Imwieled l-Għarb, Għawdex, fid-9
ta’ Frar 1911, minn familja ta’
bdiewa, Nazzarenu Gauci ssieħeb
fl-Ordni Agostinjan ta’
tmintax-il sena fil-kunvent ta’
Santu Wistin fir-Rabat ta’
Għawdex. Fis-16 ta’ Marzu 1930,
fis-sagristija tal-knisja ta’
San Mark fir-Rabat ta’ Malta,
irċieva l-abitu Agostinjan u l-isem
reliġjuż ta’ Fra Grazzja.
Ftit xhur fuq il-professjoni
sempliċi fl-24 ta’ Jannar 1934,
ingħata l-ubbidjenza biex iservi
l-komunità tal-Bażilika ta’
Santu Wistin ta’ Bona (illum
Annaba), fl-Alġerija, fejn għal
tnejn u erbgħin sena, qeda
d-doveri ta’ sagristan, kok,
purtinar u ħidmiet oħra
fil-kwalità tiegħu ta’ kunvers.
Kien propju f’din il-bażilika li
għamel il-professjoni solenni
tiegħu fil-15 ta’ Awwissu 1937.
Dejjem bit-tbissima lesta fuq
fommu, Fra Grazzja għaddha ħajtu
fil-qadi u s-servizz lejn l-oħrajn,
fil-ħabi u s-silenzju. Lura
fil-kunvent ta’ Santu Wistin
fir-Rabat ta’ Għawdex fl-1977,
iddaħħal fid-Dar tal-Kleru fi
Fleur-de-Lys fl-1995, fejn miet
għaxar snin wara, fit-8 ta’ Frar
2005, lejliet li kellu jagħlaq
l-94 sena tiegħu.
“Qaddej fidil” tal-Vanġelu, dan
ir-reliġjuż għażiż qiegħed jiġi
ppreżentat bħala eżempju mhux
biss għar-reliġjużi, iżda għal
dawk kollha li jirrikorru lejh,
sabiex barra milli jseħħlu jkun
dejjem aktar magħruf u maħbub,
nimitawh sabiex inwettqu kliem
l-Iskrittura Mqaddsa: “Int
għandek tagħtih, u la ssewwidx
qalbek meta tagħtih, għaliex
minħabba f'dan ibierkek il-Mulej,
Alla tiegħek, f’kulma tmidd idek
għalih” [Dt:15:10].
|
Serata f'ġieħ Fra
Grazzja Gauci OSA
bi tħejjija
għall-ftuħ tal-proċess
għall-beatifikazzjoni tiegħu
Diskors minn Eman Bonnici
8 ta' Frar 2017
Eċċellenza Reverendissima,
Ministru Provinċjal u membri
tal-Provinċja Agostinjana
Maltija,
Reverendi Arċiprieti, Kappillani
u membri tal-kleru,
Membri tal-Ġudikatura,
Qraba ta’ Fra Grazzja, ħbieb u
intom ilkoll għeżież hawn
miġbura llum
F’artiklu li ġejt mittub nikteb
għar-rivista interna
tal-Provinċja Agostinjana
Maltija, “Ħolqa Bejnietna”,
għadd ta’ patrijiet ikkumentawli
li għoġobhom dak li ktibt fir-rigward
tad-deċiżjoni tal-Ministru
Provinċjal li tkun ippreżentata
mhux biss għall-membri
tal-Provinċja imma għalina lkoll,
figura ta’ sempliċi ajk minn
fost it-tant membri li matul is-snin
seħħilhom iħaddnu l-Ordni
Agostinjan fi ħdan il-Provinċja
Maltija ta’ San Mark u
jedifikawh. F’dan ir-rigward
infatti jiena niżżilt: “għaliex...propju
dan id-daqsxejn ta’ ajk qiegħed
jiġi ppreżentat bħala mudell
għall-Agostinjani sħabu u
għalina lkoll b’mod ġenerali?
Insew forsi l-Patrijiet, kemm
għorrief, skulari, kittieba,
poeti, akkademiċi, professuri
benemeriti, oraturi, kappillani,
mexxejja għaqlin u artisti
tgħodd il-Provinċja fost
il-membri tagħha? Le, bla ebda
dubju li hija ma nsiethomx. Imma
ġaladarba ‘ħenjin huma l-fqar
fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna
tas-smewwiet’ [Mt:5:3], allura
quddiem il-grammatika Latina u
Taljana, il-proża u l-versi,
il-paniġierki u l-proġetti ta’
restawr u bini, id-dommatika u
l-morali, il-gradwazzjonijiet u
t-titli akkademiċi, l-umiltà,
is-sempliċità, it-tjubija, is-silenzju,
il-ġabra u fuq kollox it-talb,
huma virtujiet li jirbħu fuq
kollox u għandhom jiġu fil-ħajja
tar-reliġjuż, l-ewwel u qabel
kollox.”
Il-Beatu Eġidju minn Assisi, it-tielet
sieħeb ta’ San Franġisk, ħalla
bosta kitbiet, li fosthom salvaw
dawk li llum insejjħu bħala “Il-Qwiel”:
ġabra ta’ kitbiet spiritwali
mimlija għerf qaddis. F’silta
minnhom naqraw: “Ħafna nies
jidħlu fil-ħajja reliġjuża, imma
mbagħad ma jgħixux skont
il-virtujiet tagħha...Għix fir-reliġjon
kif għandek tgħix u ibqa’ għix
fiha sal-aħħar bid-devozzjoni -
din hi tabilħaqq ħaġa kbira. Hu
wisq aħjar li ngħix fid-dinja
jien u nitniehed b’xenqa qaddisa
għad-dħul fil-ħajja reliġjuża,
milli nidħol fiha u nibqa’
b’moħħi mxerred u ngħix imdejjaq”.
Din ix-xenqa għall-qdusija li
dwarha tkellem il-Beatu Eġidju,
tirrifletti kliem l-Appostlu San
Pawl, li fl-Ittra tiegħu
lill-Efesin kiteb: “Hu għażilna
fih, sa minn qabel il-ħolqien
tad-dinja, biex inkunu qaddisa u
bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”
[Efes:1:4] u f’dik lir-Rumani:
“Għax lil dawk li hu għarafhom
mill-bidu, ippredestinahom ukoll
biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha
ta' Ibnu” [Rum:8:29]. Santu
Wistin fl-“Istqarrijiet” tiegħu,
dwar it-twaħħid ta’ ħajjet
il-bniedem m’Alla iżid: “ħajti
tkun tassew ħajja [jekk] mimlija
bik”.
U propju ħajjet raġel - sempliċi
fl-aspett u fl-għemil - iżda
mimlija b’din il-ħeġġa ħajja ta’
mħabba lejn Alla u l-ħajja
reliġjuża li fittex li jħaddan,
qegħdin miġburin hawnhekk biex
infakkru llejla. Ħajja ta’
bniedem li ma spikkatx
bil-kliem, għax damma
fis-silenzju; ħajjet raġel li ma
telax kattedri, għax bilkemm
kien jaf jikteb; ħajjet sempliċi
ajk, li dejjem u f’kollox,
fittex il-paċi tal-qalb
fil-ħeġġa tax-xogħol tal-id,
minn jum għal jum, bi tbissima
dejjem lesta għal kull kmand u
għemil ippreżentat lilu.
Ismu ma nsibuhx imniżżel fost
l-għorrief, lanqas fost dawk
tal-mexxejja kbar li seħħlu
jkollha l-Provinċja matul
is-snin; lanqas ma huwa magħruf
minn kulħadd fost il-poplu, bħal
San Ġorġ Preca jew Dun Alfred
Gatt; għall-istess patrijiet
ħafna drabi ma kienx ħlief
“sempliċi ajk”, imma din
is-sempliċità kienet biżżejjed
biex wieħed fost sħabu, P.
Martinjan Cutajar, jistqarr
pubblikament iżjed minn darba,
li: “Fra Grazzja hu eżempju ħaj
u kontinwu għall-istess komunità
tagħna”.
X’kellu allura daqstant
sorprendenti, dan il-bniedem,
bin il-bdiewa, li għaddha ħajtu
magħluq bejn l-erba’ ħitan
tal-kunventi li fihom seħħlu
jgħammar, jekk skola ma kienx
jaf, kitbiet ma ħalliex,
proġetti ma wettaqx u f’ħajtu
m’għamel l-ebda ħoss? Kellu, kif
xehdet Swor Rose Zammit
tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu,
“l-għerf t’Alla” u dan jixduh
flimkien magħha dawk kollha li
darba jew oħra seħħilhom jersqu
viċin il-Fra tat-tbissima u
jkellmuh.
Imwieled fir-raħal tal-Għarb
f’din id-daqsxejn ta’ gżira,
raħal li minnu ħarġu tant figuri
prominenti fil-kunċett reliġjuż,
bħal Karmni Grima u Franġisku
Portelli, Franġisk Saverju
Mercieca, magħruf appuntu bħala
‘Frenċ tal-Għarb’ u Mons. Nikol
Cauchi, Nazzareno Gauci, kien
l-iżgħar wild fost fost tmint
itfal, li minnhom l-età adulta
laħquha biss erba’. Salvu,
il-missier, mill-familja “Ta’
Picioru” twieled f’żona li llum
tagħmel mal-parroċċa ta’ San
Lawrenz, waqt li l-omm, Pawla,
mill-familja “Tar-Ramri”, kienet
mill-Għarb. Kellu zijuh, ħu
missieru, saċerdot, Dun Lawrenz
Gauci, li ordnat għall-parroċċa
ta’ San Lawrenz mill-Isqof
Agostinjan Giovanni Maria
Camilleri, serva dejjem f’dan
ir-raħal taħt il-kappillani Dun
Salv Portelli, Dun Ċelestin
Galea, Dun Ġorġ Debrincat u Dun
Girgor Vella. Kien saċerdot ta’
minn dawk li dari konna nsejħu
“kampanjol”, forma ta’ saċerdoti
tal-kampanja li llum għebu u
spiċċaw u li fis-sempliċità
tal-formazzjoni tagħhom,
is-Sinjur Alla biss jaf kemm ġid
wettqu matul is-snin, f’tant
inħawi mbegħda u mwarrba ilu
issa s-snin.
Il-personaġġ tagħna, kien
l-uniku fost dawn it-tmien
ulied, li twieled l-Għarb,
propju fi Triq il-Knisja.
Il-ġenituri tiegħu iżżewġu f’San
Lawrenz, li sa dak it-tant kien
twaqqaf f’parroċċa għalih, u
hemm twieldu l-ewwel sebat itfal
tal-koppja. Żaren twieled fid-9
ta’ Frar 1911 u tgħammed
dakinhar stess bl-ismijiet ta’
Nazzarenu, Pawlu u Franġisk,
fil-Matriċi tal-Għarb
mill-Kanonku Dun Ġużepp Grech,
imlaqqam “In-Neputi”. Trabba
fil-faqar u hu stess kien
jirrakkonta li ta’ tifel kien
imur il-knisja tar-raħal kmieni
filgħodu bil-qorq fuq spalltu u
jxiddu f’riġlejh qabel ma jidħol
għall-quddiesa sabiex ma
jkagħbrux. Għal ħames snin,
iffrekwenta l-iskola primarja
tar-raħal u ta’ tmintax-il sena
ingħaqad fi ħdan l-Ordni ta’
Santu Wistin. Wettaq
in-novizzjat tiegħu fil-kunvent
ta’ San Mark fir-Rabat ta’
Malta, fejn irċieva l-abitu u
l-isem reliġjuż ta’ Fra Grazzja
għall-Beatu Fra Grazzja minn
Cattaro, Agostinjan, u propju
f’din il-knisja fejn ninsabu
miġburin, għamel il-professjoni
sempliċi tiegħu f’idejn
il-Pirjol P. Ġwann Battista
Zerafa fl-24 ta’ Jannar 1934.
Sadanittant, wara snin twal ta’
attentati, l-Agostinjani fetħu
l-ewwel kunvent tagħhom fl-Afrika,
preċiżament fl-Alġerija, pajjiż
Santu Wistin, u bl-affiljazzjoni
afdata f’idejn l-Provinċja
Maltija, l-ewwel membru tagħha
mibgħut fil-post kien P. Mikiel
Mizzi mix-Xagħra, wara li bħala
pirjol tqiegħed il-Belġjan, P.
Nicolas Merlin. Magħhom ingħaqdu
żewġ ajkijiet: Fra Filippu
Fenech mir-Rabat, Għawdex, u Fra
Nazzarenu Vella minn Ħaż-Żebbuġ.
Iżda peress li l-ewwel wieħed ma
damx ma rritorna lura minħabba
li l-klima tal-post ma qablet
miegħu xejn u t-tieni
eventwalment miet fil-post,
mibgħut biex jgħin lil dan
tal-aħħar fl-aħħar żmien tiegħu,
insibu lil Fra Grazzja Gauci,
dik il-ħabta żagħżugħ ta’ tlieta
u għoxrin sena. Hemm, f’dak
il-pajjiż sħun fl-art Afrikana
li nissel lil Santu Wistin, fil-belt
ta’ Bona, propju fejn il-qaddis
wettaq il-ħidmiet episkopali
tiegħu, fil-bażilika ddedikata
kif xieraq lil Missier l-Ordni,
Fra Grazzja kellu jqatta’ tnejn
u erbgħin sena minn ħajtu:
perjodu li matulu ħa ħsieb
b’tant dedikazzjoni mhux biss
tal-bażilika u ż-żewġ sagristiji
tagħha, imma wkoll tal-kunvent.
F’din il-bażilika, f’idejn P.
Merlin, ħa l-voti solenni tiegħu
nhar l-Assunta tal-1937.
F’dan it-tul ta’ snin, Fra
Grazzja serva taħt seba’ retturi
differenti: l-imsemmija P.
Merlin u P. Mizzi, P. Awrelju
Ciantar, P. Bonaventura
Chetcuti, P. Ġwann Xerri, P.
Ugolin Gatt u P. Luċjan Borg.
Il-qadi tiegħu, kien fil-parti
l-kbira, xogħol tal-id, ħidma li
dwarha hu stess stqarr darba ma’
P. Bonaventura, li miegħu
għaddha snin twal fl-Alġerija,
li: “dak li huma l-prietki u
l-kotba għalik, għalija huma
l-ixkupa, il-barmil, il-borom u
l-imgħażqa”.
Imma dak li qed iwassalna biex
nippreżentaw din il-ħajja
tiegħu, ma kinux biss il-bramel,
il-borom u l-imgħażaq. Huma fuq
kollox, il-ħeġġa,
id-dedikazzjoni, is-silenzju,
l-imħabba għall-kunvent u
l-ħajja reliġjuża, li dan il-Fra
bit-tbissima, għaraf jgħix
il-vokazzjoni tiegħu. Fejn
membri oħra tal-Provinċja kienu
mehdijin bl-istudji,
bil-kanonikati, bir-rużetti u
bit-tberfil, li xi drabi
xejjinhom milli jgħixu l-veru
ħajja reliġjuża tagħhom, il-Fra
għaraf jgħix din tal-aħħar b’mod
hekk edifikanti, li l-figura
silenzjuża tiegħu għamlet
fil-veru sens tal-kelma ħafna
aktar ħoss minn fost tant figuri
oħra, li wkoll jekk meqjusa
benemeriti u kif, il-ħoss li
dewa tiegħu, kien dak
tal-qdusija.
Fit-Tieni Ittra lill-Korintin,
l-Appostlu tal-Ġnus, niżżel:
“Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf
nirriflettu bħal f’mera l-glorja
tal-Mulej, qegħdin ninbidlu
fl-istess xbieha minn glorja
għal glorja skont ma jagħtina
l-Mulej, li hu Spirtu”
[2Kor:3:18]. Propju dan kien
jirrifletti fis-sempliċità
tiegħu minn ħidma għal oħra, Fra
Grazzja: wiċċ mikxuf u rifless
f’mera tal-glorja tas-Sinjur
Alla. “L-akbar personaġġi
tal-istorja”, kiteb il-filosofu
Franċiż, Henri Bergson, “mhumiex
il-konkwistaturi, imma
l-qaddisin”.
Qaddisin? Iva, qaddisin. U
hawnhekk nistaqsu, imma
x’jagħmel qaddis minn dan kollu
lil Fra Grazzja? Dan kollu għax
għaddha ħajtu jiknes u jsajjar?
Hawn tant nies li għaddew
ħajjithom fl-istess mod, jaħslu,
jsajjru, jikinsu u jarmaw
il-knisja. B’daqshekk, x’għamel
straordinarju aktar minn
ħaddieħor dan l-ajk?
Ir-risposta għal dan tiġina
permezz tal-Iskrittura Mqaddsa.
Ma kienx forsi Ġesù Kristu stess
li qal: “Jekk xi ħadd irid ikun
l-ewwel wieħed, għandu joqgħod
wara kulħadd u jkun qaddej ta’
kulħadd” [Mk:9:35]? U mhux
propju dan kien Fra Grazzja,
qaddej umli ta’ kulħadd? Ma qalx
San Pawl: “Tagħmlu xejn b'pika
ta' partit, anqas għall-ftaħir
fieragħ; imma kunu umli u kull
wieħed minnkom iqis lill-ieħor
aħjar minnu” [Fil:2:3]. U mhux
dan għamel il-Fra? U fil-ktieb
tal-Proverbji, ma nsibux
imniżżel: “Il-biża' tal-Mulej hu
tagħlim l-għerf; u biex tasal
għall-ġieħ, trid tiċċekken”
[Prov:15:33]. Ma ċċekkinx
biżżejjed il-Fra tagħna, meta
kien saħansitra umiljat
mill-istess sħabu li kien iservi
b’tant dedikazzjoni kuljum, li
għajjruh “injorant” u
litteralment “tawh bis-sieq”?
Intom u taqraw ħajjet il-Fra,
sejrin tiskopru figura wisq
aktar profonda milli bħalissa
qegħdin timmaġinaw. Jiena stess
għandi lanqas naf u lanqas ma
jirnexxieli nispjega l-fatt, kif
wasalt biex wettaqt din
il-kompożizzjoni tal-ħajja
tiegħu: bdejt mingħajr ma
niddejjaq naħbi fil-veru
tas-sens tal-kelma mix-xejn: ma
kellix ħlief daqsxejn ta’
nekroloġju miktub b’tifkira
tiegħu xi ġranet fuq mewtu minn
P. Bonaventura Chetcuti. Illum
wasalna, kif tistgħu taraw, għal
tant aktar paġni u għadni s’issa
ma nafx kif irnexxielna. Kienet
il-provvidenza li għenitna? Kien
il-Fra li mexxiena
fid-direzzjoni t-tajba, minkejja
li f’ħajtu dejjem fittex li
jaħrab il-glorji tad-dinja u
mqar l-iċken fost l-unuri? Iva,
u dan nasal nemmnu, għax kull
pass f’dan ir-rigward kien
misteru u sorpriża kontinwa. U
hawn nara kemm kienet għaqlija
l-idea tal-Provinċjal, li minn
fost il-membri kollha
tal-Provinċja, jintgħażel
daqsxejn ta’ ajk mhux magħruf u
minsi, biex ikun ta’ eżempju
għalina lkoll.
Biex naslu napprezzawh aktar,
wieħed irid jiftakar fl-imħabba
Marjana li l-Fra dejjem ġarr
f’qalbu, b’mod speċjali
għall-Madonna taħt it-titlu “Ta’
Pinu”, li taħt id-dell
tas-santwarju tagħha huwa trabba
u li lura f’Għawdex fl-aħħar
snin, kien iżurha kull nhar
t’Erbgħa; fis-salib u fit-tiġrib
tal-mard, li kiddu ħafna imma li
għaraf jilqgħu b’rassenjazzjoni
tassew kbira fis-snin twal li
fihom bata’; fid-dedikazzjoni u
r-reverenza tiegħu lejn
il-figura saċerdotali sal-aħħar
ġranet, li għalih kienet hekk
għażiża u matul is-snin assista
patrijiet, prelati u saċerdoti
mhux biss permezz tad-doveri
mistennija minnu bħala ajk, imma
wkoll f’tant ħwejjeġ oħra
fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum,
inkluż fl-aħħar deċennju li
għaddha fid-Dar tal-Kleru, fejn
minkejja li fiha daħal
għall-mistrieħ, din l-aħħar
kelma donnu ma kienx jaf xi
tfisser u sal-aħħar issokta
għaddej bis-servizz tiegħu lejn
l-oħrajn.
Xtaqt kieku nitkellem aktar
fil-fond dwar dawn l-aspetti,
imma l-ħin ma jippermettilniex,
iżda dawn huma ppreżentati
bl-aħjar mod possibbli fil-ħajja
tiegħu li sejrin inqassmulkom
dalwaqt.
Fra Grazzja ħa l-aħħar nifs
tiegħu lejliet li kellu jagħlaq
l-erbgħa u disgħin sena tiegħu
bħal-lum tnax-il sena: ‘il
bogħod mill-arja sħuna
tal-pajjiż li fih tant ħadem u
mill-kunventi li fihom għammar,
imdawwar iżda b’imħabba
mis-Sorijiet tad-Dar tal-Kleru.
Minkejja t-tiġrib tal-mard,
seħħlu jgħix ħajja twila, li
permezz tagħha, wassal
fis-silenzju tiegħu, il-Vanġelu
lill-oħrajn. Kif denjament
isejjaħlu l-Ministru Provinċjal,
P. Raymond Francalanza, Fra
Grazzja Gauci huwa fil-veru sens
tal-kelma “Qaddej Fidil
tal-Vanġelu”, iben dehen ta’
Santu Wistin u eżempju ħaj ta’
ħajja umli, sempliċi u
missjunarja. Bniedem li
fis-sempliċità tiegħu seħħlu
jibdel il-qadi ta’ kuljum
permezz tal-ixkupa, il-barmil,
il-borom u l-imgħażqa, fil-ferħ
tal-Vanġelu, u li permezz
tagħhom, flimkien mas-skiet u
l-eżempju, juri lill-oħrajn,
it-triq għal għand is-Sinjur,
triq li huwa stess dejjem fittex
li jagħżel l-ewwel u qabel
kollox.
Fil-ġranet li għaddew, wara li
l-Provinċja Karmelitana Maltija
nehdiet il-proċess
għall-beatifikazzjoni ta’ wieħed
minn uliedha, P. Avertan Fenech,
kien hemm diġà xi wħud li
kkummentaw u staqsew “minn fejn
qegħda taqla’ tali nies
il-Knisja” u li “jekk il-Knisja
qegħda tippreżenta kandidati
għall-qdusija, issa tinsab tard
wisq għax in-nies tilfet ormai
il-fiduċja tagħha fiha”. Lil
dawn ngħidulhom: nifhmu u
nagħdru dak li intom għedtu,
għax kulħadd għandu r-raġuni
tiegħu, imma quddiem figuri bħal
dawn, anki jekk nisimgħu bi
skandlu f’ieħor, il-Knisja ma
tistax tibqa’ siekta u ma
tippromwoviex il-kult ta’ dawn
uliedha. Tinsewx li fid-dinja,
huwa l-ħażin biss li jagħmel
ħoss...it-tajjeb ma jagħmel xejn.
Jekk grupp żgħażagħ ikissru
vetrina ta’ ħanut, l-għada
jinġiebu fil-paġni ta’ quddiem
fil-gazzetti, imma jekk imorru
jwettqu ħidma volontarja xi
mkien, ħadd ma jsemmiehom. Kif
allura l-Knisja, jekk jissemmew
membri tagħha li bi sfortuna
nġarrew mal-kurrent, għax huma
wkoll kienu tad-demm u l-laħam,
ma ssemmiex u ma xxandarx lil
dawk li edifikawha b’mod hekk
sħiħ? It-teologu Żvizzeru, Hans
Urs von Balthasar, kien jgħid li
l-qaddisin jinqasmu f’żewġ
kategoriji fundamentali: xi wħud
huma rigal li Kristu nnifsu
jagħti lill-Knisja: nies li
matul is-sekli, il-kelma tagħhom
kienet prolungament
tal-Inkarnazzjoni, tweġiba
għad-drammi tal-istorja li
kelmithom kienet dik ta’ “Alla
ħaj”, bħal San Benedittu ta’
Norċja, San Franġisk t’Assisi,
San Bernard minn Chiaravalle,
Sant’Injazju minn Loyola u Santa
Tereża ta’ Lisieux, waqt li t-tieni,
huma dawk li l-Knisja tagħti lil
Kristu. Dan mhux għaliex hi
għarfet tipproduċiehom, imma
għaliex jesprimu minnhom
infushom il-kura materna li biha
l-Knisja - Miżżewġa u Omm -
f’tali epoka u f’tali post,
ikkustodiet u kabbret ulied
imnissla mill-grazzja. U propju
ma’ dawn, jaqa’ l-Fra tagħna.
San Ġwann minn Capestrano,
fil-”Mera tal-Kleru” miktub
minnu jgħid fir-rigward tar-reliġjużi:
“‘Intom id-dawl tad-dinja’. Id-dawl
ma jdawwalx lilu nnifsu, imma
jferrex id-dija tiegħu u jdawwal
kull ħaġa li taqa’ fid-dwar
tiegħu. Hekk hi l-ħajja
tal-membri tal-kleru li jgħixu
ħajja tajba u qaddisa.
Bis-sbuħija tiddi tal-ħajja
qaddisa tagħhom, huma jagħtu d-dawl
u s-serħan tal-qalb lil dawk li
jħarsu lejhom”.
Jalla din il-mixja li bdejna
hawnhekk illejla, ikollha
quddiemha futur li minnu
jinsilet ħafna ġid u xita ta’
grazzji. Nafdaw f’idejn is-Sinjur
u intant nitolbu lil Fra Grazzja,
jaqlgħalna dik il-grazzja li
aħna nkunu mixtieqien minnha, hu
li ta’ grazzja jġib propju l-isem.
Fl-aħħarnett, nagħlaq bi kliem
San Franġisk: “Qaddes lilek
innifsek u dlonk tkun qiegħed
tqaddes is-soċjetà”.
|