Home    |      Email    |       Blog        |                                                               Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Stampa t-test waħdu bla stampi. ...ð

 

Ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Verġni Marija Addolorata

Riflessjonijiet u Talb

Għall-matul il-purċissjoni fil-parroċċi

Kitba ta’ Dun Hector Scerri

11 ta’ April 2014

 

 

 

Kif nagħmlu ta’ kull sena, illejla se nimxu din il-mixja ma’ Ommna Marija Addolorata. Qegħdin biss ftit jiem qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Bħal-lum ġimgħa, niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira. Inġibu quddiem għajnejna x-xena li seħħet fuq l-għolja tal-Kalvarju. Inġibu quddiem għajnejna dak kollu li għaddiet minnu l-Verġni Marija hija u tara lil Binha Ġesù jbati u jmut fuq is-salib.

 

 

 

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqah ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Matul din il-mixja ta’ fidi, il-Verġni Marija tinsab fostna u magħna. Fostna u magħna bħal kull omm li tieħu ħsieb l-ulied tagħha. Il-Verġni Marija tieħu ħsiebna, tieqaf magħna fil-weġgħat tagħna u tixxotta d-dmugħ tagħna. Hija taf x’inhi t-tbatija għaliex ġarrbitha hija stess. Għalhekk l-Verġni Marija tifhimna, u aħna nħossuha qrib tagħna. Din hija r-raġuni għaliex aħna nġbarna daqshekk bi ħġarna llejla. Hekk nagħmlu ta’ kull sena. Kull parroċċa f’Malta u Għawdex bħalissa tinsab miġbura madwar Marija. Il-poplu kollu tagħna – kull wieħed u waħda minna – bħalissa jinsab b’għajnejh imsammrin fuq Marija li qegħda tbati. Marija li tbati u tibki tifhem lilek fit-tbatija u fil-biki tiegħek.

 

Il-Verġni Marija tħares lejk u tpoġġi jdejha fuq spallejk biex tagħmillek kuraġġ. Marija tixxuttalek id-dmugħ li jġelben ma’ ħaddejk. Marija tisma’ l-krib tiegħek, u qed tgħidlek: “Ejja miegħi, ħalli nieħdok għand Ibni Ġesù. Ferra’ l-uġigħ kollu tiegħek, id-dwejjaq, l-ansjetà, il-problemi, il-mard kollu tiegħek quddiem Ġesù. Ġesù biss jagħtik is-saħħa u l-faraġ, il-fejqan u l-kuraġġ. Ftakar li Ġesù Ibni qal: ‘Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja’. Dur lejn Ġesù. Ersaq lejh, u imxi fit-triq tiegħu”.

 

Il-Verġni Marija Addolorata tkompli tgħidlek dan: “Hija ħaġa sabiħa u tajba li llejla qed timxi miegħi. Dan jagħtini ħafna ferħ. Però l-aktar ħaġa li timlieni bil-ferħ hija li int tfassal ħajtek fuq dak li jgħallimna Ġesù. Importanti li timxi wara Ġesù u tfassal ħajtek fuq it-tagħlim tiegħu mhux biss illum u matul il-Ġimgħa Mqaddsa, imma s-sena kollha. Il-konverżjoni u l-qrar mhux illum biss, imma matul is-sena kollha. Dan huwa li tassew iferraħni: li tkunu ta’ Ġesù u ma’ Ġesù s-sena kollha. L-għażliet tagħkom għandhom ikunu għażliet Insara. L-għażliet tagħkom għandhom ikunu mnebbħin mit-tagħlim ta’ Ġesù u tal-Knisja tiegħu. Matul din il-mixja ta’ fidi li qegħdin nagħmlu, ġeddu – bis-serjetà – il-fehma tagħkom li tkunu tassew ta’ Ġesù u ma’ Ġesù”.

 

Dan hu li qed tgħidilna l-Verġni Marija llejla.

 

Inkantaw flimkien ...

 

Matul din il-mixja ta’ fidi se nkunu qegħdin nikkontemplaw, kif inhu xieraq, is-seba’ duluri ta’ Marija. Dan se nagħmluh permezz ta’ siltiet mill-kelma ta’ Alla, siltiet mit-tagħlim li qed iwasslilna Papa Franġisku, litaniji ta’ talb lil Marija, permezz tal-posti tar-Rużarju Mqaddes u permezz tal-kant. Ejjew nieħu sehem attiv billi nkunu attenti għal dak li se nisimgħu, u dak li se nitolbu u nkantaw.

 


 

I

L-EWWEL DULUR TA’ MARIJA:

IL-PROFEZIJA TA’ XMUN

FIL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESÙ FIT-TEMPJU

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:22-35)

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħadu lil Gesu’ Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,' u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej. F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

 

"Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."

 

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

 

Qari minn silta tad-diskors ta’ Papa Franġisku

waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2013

 

Naħsbu ftit f’min kienet il-Verġni Marija: tfajla Lhudija, li kienet tistenna b’qalbha kollha l-fidwa tal-poplu tagħha. Imma f’dik il-qalb ta’ bint żagħżugħa ta’ Israel kien hemm moħbi sigriet li hi stess kienet għadha ma tafx bih: fil-pjan ta’ mħabba ta’ Alla kienet iddestinata biex issir l-Omm tal-Feddej. Fit-Tħabbira, il-Mesaġġier ta’ Alla jsejħilha “mimlija bil-grazzja” u juriha liema hu dan il-pjan. Marija twieġeb “iva” u minn dak il-waqt il-fidi ta’ Marija tilqa’ fiha dawl ġdid: tikkonċentra fuq Ġesù, l-Iben ta’ Alla li minnha ħa l-ġisem u li fih jitwettqu l-wegħdiet ta’ l-istorja kollha tas-salvazzjoni.

 

Litanija

Verġni Marija, li ppreżentajt lil Ibnek Ġesu’ fit-Tempju... idħol għalina.

Verġni Marija, li smajt il-profezija ta’ Xmun... idħol għalina.

Verġni Marija, li bqajt taħseb fuq dawn il-ġrajjiet u tikkontemplahom bejnek u bejn ruħek... idħol għalina.

Verġni Marija, li qdejt lil Ġesù  fit-trobbija li tajtu... idħol għalina.

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien...

 


 

II

IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA, ĠUŻEPPI U T-TARBIJA ĠESÙ JAĦARBU LEJN L-EĠITTU

 

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (2:13-18)

Meta telqu l-Magi, deher anġlu tal-Mulej f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu." Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa' hemmhekk sal-mewt ta' Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’

 

Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, inkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l isfel, skont iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,

‘F’Rama nstama’ leħen,

biki u lfiq kbir:

Rakel tibki lil uliedha

u ma tridx minn ifarraġha,

għax ma għadhomx iżjed’”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Flimkien ma’ Binha Ġesu’ Tarbija, Marija u żewġha San Ġużepp kellhom, għall-għarrieda, jaħarbu lejn l-Eġittu minħabba l-qilla u l-kefrija tas-Sultan Erodi. Il-Familja Mqaddsa tgħaddi mill-esperjenza ta’ refuġjati. Matul is-sekli, sal-ġurnata tal-lum, eluf ta’ eluf għaddew minn din l-esperjenza iebsa: mingħajr saqaf fuq rashom, l-insigurta’ u l-perikli tal-vjaġġi, it-theddid għal ħajjithom, neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja, it-tbatija minħabba l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u l-kesħa.

 

Mill-Omelija ta’ Papa Franġisku fil-gżira ta’ Lampedusa

nhar it-8 ta’ Lulju 2013

Alla jistaqsi lil kull wieħed minna: "Fejn huwa d-demm ta’ ħuk li l-karba tiegħu waslet sa għandi?" Illum, ħadd fid-dinja ma jħossu responsabbli għal dan. Tlifna kull sens ta’ responsabbiltà ta’ aħwa. Waqajna fl-atteġġament ipokrita tas-saċerdot, u tal-qaddej tal-artal, li tkellem dwarhom Ġesù fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Inħarsu lejn ħuna nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq, forsi naħsbu "miskin", u nkomplu fi triqtna. Din mhux biċċa tagħna, u b’dan inserrħu l-kuxjenza, tagħna, u inħossuna aħjar. Il-kultura tal-kumdità, twassalna biex naħsbu fina nfusna, twassalna li nkunu insensibbli għall-karba tal-oħrajn, tagħmilna ngħixu fi bżieżaq tas-sapun, li huma sbieħ, imma ma huma xejn, huma biss illużjoni artificjali, tal-proviżorju, li twassal għall-indifferenza lejn l-oħrajn, anzi twassall għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza. F'din id-dinja ta’ globalizzazzjoni waqajna fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Drajna t-tbatija ta’ ħaddieħor, li ma jimpurtaniex minnha, ma tinteressanhiex, mhix affari tagħna! ...

 “Adam fejn int?”, “Fejn hu ħuk?”, huma żewġ domandi li Alla għamel fil-bidu tal-umanita`, u li jagħmel ukoll lill-bnedmin kollha ta` żmienna, lilna ukoll. Imma jien irrid li nistaqsu lilna nfusna t-tielet domanda: “Min minna beka għal din il-ġrajja u għal ġrajjiet oħra bħal din?” Min beka għall-mewt ta’ dawn l-aħwa? Min beka għal dawn il-persuni li kienu fuq id-dgħajsa? Għal ommijiet zgħażagħ li kellhom magħhom lil uliedhom? Għal dawn l-irgiel li xtaqu xi haga biex issostnu l-familji tagħhom? Aħna socjetà li nsiet l-esperjenza tal-biki, li titħassar: il-globalizzazzjoni tal-indifferenza neħħitilna l-kapacità li nibku! Fl-evanġelju smajna l-għajjat, il-biki, il-krib kbir: “Rakel tibki lill-uliedha għax m’għadhomx iżjed”. Erodi żera l-mewt biex jiddefendi l-ġid tiegħu, propju l-bużżieqa tas-sapun tiegħu. U dan ikompli jirrepeti ruħu. Nitolbu lill-Mulej li jħassar dak li baqa minn ta` Erodi, anki f’qalbna. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nibku għall-indifferenza tagħna, li nibku għall-kefrija li hawn fid-dinja, fina, anki għal dawk li fil-moħbi jieħdu deċizjonijiet soċjo-ekonomiċi li jiftħu t-triq għal drammi bħal din.

“Minn beka?” Minn beka llum fid-dinja?

 

Litanija

Verġni Marija, li għaddejt mill-esperjenza iebsa tal-ħarba lejn l-Eġittu... idħol għalina.

Verġni Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju, ‘il bogħod minn art twelidek... idħol għalina.

Verġni Marija, li adattajt ruħek għall-kultura tal-pajjiż li ta kenn lilek, lil Ġesu’ u lil San Ġużepp... idħol għalina.

Verġni Marija, kun kenn għar-rifuġjati tad-dinja kollha... idħol għalina.

Verġni Marija, miss il-qalb tagħna biex nuru ospitalita’ lil dawk kollha li jfittxu kenn fostna... idħol għalina.

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien...


III

IT-TIELET DULUR TA’ MARIJA:

META MARIJA TITLEF LIL BINHA ĠESÙ,

U WARA TLETT IJIEM TA’ DULUR, ISSIBU FIT-TEMPJU

 

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:41-52)

Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma?" U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" Iżda kliemu ma fehmuhx. Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Silta mid-diskors ta’ Papa Franġsiku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2013

Il-fidi ta’ Marija hi t-twettiq tal-fidi ta’ Israel, sewwa sew fiha tinġabar il-mixja kollha, it-triq kollha ta’ dak il-poplu li kien qed jistenna l-fidwa, u f’dan is-sens hi l-mudell tal-fidi tal-Knisja, li għandha bħala ċ-ċentru tagħha lil Kristu, inkarnazzjoni ta’ l-imħabba infinita ta’ Alla.

Kif għexitha Marija din il-fidi? Għexitha fis-sempliċità ta’ l-elf ħsieb u preokkupazzjoni li ta’ kuljum ikollha kull omm, fuq kif ħa tħejji l-ikel, il-ħwejjeġ, u tieħu ħsieb id-dar… Kienet propju din l-eżistenza normali tal-Madonna l-art li fuqha kibret relazzjoni singulari u djalogu profond bejnha u bejn Alla, bejnha u bejn Binha.

 

Litanija

Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li qed ibatu minħabba wliedhom... idħol għalina.

Verġni Marija, idħol għal dawk il-ġenituri inkwetati minħabba l-imġieba tat-tfal tagħhom... idħol għalina.

Verġni Marija, kun l-għajnuna u t-tama tal-familji li għaddejjin minn problemi u firda... idħol għalina.

Verġni Marija, wassal għand Ibnek Ġesu’ lil dawk li tilfu t-triq u jinsabu jgħixu fid-dnub... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien...

 


 

IV

IR-RABA’ DULUR TA’ MARIJA:

META HIJA TILTAQA’ MA’ BINHA ĠESÙ JĠORR IS-SALIB

FIT-TRIQ LEJN IL-KALVARJU

 

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23:26-31)

Huma u sejrin b’Gesu’ lejn il-Kalvarju, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'! Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Silta mid-Diskors ta’ Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2013

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Qed inħallu ddawwalna l-fidi ta’ Marija, li hi l-Omm tagħna? Jew nistħajluha ’l bogħod minna, wisq differenti minna? Fil-mumenti ta’ diffikultà, ta’ prova, ta’ dalma, qed inħarsu lejha bħala mudell ta’ fiduċja f’Alla, li trid dejjem u biss il-ġid tagħna? Naħsbu fuq dan, forsi jiswielna li nerġgħu nsibu f’Marija mudell u figura tal-Knisja f’din il-fidi li hi kellha!

Litanija

Verġni Marija, għin lil dawk l-ommijiet li qed iduru b’uliedhom morda... idħol għalina.

Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li ta’ kuljum jżuru ‘l uliedhom fl-isparijiet jew f’postijiet oħra ta’ kura... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbar dawk l-ommijiet li jakkumpanjaw lil uliedhom fit-triq tal-Kalvarju llum, minħabba l-vizzji tax-xorb, tad-droga u dnubiet oħra li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem... idħol għalina.

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien...

 


 

V

IL-ĦAMES DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TARA LIL BINHA ĠESÙ

JIĠI MSALLAB MAS-SALIB U WARA TLIET SIGĦAT

TA’ AGUNIJA JMUT

 

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek." Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Silta minn Diskors ta’ Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2013

L-“iva” ta’ Marija, diġà perfetta fil-bidu, issoktat tikber sas-siegħa tas-Salib. Hemm il-maternità tagħha twessgħet biex ħaddnet magħha lil kull wieħed u waħda minna, il-ħajja tagħna, biex twassalna għal għand Binha. Marija għexet dejjem mgħaddsa fil-misteru ta’ Alla magħmul bniedem, bħala l-ewwel dixxiplu perfett tiegħu, taħseb fuq kull ħaġa bejnha u bejn ruħha fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex tista’ tifhem ir-rieda ta’ Alla u tqegħidha kollha fil-prattika.

 

Litanija

Verġni Marija, idħol għalina meta fit-tbatija naqtgħu qalbna... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbarna meta t-tbatija nsibuha wisq tqila u nogħtru taħtha... idħol għalina.

Verġni Marija, ieqaf magħna fil-Kalvarju tagħna llum... idħol għalina.

Verġni Marija, meta maħkuma mit-toqol tal-mard u l-problemi tagħna... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 


 

VI

IS-SITT DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TIRĊIEVI L-ĠISEM MEJJET TA’ BINHA ĠESÙ

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (27:50-58)

Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu. U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' li ma bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!" Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Ipprova immaġina minn liema tbatija bla tarf għaddiet Marija fuq l-għolja tal-Kalvarju. Immaġinaw il-kobor tad-dulur li hija ġarrbet meta rat lil Binha Ġesu’ jbati tant ħruxija. Immaġinaha tara lil Ġesu’ jieħu l-aħħar nifs tiegħu. Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea niżżlu b’devozzjoni l-ġisem mejjet ta’ Ġesu’ minn fuq is-salib! Min jaf kemm bkiet, kemm dmugħ jaħraq ġelben ma’ ħaddejha! Qalbha maqsuma, hija tara lil Binha mejjet.

 

 

Silta mill-Omelija ta’ Papa Franġisku fiċ-Ċimiterju tal-Verano ġewwa Ruma, nhar l-1 ta’ Novembru 2013

 

It-tama ssaffina, tħaffilna l-piż; din it-tisfija bit-tama f’Ġesù Kristu tqanqalna biex nimxu b’ħeffa, minnufih. F’dan il-ħin tal-lum qabel l-għabex, kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb fl-għabex ta’ ħajtu: “Kif għad ikun l-għabex tiegħi?”. Kollha kemm aħna sa jkollna l-għabex tagħna, kollha! Qed inħares lejh bit-tama? Inħares lejh b’dak il-ferħ li l-Mulej se jilqagħni għandu? Dan hu ħsieb Nisrani, li jimliena bis-sliem. Il-lum hu jum ta’ ferħ, imma ta’ ferħ seren, trankwill, tal-ferħ tas-sliem. Naħsbu fl-għabex ta’ tant ħutna rġiel u nisa li telqu qabilna, naħsbu fl-għabex tagħna, meta dan għad jasal. U naħsbu fil-qalb tagħna u nistaqsu lilna nfusna: “Fejn hi ankrata qalbi?”. Jekk m’hix ankrata tajjeb, ejjew nankrawha hemm, f’dak ix-xatt, għax nafu li t-tama ma tqarraq qatt bina għax il-Mulej Ġesù ma jiddeludiniex.

 

Litanija

Verġni Marija, imsaħ id-dmugħ tal-ommijiet li tilfu ‘l uliedhom bil-mard jew b’disgrazzja għall-għarrieda... idħol għalina.

Verġni Marija, għinna meta ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż... idħol għalina.

Verġni Marija, kun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna... idħol għalina.

Verġni Marija, wassalna għand Ibnek Ġesu’, u idħol għalina biex huwa jkun imħallef ħanin tagħna... idħol għalina.

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien...

 


 

VII

IS-SEBA’ DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TASSISTI GĦAD-DIFNA TA’ BINHA ĠESÙ

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:38-42)

 Wara l-mewt ta’ Gesu’, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta' Ġesù bil-moħbi għax kien jibża' mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu                  l-ġisem ta' Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta' morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh bil-faxex ta' l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f'dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

Silta mill-Eżortazzjoni Appostolika ta’ Papa Franġisku Il-Ferħ tal-Evanġelju tal-24 ta’ Novembru 2013

 

Verġni u Omm tagħna Marija,

int li, imqanqla mill-Ispirtu,

ilqajt il-Verb tal-ħajja

fil-qiegħ nett tal-fidi umli tiegħek,

mogħtija kollha kemm hi lill-Etern,

għinna llissnu l-“iva” tagħna

għas-sejħa urġenti, tagħfas fuqna iktar minn qatt qabel,

li nsemmgħu mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.

 

Mimlija bil-preżenza ta’ Kristu,

int ġibt il-ferħ lil Ġwanni l-Battista,

hekk li qabeż fil-ġuf ta’ ommu.

Taqbeż bil-hena,

int għannejt l-għeġubijiet sbieħ tal-Mulej.

Int, li bqajt wieqfa taħt is-Salib

b’fidi li ma tiġġarrafx,

u lqajt il-faraġ hieni tal-Qawmien,

ġmajt id-dixxipli fl-istennija tal-Ispirtu

biex hekk twieldet il-Knisja evanġelizzatriċi.

 

Iksbilna issa l-ħeġġa ġdida li jnissel il-Qawmien,

biex nistgħu nwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja

li jegħleb il-mewt.

 

 

Litanija

Verġni Marija, kun mag]na fit-toroq tal-ħajja... idħol għalina.

Verġni Marija, tħalliniex waħedna meta t-tbatija taħkimna... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbarna f’dan il-wied ta’ dmugħ ... idħol għalina.

Verġni Marija, urina lil Ibnek Ġesu’, il-frott tal-ġuf tiegħek... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Inkantaw flimkien is-Salve Regina

 

dhs, 4.4.2014

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta