Home             |            Email        |                                                                                                          Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

Kardinal Basil Hume

1923 - 1999

 

 

 

 

 

 

Ħajr lil Ms Rita Scarfe

għall-għajnuna tagħha

fit-typing tad-dokument.

 

ILLUM IS-SIEGĦA TAL-LAJĊI

(Diskors tal-Kardinal Basil Hume)

President tal-Konferenza Ewropeja ta’ l-Isqfijiet

12ta' Lulju 1984

 

 

L-Ewropa hija mifruda;  l-Ewropa tilfet il-Fidi; l-Europa hija sinjura; hija mimlija biha nnifisha minħabba s-snajja u t-teknoloġija;  l-Ewropa hija kamp armat għall-gwerra.  Dan huwa l-kontinent li fiħ qegħdin ngħixu u naħdmu  u li Alla, fil-Providenza Divina tiegħu, tana biex nevanġelizzawh.

 

Għandna ma wiċċna r-realta’ ta’ dan il-kontinent qadim mimli b’kurrenti li jmorru kontra xulxin u għalhekk jista’ ma jkollniex ħtija sa l-aħħar għas-sens ta’ qtigħ il-qalb li jħawwadna meta naraw il-kobor tax-xogħol li għandna quddiemna.  B’danakollu ma rridux nitqarrqu b’dak li huwa mfassal għalina.  L-Ewropa ma għadhiex aktar il-kontinent magħqud fil-fidi nisranija, lanqas ma jħoss ruħu żgur mir-rabta tiegħu ma’ Kristu tant li jista’ jibgħat fid-dinja pagana wliedu rġielu nisa biex jippriedkaw lil Kristu.  Issa ħafna mill-Ewropa tilfet il-Fidi.  Ħafna mill-pajjiżi tagħna għandhom bżonn huma stess min jippridkalhom lil Kristu mill-ġdid , qishom qegħdin jisimgħu biħ għall-ewwel darba.  L-Ewropa għandha bżonn ta’ appostli.  L-Ewropa għandha bżonn ta’ nsara li jgħixu skond it-twemmin tagħhom u jagħtu xħieda ta’ din  il-verita’ nisranija.  L-Ewropa  għandha bżonn irġiel u nisa li jwasslu lil Kristu fil-ħajja ta’ kuljum, f’kull qasam tal-ħajja, fid-Djar u fl-iskejjel, fil-kummerċ u fil-politika, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja intellettwali.

 

L-Ewropa għandha bżonn lilek biex tgħix skond is-sejħa li għamillek Kristu.  Int trid tagħmel il-kuraġġ lil min qed jaqta’ qalbu;  inti trid treġġa’ t-tama lil min qed jiddispra;  inti trid tagħti ’l Kristu lin-nies ta’ żmienna.

 

Matul is-snin ta’ l-istorja taghna, il-Knisja għaddiet minn ħafna diffikultajiet.  Kull darba l-Knisja wieġbet billi ħarġet aktar sħiħa fil-fidi u kibret.  Fl-ewwel mijiet tas-snin, il-Knisja sofriet ħafna biex tfisser u turi l-verita’ ta’ dak li kienet qiegħda tgħallem.  Kellha fi ħdanha stess nuqqas ta’ qbil u ereżijiet, iżda dan ġab fil-Knisja għana ġdid ta’ tagħlim li għadu miġbur għalina fil-Kredu u fil-Kitbiet tas-Santi Padri. Meta l-kommunitajiet li kienu nġabru fil-monasteri żammew sħiħ fit-tagħlim ta’ siwi u kienu huma li evanġelizzaw u ċċiviliżżaw lil dawk li ħakmuhom.  Meta l-Knisja bdiet tistgħana u saret sinjura, San Duminku u San Franġisk fakkruha fis-sempliċita’ ta’ l-evanġelju u fil-penitenza. Wara r-riforma, ordnijiet oħra ġodda qamu biex iwettqu d-Digrieti tal-Konċilju ta’ Trentu u jxerrdu l-ispirtu tiegħu.  Fi żmien l-Illuminiżmu, meta t-tagħlim ta’ l-iskola beda jinxtered u l-iskejjel bdew jiftħu l-bibien tagħhom għall-edukazzjoni tat-tfal ta’ kull klassi, imbagħad qamu u ssaħħu ordnijiet reliġjużi oħra biex jagħtu edukazzjoni tajba fl-Ewropa kollha.  U issa fiż-żminijiet tagħna, fl-aħħar nofs tas-seklu Għoxrin, biex nieqfu lin-nuqqas ta’ fidi u ta’ religjon, biex nieqfu lill-materjaliżmu u l-ġenn tal-konsumeriżmu, l-appostli l-ġodda ta’ żminijietna jridu jkunu l-irġiel  u n-nisa, il-lajċi nsara.

 

F’dawn iż-żminijiet ġodda tal-Knisja, il-vokazzjoni eżatta tal-lajċi trid tiġi miftehma aħjar u apprezzata aktar milli fl-imgħoddi.  X’ifisser dan għalikom?  Bħala rġiel u nisa nsara, intom imsejħin biex taqsmu flimkien ma’ Kristu l-ħajja u x-xogħol tiegħu.  Intom tridu tħossu u tifhmu tassew id-dinjita’ li biha ġejtu mżejna bis-Sagrament tal-Magħmudija li rċevejtu.  Intom tridu tifhmu r-responsabbiltajiet tagħkom ladarba għażiltu li timxu wara Kristu meta ġejtu msaħħin mill-Ispitru bħalma ġew imsaħħin l-appostli f’Għid il-Hamsin.  Il-Liġi l-Ġdida tal-Knisja tagħmel enfasi fuq dan:  “Il-fidili ta’ Kristu huma dawk li malli ġew inkorporati ma’ Kristu bil-Magħmudija, saru l-poplu ta’ Alla.  Għal din ir-raġuni huma jieħdu sehem, skond il-ħajja tagħom, fil-ħidmiet ta’ Kristu bħala saċerdot, profeta u sultan (mexxej).  Huma msejħin, kull wiehed skond il-kundizzjoni partikulari tieghu, biex iħaddmu x-xoghol li Alla bagħat lill-knisja biex twettaq  tkompli fid-dinja.” (Kan. 204).

 

Biex tkompli x-xogħol mogħti lilhom minn Alla,  il-Lajċi jrid ikollhom  tagħlim sod fuq il-Fidi, tagħlim li jinsab fil-Kotba Mqaddsa u fit-Tradizzjoni u mwassal lilna bl-awtorita’ tal-Knisja.  Irid ikollhom ukoll mħabba kbira lejn il-ħwejjeg ta’ Alla li aħna nistgħu naslu għalihom bl-istudju u b’ħajja ta’ talb bis-serjeta’.  Edukazzjoni fil-Fidi u spiritwalita’ soda: dawn huma l-aktar żewġ  affarijiet essenzjali għal min irid jevanġeliżża. Dawn huma l-aktar bżonnijiet meħtieġa fil-Knisja llum.

 

Mhix ħaga ħafifa għall-Insara li jgħixu fid-dinja ta’ llum biex isibu ħin biżżejjed għat-tagħlim fil-Fidi u għat-talb. Imma, b’danakollu kif tista’ twettaq il-missjoni tiegħek mingħajrhom?

 

Fi kliem il-Konċilju Vatikan ll, il-missjoni tal-Knisja mhix biss dik:  “li tkellem in-nies fuq Kristu u twasslilhom il-grazzja, imma wkoll li timla kull rokna tad-dinja bl-ispirtu tal-Evanġelju u hekk twasslu għall-perfezzjoni sħiħa tiegħu”  Il-lajċi “waqt li huma jindaħlu biex ikomplu l-missjoni tal-Knisja, ikunu qegħdin jaħdmu bħala appostli sew fil-Knisja kif ukoll barra, fid-dinja ....”  (Ap. Act. 5)  “Appostolat tal-ambjent soċjali jigifieri l-impenn biex tissawru bi spirtu Nisrani l-mentalita’ u kostum, il-liġijiet u l-forom kollha tal-kommunita’ li fiha wieħed igħix hu dmir u obbligu tal-lajċi” jkompli jgħallem il-Konċilju, “għaliex minn oħrajn ma jistax jiġi mwettaq kif imiss.”  (ibid. 13).

 

Intom għalhekk mibgħutin minn Kristu biex tissieħbu miegħu bħala saċerdot.  Wieħed mill-aspetti ta’ din il-ħidma hija l-qdusija tal-ambjent l-aktar qrib tagħhom.  Dan bla ebda dubju, huwa l-familja.

 

Ilkoll kemm aħna nifhmu l-importanza tal-familja.  Imma nfu wkoll kemm hawn forzi ta’ ħażen li qegħdin jheddu l-għaqda tagħna fid-dinja tagħna.  Bħalma tlifna l-fidi f’Alla hekk ukoll jidher li qegħdin nitilfu l-fidi wieħed fl-ieħor.  Forsi mhux aħna li tlifna l-arti ta’ imħabba, li minnha nnifisha titlob fiduċja sħiħa f’xulxin u fedelta’?  Ma għadniex inħossuna kapaċi, almenu hekk jidher, li jkollna l-fidi umana f’persuna oħra, u din hija l-ħolqa ta’ ħajja sħiħa għal tnejn  minn nies fiż-żwieġ.  Id-divorzju u l-firdiet fil-familji qegħdin jinxterdu fid-dinja tal-Punent qishom xi epidemija.  Meta nwarrbu lil Alla u nwarrbu lil xulxin, imbagħad naslu biex inwarrbu wkoll ’l ulied.

 

It-twelid ta’ tarbija ġdida kien darba okkazzjoni ta’ ferħ kbir u rahan ta’ fiduċja fiż-żmien li ġej u l-ġenerożita’  --  it-tnejn huma meħtieġa bejn ir-raġel u l-mara biex igawdu s-sbuħija tal-imħabba kreattiva.  Illum m’hemmx ħlief vojt li jwaħħxek fil-qalba tar-rabtiet umani.

 

Li tqaddes l-ambjent li fih ngħixu jinkludi wkoll, bla dubju, ir-rispett għall-ħajja. Imma s-soċjeta’ qiegħda titlef kull sens ta’ konvinzjoni f’dak kollu li jiswa fil-ħajja tal-bniedem, qiegħda titlef ukoll dak ir-rispett li ma jafx limiti li għandu jkollna lejn persuni oħrajn għax huma xbieha ta’ Alla. Aċċettajna l-abort fid-dinja u dan sar paraventu fostna quddiem il-qdusija tal-ħajja tal-bniedem. Komplew żdiedu l-esperimenti fuq trabi qabel it-twelid. U issa li abbandunajna għal kollox il-prinċipji dwar il-ħarsien tal-ħajja, ma fadlilniex f’idejna għajr argumenti umani u bla sinsla biex nipproteġu l-ħajja tal-“handicapped” u tax-xjuħ. Meta aħna ma nirrispettawx u ma nħarsux il-ħajja tal-bniedem, aħna nkunu ntlaqna ġo taħbila ta’qawwiet fis-soċjeta’ li huma bil-bosta agħar u aktar qerrieda mill-istess vjolenza u mill-gwerra. Fi żmienna stess, huwa meħtieġ li nagħmiu sforz qawwi biex insaffu l-imħabba minn dak kollu li waqqagħha fit-tajn, u nħarsu l-ħajja minn dak kollu li qiegħed iheddidha. Dan għandu jkun kollu kemm hu l-ewwel inkwiet tagħkom qabel ħwejieġ oħrajn. Intom il-lajċi, tridu tkunu l-ewwel u l-aqwa difensuri tas-safa fl-imħabba u tal-qdusija tal-ħajja.

 

Il-missjoni tagħkom hija li tqaddsu l-egħmil tagħkom ta’ kuljum, sew fid-dar kif ukoll fuq ix-xogħol. Dan mhux dejjem huwa apprezzat. Aħna malajr ninsew li l-qdusija ġenwina tinsab filli wieħed jagħmel ir-Rieda ta’ Alla tkun fejn tkun, tagħmel x’tagħmel, fid-dar jew fuq ix-xogħol. B’dan il-mod intom tisgħu tbiddlu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum u tagħmluha straordinarja, ħajja li jixirqiha tiġi offerta lil Alla, ħajja li tkun tiswa għall-ħajja ta’ dejjem. B’dan il-mod  intom tagħtu xieha tal-Evanġelju: bil-mod kif tgħixu u kif taħdmu.  In-nisrani għandu jkun jolqtok għall-onesta’ sħiħa tiegħu fil-“business” u fuq ix-xogħol bis-serjeta fl-imġieba u fil-verita’ ta’ kliemu, filli jħoss għal min huwa magħkus u jgħinu f’kull bżonn, speċjalment dawk l-aktar huma l-aktar milqutin mit-tbatija u mwarrbin mis-soċjeta’. In-Nisrani lajk irid juri ħila u jżomm dritt waqt li jiddefendi l-valuri Nsara meta jitkellem, sew fil-privat kif ukoll fil-pubbliku. Forsi mhux veru li xi drabi l-opinjoni pubblika tiġi mgħawġa minħabba s-skiet tagħna jew minħabba l-apatija?

 

       Bl-imġieba tajba tagħna lejn il-familja, bir-rispett tagħna lejn l-imħabba u lejn il-ħajja, u bil-qdusija tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nkunu qegħdin nistqarru fil-verita’ l-valuri ta’ l-Evanġelju, u hekk inkunu qegħdin nissieħbu ma’ Kristu fil-ħidma tiegħu ta’ għalliem. Aħna niftakru fl-insistenza tal-Papa Pawlu VI meta tkellem dwar il-ħtieġa essenzjali tax-xhieda vera fil-qasam tat-tagħlim: “Il-bniedem ta’ llum jisma’ aktar lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jasal biex joqgħod jisma’ lill-għalliema, dan jagħmlu għaliex huma wkoll xhieda tajba.” (Diskors lill-Membri tal-Kunsill tal-Lajċi, 2.10.74). Il-lajċi jiltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ okkażjonijiet biex jeżerċitaw l-appostolat tat-tixid tal-Evanġelju u tal-qdusija. L-istess xhieda tal-ħajja Nisranija u l-egħmil it-tajjeb magħmul bi spirtu soprannaturali għandhom il-forza li jiġbdu lill-bnedmin lejn il-fidi u lejn Alla. (Ap. Act 6).

 

       L-Isqfijiet fil-Konċilji ma waqfux hawn. Komplew: “Dan l-appostolat ma jkkonsistix biss fix-xhieda tal-ħajja; l-appostlu veru jfittex l-okkażjonijiet biex iħabbar lil Kristu bil-kelma kemm lil dawk li ma jemmnux biex igħallimhom, isaħħaħhom u jwassalhom għall-ħajja aktar ferventi; “għaliex l-imħabba ta’ Kristu trossna biex naħsbu dan.” (2 Kor. 5,14).

 

       In-Nisrani mgħammed huwa mogħti sehem ma’ Kristu fil-ħidma tiegħu bħala qassis u bħala għalliem. Nittama li rrealizzajna li l-lajċi huma mseħbin b’mod partikulari għall-ħajja ta’ qdusija vera; huma msejħin biex kull wieħed minnhom, bla waqfien, jibqgħu jfittxu li jidħlu fil-misterju ta’ Alla. Diġa għidna, il-lajċi huma msejħin ilkoll skond il-ħajja tagħhom biex ikunu x-xhud ta’ Kristu u tal-Evanġelju.  Imma li tfittex li tidħol aktar fil-misterju ta’ Alla u li tagħmel ħiltek biex tkun xhud veru ta’ Kristu, jitlob minnek li tidħol aktar fil-fond fil-ħsieb u fil-ħniena lejn  bnedmin oħrajn bħalek.  Aktar ma noqorbu lejn Alla, aktar nibdew naraw l-affarijiet kif jarahom Hu.  Jirrnexxilna naqsmu Miegħu l-istess ħsieb u l-istess imħabbtu għal dawk li Huwa għamel fuq x-xbieha u x-xebħ tiegħu. 

 

San Ġwann l-Evangelista jgħallimna b’mod ċar li aħna ma nistgħux inħobbu lil Alla li ma narawhx jekk aħna ma nħobbux lil dak ir-raġel u lil dim il-mara li magħom ngħixu u naħdmu.  Il-Kotba Mqaddsa kollha huma mimlija bil-messaġġ li għandu x’jaqsam mad-dinja kollha u li jolqot lil kull poplu.  Kristu wriena xbiħat l-aktar ħajjin biex igħallimna kemm għandna naħsbu bis-sħiħ f’xulxin u speċjalment f’dawk li huma f’xi diffikkulta’.  Ġudizzju iebes huwa lest għal dawk li jċaħħdu minn  biċċa ħobż lil min hu bil-ġuħ, minn tazza ilma lil min hu bil-għatx, għal dawk li ma jilqgħux il-barrani  jlibbsu lil min hu għarwien jew ma jmorrux jaraw lil min hu marid u lil min hu l-ħabs.  Lil Kristu għandna nħarsu lejĦ bħala s-Samaritan it-tajjeb li juri bil-fatti kemm ħass għar-raġel li ħabtu għaliħ il- ħallellin u ħallewh għal mejjet f’nofs ta’ triq.  L-istorja tal-Għani u Lazzru turinali lill-foqra qatt ma għandna nħallulhom biss il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tagħna.  Il-bniedmin kollha, irġiel u nisa, huma wlied Alla, membri ndaqs tal-familja ta’ wlied Alla.  Huma lkoll għandhom dritt għas-sehem xieraq mill-ġid tad-dinja. Huma jridu jiġu ttrattati bħal ħutna li naħsbu fihom.  Dawk li qegħdin isofru jew li ġew imċaħħdin mid-drittijiet tagħhom għandhom iħarsu lejna u jistennew minn għandna li aħna niġġildulhom għal dak li hu tagħhom u li ntaffulhom l-inġustizzji.

 

Uħud illum jaħsbu li din il-ħrara għal dak li hu soċjali jew uman mhux biċċa mit-twemmin nisrani, ma għandux x’jaqsam mal-imħabba nisranija.  Iżda jien konvint li l-istudju megħjun mit-talb ta’ l-Evanġelju jwassalna bid-dritt kollu u ma jħalliniex naħarbu milli mmiddu jdejna għall-azzjoni bħala nsara.  Għalkemm dawn l-istess kritiċi għandhom raġun juruna li hemm periklu, b’xi mod, għal dawk li jimxu fuq il-passi ta’ Kristu llum.  Ikun dnub li ma jinħafirx jekk wieħed juża r-reliġjon biex jilħaq xi skop ieħor, politiku. Tkun qiegħed twaqqa’ l-Evanġelu jekk inti tipprova tużaħ bħala manwal għal bidliet soċjali:  tkun qiegħed taqleb il-Kotba Mqaddsa ta’ taħt fuq.  It-tagħlim soċjali ta’ l-Evanġelju jrid ikun il-konsegwenza li toħroġ mill-konverzjoni tal-qalb li hi l-għajn ta’ kull riforma politika u strutturali li tassigura l-effetti tajba tagħna.  “Indmu u emmnu fl-Aħbar it-Tajba” , hija l-proklama ta’ Ġesu’ fil-bidu tal-ħajja tiegħu pubblika (MT 1.15).  Mela l-ewwel dmir ta’ min jemmen huwa li jagħti każ u jisma’ t-twissija ta’ Ġesu u li jwieġeb b’indiema vera għad-dnubiet u b’fidi ħerqana għat-tagħlim ta’ Kristu.  Il-konsegwenzi prattiżi jiġu, imbagħad, weħedhom.

 

Dan iwassalna għall-qalba tat-tielet parti tar-responsabbilta’ li l-lajk nisrani għandu.  Intom imsejħa biex tkunu, mhux biss qassisin u profeti iżda wkoll rejjiet, mexxejja. Hija responsabilta’ tagħkom li tħaddmu din il-missjoni tagħkom ta’ rejjiet fil-bini tas-Saltna t’Alla fil-belt tal-bniedmin.  Dan iġegħelna nissaraw b’ħilitna kollha kontra problemi ħorox u perikli li jbeżżgħu fid-dinja ta’ llum.

 

Il-ġlieda għas-Saltna mhix xi battalja fl-ajru.  Il-ġlieda trid issir issa u hawn, fil-kundizzjonijiet imqegħdin mill-istorja u mqajmin mill-bżonnijiet ta’ issa.  U għalhekk irridu nħabbtu

rasna mal-problemi ta’ żmienna, waqt li nippruvaw, sa fejn nistgħu, ninżgħu minna nfusna u nwarrbu x-xewqa li niddominaw; minflok, irridu nserrħu fuq il-qawwa li qatt ma tiġi nieqsa tal-imħabba divina.  Aħna rridu nkunu lesti li niltaqgħu u nitkellmu, inkunu lesti li naslu għal ftehim.  Qatt ma għandna nitilfu s-sabar jew it-tama.  Irridu nkunu lesti li nieħdu l-inizjattiva u nkunu pożittivi, mhux sempliċiment niddefendu wara li nkunu mbuttati jew b’daharna mal-ħajt.

 

Il-ġenerazzjoni tagħna għada maħsuda fil-fond l-aktar minn tlett wirjiet ta’ kefrija umana jew nuqqas ta’ ħila.

 

Dan is-seklu sofra l-qerda u l-ħerba ta’ zewġ gwerer kbar u ta’ eluf ta’ ġliedet oħra.  Aħna tbellaħna bil-biża quddiem l-isplużżjoni atomika ta’ Nagasaki u Hiroshima, li wriet lid-dinja xaqq żgħir ta’ twerwir li jista’ jaqa’ fuq il-bnedmin bil-ħidma tagħom stess.  B’danakollu għandna ma tgħallimniex il-lezzjoni.  Għandna moħħna fil-bejgħ internazzjonali skandaluż ta’ armi konvenzjonali u fil-ħażna ta’ armi nukleari li jistgħu jeqirdu għal kollox il-ħajja tal-bnedmin kollha għal  ħafna drabi.  Qegħdin nittraskuraw problemi li qegħdin irossuna fl-iżvillup tad-dinja tagħna, waqt li nehdew moħħna fuq is-sigurta’ billi nagħmlu enfazi żejda u esaġerata fuq id-difiża;  mhux jirnexxelna nnaqqsu l-biza’ mid-dinja jew intejbu relazzjonijiet tajba li jwasslu għall-paċi.

 

Fil-ġlieda tiegħu għall-paċi u għad-diżarm, in-nisrani ma jistax jikkuntenta ruħu sempliċiment billi jilqa’ ruħu bit-tarka tal-kundanna ta’ armi nukleari. Ir-raġuni biex wieħed ibeżża milli l-ieħor ikompli jarma lilu nnifsu, tista’ tkun meħtieġa għal xi żmien fis-sitwazzjonijiet preżenti; iżda ma tistgħax tiswa għat-tul taż-żmien bħala strateġija biex iġġib il-paċi u s-sigurta’ li lkoll nixtiequ.  Iż-żmien tan-nifs li aħna nirbħu billi nbeżżgħu lil wieħed milli jarma ruħu aktar jew billi nnisslu l-biża’ li xi ħadd jista’ jpatti b’kontrattakki, għandu jgħin lil kulħadd biex infittxu aktar kull mezz possibbli biex nnisslu fiduċja u mmewtu t-tensjoni li qiegħda taħkem in-nazzjonijiet.  Bħalma jgħid l-isem tal-Konferenza tagħkom, dan ix-xogħol irridu nibdew kull wieħed minna.  Irridu nibdew minn fejn ninsabu.  Irridu nuru lil oħrajn kif jimxu u jikbru fit-triq tal-paċi.  Imberkin dawk li jġibu l-paċi, qal il-Mulej Ġesu’,u min iġib il-paċi għandu f’idejħ l-imfietaħ tas-salvazzjoni tagħna.  Tkun tassew ħaġa l-aktar f’postha, jekk il-lajċi fil-Knisja jaslu jinfluwenzaw it-tmexxija ta’ l-Istat: kieku huma jagħfsu  aktar fi żmienu,  fuq l-Evanġelju tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Id-dinja mifruda tinħtieġ is-saħħa ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-familja kollha tal bnedmin u li huma lesti jagħtu ħajjithom għat-tfittxija ta’ soluzzjonijiet ta’ paċi fejn hemm il-ġlied u n-nuqqas ta’ ftehim.  Il-lajċi fidili lejn Kristu jridu jagħrfu li qabel kollox huma msejħa biex ikunu profeti tar-rikonċiljazzjoni u l-messaġġiera ta’ l-Aħbar  it-Tajba.  Hija ħaġa li ssewwidlek qalbek meta tara li l-kliem għaref u qawwi ta’ l-aħħar Papiet dwar il-paċi u n-non-vjolenza’ ma ġewx mismugħa mid-dinja kollha;  dawn il-kliem kien imisshom ġew meqjusa bħala d-dikjarazzjoni fuq il-valuri ta’ l-Evanġelju u t-tifsira  ta’ dak kollu li hemm moħbi fil-qiegħ ta’ kull qalb ta’ bniedem.

 

It-tieni:  Il-ġenerazzjoni tagħna ġiet milquta wisq, daqs qatt qabel, minn nuqqas ta’ tqassim tal-ġid fid-dinja bejn il-pajjiżi sinjuri tan-naħħa ta’ fuq tal-globu u bejn dawk li qegħdin jiżvilluppaw sewwa fin-Nofsinhar.  Il-mezzi moderni tat-teknoloġija tal-kommunikazzjoni wasslitilna fi djarna dehriet li sa ftit taż-żmien ilu kienu jaħarbulna.  Rajna xeni bla għadd ta’ nixfa, ġuħ u diżgrazzji naturali.  Ma nistgħu qatt b’kuxjenza kwieta ndawru wiċċna mir-ritratti riċenti ta’ l-Afrika.  Għandna nitkexkxu niftakru fil-films li rajna tal-gwerra tal-Vjetnam u tal-qtil bla ħniena fil-Kamboċja;  Permezz tat-televiżjoni u l-gazzetti, tqanqalna għal aktar minn darba għall-karba tar-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerrer u l-oppressjoni (ħakma).

 

Rajna aħna stess il-ħajja ta’ faqar li qegħdin tgħixu  bnedmin bħalna f’tant pajjiżi.  Il-misteru ma għandux ikun mistur f’pajjiżi ’l bogħod.  Issa wasal fi djarna.  Ir-rapport ta’ Brandt kien fetħilna għajnejna ftit tas-snin ilu li ż-żmien għaddej jiġri u li l-interess kburi fihom infushom imissu jqanqal nazzjonijiet  zviluppati biex jagħtu sehemhom ħalli ma jħallux tikber in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn in-naħat ta’fuq u ta’ isfel fid-dinja u jibnu ordni ġdida ta’ aktar ġustizzja fid-dinja

 

Ftit li xejn hemm x’jixhed li n-nazzjonijiet qawwija ħadu din  it-twissija bis-serjeta’.  Il-politiċi jgħidulna li bil-għajnuna nternazzjonali ma ġġibx voti.

 

       Imma aħna għandna ngħidulhom li qegħdin jiżbaljaw u li  voti jingħataw lil min iħaddem politika miftuħa għad-dinja, bil-ħsieb li tnaqqas it-tbatija u l-inġustizzja.  Aħna għanda d-dmir li nsaħħu l-aġenzija ta’ żvillupp voluntarju u ta’ għajnuniet.  Imma fl-istess ħin nafu li dawn il-problemi jridu jidħlu għalihom in-nazzjonijiet li jaħdmu flimkien.  Hawn mill-ġdid, il-lajċi għandhom il-wisa’ biex jagħtu pariri siewja, speċjalment dawk li l-aktar jifhmu kif jaħdmu l-forzi ekonomiċi tal-pajjiżi tagħna.

 

       L-akbar tkexkixa ta’ dan is-seklu hija l-wirja li twerwrek tal-imġieba mhix umana bejn bniedem u ieħor.  Hemm min qiegħed igħakkes lil sieħbu bil-vjolenza, hemm min jimxi b’mibegħda għamja u bi krudelta’ mhix tal-bnedmin.  Dan huwa ż-żmien tal-‘Holocaust’ meta l-preġudizzju tar-razza wassal għal qerda ta’ miljuni għaliex huma ta’ razza differenti. Dan huwa żmien ta’ tortura uffiċjali u tat-terroriżmu bil-vjolenza li l-vittmi innoċenti tagħhom igħoddu bl-eluf kbar.  Il-ġenerazzjoni tagħna qiegħda tara jinbnew strutturi li jwerwruk ta’ firda bejn ir-razez li nbnew f’soċjetajiet li jippretendu li huma Nsara u ċiviliżżati.  F’naħat oħrajn id-diskriminazzjoni tar-razez ġiet imwettqa b’ħeġġa ta’ nies fanatiċi; xi drabi baqgħet għaddejja bħallikieku mhi xejn minħabba apatija li ndrat.

 

       F’dan is-seklu rajna jikbru ideoloġiji li jistmaw lil min ma jaqbilx magħhom bħallikieku xi ħaġa inqas minn bnedmin, jew li wasslu lil fqir u lil min ma għandux saħħa biex ibaxxi rasu bil-forza u jiġi sfruttat bla qies. Imis lilna, bħala Nsara u lilkom bħala Lajci Nsara li ma naċċettawx sistemi mħawdin jew strutturi nġusti li jnaqqsu d-dinjita’ ta’ xi ndividwu.  Irridu nuru ruħna li ma naqblux mal-forom kollha ta’ anti-semitiżmu jew diskriminazzjoni tar-razza.  Ma nistgħux nieqfu milli ngħinu ħalli tinqeredkull tortura.  Għandna nfittxu li nerġgħu nagħtu lura d-drittijiet umani lil dawk li gew imċaħħdin minnhom b’kull għamla.

 

       Allura m’hemmx sinjali ta’ tama?  M’hemm xejn li jagħmlilna l-kuraġġ u jsaħħaħna?  Jien nemmen li l-grazzja ta’ Alla ma tinħeliex;  il-Ħajja tiegħu hija għajn ta’ ilma li ma tieqaf qatt. Hemm it-tnehida għall-paċi; hemm aktar u aktar nies li jirrealizzaw li l-gwerer ma jwaqqfux it-tilwim.  Hemm sinjali li n-nies ma għadhomx aktar lesti li jħallu l-inġustizzji u li sħabhom jiġu mċaħħdin minn drittijiethom.  Hemm ġuħ u għatx għal Alla u għall-ħwejjeġ tal-Ispirtu.  Hemm sinjali ċari ta’ mħabba u karita’ lejn dawk li qegħdin isofru, hemm aktar organiżazzjonijiet, hemm aktar għamliet ta’ għajnuna lil min hu bla saħħa jew immankat.  Dawn kollha huma sinjali taż-żminijiet.

 

       Jien għedt fil-bidu li l-Ewropa hija mifruda;  l-Ewropa tilfet il-fidi.  Imma jien konvint li ż-żieda li qegħda titqawwa ta’ rġiel u nisa lajċi, l-appostli ta’ żmenijietna, hija t-tama tal-kontinent tagħna.  Il-fedelta’ sħiħa tagħkom għall-vokazzjoni li bħal Kristu ieħor fid-dinja ta’ llum trid tkun ċanfira lill-materjaliżmu u lill-valuri li jgħoddu biss għas-suq.  Hija għad iżżarma lil dawk li ngħalqu fi ġlieda ta’ ebda siwi.  Hija għad tikkonvinċi lill-poplu tal-Ewropa li hemm għerf li jiżboq kull astuzzja u kull ħila teknoloġika.

 

       L-għerf veru tal-bniedem għad jagħraf li Alla waħdu huwa fuq kulħadd u li dak li jitlob minna mhux marbut ma’ kundizzjonijiet.  Mill-bqija kollox jidbiel u jitlef kull tifsira quddiem ir-realta’ li Huwa kollox għalina, il-bidu u t-tmiem tal-ħolqien, u li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn.  Xejn tajjeb ma jirnexxielna nagħmlu jekk ma nagħrfux Lilu u nistqarru quddiemu x-xejn u l-faqar tagħna.  Jekk inti tagħmel dan, inti tkun lest li tirċievi fil-milja tagħha l-grazzja li ġiet imwegħda lilek fil-magħmudija, li tkun tassew qassis, profeta u re.

 

Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta