Maltin dwar l-Att li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni

 

 

Ara t-test bil-Malti ...

Ara t-test bl-Ingliż ...

 

Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin

 

dwar l-Att li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni

 

Is-Sibt 14 ta' April 2018

 

Aħna l-Maltin għandna għożża għall-ulied u għall-ħajja sa mit-tnissil tagħha. Din hi ħaġa pożittiva ħafna li nixtiequ ninkoraġġixxu bis-sħiħ. Nuru għalhekk l-apprezzament tagħna għall-isforzi li jsiru biex il-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal jingħataw għajnuna xierqa u f'waqtha.

Fl-istess waqt, hu b'dispjaċir li qrajna emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Jidher li l-emendi proposti jmorru kontra l-għan prinċipali tal-liġi preżenti, li kien li jassisti koppji li qegħdin f'relazzjoni stabbli biex jista' jkollhom tarbija. S'issa l-liġi kienet tipproteġi d-dinjità tal-embrijun sa mill-bidu nett tal-ħajja umana u tassigura li t-tarbija titwieled b'omm u b'missier.

Bl-emendi proposti, dan jispiċċa. It-tarbija ssir oġġett li qiegħed hemm biss biex jissodisfa x-xewqa ta' ħaddieħor. Kull min irid tarbija, hu min hu u hi min hi, jista' jaħdem biex joħloq waħda, u dan il-liġi tbierku. Meta l-liġi tintroduċi l-possibbiltà ta' donaturi anonimi taċ-ċelloli għat-tnissil, is-self tal-ġuf bis-surrogazzjoni u l-iffriżar tal-embrijuni – dan kollu jagħmel mit-tarbija oġġett ta' produzzjoni.

Hu ta' tħassib serju li b'dawn l-emendi jista' jkun hemm tfal li qatt ma jafu min hi l-omm naturali tagħhom jew il-missier naturali tagħhom, min huma ħuthom, il-kuġini, iz-zijiet u n-nanniet proprji tagħhom. Il-liġi l-ġdida qed toħloq orfni ġodda, u dan bi pjan. Diġà hi sitwazzjoni ta' uġigħ kbir meta t-tfal, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollhomx il-grazzja tat-trobbija minn omm u missier. Imma li liġi toħloq sitwazzjonijiet ġodda bħal dawn, u li tkabbar id-diskriminazzjoni bejn it-tfal,  inissel tħassib kbir.

L-ulied huma għeżież u ma ħaqqhomx hekk. Jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil-ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali tagħhom. Huma l-ġenerazzjonijiet futuri li jkollhom jaħsdu dak li qed jinżera' llum.

Tħassibna ħafna wkoll il-proposta li l-iffriżar tal-embrijuni ser jibda jsir b'għażla. Hemm ħafna problemi etiċi oħra assoċjati ma' dan fosthom il-periklu li embrijuni ffriżati jibqgħu ma jiġux adottati għax ma jridhom ħadd. Dawn it-trabi mnissla mit-teknoloġija jistgħu - tort tal-bniedem - qatt ma jaraw id-dawl.

L-appell tagħna jmur lejn dawk li għandhom ir-responsabbiltà għal din il-liġi biex verament iħarsu l-ħajja u d-dinjità umana u ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied.


 

 

✠ Charles J. Scicluna - Arċisqof ta' Malta

  ✠ Mario Grech -  Isqof ta'  Għawdex

                                                                                                                    
                                                                                                                                                        

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta