L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-komunità tal-bnedmin

 

 

Ittra ta’ Papa Franġisku
lill-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja

fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif  tagħha

 

(11 ta’ Frar 1994 - 11 ta’ Frar 2019)

 

Humana communitas
[
Il-komunità tal-bnedmin]

 

 

Il-komunità tal-bnedmin kienet il-ħolma t’Alla sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja (ara Ef 1, 3-14). Kien fil-komunità tal-bnedmin  li l-Iben etern, imnissel minn Alla, ħa l-ġisem u d-demm, il-qalb u l-emozzjonijiet. Il-familja kbira tal-bnedmin tista’ tiskopri mill-ġdid lilha nnifisha fil-misteru tat-tnissil. Huwa fil-familja li l-bnedmin jiksbu l-ħila li jgħixu bħal aħwa, u dan jista’ jitqies bħala teżor moħbi li għandu sehem x’jagħti jekk wieħed jaħseb f’tiġdid  fis-sistemazzjoni komunitarja tal-politika soċjali u d-drittijiet tal-bniedem, li llum tant jinħass bżonnu. Għalhekk jeħtieġ nikbru fl-għarfien dwar l-oriġni komuni tagħna  fl-imħabba t’Alla u fl-att tal-ħolqien. Il-fidi nisranija tistqarr it-tnissil tal-Iben bħala misteru ineffabbli tal-għaqda eterna  bejn “tagħti l-ħajja” u “tħobb” li tinsab fl-intimità ta’ Alla Wieħed fi Tliet Persuni. Jekk mill-ġdid nagħtu l-aħbar ta’ din ir-rivelazzjoni li ġiet ittraskurata jkun jista’ jinfetaħ kapitlu ġdid fl-istorja tal-bnedmin u tal-kultura umana, li llum qed tokrob - bħal min “jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (ara Rum 8,22) – għal twelid ġdid fl-Ispirtu. It-tenerezza t’Alla u r-rieda tiegħu li jifdi lil kull min iħossu mitluf, abbandunat, skartat u kkundannat bla ħniena tidher fl-Iben waħdieni tiegħu. Il-misteru tal-Iben etern, li sar wieħed minna, jissiġilla darba għal dejjem din l-imħabba kbira t’Alla. Il-misteru tas-Salib tiegħu – “għalina u għall-fidwa tagħna” -  u tal-Qawmien tiegħu  - bħala “il-kbir fost ħafna aħwa” - jgħidilna safejn tasal din l-imħabba t’Alla li trid tifdi lill-bniedem u twasslu għall-milja tiegħu.

Hemm bżonn li mill-ġdid nerġgħu nuruha din l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bniedem u għad-dinja tiegħu. Alla għamel il-bniedem fuq “xbihietu” –“raġel u mara” ħalaqhom (ara Ġen 1,27) – bħala kreatura spiritwali, li kapaċi tħoss, li hi konxja u ħielsa.  Ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara hi l-lok eminenti fejn il-ħolqien kollu jitkellem ma’ Alla u jsir xhieda ta’ mħabbtu. Id-dinja hi l-post fejn aħna nibdew il-ħajja, hi l-post u ż-żmien fejn sa minn issa stess nibdew niggustaw l-għamara tas-sema, id-destinazzjoni tagħna (ara 2 Kor 5,1), fejn għad ngħixu l-milja tal-komunjoni ma’ Alla u ma’ kulħadd. Il-familja tal-bnedmin hi komunità li għandha oriġni u destinazzjoni komuni, li ħajjitha “hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3, 1-4). Fi żmienna, il-Knisja hi msejħa biex għal darb’oħra tipproponi b’qawwa umaniżmu  li jfawwar minn din l-imħabba kbira t’Alla għall-bniedem. L-impenn biex nifhmu, nippromwovu u niddefendu l-ħajja ta’ kull bniedem jieħu l-forza  minn din l-imħabba t’Alla li ma taf b’ebda kundizzjoni. Din hi l-imħabba sabiħa tal-Evanġelju li tattira  u ma tħalllix l-imħabba tal-proxxmu ssir waħda marbuta ma’ kriterji ta’ konvenjenza ekonomika u politika u lanqas ma’ “aċċenti duttrinali jew morali li joħorġu minn għażliet ideoloġiċi speċifiċi” (Eżort. ap. Evangelii gaudium, 39).

Storja ħierġa mill-qalb u  li tagħti l-frott

1.                 Kienet din l-imħabba li sa mill-bidu animat l-attività tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, meta 25 sena ilu San Ġwann Pawlu II waqqafha fuq suġġeriment tas-Serv t’Alla Jérôme Lejeune, li kien xjenzat kbir.  Dan ix-xjenzat kien konvint  li kellhom iseħħu bidliet kbar u mgħaġġla fil-qasam biomediku u ra b’mod ċar il-ħtieġa ta’ impenn aktar strutturat u organiku. Għalhekk l-Akkademja setgħet tiżviluppa inizjattivi ta’ studju, formazzjoni u informazzjoni biex “turi li xjenza u teknika, li jitqiegħdu  għas-servizz tal-persuna umana u għad-drittijiet fundamentali tagħha, jiswew għall-ġid sħiħ tal-bniedem u għat-twettiq tal-pjan divin tal-fidwa (ara Gaudium et spes, n.35)” (Ġwann Pawlu II, Motu proprio Vitae mysterium, 11 ta’ Frar 1994, n.3). L-Istatut il-ġdid tal-Akkademja (16 ta’ Ottubru 2016) wassal għall-inċentivi ġodda u jitlob li r-riflessjoni tal-Akkademja dwar argumenti li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-bniedem tkun dejjem aktar attenta għal dak li qed iseħħ fid-dinja tal-lum. Ir-ritmu dejjem aktar mgħaġġel tat-tiġdid  teknoloġiku u xjentifiku  u l-globalizzazzjoni qed ikomplu jżidu l-interazzjoni bejn il-kulturi, ir-reliġjonijiet u l-oqsma differenti ta’ studju u anki bejn il-ħafna dimensjonijiet tal-familja umana u d-dar komuni li tgħix fiha. “Għalhekk tinħass ħtieġa urġenti ta’ aktar studju u diskussjoni dwar l-effetti soċjali li dan l-iżvilupp teknoloġiku qed iġib miegħu biex wieħed ikun jista’ jagħti viżjoni antropoloġika ċara dwar din l-isfida epokali. Il-konsulenza kwalifikata tagħkom ma tistax tkun limitata u toffri biss soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li jinqalgħu minħabba sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kunflitt etiku, soċjali jew ġuridiku.  L-ispirazzjoni għall-imġiba li tixraq lid-dinjità tal-persuna umana tinvolvi wkoll it-teorija u l-prattika tax-xjenza u tat-teknika fl-impostazzjoni sħiħa tagħhom f’rabta mal-ħajja, mas-sens u l-valur tagħha” (Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, 5 ta’ Ottubru 2017).

Id-degradazzjoni tad-dimensjoni umana u l-paradoss tal-“progress”

2.                 F’dan il-waqt tal-istorja, il-ħerqa għal dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem, mal-familja kollha tal-bnedmin qed tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet serji. Il-ferħ li jiġi mir-rabtiet  fil-familja u mill-għajxien flimkien fis-soċjetà jidher li qed jonqos sew. L-isfiduċja reċiproka bejn individwi u popli qed tissaqqa’ mit-tiftix diżordinat għall-interess personali u  minn kompetizzjoni kbira li tista’ twassal ukoll għall-vjolenza. Il-kilba għall-ġid personali qed tegħleb sew il-ħerqa għall-hena u l-ġid tal-familja tal-bnedmin, tant li tasal biex taħseb li tassew teżisti xiżma bejn l-individwu  u l-komunità umana. Fl-Enċiklika Laudato si’  tkellimt dwar l-istat ta’ emerġenza li fih tinsab ir-relazzjoni tagħna mal-istorja tad-dinja u tal-ġnus. Din is-sitwazzjoni allarmanti hi r-riżultat  ta’ nuqqas ta’ attenzjoni lejn il-kwistjoni globali u deċiżiva tal-għaqda tal-familja umana u l-ġejjieni tagħha. It-tgħawwir ta’ din is-sensittività, li ġej mill-forzi dinjija tal-firda u tal-gwerra, qiegħed jikber kullimkien b’ħeffa li hi  aqwa minn dik li biha qed nipproduċu affarijiet li huma ta’ ġid. Qed nitkellmu tabilħaqq dwar kultura – anzi jkun aħjar jekk ngħidu anti-kultura – ta’ indifferenza lejn il-komunità: ostililità lejn l-irġiel u n-nisa u alleanza mal-prepotanza tal-flus.

3. Din l-emerġenza tirrevela paradoss: kif jista’ jkun li propju f’dan il-waqt tal-istorja meta r-riżorsi ekonomiċi u tekonoloġiċi huma biżżejjed biex nieħdu ħsieb id-dar komuni u l-familja tal-bnedmin, bħalma Alla stess jitlob minna, propju minn dawn l-istess riżorsi qed joħorġu l-firdiet l-aktar aggressivi ta’ bejnietna u l-agħar inkubi tagħna? In-nies iħossu u jweġġgħu, u spiss jitħawdu b’dan l-avveliment spiritwali – jew nistgħu ngħidu nikiliżmu – li joħnoq l-istess ħajja b’dinja u b’soċjetà maħkuma minn dan il-paradoss. Hemm it-tendenza li wieħed jipprova jraqqad dan is-sens ta’ dwejjaq billi jfittex b’għajnejn magħluqa l-pjaċir materjali li jġib miegħu ħajja li ma tissodisfax ix-xewqat spiritwali tiegħu. Hemm bżonn nindunaw li l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna spiss huma demoralizzati u diżorjentati, li huma bla viżjoni.  Xi ftit,  aħna lkoll magħluqa fina nfusna. Is-sistema finanzjarja u l-ideoloġija tal-konsum jirregolaw il-ħtiġijiet tagħna u jimmanipulaw il-ħolm tagħna, bla ma jagħtu każ tas-sbuħija tal-ħajja li naqsmu mal-oħrajn u tas-sostenibbiltà tad-dar komuni tagħna.

Smigħ responsabbli

4.                 Filwaqt li jisma’ l-karba ta’ min qed ibati, il-poplu nisrani jeħtieġ li jirriaġixxi kontra dak kollu li hu negattiv u jġib miegħu firda, indifferenza u ostilità. Dan irid jagħmlu mhux  għalih biss, imma għal kulħadd. U jrid jagħmlu malajr kemm jista’ jkun qabel ma jkun tard wisq. Il-familja ekkleżjali tad-dixxipli – u ta’ dawk kollha li jfittxu t-tama f’din il-familja (ara 1Pt 3,15) – ġiet imwaqqfa  bħala “sagrament, sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin” (Lumen gentium, 1). Fit-tħabbira tagħna trid tiddomina dik il-ħeġġa meħtieġa biex kull kreatura t’Alla tikseb mill-ġdid it-tama hienja lejn id-destinazzjoni tagħha.  Hemm bżonn kbir li l-anzjani jemmnu aktar fil-“ħolm” sabiħ tagħhom, li ż-żgħażagħ ikollhom “viżjonijiet” li jimbuttawhom biex jimpenjaw ruħhom b’kuraġġ fl-istorja (ara Gl 3,1). Fuq livell kulturali, l-objettiv li rridu nimmiraw għalih hu prospettiva etika universali li tkun attenta għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħolqien u mal-ħajja umana. Ma nistgħux nibqgħu mexjin fit-triq żbaljata li qbadna f’dawn l-aħħar għexirien ta’ snin meta ħallejna jinbena umaniżmu li jkun ikkunsidrat bħal kull ideoloġija oħra tar-rieda tal-poter. Irridu nirreżistuhom dawn l-ideoloġiji li jipprofittaw ruħhom mill-appoġġ tas-suq u tat-teknika, u nagħżlu l-umaniżmu. Il-ħajja umana hi ġid assolut, li jixraqlu min jiddefendih etikament, li hu prezzjuż għall-ħolqien kollu. Ikun tassew ta’ skandlu jekk l-umaniżmu jikkontradixxi lilu nnifsu minflok ma jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-att tal-imħabba t’Alla. Il-Knisja għandha tkun l-ewwel waħda li tiskopri mill-ġdid il-ġmiel ta’ din l-ispirazzjoni u tagħmel il-parti tagħha b’entużjażmu ġdid.

 

Ħidma diffiċli għall-Knisja

5.                 Nafu li anki fi ħdan il-Knisja niltaqgħu ma’ diffikultajiet meta ninfetlħu għal dan ix-xefaq umanistiku. Għalhekk l-ewwel ħaġa li rridu nistaqsu lilna nfusna b’sinċerità hi: il-komunitajiet ekkleżjali għandhom viżjoni  u qed jkunu ta’ xhieda f’din l-emerġenza li qed ngħixu fiha llum? Qed ikunu tassew iffukati fuq il-ħeġġa u l-ferħ li jiġu mill-imħabba li Alla għandu għal uliedu li jgħammru fuq din l-art? Jew inkella għadhom wisq iffukati fuq il-problemi tagħhom u fuq kif ser joħorġu minnhom skont il-loġika tal-kompromess li toffri d-dinja? Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna bis-serjetà jekk bħala nsara  għamilniex biżżejjed biex noffru s-sehem speċifiku tagħna ħalli l-umanità tidher li għandha l-ħila ssostni l-għaqda tal-familja tal-ġnus fil-kundizzjonijiet politiċi u kulturali tal-lum. Jew jekk tlifniex minn taħt għajnejna ċ-ċentralità billi poġġejna l-ambizzjoni spiritwali tagħna fit-tmexxija tal-belt sekulari, magħluqa fiha nnifisha u fil-ġid tagħha, minflok ma fittixna li nieħdu ħsieb il-komunità lokali li trid tkun miftuħa biex tilqa’ l-fqir u lil min tilef kull tama, skont kif jitlob l-Evanġelju.

Nibnu fraternità universali

6. Wasal iż-żmien li nerġgħu nillanċjaw viżjoni ġdida għal umaniżmu fratern u solidali  mal-individwi u l-ġnus. Nafu li l-fidi u l-imħabba biex inwettqu din l-alleanza jieħdu l-qawwa mill-misteru tal-fidwa fi Kristu, misteru li kien moħbi f’Alla sa minn qabel il-ħolqien (ara Efes 1,7-10; 3,9-11; Kol 1,13-14). Nafu wkoll li l-kuxjenza u s-sentimenti tal-bniedem mhumiex magħluqa u lanqas insensittivi għaż-żerriegħa tal-fidi u għall-opri ta’ din il-fraternità universali li jinbtu mill-Evanġelju tas-Saltna t’Alla. Hemm bżonn li din il-fraternità terġa’ tieħu  postha fuq quddiem. Għax li tkun imġiegħel tgħix ħajja flimkien mal-oħrajn mhux l-istess bħal meta tapprezza r-rikkezza u s-sbuħija ta’ ħajja komuni, li tfittixha u tikkura.  Meta tirrassenja ruħek u tħares lejn il-ħajja bħala ġlieda kontinwa kontra l-għadu  hu għal kollox differenti minn meta tħares lejn il-ħajja tal-familja tal-bnedmin bħala sinjal tal-vitalità ta’ Alla l-Missier u wegħda ta’ destin komuni mifdi mill-imħabba infinita, li sa minn issa stess issostni l-eżistenza tagħha.

7. Fl-ewwel Enċiklika tiegħu (Redemptor hominis, 1979), il-Qaddis Ġwann Pawlu II kien qal b’mod solenni li t-toroq kollha tal-Knisja jwasslu għall-bniedem. Qablu kien hemm il-Qaddis Pawlu VI li fl-Enċiklika programmatika tiegħu u skont dak li għallem il-Konċilju wkoll  kien fakkarna li l-Knisja familja testendi ruħha bħal fi ċrieki li jitwessgħu biex tasal għand kull bniedem, anki għand  min iħossu barrani għall-fidi u għall-qima lejn Alla (ara Enċ. Ecclesiam suam, 1964). Il-Knisja tilqa’ u tikkustodixxi s-sinjali ta’ barka u ħniena li Alla joffri lil kull bniedem li jiġi fid-dinja.

Nagħrfu s-sinjali ta’ tama

8. F’din il-missjoni nsibu s-sinjali ta’ kif Alla qed jaħdem fiż-żmenijiet tal-lum, u dawn jagħmlulna kuraġġ. Hemm bżonn nagħrfu dawn is-sinjali u ma nħallux ix-xefaq jiddallam mill-aspetti negattivi. F’dan ir-rigward, San Ġwann Pawlu II kien semma’ l-ħidma li qed issir biex nilqgħu l-ħajja umana u niddefenduha, l-oppożizzjoni li qiegħda dejjem tikber kontra l-gwerra u l-piena tal-mewt u l-interess li qed jikber fil-kwalità tal-ħajja u l-ekoloġija. Fost sinjali oħra ta’ tama semma’ wkoll l-iżvilupp fil-bioetika, bħala “riflessjoni u djalogu – bejn min jemmen u min ma jemminx, kif ukoll bejn dawk kollha li jemmnu iżda huma  ta’ reliġjonijiet differenti – dwar problemi etiċi, u fundamentali ukoll, li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-bniedem” (Enċ. Evangelium vitae, 25 marzo 1995, 27). Matul dawn il-25 sena, il-komunità xjentifika tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja wriet li hi kapaċi tidħol f’dan id-djalogu u toffri l-kontribut siewi u kwalifikat tagħha. Xhieda ta’ dan hu l-impenn kostanti  biex tħares u tippromwovi l-ħajja umana f’kull fażi tal-iżvilupp tagħha, il-kundanna kontra l-abort u l-ewtanasja, ħsara gravi li tikkontradixxi  l-Ispirtu tal-ħajja u tgħaddasna fl-anti-kultura tal-mewt. Żgur li dawn l-isforzi jridu jkomplu, u jeħtieġ li jkollna għajnjejna miftuħa għal argumenti u sfidi oħra li jistgħu joffrulna opportunità biex nikbru fil-fidi, nifhmu aktar il-bniedem tal-lum u nsibu l-mezzi biex nikkomunikaw miegħu b’mod aktar effettiv.  

Il-ġejjieni tal-Akkademja

9. Hemm bżonn li qabel kollox inkunu midħla tal-lingwaġġ u tal-istejjer tal-bniedem tal-lum biex inlaħħmu t-tħabbira tal-Evanġelju fl-esperjenza konkreta tal-ħajja, kif jitlob minna l-Konċilju Vatikan II. Jekk irridu napprezzaw it-tifsira tal-ħajja umana, ikun ta’ siwi  li nibdew mill-esperjenza tal-prokreazzjoni. Hekk nevitaw li nirriduċu l-ħajja għal kunċett li hu biss bioloġiku jew għal xi ħaġa astratta universali mifruda mir-relazzjonijiet u mill-istorja.  Ir-realtà primordjali tal-“ġisem” tagħna  tiġi qabel kull għarfien u riflessjoni oħra, tagħmel dan possibbli u ma tħallienx naħsbu li aħna l-għajn li minnha toħroġ l-istess eżistenza tagħna. Aħna nistgħu nsiru konxji li qed ngħixu wara li nkunu rċevejna d-don tal-ħajja;  qabel  ma jkun hemm ebda intenzjoni u deċiżjoni tagħna. Neċessarjament il-ħajja tfisser li aħna wlied, li aħna milqugħa u jieħdu ħsiebna, ukoll jekk xi drabi b’mod inadegwat. “Għalhekk tidher ħaġa raġunata li jkun hemm rabta bejn il-kura li nirċievu fil-bidu tal-ħajja u li twassalna biex nikbru u niżviluppaw, u dik il-kura li b’responsabbiltà rridu nagħtu lill-oħrajn. (....) Din ir-rabta prezzjuża tippreserva dinjità umana u teologali li tibqa’ wkoll meta tonqos is-saħħa, meta wieħed jitlef ir-rwol soċjali tiegħu jew il-kontroll fuq ġismu” (Ittra tal-Kardinal, Segretarju tal-Istat f’Laqgħa dwar il-kura palljattiva, 28 ta’ Frar 2018).  

 

10. Nafu tajjeb li llum hemm min qed jgħaddi minn fuq l-għatba tar-rispett fundamentali lejn il-ħajja umana b’mod brutali, mhux biss b’imġiba individwali imma wkoll bl-effetti ta’ għażliet u sistemazzjonijiet strutturali. L-istrateġiji tal-profitt u r-ritmu tal-iżvilupp teknoloġiku qed joffru possibiltajiet li qatt ma konna smajna bihom qabel u li permezz tagħhom qed jikkondizzjonaw ir-riċerka biomedika, l-orjentament edukattiv, l-għażla tal-ħtiġijiet, il-kwalità tar-relazzjonijiet interpersonali. Żgur li nkunu nistgħu nindirizzaw  l-iżvilupp ekonomiku u l-progress xjentifiku lejn il-patt bejn raġel u mara, lejn il-ħarsien komuni tal-umanità u lejn id-dinjità tal-persuna umana jekk ikollna mħabba għall-ħolqien, li l-fidi tgħinna  napprofondixxu  u tagħtina dawl fuqha. Il-prospettiva ta’ bioetika globali, bil-viżjoni wiesgħa tagħha u b’attenzjoni għall-impatt li l-ambjent għandu fuq il-ħajja u s-saħħa, toffri opportunità siewja biex wieħed japprofondixxi l-patt ġdid bejn l-Evanġelju u l-ħolqien.

11. Il-ħajja komuni li tgħix il-familja tal-bnedmin timponi attenzjoni globali għall-mistoqsijiet li qed joħorġu mid-djalogu bejn id-diversi kulturi u soċjetajiet, li llum qed ikunu dejjem aktar f’kuntatt mill-qrib. Jalla l-Akkademja għall-Ħajja tkun il-post fejn b’kuraġġ isir dan il-konfront u djalogu bħala servizz għall-ġid ta’ kulħadd. Tibżgħux telaboraw argumenti u diskors li jservu bħala bażi għal djalogu interkulturali u interreliġjuż, kif ukoll interdixxiplinari. Ħudu sehem fid-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma ċentrali fit-tiftix ta’ kriterji aċċettati b’mod universali. Fid-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem jidħol l-għarfien u l-eżerċizzju  ta’ ġustizzja li fiha jidher ir-rwol essenzjali tar-responsabbilità, għax id-drittijiet huma strettament marbuta mad-dmirijiet li jġibu magħhom, ibda mis-solidarjetà ma’ min hu l-aktar ferut u qed ibati.  Papa Benedittu XVI insista ħafna fuq l-importanza “li ssir sejħa għal riflessjoni mġedda fuq kif id-drittijiet jippresupponu d-dmirijiet li mingħajrhom isiru abbuż. Illum qegħdin naraw inkonsistenza kbira. Fuq naħa, qed isiru appelli għal jeddijiet allegati, arbitrarji u mhux essenzjali, imseħbin mat-talba li jkunu magħrufin u promossi minn strutturi pubbliċi; fuq in-naħa l-oħra jeddijiet elementari u bażiċi qed jibqgħu mhux magħrufin u jinkisru f’parti kbira tad-dinja”. Fost dawn il-Papa emeritus jsemmi “in-nuqqas ta’ ikel, ilma tajjeb għax-xorb, struzzjoni bażika  u kura tas-saħħa elementari” (Enċ. Caritas in veritate, 43).

12. Qasam ieħor li hemm bżonn tiżviluppa riflessjoni fuqu hu dak tat-teknoloġiji ġodda li llum qed ikunu definiti bħala “emerġenti u konverġenti”. Dawn jinkludu it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, il-bioteknoloġija, in-nanoteknoloġija u r-robotics. Il-fiżika, il-ġenetika  u n-newroxjenza taw riżultati li permezz tagħhom kif ukoll permezz ta’ kumpjuters  dejjem aktar sofistikati, illum jistgħu jsiru interventi profondi fuq organiżmi ħajjin. Anki l-ġisem tal-bniedem jista’ jkun is-suġġett f’interventi ta’ din ix-xorta li mhux biss jistgħu  jimmodifikaw il-funzjonijiet u l-kapaċitajiet tiegħu, imma wkoll il-mod ta’ kif jirrelata fuq pjan personali u soċjali, filwaqt li jesponuh dejjem aktar għal-loġika tas-suq.   Għalhekk, qabel kollox jeħtieġ nifhmu l-bidliet epokali li qed jitħabbru f’dawn l-oqsma biex niddeterminaw kif jistgħu jkunu orjentati għas-servizz tal-bniedem, filwaqt li nirrispettaw u nippromwovu d-dinjità intrinsika tiegħu. Din hi biċċa xogħol li tesiġi ħafna meta tqis l-kumplessità u l-inċertezza li jġib miegħu dan  l-iżvilupp, u li għalhekk jitlob dixxerniment b’attenzjoni akbar minn tas-soltu.  Nistgħu niddefinixxu dan id-dixxerniment  bħala “ħidma sinċiera tal-kuxjenza, fl-impenn personali li nagħrfu l-ġid possibbli  u fuqu niddeċidu b’responsabbiltà fit-tħaddim korrett tar-raġuni prattika” (Sinodu tal-Isqfijiet dedikat għaż-żgħażagħ, Dokument Finali, 27/10/2018, n109). Dan hu proċess ta’ riċerka u ta’ evalwazzjoni li jitlob it-tħaddim tal-kuxjenza morali; u min jemmen iwettqu fid-dawl tar-rabta tiegħu mal-Mulej  Ġesù għax ikun jixtieq li jfassal l-azzjonijiet u l-għażliet tiegħu fuq dawk ta’ Ġesu’ (ara Fil 2,5).    

13. Il-mediċina u l-ekonomija, it-teknoloġija u l-politika li jiżviluppaw fil-qalba tal-belt moderna tal-bniedem, għandhom jibqgħu esposti fuq kollox għall-ġudizzju li jsir mill-periferiji tad-dinja. Tabilħaqq, hemm riskju li ħafna mir-riżorsi, anki dawk straordinarji li r-riċerka xjentifika u teknoloġika tpoġġi  għad-dispożizzjoni tal-kreatura umana, joskuraw l-hena tal- kondiviżjoni fraterna u s-sbuħija tal-ħidma  komuni, li mis-servizz tagħha toħroġ il-vera tifsira tagħha. Jeħtieġ nagħrfu li l-fraternità hi wegħda li l-modernità ma żammitx. L-ispirtu  universali tal-fraternità li jikber mill-fiduċja reċiproka – fis-soċjeta ċivili moderna u bejn il-popli u n-nazzjonijiet – jidher li ddgħajjef. It-tisħiħ tal-fraternità, iġġenerat fost il-bnedmin b’qima lil Alla fl-ispirtu u fil-verità, hu l-fruntiera ġdida tal-Kristjaneżmu. Kull dettal fil-ħajja tal-ġisem u tar-ruħ, li fih tiddi fina l-imħabba u l-fidwa ta’ ħolqien ġdid, iwassalna biex nistagħġbu għax fih naraw miraklu ta’ qawmien li ġa qed iseħħ (ara Col 3,1-2). Jalla l-Mulej jgħinna inkattruhom dawn il-mirakli! Jalla x-xhieda ta’ San Franġisk t’Assisi, li kien kapaċi jħares lejn il-kreaturi kollha tas-sema u tal-art bħala ħutu, tispirana f’din l-attwalità dejjiema.  Jalla l-Mulej iħejjikom għal din il-fażi ġdida tal-missjoni tagħkom b’lampi mimlija biż-żejt tal-Ispirtu, biex idawlu t-triq u jiggwidaw il-passi tagħkom. Ir-riġlejn ta’ min ixandar il-ferħ tal-imħabba t’Alla fil-ħajja ta’ kull wieħed u ta’ dawk kollha li jgħammru fid-dinja huma sbieħ. (ara Is 52,7; Rum 10,15).

 

Mill-Vatikan, 6 ta’ Jannar 2019

FRANĠISKU

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.