Home          |          Email          |             Blog          |                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Stampa t-test waħdu bla stampi. ...ð

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

ID-DULURI TA' MARIJA

TALB U KUMMENTARJU GĦAL WAQT

IL-PELLEGRINAĠĠ F’JUM ID-DULURI

 

Kitba ta’ Dun Hector Scerri

  

Kif nagħmlu ta’ kull sena nġbarna hawn flimkien biex nagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Nimxu ma’ Marija fil-mumenti tad-dulur tagħha. Marija, Omm Alla, hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi ta’ uġigħ, tbatija u ansjeta’. Din il-mixja tagħna ma’ Marija hija mixja ta’ fidi, kif ukoll mixja ta’ solidarjeta’. Illejla, aħna nħossu ma’ Marija fit-tbatijiet tagħha. Fl-istess ħin, aħna nafu, u konvinti li Marija hija preżenti magħna. Hi, fl-imħabba tagħha ta’ omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna: il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familji tagħna, il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-ansjeta’ li tolqotna.

 

Marija tifhimna meta nduru lejha. Aħna spiss nersqu lejha fit-talba tar-Rużarju, jew fit-talba tal-Anġelus, fil-festi tagħha matul is-sena. Insellmu x-xbihat tagħha, u nitolbuha. Imma, llum, f’dan il-jum li jinsab fuq l-għatba ta’ Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa, nduru lejn Marija bħala poplu wieħed. Malta kollha u Għawdex kollu, bħalissa jinsabu fit-toroq tal-bliet u l-irħula biex jagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Wieħed mill-poeti tagħna darba kiteb li dan tal-lum huwa l-akbar mass meeting ta’ Malta. Iva, Marija Addolorata tiġbidna għal warajha. Flimkien magħha nimxu din it-triq. Lilha nitolbu. Magħha nibku. Lilna hija ssabbar.

 

Ejjew, matul din il-mixja, inżommu l-ġabra billi nitolbu u nkantaw bil-ħeġġa. Ejjew inħallu din is-siegħa tkun siegħa ta’ talb, ta’ mħabba u ta’ interċessjoni.

 

Din is-sena, peress li qegħdin inħejju ruħna għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI fostna, minn hawn u tliet ġimgħat oħra, se nkunu qed nisimgħu xi siltiet mit-tagħlim li hu wassal lill-Knisja. B’mod partikulari se nkunu qed nirriflettu dwar dak li qal il-Papa dwar il-Verġni Marija, dwar it-tbatija u temi oħra attwali.

 

Inkantaw l-innu (jew strofa mill-innu) ….

 

Fit-28 ta’ April 2009, il-Papa Benedittu għamel talba sabiħa lill-Verġni Marija fil-mument tat-tbatija. Din it-talba huwa għamilha meta żar lil dawk li ġew milquta mit-terremot ġewwa L’Aquila, fl-Italja. Nisimgħu bi spirtu ta’ ġabra din it-talba tal-Papa.

 

O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,

int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna

bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,

qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,

inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu

li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,

dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex,

lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;

agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,

anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.

O Marija Santissima,

Sidtna tas-Salib, itlob għalina.

 


 

I

L-EWWEL DULUR TA’ MARIJA:

IL-PROFEZIJA TA’ XMUN FIL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESÙ

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:22-35)

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħadu lil Gesu’ Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,' u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej. F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael." Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."

 

 

Riflessjoni tal-Papa Benedittu XVI mill-Enċiklika tiegħu dwar it-Tama, Spe Salvi (30 ta’ Novembru 2007):

“Għalhekk lejha nduru: Imqaddsa Marija, int kont tagħmel ma’ dawk l-erwieħ umli u kbar f’Israel li, bħal Xmun, kienu jistennew ‘il-faraġ ta’ Israel’ (Lq 2:25), u kienu jistennew, bħal Alla, ‘il-fidwa ta’ Ġerusalemm’ (Lq 2:38)... (Marija), ix-xwejjaħ Xmun kellmek fuq is-sejf li kien se jinfidlek qalbek (Lq 2:35), semmielek is-sinjal li jmeruh, kif kien se jkun Ibnek f’din id-dinja” (n.50).

 

Mill-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI, Alla huwa Mħabba (25 ta’ Diċembru 2005):

Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull bniedem ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet storiċi, jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku li Alla hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll meta is-skiet tiegħu ma jifhmuhx” (n.31).

 

Litanija

Verġni Marija, li ppreżentajt lil Ibnek Ġesù fit-Tempju... idħol għalina.

Verġni Marija, li smajt il-profezija ta’ Xmun... idħol għalina.

Verġni Marija, li bqajt taħseb fuq dawn il-ġrajjiet u tikkontemplahom bejnek u bejn ruħek... idħol għalina.

Verġni Marija, li qdejt lil Ġesù fit-trobbija li tajtu... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 


 

II

IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA, ĠUŻEPPI U T-TARBIJA ĠESÙ JAĦARBU LEJN L-EĠITTU

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (2:13-15)

Meta telqu l-Magi, deher anġlu tal-Mulej f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu. " Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa' hemmhekk sal-mewt ta' Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’

 

 

Flimkien ma’ Binha Ġesù Tarbija, Marija u żewġha San Ġużepp kellhom, għall-għarrieda, jaħarbu lejn l-Eġittu minħabba l-qilla u l-kefrija tas-Sultan Erodi. Il-Familja Mqaddsa tgħaddi mill-esperjenza ta’ refuġjati. Matul is-sekli, sal-ġurnata tal-lum, eluf ta’ eluf għaddew minn din l-esperjenza iebsa: li ma jkollokx saqaf fuq rasek, li tgħaddi mill-insigurta’ u l-perikli tal-vjaġġi, li taf li hemm min qed ifittixlek ħajtek, li trid iġġorr biss il-meħtieġ għall-ħajja, li tbati l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u l-kesħa.

 

Il-Papa Benedittu XVI, kemm-il darba tkellem dwar l-immigrazzjoni u r-refuġjati. Nisimgħu lilu:

“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” (Mt 25:40,45). Kif nistgħu ma nagħtux kas tal-immigrant u tar-refuġjat minuri bħala dawk li huma fost ‘l-iżgħar’? Bħala tfajjel Ġesù stess għamel esperjenza ta’ refuġjat, skont il-Vanġelu, biex jeħles mit-tħeddid ta’ Erodi, hu kellu jaħrab lejn l-Eġittu ma Ġużeppi u Marija (Mt 2:14). (Messaġġ għall-94 Ġurnata Mondjali tal-Immigranti u Refuġjati, 18 ta’ Ottubru 2007)

 

Fl-istess Messaġġ, il-Papa kien qal ukoll:

“Jien nistieden l-komunitajiet ekklezjali tal-lokal biex jagħtu merħba u juru simpatija lejn (l-immigranti) zgħażagħ u tfal mal-ġenituri tagħhom, u jippruvaw jifhmu l-ħajja ħarxa tagħhom u jkunu favur l-inklużjoni tagħhom”. (18 ta’ Ottubru 2007)

 

F’Ottubru li għadda (2009), Benedittu XVI saħaq dwar id-dmir tagħna bħala nsara lejn l-immigranti:

“L-ospitalita’ u s-solidarjeta’ lill-barranin, speċjalment jekk ikunu tfal, hija tħabbira tal-Vangelu ta’ solidarjeta’”. (Messaġġ għall-96 Ġurnata Mondjali tal- Immigranti u Refuġjati, 16 ta’ Ottubru 2009)

 

Litanija

Verġni Marija, li għaddejt mill-esperjenza iebsa tal-ħarba lejn l-Eġittu... idħol għalina.

Verġni Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju, ‘il bogħod minn art twelidek... idħol għalina.

Verġni Marija, li adattajt ruħek għall-kultura tal-pajjiż li ta kenn lilek, lil Ġesù u lil San Ġużepp... idħol għalina.

Verġni Marija, kun kenn għar-rifuġjati tad-dinja kollha... idħol għalina.

Verġni Marija, miss il-qalb tagħna biex nuru ospitalita’ lil dawk kollha li jfittxu kenn fostna... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 


 

 

III

IT-TIELET DULUR TA’ MARIJA:

META MARIJA TITLEF LIL BINHA ĠESÙ,

U WARA TLETT IJIEM TA’ DULUR, ISSIBU FIT-TEMPJU

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:41-52)

Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma?" U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" Iżda kliemu ma fehmuhx. Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

 

 

Riflessjonijiet tal-Papa Benedittu XVI mill-enċiklika dwar it-tama, Spe Salvi (30 ta’ Novembru 2007):

“Nistgħu nippruvaw innaqqsu t-tbatija, niġġieldu kontriha, imma ma nistgħu qatt inwarrbuha għal kollox… Il-fejqan iseħħ “bil-ħila tagħna li naċċettaw it-tbatija, nimmaturaw permezz tagħha, u nfittxu sens fiha permezz tal-għaqda tagħna ma’ Kristu Ġesù, li bata b’imħabba bla qjies għalina” (n.37).

 

Fl-istess enċiklika, il-Papa jgħid ukoll:

“Soċjetà li ma għandhiex il-ħila taċċetta lill-membri tagħha li qegħdin ibatu u li ma tistax taqsam fl-uġigħ tagħhom u ġġorru minn ġewwa magħhom b’sens ta’ ‘kompassjoni’ hija soċjetà krudila u inumana”. (Spe Salvi, n.38)

 

Litanija

Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li qed ibatu minħabba wliedhom... idħol għalina.

Verġni Marija, idħol għal dawk il-ġenituri inkwetati minħabba l-imġieba tat-tfal tagħhom... idħol għalina.

Verġni Marija, kun l-għajnuna u t-tama tal-familji li għaddejjin minn problemi u firda... idħol għalina.

Verġni Marija, wassal għand Ibnek Ġesù lil dawk li tilfu t-triq u jinsabu jgħixu fid-dnub... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 


 

IV

IR-RABA’ DULUR TA’ MARIJA:

META HIJA TILTAQA’ MA’ BINHA ĠESÙ JĠORR IS-SALIB

FIT-TRIQ LEJN IL-KALVARJU

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23:26-31)

Huma u sejrin b’Gesu’ lejn il-Kalvarju, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'! Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"

 

 

Il-Papa Benedittu XVI jfakkarna li l-Fidi nisranija wrietna dejjem li “Alla – Verità u Mħabba nfushom – ried li jbati għalina u magħna ... Hu nnifsu sar bniedem biex ikun jista’ jbati tassew mal-bnedmin, billi jbati fil-ġisem magħhom, bħalma jixhdu r-rakkonti tal-Passjoni ta’ Ġesù... Fit-tbatija umana kollha li ngħaddu minnha jingħaqad magħna Wieħed li jgħaddi mit-tbatija huwa stess u jġorr dik it-tbatija magħna. F’kull tbatija hemm ukoll il-konsolazzjoni tal-imħabba ta’ Alla li jħoss mal-bniedem” (Mill-enċiklika dwar it-tama, Spe Salvi, n.39).

 

Fl-ewwel enċiklika tiegħu dwar l-imħabba ta’ Alla, il-Papa li “l-għajta (il-karba) tagħna lil Alla fit-tbatija, bħalma kienet għal Ġesù nnifsu fuq is-salib, hija l-mod l-aktar profond u qawwi li bih nistqarru l-fidi tagħna fil-qawwa sovrana ta’ Alla”. Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull bniedem ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet storiċi, jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku li Alla hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll meta is-skiet tiegħu ma jifhmuhx”. (Enċiklika Deus Caritas Est, n.31).

 

Litanija

Verġni Marija, għin lil dawk l-ommijiet li qed iduru b’uliedhom morda... idħol għalina.

Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li ta’ kuljum jżuru ‘l uliedhom fl-isparijiet jew f’postijiet oħra ta’ kura... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbar dawk l-ommijiet li jakkumpanjaw lil uliedhom fit-triq tal-Kalvarju llum, minħabba l-vizzji tax-xorb, tad-droga u dnubiet oħra li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 

 


 

 

V

IL-ĦAMES DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TARA LIL BINHA ĠESÙ  JIĠI MSALLAB MAS-SALIB

U WARA TLIET SIGĦAT TA’ AGUNIJA JMUT

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek." Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

 

 

F’wieħed mid-diskorsi li jagħmel kull nhar ta’ Ħadd qabel it-talba tal-Anġelus, il-Papa Benedittu qal dan il-kliem dwar it-tbatija:

“Ġesù bata u miet fuq is-salib bi mħabba kbira għalina. B’hekk, jekk nifhmu dan il-misteru sewwa, huwa ta sens lit-tbatija tagħna, sens li rġiel u nisa ta’ kull żmien fehmuh u għamluh tagħhom, u b’hekk ġarrbu paċi kbira ukoll fid-djieqa ta’ provi ħarxa kemm fiżiċi u kemm morali... Nistgħu nibqgħu żguri minn dan: l-ebda demgħa, la ta’ dawk li jbatu u lanqas ta’ dawk qrib tagħhom, ma hi mitlufa għal Alla”. (Diskors ta’ qabel l-Angelus, 1 ta’ Frar 2009)

 

F’okkażjoni oħra, il-Papa qalilna li Marija turina li “id-dawl, it-talb, it-tama u l-konverżjoni, huma msejsa fuq il-blata tal-imħabba ta’ Alla, li laħqet il-qofol tar-rivelazzjoni tagħha fis-salib glorjuż ta’ Kristu.” Is-skiet quddiem it-tbatija “mhuwiex skiet vojt, imma wieħed mimli bit-talba u l-għarfien tal-preżenza tal-Mulej, li ħabbna sal-punt li jiġi merfugħ fuq is-salib għalina”. (Udjenza Ġenerali, 17 ta’ Settembru 2008)

 

Fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, il-Papa Benedittu għandu silta mill-isbaħ dwar dak li Marija għaddiet minnu meta kienet qed tassisti lil Binha Ġesù fl-aħħar mumenti tiegħu:

“Marija, kellek tara s-Salvatur tad-dinja, il-werriet ta’ David, l-Iben ta’ Alla jmut bħal wieħed fallut, espost għaż-żebliħ, bejn id-delinkwenti. Imbagħad ilqajt il-kelma: ‘Mara, hawn hu ibnek!’ (Ġw 19:26). Mis-salib irċevejt missjoni ġdida. Mis-salib int sirt omm b’mod ġdid: omm dawk kollha li jridu jemmnu f’Ibnek Ġesù u jimxu warajh. Sejf in-niket nifidlek qalbek. Imma t-tama mietet? Id-dinja baqgħet għal dejjem bla dawl, il-ħajja bla għan? F’dik is-siegħa aktarx li fik innifsek erġajt smajt il-kelma tal-anġlu, li biha kien wieġeb għall-biża’ tiegħek fil-waqt tat-tħabbira: ‘La tibżax, Marija!’ (Lq 1:30)

 

Litanija

Verġni Marija, idħol għalina meta fit-tbatija naqtgħu qalbna... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbarna meta t-tbatija nsibuha wisq tqila u nogħtru taħtha... idħol għalina.

Verġni Marija, ieqaf magħna fil-Kalvarju tagħna llum... idħol għalina.

Verġni Marija, meta maħkuma mit-toqol tal-mard u l-problemi tagħna... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 

 


 

 

VI

IS-SITT DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TIRĊIEVI L-ĠISEM MEJJET TA’ BINHA ĠESÙ

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (27:50-58)

Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu. U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' li ma bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!" Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.

 

 

Ipprova immaġina minn liema tbatija bla tarf għaddiet Marija fuq l-għolja tal-Kalvarju. Immaġinaw il-kobor tad-dulur li hija ġarrbet meta rat lil Binha Ġesù jbati tant ħruxija. Immaġinaha tara lil Ġesù jieħu l-aħħar nifs tiegħu. Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea niżżlu b’devozzjoni l-ġisem mejjet ta’ Ġesù minn fuq is-salib! Min jaf kemm bkiet, kemm dmugħ jaħraq ġelben ma’ ħaddejha! Qalbha maqsuma, hija tara lil Binha mejjet.

 

Fil-Messaġġ għall-Jum il-Morda ta’ din is-sena, il-Papa Benedittu XVI kiteb hekk: “Fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, it-tbatija tal-bniedem issib is-sens tagħha u l-milja tad-dawl. Fl-Aħħar Ċena, qabel ma reġa’ lura għand il-Missier, il-Mulej Ġesù tbaxxa biex jaħsel saqajn l-Appostli biex idewwaqhom minn qabel mill-att kbir ta’ mħabba li kellu jagħmel fuq is-salib. B’dan il-ġest, hu stieden lid-dixxipli biex jimxu wara dan il-mod ta’ ħsieb ta’ mħabba li tagħti lilha nnifisha għal dawk l-aktar dgħajfa u fil-bżonn”. (Messaġġ għal Jum il-Morda, 11 ta’ Frar 2010)

 

 

Litanija

Verġni Marija, imsaħ id-dmugħ tal-ommijiet li tilfu ‘l uliedhom bil-mard jew b’disgrazzja għall-għarrieda... idħol għalina.

Verġni Marija, għinna meta ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż... idħol għalina.

Verġni Marija, kun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna... idħol għalina.

Verġni Marija, wassalna għand Ibnek Ġesù, u idħol għalina biex huwa jkun imħallef ħanin tagħna... idħol għalina.

 

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 

 


 

 

VII

IS-SEBA’ DULUR TA’ MARIJA:

MARIJA TASSISTI GĦAD-DIFNA TA’ BINHA ĠESÙ

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:38-42)

Wara l-mewt ta’ Gesu’, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta' Ġesù bil-moħbi għax kien jibża' mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu                  l-ġisem ta' Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta' morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh bil-faxex ta' l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f'dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

 

Il-Papa Benedittu XVI jirrifletti dwar dak li Marija Addolorata għaddiet minnu fuq il-Golgota u fid-difna ta’ Ġesù. Fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, huwa jistqarr:

“’La tibżax, Marija!’ (Lq 1:30). Kemm drabi l-Mulej, Ibnek, qal l-istess ħaġa lid-dixxipli tiegħu: La tibżgħux! Fil-lejl tal-Golgota, int erġajt smajt din il-kelma. Lid-dixxipli tiegħu, qabel is-siegħa tat-tradiment, hu qalilhom: ‘Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!’ (Ġw 16:33) ‘Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’’ (Ġw 14:27). ‘La tibżax, Marija!’ Fis-siegħa ta’ Nazaret l-anġlu kien qallek ukoll: ‘Is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem’ (Lq 1:33). Kienet forsi mitmuma qabel bdiet? Le, ħdejn is-salib, fuq il-kelma nfisha ta’ Ġesù, int sirt omm dawk li jemmnu. F’din il-fidi, li anki fid-dlam tas-Sibt Qaddis tal-Għid kienet ċertezza tat-tama, int mort tilqa’ l-għodwa tal-Għid” (Spe Salvi, n.50).

 

Waqt il-vjaġġ pastorali tiegħu ġewwa l-Afrika, is-sena li għaddiet, il-Papa Benedittu kien żar sptar fil-Kamerun. Dakinhar huwa qal dan il-kliem lill-morda, kliem li huwa qiegħed jgħid lil kull wieħed u waħda minnha: “M’intomx waħidkom fit-tbatija tagħkom, għax Kristu nnifsu huwa qrib ħafna ta’ dawk li jbatu ... Quddiem tant uġigħ, inħossuna bla ħila u aktarx ma nsibux il-kliem li jixirqu. Quddiem ħuna jew oħtna fil-misteru tat-tbatija, is-skiet rispettuż u ta’ kompassjoni, il-preżenza fit-talb, ġest li jħenn u jsabbar, ħarsa mimlija tjieba, tbissima, ħafna drabi huma aktar milqugħa minn kull kliem ieħor”. (Diskors fiċ-Ċentru Kardinal Paul-Emile Léger, f’Yaoundé, Kamerun, 19 ta’ Marzu 2009)

 

Litanija

Verġni Marija, kun magħna fit-toroq tal-ħajja... idħol għalina.

Verġni Marija, tħalliniex waħedna meta t-tbatija taħkimna... idħol għalina.

Verġni Marija, sabbarna f’dan il-wied ta’ dmugħ ... idħol għalina.

Verġni Marija, urina lil Ibnek Ġesu, il-frott tal-ġuf tiegħek... idħol għalina.

 

 

Missierna...

Sliem għalik Marija (x 10)

Glorja...

 

Innu

 

Nagħlqu din il-mixja bit-talba li biha bdejna din is-siegħa ta’ talb. Huwa l-kliem tal-Papa Benedittu lill-Verġni Marija meta sena ilu żar lil dawk milquta minn terremot qawwi ġewwa l-Italja:

 

O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,

int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna

bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,

qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,

inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu

li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,

dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex,

lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;

agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,

anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.

O Marija Santissima,

Sidtna tas-Salib, itlob għalina.

 

Inkantaw flimkien is-Salve Regina.

 

dhs/18.3.2010

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta