L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home

 

Ikkuntattjana

 

Vultum Dei Quaerere

FRANĠISKU

 

KOSTITUZZJONI APPOSTOLIKA

VULTUM DEI QUÆRERE

FUQ IL-ĦAJJA KONTEMPLATTIVA FEMMINILI

 

1. It-tiftixa ta’ wiċċ Alla tofroq l-istorja tal-bniedem, sa minn dejjem imsejjaħ għal djalogu ta’  mħabba mal-Ħallieq.[1] Fil-fatt, ir-raġel u l-mara għandhom dimensjoni reliġjuża li ma tistax tiġi fgata u li torjenta l-qalb tagħhom għat-tiftixa tal-Assolut, ta’ Alla, li tiegħu jħossu l-bżonn, imqar jekk mhux dejjem b’mod konxju. Din it-tiftixa hi komuni għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Imqar ħafna li jgħidu li ma jemmnux, jistqarru din ix-xenqa qawwija tal-qalb, li tgħammar u tgħajjex lil kull raġel u mara mixtieqa għall-hena u l-milja tal-ħajja, b’passjoni ta’ mħabba li qatt mhi mxebbgħa biżżejjed bil-ferħ.

 

Santu Wistin fl-iStqarrijiet dan esprimieh b’qawwa kbira: “Int għamiltna għalik u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux biss fik”.[2] Dan in-nuqqas ta’ mistrieħ fil-qalb ġej minn dik l-intuwizzjoni qawwija li hu Alla l-ewwel li jfittex ’il-bniedem, u b’mod misterjuż jiġbdu lejh.

 

Id-dinamika tat-tiftixa turina li ħadd ma hu biżżejjed għalih innifsu u tridna nimxu, fid-dawl tal-fidi, biex naslu li noħorġu mill-jien li jdur magħna nfusna, miġbudin mill-Wiċċ ta’ Alla kollu qdusija u flimkien mill-“art imqaddsa tal-persuna l-oħra”,[3] biex induqu komunjoni iktar profonda.

 

Dan il-pellegrinaġġ li fih infittxu lil Alla veru, li kull Nisrani u kull ikkonsagrat jagħmel bil-qawwa li tagħtih il-Magħmudija, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jsir sequela pressius Christi, mixja li fiha wieħed jitwaħħad għalkollox ma’ Kristu l-Mulej, li l-konsagrazzjoni reliġjuża tesprimiha b’qawwa unika, u dan b’mod speċifiku fil-ħajja monastika, sa mill-bidu meqjusa mod partikulari ta’ kif titwettaq il-Magħmudija.

 

2. Il-persuni kkonsagrati, li bl-istess konsagrazzjoni “jimxu wara l-Mulej b’mod speċjali, b’mod profetiku”,[4] huma msejħa jiskopru s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum, biex isiru interlokuturi mimlija bil-għerf li jafu jaqraw il-mistoqsijiet li qed jagħmlulna Alla u l-bnedmin. L-isfida l-kbira għal kull ikkonsagrat u kkonsagrata hi l-ħila li jissokta jfittex lil Alla u “jkompli ‘jarah’ fid-dinja li tiċħad il-preżenza tiegħu”,[5] u hekk jerġa’ jipproponi lill-bniedem tal-lum il-ħajja ta’ kastità, faqar u ubbidjenza li għex Ġesù, bħala sinjal li jitwemmen u ta’ min jafdah, u hekk isir “eseġesi ħajja tal-Kelma ta’ Alla”.[6]

 

Sa miż-żerniq tal-ħajja ta’ konsagrazzjoni speċjali fil-Knisja, irġiel u nisa, imsejħa minn Alla u nnamrati miegħu, għexu ħajjithom mogħtija għalkollox għat-tiftixa ta’ Wiċċu, mixtieqa li jsibu u jikkontemplaw lil Alla fil-qalba tad-dinja. Il-preżenza ta’ komunitajiet qishom bliet fuq il-muntanji u msiebaħ fuq l-imnajjar (ara Mt 5:14-15), imqar fis-sempliċità tal-ħajja, hi sinjal ċar tad-destinazzjoni li lejha miexja l-komunità ekkleżjali kollha, li “timxi ’l quddiem tul iż-żminijiet, moħħha biss fit-tiġdid ta’ kollox fi Kristu fil-ġejjieni”,[7] biex hekk tħabbar minn qabel il-glorja tas-Sema.[8]

 

3. Jekk għall-ikkonsagrati kollha għandhom tifsira partikulari l-kelmiet ta’ San Pietru: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17:4), il-persuni kontemplattivi, li b’komunjoni qawwija mal-vokazzjonijiet l-oħra kollha tal-ħajja Nisranija “qishom raġġi tad-dawl waħdieni ta’ Kristu ‘li jiddi  f’wiċċ il-Knisja’”,[9] “b’kariżma speċifika tagħhom jiddedikaw ħafna ħin mill-jiem tagħhom biex isiru jixbhu lil Omm Alla, li kienet taħseb il-ħin kollu bejnha u bejn ruħha fuq il-kliem u l-għemejjel ta’ Binha (ara Lq 2:19,51), u lil Marija ta’ Betanja, li, bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej, kienet tisma’ l-kelma tiegħu (ara Lq 10:38)”.[10] Il-ħajja tagħhom “moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla” (ara Kol 3:3) hekk issir figura tal-imħabba bla ebda kundizzjonijiet li għandu l-Mulej, l-ewwel kontemplattiv, tindika t-tensjoni Kristoċentrika ta’ ħajjithom kollha sa ma jistgħu jlissnu mal-Appostlu: “Għalija l-ħajja hi Kristu” (Fil 1:21), u tesprimi l-karattru totalizzanti li jsawwar id-dinamiżmu qawwi tal-vokazzjoni għall-ħajja kontemplattiva.[11]

 

Bħala rġiel u nisa li qed jgħixu fl-istorja tal-bnedmin, il-kontemplattivi, miġbuda mill-ġmiel ta’ Kristu, “l-isbaħ fost ulied il-bnedmin” (Salm 45:3), jinsabu fl-istess qalb tal-Knisja u tad-dinja[12] u fit-tiftixa ta’ Alla li qatt mhi sħiħa jsibu s-sinjal u kriterju ewlieni tal-awtentiċità tal-ħajja kkonsagrata tagħhom. San Benedittu, Missier il-monastiċiżmu tal-Punent, jisħaq li l-monaku hu dak li ħajtu kollha jfittex lil Alla, u f’dak li jaspira għall-ħajja monastika jitlob li jivverifika si revera Deum quærit», jekk hux tassew qed ifittex lil Alla.[13]

 

B’mod partikulari, għadd bla qies ta’ nisa kkonsagrati, matul is-sekli sa żmienna, orjentaw u jkomplu jorjentaw “ħajjithom u ħidmiethom kollha bil-kontemplazzjoni ta’ Alla”,[14] bħala sinjal u profezija tal-Knisja verġni, għarusa u omm; sinjal ħaj u tifkira tal-fedeltà li biha Alla, fil-ġrajjiet tal-istorja, jissokta jwieżen lill-poplu tiegħu.

 

4. Il-ħajja monastika, element ta’ għaqda mal-konfessjonijiet Insara l-oħra,[15] tingħaraf mill-istil propju tagħha li hu profezija u sinjal u li “jista’ u għandu jiġbed b’mod effikaċi lill-membri kollha tal-Knisja biex jaqdu b’ħeġġa d-dmirijiet tas-sejħa Nisranija”.[16] Il-komunitajiet ta’ dawk li jitolbu, u speċjalment dawk kontemplattivi, “li fix-xejra tal-qtugħ tagħhom mid-dinja jsibu mod kif jingħaqdu iktar intimament ma’ Kristu, qalb tad-dinja”,[17] ma jipproponux twettiq iżjed perfett tal-Vanġelu imma, bit-twettiq ta’ dak li titlob minnhom il-Magħmudija, huma lok ta’ dixxerniment u sejħa għall-qadi tal-Knisja kollha: sinjal li juri mixja, tiftixa, u jfakkar lill-poplu kollu ta’ Alla fl-għan ewlieni u aħħari ta’ dak li hu jgħix.[18]

 

Stima, ġieħ u radd il-ħajr għall-ħajja kkonsagrata u l-ħajja kontemplattiva monastika

5. Sa mis-sekli bikrin tagħha l-Knisja wriet stima għolja u mħabba sinċiera lejn dawk l-irġiel u nisa li, kollhom ħlewwa għas-sejħa tal-Missier u għat-tqanqil tal-Ispirtu, għażlu li jimxu wara Kristu “iktar mill-qrib”,[19] biex jiddedikaw ħajjithom għalih b’qalb mhix mifruda fiha nfisha (ara 1 Kor 7:34). Imqanqla mill-imħabba bla kundizzjonijiet lejn Kristu u lejn il-bnedmin, fuq kollox lejn il-foqra u dawk li qed ibatu, huma msejħa jirriproduċu fid-diversi xejriet tagħhom – verġni kkonsagrati, romol, eremiti, monaċi u reliġjużi – il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art: kast, fqir u ubbidjenti.[20]

 

Il-ħajja kontemplattiva monastika, li fil-parti l-kbira tagħha xxaqleb lejn il-femminil, għandha għeruqha fis-skiet tal-kunvent fejn tagħmel frott prezzjuż ta’ grazzja u ta’ ħniena. Il-ħajja kontemplattiva femminili dejjem kienet fil-Knisja u għall-Knisja dik il-qalb li titlob, ħarriesa ta’ gratwità u ta’ fekondità appostolika għanja, u kienet xhud li jidher ta’ qdusija misterjuża u ta’ bosta għamliet.[21]

 

Mill-esperjenza bikrija individwali tal-verġni kkonsagrati lil Kristu, li ħarġet bħala frott spontanju tal-ħtieġa għal tweġiba ta’ mħabba għall-imħabba ta’ Kristu l-għarus, dlonk għaddejna għal stat definit u għal ordni magħruf mill-Knisja, li beda jilqa’ l-professjoni ta’ verġinità mistqarra pubblikament. Mal-medda tas-sekli l-parti l-kbira tal-verġni kkonsagrati ngħaqdu flimkien, u taw il-ħajja lil għamla ta’ ħajja ċenobitika, li l-Knisja fl-għożża tagħha rat li tieħu ħsiebha b’dixxiplina xierqa, waħda li rat il-ħajja tal-klawsura bħala ħarriesa tal-ispirtu u tal-għan essenzjalment kontemplattiv li dawn iċ-ċenobi kienu qed jipproponu għalihom infushom. Għalhekk maż-żmien, bis-sinerġija bejn l-azzjoni tal-Ispirtu li jaħdem fil-qalb ta’ dawk li jemmnu u dejjem iqanqal xejriet ġodda ta’ mixja, u l-għożża materna u attenta tal-Knisja, issawru bixriet ġodda ta’ ħajja kontemplattiva u għalkollox kontemplattiva,[22] kif nafuhom illum. Waqt li fil-Punent l-ispirtu kontemplattiv infirex f’għadd ta’ kariżmi, fil-Lvant żamm magħqud ħafna,[23] biex baqa’ jagħti dejjem xhieda tal-għana u tal-ġmiel ta’ ħajja kollha kemm hi mogħtija lil Alla.

 

Matul is-sekli l-esperjenza ta’ dawn is-sorijiet, iċċentrata fuq il-Mulej bħala l-ewwel u l-unika mħabba (ara Hos 2:21-25), tat frott kotran ta’ qdusija u ta’ missjoni. X’qawwa appostolika toħroġ mill-monasteri permezz tat-talb u tal-offerta personali! Kemm ferħ u profezija jgħajjat quddiem id-dinja s-skiet tal-kunventi!

 

Għall-frott ta’ qdusija u ta’ grazzja li l-Mulej sa minn dejjem qanqal permezz tal-ħajja monastika femminili, ejjew quddiem it-“twajjeb Mulej, l-ogħla, li jista’ kollox” ngħollu l-għanja ta’ radd il-ħajr: Laudato si’.[24]

 

6. Għeżież sorijiet kontemplattivi, x’kienet tkun mingħajrkom il-Knisja u dawk kollha li qed jgħixu fil-periferiji tal-ħajja tal-bnedmin u jaħdmu fit-truf imbiegħda tal-evanġelizzazzjoni? Il-Knisja tapprezza ħafna l-ħajja tagħkom kollha kemm hi mogħtija. Il-Knisja sserraħ fuq it-talb tagħkom u fuq l-offerta tagħkom biex twasslu lill-bnedmin ta’ żmienna l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu. Il-Knisja għandha bżonnkom!

 

Mhuwiex faċli li din id-dinja, tal-inqas dik il-parti kbira tagħha li tobdi lil-loġika tal-poter, tal-ekonomija u tal-konsumiżmu, tifhem il-vokazzjoni speċjali tagħkom u l-missjoni moħbija tagħkom, u safrattant tant għandha bżonnha. Kif il-baħħar qalb il-baħar fond għandu bżonn tal-fanal li jurih ir-rotta biex jasal fil-port, hekk id-dinja għandha bżonnkom. Intom fanali, għal dawk fil-qrib u fuq kollox għal dawk fil-bogħod. Kunu msiebaħ jiddu li jsieħbu l-mixja tal-bnedmin taż-żmien mudlam tagħna. Kunu għassiesa tas-sebħ (ara Is 21:11-12) li jħabbru tlugħ ix-xemx (ara Lq 1:78). Bil-ħajja tagħkom mibdula u bi kliem sempliċi, xtarru fis-skiet, uruna lil Dak li hu t-triq, il-verità u l-ħajja (ara Ġw 14:6), il-Mulej waħdieni li joffri l-milja lill-eżistenza tagħna u jagħtina l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10). Bħal Xmun u Indrì uruna t-triq: “Sibna ’l-Mulej” (ara Ġw 1:40); xandru, bħal Marija ta’ Magdala, l-għodwa tal-qawmien: “Rajt lill-Mulej!” (Ġw 20:18). Żommu ħajja l-profezija ta’ ħajjitkom mogħtija. Tibżgħux tgħixu l-ferħ tal-ħajja evanġelika skond il-kariżma tagħkom.

 

It-tisħib u l-gwida tal-Knisja

7. Il-Maġisteru Konċiljari dejjem wera għożża partikulari għall-għamliet kollha ta’ ħajja kkonsagrata permezz ta’ dikjarazzjonijiet importanti. Fost dawn, jixirqilhom attenzjoni partikulari d-dokumenti kbar tal-Konċilju Vatikan II: il-Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium u d-Digriet fuq it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża Perfectæ caritatis.

 

L-ewwel wieħed iqiegħed il-ħajja kkonsagrata fi ħdan l-ekkleżjoloġija tal-poplu ta’ Alla, li minnha tagħmel sehem sħiħ, minħabba fis-sejħa komuni għall-qdusija u l-għeruq tagħha fil-konsagrazzjoni tal-Magħmudija.[25] It-tieni jitlob mill-ikkonsagrati tiġdid xieraq fid-dawl tal-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu taż-żminijiet, u joffri l-kriterji essenzjali għal dan it-tiġdid: fedeltà lejn Kristu, lejn il-Vanġelu, lejn il-kariżma, lejn il-Knisja u lejn il-bniedem tal-lum.[26]

 

Ma nistgħux ninsew l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata, tal-predeċessur tiegħi San Ġwanni Pawlu II. Dan id-dokument, li jiġbor l-għana tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-ħajja kkonsagrata, fih elementi dejjem iżjed validi biex jissokta t-tiġdid tal-ħajja kkonsagrata u jġedded it-tifsira evanġelika tagħha fi żmienna (ara fuq kollox nn. 59 u 68).

 

Imma, biex nuru kif il-ħajja kontemplattiva tagħkom dejjem kienet imsieħba u mdawla, lanqas nistgħu ninsew dawn id-dokumenti:

 

- In-Normi direttivi maħruġa mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika (CIVCSVA) Potissimum institutioni, tat-2 ta’ Frar 1990, b’siltiet sħaħ iddedikati kollha lill-għamla speċifikament kontemplattiva ta’ ħajja kkonsagrata mħaddna minnkom (kap. IV, 78-85).

 

- Id-dokument interdikasterjali Żviluppi, tas-6 ta’ Jannar 1992, li jiffoka fuq il-problema tal-iskarsità tal-vokazzjonijiet għall-ħajja kkonsagrata b’mod ġenerali u, f’qies iżgħar, għal dik tagħkom (n. 81).

 

- Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, imxandar bil-Kostituzzjoni appostolika Fidei depositum fil-11 ta’ Ottubru 1992, importantissmu biex il-fidili kollha jagħrfu u jifhmu l-għamla ta’ ħajja tagħkom: b’mod partikulari nn. 915-933 iddedikati għall-għamliet kollha; n. 1672 fuq il-konsagrazzjoni tagħkom mhux sagramentali u fuq il-barkiet tal-Abbatijiet u l-Badessi; n. 1974 flimkien mal-2102 fuq ir-rabta bejn l-għaxar kmandamenti u l-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi; n. 2518 li jippreżenta r-rabta stretta bejn is-safa tal-qalb imxandar mis-sitt Beatitudni, li jiggarantixxi li wieħed jara lil Alla, u l-imħabba għall-veritajiet tal-fidi; nn. 1691 u 2687 li jgħollu l-intereċessjoni perseveranti lil Alla li titla’ ’l fuq mill-monasteri kontemplattivi, imkejjen insostitwibbli li jbewsu flimkien it-talb personali u dak maqsum bejn l-aħwa; u n. 2715 li jqiegħed bħala prerogattiva tal-kontemplattivi l-ħarsa msammra fuq Ġesù u l-misteri ta’ ħajtu u tal-ministeru tiegħu.

 

- L-Istruzzjoni tal-CIVCSVA Congregavit nos, tat-2 ta’ Frar 1994, li f’nn. 10 u 34 torbot is-skiet u s-solitudni mal-ħtieġa qawwija li għandha l-komunità għall-ħajja tal-aħwa u tisħaq fuq il-koerenza bejn qtugħ mid-dinja u atmosfera ta’ ġabra fil-ħajja ta’ kuljum.

 

- L-Istruzzjoni tal-CIVCSVA Verbi sponsa, Ecclesia, tat-13 ta’ Mejju 1999 li, fl-artikli 1-8, toffri sintesi storiko-sistematika mill-isbaħ tal-Maġisteru suprem preċedenti fuq is-sens missjunarju eskatoloġiku tal-ħajja klawstrali tal-monaċi kontemplattivi nisa.

 

- Fl-aħħar, l-Istruzzjoni tal-CIVCSVA Ripartire da Cristo (Nerġgħu nitilqu minn Kristu), tad-19 ta’ Mejju 2002, li tistedinna b’qawwa kbira biex nikkontemplaw dejjem il-wiċċ ta’ Kristu; tippreżenta lill-monaċi fil-quċċata tal-ġieħ korali u tat-talb sieket tal-Knisja (n. 25) u, fl-istess waqt, tfaħħarhom għax dejjem ipprivileġġjaw u qiegħdu fiċ-ċentru l-Liturġija tas-Sigħat u ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika (ibid.).

 

8. Ħamsin sena fuq il-Konċilju Vatikan II, wara l-konsultazzjonijiet meħtieġa u d-dixxerniment attent, ħassejt il-ħtieġa li noffri lill-Knisja, b’riferiment partikulari għall-monasteri ta’ rit Latin, din il-Kostituzzjoni Appostolika, li tqis kemm il-mixja intensa u għammiela tal-Knisja nfisha fl-aħħar għaxriet ta’ snin, fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, u kemm il-kundizzjonijiet soċjo-kulturali li nbidlu. Dan iż-żmien ra progress mgħaġġel fl-istorja tal-bniedem: magħha jeħtieġ ninsġu djalogu li imma jħares il-valuri fundamentali li fuqhom hi msejsa l-ħajja kontemplattiva, li, fl-insistenza tagħha fuq is-skiet, is-smigħ, is-sejħa biex wieħed jidħol fih innifsu, l-istabbiltà, tista’ u għandha tkun sfida għall-mentalità tal-lum.

 

B’dan id-Dokument nixtieq intenni l-apprezzament personali tiegħi, flimkien mar-rikonoxximent grat tal-Knisja kollha, għall-għamla unika ta’ sequela Christi li jħaddnu l-monaċi nisa ta’ ħajja kontemplattiva, li għal ħafna minnhom hi ħajja kollha kemm hi kontemplattiva, don bla qies u essenzjali li l-Ispirtu s-Santu jissokta jqanqal fi ħdan il-Knisja.

 

Fil-każi fejn tqis meħtieġ jew opportun, il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika teżamina l-kwistjonijiet u tistabbilixxi qbil mal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli u l-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali.

 

Elementi essenzjali tal-ħajja kontemplattiva

9. Il-ħajja kontemplattiva, mill-ewwel sekli sa żmienna, baqgħet dejjem ħajja fil-Knisja, kemm tul perjodi ta’ ħeġġa kbira u kemm f’oħrajn ta’ dekadenza, grazzi għall-preżenza kostanti tal-Mulej, imxierka mal-ħila tal-Knisja nfisha li tiġġedded u tadatta ruħha għall-bidliet tas-soċjetà: hi dejjem żammet ħajja t-tiftixa tal-wiċċ ta’ Alla u l-imħabba bla kundizzjonijiet lejn Kristu, li huma l-element speċifiku u karatteristiku tagħha.

 

Il-ħajja kkonsagrata hi storja ta’ mħabba kollha passjoni għall-Mulej u għall-bniedem: fil-ħajja kontemplattiva din l-istorja tiżvolġi, jum wara l-ieħor, fit-tiftixa appassjonata għall-wiċċ ta’ Alla, fir-relazzjoni intima miegħu. Lil Kristu l-Mulej, li “ħabbna hu l-ewwel” (1 Ġw 4:19) u “ta lilu nnifsu għalina” (Efes 5:2), intom nisa kontemplattivi tweġbuh bl-offerta ta’ ħajjitkom kollha, billi tgħixu fih u għalih, “għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Efes 1:12). F’din id-dinamika ta’ kontemplazzjoni intom leħen tal-Knisja li bla heda jfaħħar, irodd ħajr, jokrob u jittallab għall-umanità kollha, u bit-talb tagħkom intom kollaboraturi ta’ Alla nnifsu u terġgħu terfgħu lill-membri tal-ġisem ineffabbli tiegħu li jkunu waqgħu.[27]

 

Ibda mit-talb personali u komunitarju, intom tiskopru lill-Mulej bħala teżor ta’ ħajjitkom (ara Lq 12:34), il-ġid tagħkom, “il-ġid kollu, l-ogħla ġid”, l-“għana kollu” tagħkom[28] u, qawwija fil-fidi li “Alla waħdu biżżejjed”,[29] tagħżlu l-aħjar sehem (ara Lq 10:42). Tajtu ħajjitkom, waqqaftu ħarsitkom fil-Mulej, intasabtu fil-kamra ta’ ġewwa ta’ qalbkom (ara Mt 6:5), fis-solitudni tal-ħajja tal-kunvent u fil-ħajja mal-aħwa fil-komunità. Hekk intom xbieha ta’ Kristu li jfittex li jiltaqa’ mal-Missier fuq il-muntanja (ara Mt 14:23).

 

10. Il-Knisja tul is-sekli dejjem urietna lil Marija bħala summa contemplatrix.[30] Mit-tħabbira għall-qawmien, fil-pellegrinaġġ tal-fidi tagħha li laħaq il-qofol tiegħu f’riġlejn is-salib, Marija tibqa’ tikkontempla l-Misteru li jgħammar fiha. F’Marija nilmħu l-mixja mistika tal-persuna kkonsagrata, imnissla fl-għerf umli li jaf jiggosta l-misteru tal-milja aħħarija.

 

Fuq il-passi tal-Omm Verġni, il-kontemplattiv hu l-persuna li ħajjitha ddur ma’ Alla, hu dak li għalih Alla hu l-unum necessarium (ara Lq 10:42), li quddiemu kollox jieħu qies ieħor u dehra ġdida, għax qed iħares lejh b’għajnejn ġodda. Il-persuna kontemplattiva tifhem l-importanza tal-ħwejjeġ, imma dawn ma jisirqulhiex qalbha u ma jibblukkawx il-ħsieb tagħha, anzi huma tarġa biex tasal għand Alla: f’kollox “tara”[31] lill-Aktar Għoli! Min jogħdos fil-misteru tal-kontemplazzjoni jara b’għajnejn spiritwali: dan jagħtih li jikkontempla d-dinja u l-persuni bl-istess ħarsa ta’ Alla, hemm fejn mill-banda l-oħra l-oħrajn “għandhom l-għajnejn u ma jarawx” (Salm 115:5; 135:16; ara Ġer 5:21), għax iħarsu biss bl-għajnejn tal-ġisem.

 

11. Għalhekk, li nikkontemplaw ifisser li, fi Kristu Ġesù, li għandu wiċċu l-ħin kollu mdawwar lejn il-Missier (ara Ġw 1:18), ikollna ħarsitna midbula mill-azzjoni tal-Ispirtu, ħarsa li fiha twarrad l-għoġba għal Alla u l-għeġubijiet tiegħu; ifisser li jkollna ħsieb ċar, fejn jidwu l-eku tal-Verb u l-leħen tal-Ispirtu li hu żiffa ħelwa (ara 1 Slat 19:12). Mhux ta’ b’xejn li l-kontemplazzjoni tiġi mill-fidi, li hi għall-kontemplazzjoni bieb u frott: huwa biss bl-“hawn jien” mimli fiduċja (ara Lq 2:38) li nistgħu nidħlu fil-Misteru.

 

F’din il-kalma siekta u miġbura tal-ħsieb u tal-qalb jistgħu jinfdu bosta tentazzjonijiet, u għalhekk il-kontemplazzjoni tagħkom tista’ ssir art ta’ taqbida spiritwali, li intom twieżnu b’kuraġġ f’isem il-Knisja kollha u għall-ġid tagħha, li tafkom bħala għassiesa fidili, qawwija determinati fit-taqbida. Fost l-eqqel tentazzjonijiet għall-kontemplattiv, niftakru f’dak li l-Missirijiet tad-deżert isejħulu d-“demonju ta’ nofsinhar”: hi t-tentazzjoni li tinqeda bl-apatija, bir-rutina, bid-demotivazzjoni, bit-telqa li tipparalizza. Kif ktibt fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, dan naqra naqra jwassal għall-“psikoloġija tal-qabar, li bil-mod il-mod tibdel lill-Insara f’mummji tajbin għal ġo mużew. Qalbhom maqtugħa mir-realtà ta’ madwarhom, mill-Knisja u minnhom infushom, jgħixu t-tentazzjoni kontinwa li jintrabtu ma’ niket ħelu, bla tama, li jaħkmilhom qalbhom donnu kien ‘l-aktar droga prezzjuża tax-xitan’”.[32]

 

Temi oġġett ta’ dixxerniment u ta’ reviżjoni normattiva

12. Biex ngħin lin-nisa kontemplattivi jilħqu l-għan propju tal-vokazzjoni speċifika tagħhom imfissra hawn fuq, nistedinhom jirriflettu u jiddixxernu fuq dawn it-tnax-il tema tal-ħajja kkonsagrata b’mod ġenerali u, b’mod partikulari, tat-tradizzjoni monastika: il-formazzjoni, it-talb, il-Kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni, il-ħajja tal-aħwa fil-komunità, l-awtonomija, il-federazzjonijiet, il-klawsura, ix-xogħol, is-skiet, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-axxeżi. Dawn it-temi jitqiegħdu iktar fis-seħħ b’modi li jixirqu lit-tradizzjonijiet kariżmatiċi speċifiċi tad-diversi familji monastiċi, f’armonija man-normi tal-Parti finali ta’ din il-Kostituzzjoni u bl-indikazzjonijiet għall-applikazzjoni partikulari li sa jingħataw fi żmien qasir mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

 

Il-formazzjoni

13. Il-formazzjoni tal-persuna kkonsagrata hi mixja li għandha twassal għat-twaħħid tagħha mal-Mulej Ġesù biex hi tixrob mis-sentimenti tiegħu fl-offerta sħiħa tagħha lill-Missier; dan hu proċess li ma jintemm qatt, għax hu maħsub biex jilħaq il-persuna kollha kemm hi, sakemm kull atteġġjament u ġest tagħha jikxfu li hi b’ferħ liema bħalu tħossha kollha kemm hi ta’ Kristu, u għalhekk dan jitlob konverżjoni kontinwa lejn Alla. Dan irid jagħġen il-qalb, il-moħħ u l-ħajja b’mod li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjonijiet umani, kulturali, spiritwali u pastorali.[33]

 

B’mod partikulari, il-formazzjoni tal-persuna kkonsagrata kontemplattiva tfittex dik il-qagħda ta’ armonija u komunjoni ma’ Alla u mal-aħwa sorijiet, f’atmosfera ta’ skiet imħarsa mill-ħajja ta’ kuljum fil-klawsura.

 

14. Alla l-Missier hu dak li per eċċellenza jifforma l-qlub, imma f’din l-opra “ta’ sengħa” jinqeda bil-medjazzjoni umana, dawk l-irġiel u nisa responsabbli għall-formazzjoni, aħwa maġġuri, li l-missjoni ewlenija tagħhom hi li juru “l-ġmiel tal-mixi wara Kristu u l-kobor tal-kariżma li fih jidher”.[34]

 

Il-formazzjoni, speċjalment dik permanenti, “kundizzjoni essenzjali għall-konsagrazzjoni reliġjuża”,[35] għandha l-humus tagħha fil-komunità u fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk ħa jiftakru s-sorijiet li l-post ordinarju fejn isseħħ il-mixja ta’ formazzjoni hu l-monasteru u li l-ħajja tal-aħwa fil-komunità, fil-manifestazzjonijiet kollha tagħha, għandha tiffavorixxi din il-mixja.

 

15. Fil-kuntest soċjo-kulturali u reliġjuż ta’ żmienna, il-monasteri jridu joqogħdu attenti ħafna għad-dixxerniment vokazzjonali u spiritwali, bla ma jittieħdu mit-tentazzjoni tan-numru jew tal-effiċjenza;[36] ħa jiżguraw tisħib personalizzat tal-kandidati u jippromovu għalihom mixjiet ta’ formazzjoni xierqa, waqt li jżommu dejjem quddiem għajnejhom li l-formazzjoni tal-bidu u dik wara l-professjoni temporanja “teħtieġ żmien twil biżżejjed”,[37] jekk jista’ jkun mhux inqas minn disa’ snin, lanqas iżjed minn tnax.[38]

 

It-talb

16. It-talb liturġiku u personali hu ħtieġa fundamentali biex tistgħu ssaħħu l-kontemplazzjoni tagħkom: jekk “it-talb hu l-‘mudullun’ tal-ħajja kkonsagrata”,[39] iżjed u iżjed hu għall-ħajja kontemplattiva. Illum ħafna ma jafux kif jitolbu. Ħafna sempliċement ma jħossux il-bżonn li jitolbu, jew jirriduċu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla għal xi talba fi żmien ta’ prova, meta ma jafux fuq min iduru. Oħrajn jirriduċu t-talb tagħhom għal sempliċi att ta’ tifħir fil-mumenti li fihom iħossuhom kuntenti. Intom u titolbu u tkantaw it-tifħir lil Alla bil-Liturġija tas-Sigħat, intom issiru leħen ukoll għal dawn il-persuni u, kif għamlu l-profeti, tidħlu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.[40] It-talb personali jgħinkom iżżommu magħquda mal-Mulej, bħall-friegħi mad-dielja, u hekk il-ħajja tagħkom tagħmel kotra ta’ frott (ara Ġw 15:1-15). Imma ftakru li l-ħajja tat-talb u l-ħajja kontemplattiva ma tistgħux tgħixuhom magħluqin fikom infuskom, imma jridu jwessgħulkom qalbkom biex tħaddnu magħkom lill-bnedmin kollha, partikularment dawk li qed ibatu.

 

Permezz tat-talb ta’ interċessjoni, intom għandkom rwol fundamentali fil-ħajja tal-Knisja. Itolbu u interċedu għal tant aħwa li qegħdin fil-ħabs, immigranti, rifuġjati u pperesegwitati, għal tant familji midruba, għall-persuni bla xogħol, għall-foqra, għall-morda, għall-vittmi tal-vizzji, biex insemmi xi sitwazzjonijiet li ta’ kuljum qed isiru iżjed urġenti. Intom bħal dawk il-persuni li ħadu wieħed magħtub quddiem il-Mulej biex dan ifejqu (ara Mk 2:1-12). Permezz tat-talb intom, lejl u nhar, tqarrbu lejn il-Mulej il-ħajja ta’ tant aħwa li minħabba f’diversi ċirkustanzi ma jistgħux jilħquh biex jagħmlu esperjenza tal-ħniena tiegħu li tfejjaq, meta hu qed jistenniehom biex iraxxax fuqhom il-grazzja tiegħu. Bit-talb tagħkom tistgħu tfejqu l-ġrieħi ta’ tant aħwa.

 

Il-kontemplazzjoni ta’ Kristu ssib fil-Verġni Marija l-ogħla mudell tagħha. Il-wiċċ tal-Iben hu tagħha b’mod waħdieni. Omm u Għalliema li twaħħdet b’mod perfett ma’ Binha, bil-preżenza eżemplari u materna tagħha hi twieżen mhux ftit lil min irid jibqa’ fidil ta’ kuljum lejn il-ħajja tat-talb (ara Atti 1:14), speċjalment lil uliedha.[41]

 

17. Il-ktieb tal-Eżodu jurina li t-talb ta’ Mosè kien deċiżiv għax-xorti tal-poplu tiegħu, għax rebbħu t-taqbida kontra l-għadu tiegħu meta rnexxielu jżomm dirgħajh merfugħa biex isejjaħ l-għajnuna tal-Mulej (ara 17:11). Jidhirli li dan it-test hu xbieha espressiva ħafna tal-qawwa u l-effikaċja li għandu t-talb tagħkom b’riżq il-bnedmin kollha u l-Knisja, partikularment dawk il-membri tagħha l-iżjed dgħajfa u fil-bżonn. Anki llum, bħal dakinhar, nistgħu nistħajlu li x-xorti tal-bnedmin hi deċiża fil-qalb li titlob u fid-dirgħajn merfugħa tas-sorijiet kontemplattivi. Għalhekk jien nitlobkom tibqgħu fidili, skond il-Kostituzzjonijiet tagħkom, għat-talba liturġika u għal dik personali, li hi tħejjija għaliha u titwil tagħha. Nitlobkom biex “xejn ma tqiegħdu f’nofs it-triq tal-opus Dei»,[42] ħalli xejn ma jkun ta’ xkiel għalikom, xejn ma jifridkom, xejn ma jidħol fin-nofs tal-ministeru tagħkom tat-talb.[43] Hekk intom, permezz tal-kontemplazzjoni, tinbidlu fix-xbieha ta’ Kristu[44] u l-komunitajiet tagħkom isiru tabilħaqq skejjel ta’ talb.

 

18. Dan kollu jitlob spiritwalità msejsa fuq il-Kelma ta’ Alla, fuq il-qawwa tal-ħajja sagramentali, fuq it-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja u fuq il-kitbiet tal-fundaturi tagħkom; spiritwalità li tagħmel minnkom ulied is-Sema u wlied l-art, dixxipli u missjunarji, skond ix-xejra partikulari ta’ ħajjitkom. Iżjed minn hekk, jitlob formazzjoni progressiva fil-ħajja tat-talb personali u liturġiku u fl-istess kontemplazzjoni, bla ma tinsew li din qabelxejn tinbena fuq il-“ġmiel skandaluż” tas-Salib.

 

Iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla

19. Wieħed mill-elementi l-iktar importanti tal-ħajja monastika b’mod ġenerali hu ċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja personali u komunitarja. Dan jisħaq fuqu San Benedittu, meta mill-irħieb tiegħu jitlob li jisimgħu bil-qalb il-qari tal-kotba mqaddsa: lectiones sanctas libenter audire.[45] Tul is-sekli l-monastiċiżmu kien ħarries tal-lectio divina. Billi llum din hi rrikkmandata lill-poplu kollu ta’ Alla u mitluba mill-ikkonsagrati reliġjużi kollha,[46] intom imsejħin tagħmlu minnha ikel għall-kontemplazzjoni tagħkom u għall-ħajja ta’ kuljum tagħkom, hekk li tistgħu taqsmu din l-esperjenza trasformanti tal-Kelma ta’ Alla mas-saċerdoti, id-djakni, l-ikkonsagrati l-oħra u l-lajċi. Dan il-qsim ħossuh bħala missjoni vera tagħkom fil-Knisja.

 

Bla dubju ta’ xejn, it-talb u l-kontemplazzjoni huma l-imkejjen l-iżjed xierqa fejn tilqgħu l-Kelma ta’ Alla, imma, fl-istess waqt, kemm it-talb u kemm il-kontemplazzjoni joħorġu mis-smigħ tal-Kelma. Il-Knisja kollha, u partikularment il-komunitajiet li huma mogħtija kollhom għall-kontemplazzjoni, għandhom bżonn jiskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla, li, kif fakkar il-predeċessur tiegħi San Ġwanni Pawlu II, hi “l-ewwel għajn ta’ kull spiritwalità”.[47] Jeħtieġ li l-Kelma titma’ l-ħajja, it-talb, il-kontemplazzjoni, il-mixja ta’ kuljum u ssir prinċipju ta’ komunjoni għall-komunitajiet tagħkom u l-ħajja tal-aħwa. Huma fil-fatt imsejħin jilqgħuha, jimmeditawha, jikkontemplawha, jgħixuha flimkien, u jxerrdu u jaqsmu l-frott li jitnissel minn din l-esperjenza. Hekk tkunu tistgħu tikbru fi spiritwalità awtentika ta’ komunjoni.[48] Dwar dan, nitlobkom “tevitaw ir-riskju ta’ ħarsa individwalistika, u żżommu f’moħħkom li l-Kelma ta’ Alla ngħatatilna sewwasew biex nibnu l-komunjoni, biex ningħaqdu fil-Verità tul il-mixja tagħna lejn Alla. […] Għalhekk it-test sagru dejjem għandna nersqu lejh fil-komunjoni ekkleżjali”.[49]

 

20. Il-lectio divina jew qari tal-Kelma ta’ Alla fi spirtu ta’ talb hi l-arti li tgħinna nagħmlu l-mixja mit-test Bibliku għall-ħajja, hi l-ermenewtika eżistenzjali tal-Iskrittura Mqaddsa, li grazzi għaliha nistgħu nimlew dak il-vojt bejn l-ispiritwalità u l-ħajja ta’ kuljum, bejn fidi u ħajja. Il-proċess li tagħti bidu għalih il-lectio divina mis-smigħ irid iwassalna għall-għarfien, u mill-għarfien għall-imħabba.

 

Grazzi għall-moviment Bibliku, li reġa’ ssaħħaħ fuq kollox wara l-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum tal-Konċilju Vatikan II, illum qed issir proposta lil kulħadd biex joqrob lejn l-Iskrittura Mqaddsa permezz tal-qari assidwu tat-test Bibliku fi spirtu ta’ talb, hekk li d-djalogu ma’ Alla jsir realtà tal-ħajja ta’ kuljum tal-poplu ta’ Alla. Il-lectio divina għandha tgħinkom trawmu fikom qalb ħelwa, għarfa u għaqlija (ara 1 Slat 3:9,12), biex tiddixxernu dak li ġej minn Alla u dak li mill-banda l-oħra jista’ jbegħidkom minnu; biex tiksbu dik ix-xorta ta’ stint sopranaturali, li bih il-fundaturi tagħkom ma waqgħux għall-mentalità tad-dinja, imma ġeddu l-ħsieb tagħhom, “biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12:2).[50]

 

21. Il-ġurnata tagħkom, personali u komunitarja, għadduha mill-għarbiel tal-Kelma ta’ Alla. Hekk il-komunitajiet u fraternitajiet tagħkom isiru skejjel fejn il-Kelma tiġi mismugħa, megħjuxa u mħabbra lil dawk li jiltaqgħu magħkom.

 

Fl-aħħar nett, tinsewx li “l-lectio divina ma tingħalaqx fid-dinamika tagħha imma twassal għall-azzjoni (actio), li tqanqal lil min jemmen biex isir don għall-oħrajn fil-karità”.[51] Hekk hi tagħmel frott kotran fil-mixja li fiha titwaħħad ma’ Kristu, l-għan tal-ħajja kollha tagħna.

 

Is-sagramenti tal-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni

22. L-Ewkaristija hi s-sagrament per eċċellenza tal-laqgħa mal-persuna ta’ Ġesù: fiha “jinsab il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja, jiġifieri Kristu nnifsu”.[52] L-Ewkaristija, qalba tal-ħajja ta’ kull mgħammed u tal-istess ħajja kkonsagrata, hija hekk b’mod partikulari għall-ħajja kontemplattiva. Fil-fatt, l-offerta ta’ ħajjitkom tlaqqamkom b’mod partikulari fil-misteru tal-Għid tal-mewt u l-qawmien li kull darba jitwettaq fl-Ewkaristija. Fil-fatt, meta naqsmu flimkien il-ħobż, inkunu ntennu u nwettqu llum id-don li Ġesù wettaq tiegħu nnifsu meta “ġie maqsum, jinqasam għalina” u li jitlobna biex issa aħna “ningħataw, ninqasmu għall-oħrajn”.[53] Biex dan il-misteru għani jitwettaq u jidher b’mod tassew ħaj, jeħtieġ li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija titħejja b’attenzjoni, dekor u sobrjetà, u nieħdu sehem fiha b’mod sħiħ, b’fidi u b’għarfien ta’ dak li qed niċċelebraw.

 

Fl-Ewkaristija l-ħarsa tal-qalb tagħraf lil Ġesù.[54] San Ġwanni Pawlu II ifakkarna: “Li nikkontemplaw lil Kristu jimplika li nsiru nagħrfuh f’kull post li fih huwa juri lilu nnifsu, fin-numru kbir ta’ preżenzi, iżda l-aktar fis-Sagrament ħaj tal-ġisem u tad-demm tiegħu. Il-Knisja tgħix bi Kristu Ewkaristiku, minnu hi mitmugħa, minnu hi mdawla. L-Ewkaristija hija misteru ta’ fidi, u fl-istess waqt misteru tad-dawl. Kull darba li l-Knisja tiċċelebrah, il-fidili jistgħu jgħixu b’xi mod mill-ġdid l-esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws: ‘infetħulhom għajnejhom u għarfuh (Lq 24:31)”.[55] Għalhekk l-Ewkaristija ddaħħalkom ta’ kuljum fil-misteru tal-imħabba, li hi mħabba bejn għarus u għarusa: “Kristu hu l-Għarus tal-Knisja bħala Feddej tad-dinja. L-Ewkaristija hi s-sagrament tal-fidwa tagħna. Hi s-sagrament tal-Għarus, tal-Għarusa”.[56]

 

Għalhekk, ta’ min ifaħħar it-tradizzjoni li ttawwal iċ-ċelebrazzjoni bl-adorazzjoni Ewkaristika, mument ipprivileġġjat biex nirċievu fil-ġewwieni tagħna l-ħobż tal-Kelma maqsum matul iċ-ċelebrazzjoni u nkomplu l-azzjoni ta’ radd il-ħajr.

 

23. Mill-Ewkaristija jnixxi dak l-impenn għal konverżjoni kontinwa, li jsib l-espressjoni sagramentali tiegħu fir-Rikonċiljazzjoni. Ħa tkun għalikom iċ-ċelebrazzjoni personali u komunitarja ta’ spiss tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jew tal-Penitenza okkażjoni pprivileġġjata biex tikkontemplaw il-wiċċ ħanin tal-Missier, Ġesù Kristu,[57] biex iġedded il-qalb tagħkom u jsaffi r-relazzjoni tagħkom ma’ Alla fil-kontemplazzjoni.

 

Mill-esperjenza hienja tal-maħfra mingħand Alla f’dan is-sagrament toħroġ il-grazzja li ssiru profeti u ministri tal-ħniena u għodda ta’ rikonċiljazzjoni, maħfra u sliem, profeti u ministri li d-dinja llum għandha bżonn partikulari tagħhom.

 

Il-ħajja tal-aħwa fil-komunità

24. Il-ħajja tal-aħwa fil-komunità hi element essenzjali tal-ħajja reliġjuża b’mod ġenerali, u b’mod partikulari tal-ħajja monastika, anki jekk bosta huma l-kariżmi.

 

Ir-relazzjoni ta’ komunjoni hi wirja ta’ dik l-imħabba li tgelgel mill-qalb ta’ Kristu u tkaxkarna lejn l-Ispirtu li Ġesù stess jagħtina. Meta l-Knisja tagħmel viżibbli din ir-realtà, bħala familja ta’ Alla, issir sinjal tal-għaqda profonda miegħu u tidher bħala l-għamara li fiha din l-esperjenza hi possibbli u tagħti l-ħajja lil kulħadd. Kristu l-Mulej, meta jsejjaħ lil xi wħud biex jaqsmu fl-istess ħajja tiegħu, isawwar komunità li tagħmel tidher “il-ħila tal-komunjoni tal-ġid, tal-imħabba bejn l-aħwa, tal-proġett ta’ ħajja u ta’ ħidma, li jseħħ għax wieħed ikun laqa’ l-istedina li jimxi warajh b’mod iktar ħieles u mill-qrib”.[58] Il-ħajja tal-aħwa, li biha l-ikkonsagrati jfittxu li jkollhom “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4:32), fuq l-eżempju tal-ewwel komunitajiet Insara, “issir stqarrija u sinjal tat-Trinità”.[59]

 

25. Il-komunjoni bejn l-aħwa hi mera ta’ kif Alla hu u kif jingħata, hi xhieda li “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4:8,16). Il-ħajja kkonsagrata tistqarr li temmen u li tgħix bl-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għalhekk il-komunità tal-aħwa ssir mera tal-grazzja ta’ Alla Trinità ta’ Mħabba.

 

B’differenza mill-eremiti, li jgħixu “fis-skiet tas-solitudni”[60] u anki huma jgawdu stima kbira min-naħa tal-Knisja, il-ħajja monastika titlob il-ħajja komunitarja fi proċess kontinwu ta’ maturità, li jwassalha biex tgħix komunjoni awtentika bejn l-aħwa, koinonia. Dan jitlob mill-membri kollha tagħha li jħossuhom bennejja tal-komunità u mhux biss dawk li jgawdu mill-ġid li jistgħu jirċievu minnha. Komunità teżisti daqskemm titwieled u tinbena bis-sehem ta’ kulħadd, kull wieħed u waħda skond id-doni li għandu, billi tikkultiva spiritwalità qawwija ta’ komunjoni, li jwassal lil kull wieħed u waħda li jħoss u jgħix l-appartenenza reċiproka.[61] Hekk biss il-ħajja komunitarja ssir għajnuna ta’ wieħed lill-ieħor fit-twettiq tal-vokazzjoni propja ta’ kull persuna.[62]

 

26. Intom li ħaddantu l-ħajja monastika, ftakru dejjem li l-bnedmin ta’ żmienna jistennew minnkom xhieda ta’ komunjoni vera bejn l-aħwa li turi bil-qawwa kollha, f’din is-soċjetà mmarkata minn firdiet u nuqqas ta’ ugwaljanza, li hu possibbli u sabiħ li tgħix flimkien (ara Salm 133:1), minkejja d-differenzi fil-ġenerazzjonijiet, fil-formazzjoni u, xi drabi, fil-kulturi. Ħa jkunu l-komunitajiet tagħkom sinjali li jitwemmnu li dawn id-differenzi, mhux biss mhumiex impediment għall-ħajja bejn l-aħwa, imma jżidu jagħnuha. Ftakru li l-għaqda u l-komunjoni ma jfissrux uniformità, u li jissaħħu bid-djalogu, il-qsim flimkien, l-għajnuna reċiproka u umanità profonda, speċjalment fil-konfront tal-membri l-iżjed dgħajfa u fil-bżonn.

 

27. Fl-aħħar nett, ftakru li l-ħajja fraterna fil-komunità hi wkoll l-ewwel għamla ta’ evanġelizzazzjoni: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:34-35). Għalhekk inħeġġiġkom ma tittraskurawx il-mezzi li għandkom f’idejkom biex issaħħuha, hekk kif tipproponiha u twettaqha l-Knisja,[63] billi toqogħdu għassa l-ħin kollu fuq dan l-aspett tal-ħajja monastika, delikat u mhux ta’ importanza sekondarja. Flimkien mal-qsim tal-Kelma u tal-esperjenza ta’ Alla u mad-dixxerniment komunitarju, “ta’ min ifakkar ukoll fil-korrezzjoni fraterna, ir-reviżjoni tal-ħajja u għamliet oħra tipiċi tat-tradizzjoni. Huma modi konkreti kif naqdu lil xulxin u kif insawbu fuq il-komunità d-doni li l-Ispirtu jxerred bil-kotra għall-bini tagħha u għall-missjoni tagħha fid-dinja”.[64]

 

Kif għidt dan l-aħħar f’laqgħa li kelli mal-ikkonsagrati li ġew Ruma għall-għeluq tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata,[65] agħmlu premura li tkunu qrib tas-sorijiet l-oħra li l-Mulej takom b’don prezzjuż. Min-naħa l-oħra, kif kien ifakkar San Benedittu, hu fundamentali fil-ħajja komunitarja li “tqimu lill-anzjani u tħobbu liż-żgħażagħ”.[66] F’din it-tensjoni ta’ armonija bejn memorja u l-futur imwiegħed issib għeruqha wkoll ħajja fraterna għammiela fil-komunità.

 

L-awtonomija tal-monasteri

28. L-awtonomija tiffavorixxi l-istabbiltà tal-ħajja u l-għaqda interna ta’ kull komunità, u tiggarantixxi l-aħjar kundizzjonijiet għall-kontemplazzjoni. Imma din l-awtonomija m’għandhiex tfisser indipendenza jew iżolament, partikularment mill-monasteri l-oħra tal-istess Ordni jew tal-familja kariżmatika li tkun.

 

29. Konxji li “ħadd ma jibni l-futur tiegħu billi jinqata’ għalih waħdu, u lanqas bil-ħila tiegħu biss, imma billi jagħraf lilu nnifsu fil-verità ta’ komunjoni li dejjem hi miftuħa għal-laqgħa, għad-djalogu, għas-smigħ, għall-għajnuna reċiproka”,[67] araw li tħarsu ruħkom “mill-marda tal-awtoreferenzjalità[68] u għożżu l-valur tal-komunjoni bejn id-diversi monasteri bħala mixja li tiftaħ għall-futur, billi taġġornaw u hekk twettqu l-valuri permanenti u kodifikati tal-awtonomija tagħkom.[69]

 

Il-Federazzjonijiet

30. Il-federazzjoni hi struttura importanti ta’ komunjoni bejn il-monasteri li għandhom sehem mill-istess kariżma, biex hekk ma jibqgħux iżolati.

 

Għan prinċipali tal-federazzjonijiet hu li jippromovu l-ħajja kontemplattiva fil-monasteri li jagħmlu parti minnhom, skond il-ħtiġijiet ta’ dik il-kariżma, u jiggarantixxu l-għajnuna fil-formazzjoni permanenti u tal-bidu, kif ukoll fil-ħtiġijiet konkreti, bl-iskambju ta’ monaċi u l-qsim ta’ ġid materjali; għal dan il-għan, ta’ min jinkuraġġihom u jżidhom.[70]

 

Il-klawsura

31. Il-qtugħ mid-dinja, meħtieġ għal dawk li jimxu wara Kristu fil-ħajja reliġjuża, għalikom, sorijiet kontemplattivi, jidher b’mod partikulari fil-klawsura, li hi l-post tal-intimità tal-Knisja għarusa: “xbieha tal-għaqda waħdanija tal-Knisja bħala Għarusa ma’ Sidha, li tħobbu fuq kull ħaġ’oħra”.[71]

 

Il-klawsura ngħatat kodifikazzjoni kanonika f’erba’ xejriet u modalitajiet:[72] barra dik komuni għall-Istituti reliġjużi kollha, hemm tliet karatteristiċi tal-komunitajiet ta’ ħajja kontemplattiva, imsejħa papali, kostituzzjonali u monastika. Il-klawsura papali hi dik “konformi man-normi mogħtija mis-Sede Appostolika”[73] u “teskludi dmirijiet esterni ta’ appostolat”.[74] Il-klawsura kostituzzjonali hi rregolata min-normi tal-Kostituzzjonijiet propji; u l-klawsura monastika, għad li tħares il-karattru ta’ “dixxiplina iktar rigoruża”[75] meta mqabbla ma’ dik komuni, tippermetti li mal-funzjoni primarja tal-kult divin jixxierku għamliet usa’ ta’ akkoljenza u ospitalità, dejjem skond il-Kostituzzjonijiet propji. Il-klawsura komuni hi l-inqas magħluqa mill-erbgħa.[76]

 

Il-varjetà ta’  modi kif tiġi osservata l-klawsura fi ħdan l-istess Ordni għandha titqies għana u mhux impediment għall-komunjoni, għax ixxierek flimkien sensibbiltajiet diversi f’għaqda ogħla.[77] Din il-komunjoni tista’ titlaħħam f’diversi xejriet ta’ laqgħa u ta’ kollaborazzjoni, fuq kollox fil-formazzjoni permanenti u dik tal-bidu.[78]

 

Ix-xogħol

32. Anki għalikom ix-xogħol hu sehem fl-opra li Alla ħallieq qed ikompli jwettaq fid-dinja. Din il-ħidma tqegħidkom f’relazzjoni stretta ma’ dawk li jaħdmu b’responsabbiltà biex jgħixu mill-frott ta’ jdejhom stess (ara Ġen 3:19), biex tagħtu sehemkom fl-opra tal-ħolqien u taqdu lill-bnedmin; b’mod partikulari tagħmilkom solidali mal-foqra li ma jistgħux jgħixu jekk ma jaħdmux u li spiss, imqar jekk jaħdmu, għandhom bżonn tal-għajnuna providenzjali tal-aħwa.

 

Biex ix-xogħol ma jitfix l-ispirtu ta’ kontemplazzjoni, kif jgħallmuna l-qaddisin kbar kontemplattivi, u biex din tagħkom tkun ħajja “fqira tassew u fl-ispirtu, imqattgħa f’moderazzjoni bieżla” kif timponi fuqkom il-professjoni, b’vot solenni, tal-kunsill evanġeliku tal-faqar,[79] ix-xogħol għandu jsir b’devozzjoni u fedeltà, bla ma tħallu jikkundizzjonawkom il-mentalità effiċjentista u l-attiviżmu tal-kultura ta’ żmienna. Ħa jibqa’ għalikom dejjem validu l-motto tat-tradizzjoni Benedittina “ora et labora”, li jedukana biex insibu dik ir-relazzjoni bbilanċjata bejn it-tensjoni lejn l-Assolut u t-tħabrik fir-resposabbiltajiet ta’ kuljum, bejn is-sikta tal-kontemplazzjoni u l-ħeffa fil-qadi.

 

Is-skiet

33. Fil-ħajja kontemplattiva, partikularment f’dik għalkollox kontemplattiva, huwa importanti li nkunu attenti għas-skiet li fih tgħammar il-Preżenza, bħala spazju meħtieġ ta’ smigħ u fejn wieħed jixtarr il-Kelma, u kundizzjoni għal ħarsa ta’ fidi li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fl-istorja personali, f’dik tal-aħwa li l-Mulej jagħtikom u fil-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna. Is-skiet ifisser li nitbattlu minna nfusna biex nagħmlu wisa’ ħalli nilqgħu fina; fl-istorbju ta’ ġo fina ma nistgħu nilqgħu lil ħadd u xejn. Ħajjitkom kollha kemm hi kontemplattiva trid iż-“żmien u ħila li żżommu s-silenzju biex tisimgħu”[80] lil Alla u l-karba tal-bniedem. Mela ħa jiskot l-ilsien tal-laħam u jitkellem dak tal-Ispirtu, imqanqal mill-imħabba li kull waħda minnkom għandha għal Sidha.[81]

 

F’dan hu ta’ eżempju għalikom is-skiet ta’ Marija Santissma, li setgħet tilqa’ fiha l-Kelma għax kienet mara tas-skiet: mhux skiet sterili, vojt; għall-kuntrarju, skiet mimli, għani. Dak tal-Omm Verġni hu wkoll skiet għani bl-imħabba, li lest jilqa’ lill-Ieħor u lill-oħrajn.

 

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni

34. Fis-soċjetà tagħna l-kultura diġitali qed tħalli effett kbir u deċiżiv fuq il-formazzjoni tal-ħsieb u fil-mod kif inġibu ruħna mad-dinja u, partikularment, man-nies. Din il-klima kulturali tħalli effett ukoll fuq il-komunitajiet kontemplattivi. Bla dubju dawn il-mezzi jistgħu jkunu għodda siewja għall-formazzjoni u l-komunikazzjoni, imma nitlobkom tagħmlu dixxerniment prudenti biex dawn tqegħduhom għas-servizz tal-formazzjoni għall-ħajja kontemplattiva u tal-komunikazzjoni meħtieġa, u ma jkunux okkażjoni ta’ ħela ta’ ħin jew ta’ ħarba mill-ħajja mal-aħwa fil-komunità, lanqas ta’ ħsara għall-vokazzjoni tagħkom, jew xkiel għall-ħajja tagħkom mogħtija kollha kemm hi għall-kontemplazzjoni.[82]

 

L-axxeżi

35. L-axxeżi, bil-mezzi kollha li l-Knisja tipproponi għall-ħakma fuqna nfusna u t-tisfija tal-qalb, twassalna wkoll biex ninħelsu minn dak kollu li hu tal-“mondanità” ħalli ngħixu l-loġika tal-Vanġelu li hi l-loġika tad-don, partikularment id-don tagħna nfusna, ħaġa li titlobha bil-qawwa t-tweġiba għal dik l-ewwel imħabba waħdanija ta’ ħajjitna. Hekk tistgħu twieġbu wkoll għal dak li jistennew minnkom l-aħwa, kif ukoll għall-ħtiġijiet morali u spiritwali intrinsiċi għal kull wieħed mit-tliet kunsilli evanġeliċi minnkom mistqarra b’vot solenni.[83]

 

Hawn, il-ħajja tagħkom kollha kemm hi mogħtija, tikseb sens profetiku qawwi: sobrjetà, distakk mill-ħwejjeġ tal-art, għotja tagħkom infuskom għall-ubbidjenza, trasparenza fir-relazzjonijiet, għalikom kollox isir iktar radikali u esiġenti minħabba fl-għażla li tiċċaħħdu wkoll “minn ‘post’, minn kuntatti , mill-ġid kollu tal-ħolqien [… bħala] mod speċjali li bih il-klawstrali joffru l-‘ġisem’”.[84] L-għażla tagħkom ta’ ħajja ta’ stabbiltà ssir sinjal elokwenti ta’ fedeltà quddiem id-dinja tagħna globalizzata u mdorrija għal ċaqliq dejjem iktar mgħaġġel u faċli, bir-riskju li qatt ma tniżżel għeruqha mkien.

 

Anki l-qasam tar-relazzjonijiet mal-aħwa l-ħajja klawstrali tesiġih iżjed u iżjed,[85] għax din timponi fil-komunità relazzjonijiet kontinwi u dejjem eqreb ta’ xulxin. Intom tistgħu tkunu eżempju u għajnuna għall-poplu ta’ Alla u għall-umanità ta’ żmienna, immarkata u xi drabi miġruħa minn tant firdiet, biex tibqa’ qrib tal-aħwa anki hemm fejn hemm differenzi x’jitranġaw, tensjonijiet u kunflitti x’jissolvew, dgħufijiet x’jiġu milqugħa. L-axxeżi hi wkoll mezz biex tiġu wiċċ imb wiċċ mad-dgħufija tagħkom u tafdawha f’idejn it-tjieba ta’ Alla u tal-komunità.

 

Fl-aħħar nett, l-impenn axxetiku hu meħtieġ biex tistgħu twettqu ta’ kuljum bi mħabba u fedeltà d-dmirijiet tagħkom, bħala okkażjoni biex taqsmu ma’ tant aħwa fid-dinja x-xorti tagħhom, u bħala offerta siekta u għammiela għalihom.

 

Ix-xhieda tal-monaċi nisa

36. Għeżież ħuti, dak li ktibt f’din il-Kostituzzjoni appostolika hu għalikom, li ħaddantu l-vokazzjoni kontemplattiva, għajnuna valida biex tistgħu ġġeddu l-ħajja tagħkom u l-missjoni tagħkom fil-Knisja u fid-dinja. Ħa jwettaq il-Mulej fil-qlub tagħkom l-opra tiegħu u jibdilkom għalkollox fih, l-għan aħħari tal-ħajja kontemplattiva;[86] u jalla l-komunitajiet jew fraternitajiet tagħkom ikunu skejjel veri ta’ kontemplazzjoni u talb.

 

Id-dinja u l-Knisja għandhom bżonnkom, bħala “fanali” li jdawlu l-mixja tal-bnedmin ta’ żmienna. Ħa tkun din il-profezija tagħkom. L-għażla tagħkom mhix li taħarbu mid-dinja għax beżżiegħa, kif jaħsbu xi wħud. Intom għadkom fid-dinja, bla ma intom tad-dinja (ara Ġw 18:19) u, imqar jekk maqtugħa minnha, b’sinjali li jesprimu li intom ta’ Kristu, tieqfu qatt tidħlu l-ħin kollu għall-umanità, u twasslu quddiem il-Mulej il-beżgħat u t-tamiet tagħha, il-ferħ u t-tbatija tagħha.[87]

 

La ċċaħħduniex min dan is-sehem tagħkom fil-bini ta’ dinja iżjed umana u allura iżjed evanġelika. Ingħaqdu ma’ Alla, isimgħu l-karba ta’ ħutkom (ara 3:7; Ġak 5:4) vittmi tal-“kultura tal-iskart”,[88] jew li sempliċement jeħtieġu d-dawl tal-Vanġelu. Tħarrġu fl-arti tas-smigħ, “li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk”,[89] u ħaddmu l-“ispiritwalità tal-ospitalità”, billi fil-qalb tagħkom tilqgħu u fit-talb tagħkom iġġorru dak kollu li jolqot lill-bniedem maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26). Kif ktibt fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, “meta ninterċedu, ma nkunux qed nitbiegħdu mill-vera kontemplazzjoni, għax il-kontemplazzjoni li żżomm barra lill-oħrajn hi qerq”.[90]

 

Hekk ix-xhieda tagħkom tkun bħal twettiq meħtieġ ta’ dik l-oħra ta’ dawk li, kontemplattivi fil-qalba tad-dinja, jagħtu xhieda tal-Vanġelu billi jibqgħu għalkollox mgħaddsa fir-realtajiet u fil-bini tal-belt ta’ din l-art.

 

37. Għeżież ħuti sorijiet kontemplattivi, tafu tajjeb li anki din tagħkom, bħal kull għamla oħra ta’ ħajja kkonsagrata “hi don lill-Knisja, titwieled fil-Knisja, tikber fil-Knisja, hi kollha orjentata lejn il-Knisja”.[91] Kunu mela f’komunjoni qawwija mal-Knisja, biex issiru fiha l-kontinwazzjoni ħajja tal-misteru tal-Verġni Marija, għarusa u omm, li tilqa’ u tħares il-Kelma biex imbagħad troddha lid-dinja, u hekk tagħti sehemha biex tiled u tgħin lil Kristu jikber fil-qalb tal-bnedmin għatxana, anki jekk spiss bla ma jafu, għal Dak li hu “triq, verità u ħajja” (Ġw 14:6). Bħal Marija, kunu intom ukoll “tarġa” li minnha Alla jinżel biex jiltaqa’ mal-bniedem u l-bniedem jitla’ biex jiltaqa’ ma’ Alla u jikkontempla l-wiċċ tiegħu fil-wiċċ ta’ Kristu.

 

KONKLUŻJONI NORMATTIVA

 

Fid-dawl ta’ dak li ntqal sa issa, nordna u nistabbilixxi dan li ġej.

 

Art. 1. B’riferenza għall-kanoni 20 tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, u wara li ġew meqjusa b’ħafna attenzjoni s-37 artiklu t’hawn fuq, bil-promulgazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni Appostolika Vultum Dei quærere jiġu derogati:

1. il-kanoni tal-CIC li, f’xi parti minnhom, imorru direttament kontra xi wieħed mill-artikli ta’ din il-Kostituzzjoni;

2. u, b’mod iżjed speċifiku, l-artikli dispożittivi-normattivi:

- tal-Kostituzzjoni Appostolika Sponsa Christi ta’ Piju XII tal-1950: Statuta generalia Monialium;

- tal-Istruzzjoni Inter præclara tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi;

- tal-Istruzzjoni Verbi sponsa, tal-CIVCSVA, 13 ta’ Mejju 1999, fuq il-ħajja kontemplattiva u l-klawsura tal-monaċi nisa.

 

Art. 2 §1. Din il-Kostituzzjoni hija indirizzata kemm lill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, u kemm lill-monasteri femminili ta’ ħajja kontemplattiva jew għalkollox kontemplattiva, federati u mhumiex.

§2. Huma materji regolati minn din il-Kostituzzjoni Appostolika dawk imniżżla hawn fuq f’n. 12 u żviluppati f’nn. 13-35.

§3. Il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika – jekk ikun il-bżonn, fi qbil mal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali u l-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli – tirregola l-modalitajiet differenti ta’ twettiq ta’ dawn in-normi kostituttivi, skond id-diversi tradizzjonijiet monastiċi u waqt li żżomm quddiem għajnejha l-familji kariżmatiċi differenti.

 

Art. 3 §1. Il-monasteri partikulari għandhom jieħdu ħsieb b’attenzjoni partikulari, permezz ta’ strutturi xierqa li għandhom jiġu magħżula fit-tfassil tal-proġett tal-ħajja komunitarja, il-formazzjoni permanenti, li hi bħall-humus ta’ kull fażi tal-formazzjoni, diġà sa minn dik tal-bidu.

§2. Biex jiżguraw formazzjoni permanenti xierqa, il-federazzjonijiet għandhom jippromovu l-kollaborazzjoni bejn il-monasteri permezz ta’ skambju ta’ materjal ta’ formazzjoni u bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali, filwaqt li jimxu dejjem bid-diskrezzjoni kollha meħtieġa.

§3. Minbarra l-attenzjoni fl-għażla tas-sorijiet imsejħa biex jiffurmaw u jsieħbu l-kandidati fil-mixja ta’ maturazzjoni personali tagħhom (formaturi), il-monasteri partikulari u l-federazzjonijiet għandhom itejbu l-formazzjoni ta’ dawn il-formaturi u tal-kollaboraturi tagħhom.

§4. Is-sorijiet imsejħa biex iwettqu s-servizz delikat tal-formazzjoni jistgħu, servatis de iure servandis, jiffrekwentaw korsijiet speċifiċi ta’ formazzjoni anki ’l barra mill-monasteru tagħhom, waqt li jżommu klima xierqa u li taqbel ma’ dak li titlob il-kariżma speċifika tagħhom. Il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika sa xxandar normi partikulari dwar din il-materja.

§5. Il-monasteri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali għad-dixxerniment spiritwali u vokazzjonali, biex jiżguraw lill-kandidati akkumpanjament personalizzat u jippromovu programmi xierqa ta’ formazzjoni, waqt li jżommu dejjem quddiem għajnejhom li għandu jingħata żmien biżżejjed għall-formazzjoni tal-bidu.

§6. Minkejja li t-twaqqif ta’ komunitajiet internazzjonali u multikulturali jixhed għall-universalità ta’ kariżma partikulari, għandu assolutament jiġi evitat ir-reklutaġġ ta’ kandidati minn pajjiżi oħra bl-għan waħdieni li monasteru jinżamm miftuħ. Għandhom jiġu elaborati kriterji biex jiżguraw it-twettiq ta’ dan.

§7. Biex tiġi żgurata formazzjoni ta’ kwalità, skond iċ-ċirkustanzi, il-monasteri għandhom jippromovu djar komuni bejniethom għall-formazzjoni tal-bidu.

 

Art. 4 §1. Fl-għarfien li t-talb hu l-qalb tal-ħajja kontemplattiva, kull monasteru għandu jivverifika l-orarju tal-ġurnata tiegħu biex jiżen jekk il-Mulej jinsabx fiċ-ċentru tagħha.

§2. Iċ-ċelebrazzjonijiet komunitarji għandhom jiġu eżaminati biex jaraw humiex qed ikunu tassew laqgħa ħajja mal-Mulej.

 

Art. 5 §1. Fid-dawl tal-importanza tal-lectio divina, kull monasteru għandu jistabbilixxi ħinijiet u modi xierqa għal din il-ħtieġa ta’ qari/smigħ, ruminatio, talb, kontemplazzjoni u qsim tal-Iskrittura Mqaddsa.

§2. Ladarba l-qsim tal-esperjenza trasformanti tal-Kelma mas-saċerdoti, id-djakni, l-ikkonsagrati l-oħra u l-lajċi hi espressjoni ta’ komunjoni vera ekkleżjali, kull monasteru għandu jfittex il-mezzi ta’ kif iwassal dan il-qsim spiritwali ’l barra minnu.

 

Art. 6 §1. Kull monasteru, meta jiġi biex ifassal il-proġett komunitarju u tal-ħajja fraterna fi ħdanu, minbarra t-tħejjija mirquma taċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi, għandu jara li jkun hemm ħin konsiderevoli ta’ adorazzjoni Ewkaristika, u joffri anki lill-fidili tal-Knisja lokali l-possibbiltà li jieħdu sehem.

§2. Għandha tintwera attenzjoni partikulari fl-għażla tal-kappillani, tal-konfessuri u tad-diretturi spiritwali, billi wieħed iqis l-ispeċifiċità tal-kariżma u l-esiġenzi tal-ħajja fraterna fil-komunità.

 

Art. 7 §1. Dawk li huma msejħa biex iħaddmu l-ministeru tal-awtorità, barra li jieħdu ħsieb tal-formazzjoni tagħhom infushom, għandhom iħallu jmexxihom spirtu veru ta’ fraternità u ta’ qadi, biex jiffavorixxu klima ferrieħa ta’ libertà u ta’ responsabbiltà li hekk tippromovi d-dixxerniment personali u komunitarju u l-komunikazzjoni fil-verità ta’ dak li wieħed jagħmel, jaħseb u jħoss.

§2. Il-proġett komunitarju għandu jilqa’ bil-qalb u jħeġġeġ l-iskambju tad-doni umani u spiritwali ta’ kull waħda mill-aħwa, għall-għana reċiproku u l-progress tal-fraternità.

 

Art. 8 §1. Mal-awtonomija ġuridika għandha tikkorrispondi awtonomija vera ta’ ħajja, li tfisser: numru mqar minimu ta’ sorijiet, sakemm il-parti l-kbira mhumiex imdaħħla fiż-żmien; il-vitalità meħtieġa biex tingħax u tingħadda l-kariżma; il-ħila vera ta’ formazzjoni u tmexxija; id-dinjità u l-kwalità tal-ħajja liturġika, fraterna u spiritwali; is-sinifikat għall-Knisja lokali u l-inseriment fiha; il-possibbiltà li ssostni lilha nfisha; struttura xierqa tal-binja monastika. Dawn il-kriterji għandhom jitqiesu fil-globalità tagħhom u f’viżjoni magħquda.

§2. Jekk dawn ir-rekwiżiti għal awtonomija vera ta’ monasteru mhumiex milħuqa, il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika tiżen ikunx opportun li twaqqaf kummissjoni ad hoc magħmula mill-Ordinarju, mill-President tal-Federazzjoni, mill-Assistenta federali u mill-Badessa jew Prijura tal-monasteru. Ikun xi jkun il-każ, dan l-intervent ikollu bħala għan tiegħu li jwettaq proċess ta’ akkumpanjament għal tiġdid tal-monasteru, jew inkella biex dan jingħalaq.

§3. Dan il-proċess jista’ jipprevedi wkoll l-affiljazzjoni għal monasteru ieħor jew l-affidament f’idejn il-President tal-Federazzjoni, jekk il-monasteru hu federat, bil-Kunsill tagħha. Hu x’inhu, id-deċiżjoni finali tibqa’ tal-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

 

Art. 9 §1. Fil-bidu l-monasteri kollha jridu jagħmlu parti minn federazzjoni. Jekk għal raġunijiet speċjali monasteru ma jkunx jista’ jiġi federat, bil-vot tal-kapitlu, jintalab il-permess tas-Santa Sede, li hi kompetenza tagħha tagħmel id-dixxerniment meħtieġ, biex il-monasteru jkun jista’ ma jagħmilx parti minn federazzjoni.

§2. Il-federazzjonijiet jistgħu jitwaqqfu mhux tant u mhux biss skond kriterju ġeografiku, imma ta’ affinità fl-ispirtu jew it-tradizzjonijiet. Il-modalitajiet biex dan iseħħ jiġu indikati mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

§3. Tiġi wkoll garantita l-għajnuna fil-formazzjoni u fil-ħtiġijiet konkreti permezz tal-iskambju ta’ sorijiet u l-qsim ta’ ġid materjali, kif tordna l-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, li tistabbilixxi wkoll il-kompetenzi tal-President u tal-Kunsill tal-Federazzjoni.

§4. Għandha tiġi mħeġġa l-assoċjazzjoni, anki ġuridika, tal-monasteri mal-Ordni maskili korrispondenti. Jitħeġġu wkoll il-Konfederazzjonijiet u t-twaqqif ta’ Kummissjonijiet internazzjonali tad-diversi Ordnijiet, bi statuti approvati mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

 

Art. 10 §1. Kull monasteru, wara dixxerniment serju u f’rispett lejn it-tradizzjoni propja tiegħu u dak li jitolbu l-Kostituzzjonijiet, għandu jitlob lis-Santa Sede liema xorta ta’ klawsura jixtieq iħaddan, kemm-il darba jinħass il-bżonn ta’ għamla differenti minn dik attwali.

§2. Meta tkun ġiet magħżula waħda mill-għamliet ta’ klawsura previsti, kull monasteru għandu jara li joqgħod għaliha u jgħix skond dak li ġġib magħha.

 

Art. 11 §1. Anki jekk xi komunitajiet monastiċi jista’ jkollhom dħul, fi qbil mal-liġi tagħhom, xorta ma għandhomx jibqgħu lura mid-dmir tax-xogħol.

§2. Għall-komunitajiet mogħtija għall-kontemplazzjoni, il-frott tax-xogħol ma għandux ikollu biss l-għan li jiżgura l-għajxien dinjituż imma anki, meta possibbli, li jgħinu fil-ħtiġijiet tal-foqra u tal-monasteri fil-bżonn.

 

Art. 12. L-orarju ta’ kuljum ta’ kull monasteru għandu jħalli waqtiet opportuni ta’ skiet, biex hekk tiġi megħjuna l-klima ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni.

 

Art. 13. Kull monasteru għandu jara li fil-proġett komunitarju tiegħu jkollu l-mezzi idoneji biex jista’ jesprimi l-impenn axxetiku fil-ħajja monastika, b’mod li jagħmilha iżjed profetika u li titwemmen.

 

Dispożizzjoni finali

Art. 14 §1. Il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika se xxandar, skond l-ispirtu u n-normi ta’ din il-Kostituzzjoni Appostolika, Istruzzjoni ġdida dwar il-materji msemmija f’n. 12.

§2. L-artikli tal-Kostituzzjonijiet jew Regoli tal-Istituti partikulari, wara li jiġu addattati għad-dispożizzjonijiet il-ġodda, għandhom jitressqu għall-approvazzjoni tas-Santa Sede.

 

Mogħtija Ruma f’San Pietru, nhar id-29 ta’ Ġunju, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, tas-sena 2016, ir-raba’ tal-pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

ħajr ukoll lil Fr Brendan Gatt


 

[1] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 19.

[2] I, 1, 1: PL 32, 661.

[3] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 169: AAS 105 (2013), 1091.

[4] Ittra appostolika Lill-ikkonsagrati kollha fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata (21 ta’ Novembru 2014), II, 2: AAS 106 (2014), 941.

[5] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 68: AAS 88 (1996), 443.

[6] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 83: AAS 102 (2010), 754.

[7] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 59: AAS 88 (1996), 432.

[8] Ara CIC, kan. 573/1.

[9] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 16: AAS 88 (1996), 389.

[10] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 83: AAS 102 (2010), 754.

[11] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 18: AAS 88 (1996), 391-392.

[12] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 3.29: AAS 88 (1996), 379, 402.

[13] Regola 58, 7.

[14] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 8: AAS 88 (1996), 382-383.

[15] Ibid., Ittra appostolika Orientale lumen (2 ta’ Mejju 1995), 9: AAS 87 (1995), 754.

[16] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44.

[17] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 83: AAS 102 (2010), 754.

[18] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Perfectæ caritatis, 5.

[19] Ibid., 1.

[20] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 14: AAS 88 (1996), 387.

[21] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 46; ibid., Digriet Christus Dominus, 35; ibid., Digriet Perfectæ caritatis, 7. 9; CIC, kan. 674.

[22] Ara CIC, kan. 667 § 2-3.

[23] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Orientale lumen (2 ta’ Mejju 1995), 9: AAS 87 (1995), 754.

[24] Franġisku ta’ AssisiGħanja tal-ħlejjaq, 1: FF 263.

[25] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44.

[26] Ara ibid., Digriet Perfectæ caritatis, 2.

[27] Ara Kjara ta’ AssisiIII Ittra lil Sant’Anjeże tal-Boemja, 8: FF 2886.

[28] Franġisku ta’ AssisiTifħir lil Alla l-aktar għoli, 3, 5: FF 261.

[29] Tereża ta’ AvilaObras completasPoesías, Editorial Monte Carmelo, Burgos 2011, 1368.

[30] Ara Djoniġi ċ-ĊertosinEnarrationes in cap. 3 Can. Cant. XI, 6, f’Doctoris Ecstatici D. Dionysii Cartusiani Opera Omnia, VII, Typis Cartusiæ, Monstrolii 1898, 361.

[31] Franġisku ta’ AssisiGħanja tal-ħlejjaq, 4: FF 263.

[32] N. 83: AAS 105 (2013), 1054-1055.

[33] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 65: AAS 88 (1996), 441; CIC, kan. 664.

[34] Ibid., 66: AAS 88 (1996), 442.

[35] Ibid., 69: AAS 88 (1996), 444; ara CIC, kan. 661.

[36] Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel Terzo Millennio (19 ta’ Mejju 2002), 18.

[37] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 65: AAS 88 (1996), 441.

[38] Ara CIC, kan. 648/1 e 3; 657/2.

[39] Tislima fi tmiem il-Quddiesa, 2 ta’ Frar 2016: L’Osservatore Romano, 4 ta’ Frar 2016, p. 6; ara CIC, kan. 673.

[40] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 83; CIC, kan. 1173; 1174/1.

[41] Ara Benedittu XVIKatekeżi (28 ta’ Diċembru 2011): Insegnamenti VII/2 (2011), 980-985; CIC, kan. 663/4; Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni Il servizio dell’autorità e l’obbedienza, 11 ta’ Mejju 2008, 31.

[42] BenedittuRegola, 43, 3.

[43] Ara Franġisku ta’ AssisiRegola mhux bullata, XXIII, 31: FF 71.

[44] Ara Kjara ta’ AssisiIII Ittra lil Sant’Anjeże tal-Boemja, 12. 13: FF 2888.

[45] Regola, 4, 55.

[46] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 86: AAS 102 (2010), 757; CIC, kan. 663/3.

[47] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 94: AAS 88 (1996), 469; ara CIC, kan. 758.

[48] Ara Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel Terzo Millennio (19 ta’ Mejju 2002), 25; Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 43: AAS 93 (2001), 297.

[49] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 86: AAS 102 (2010), 758; CIC, kan. 754-755.

[50] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 94: AAS 88 (1996), 470.

[51] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 87: AAS 102 (2010), 759.

[52] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Presbyterorum ordinis, 5; ara CIC, kan. 899.

[53] Omelija għas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu (26 ta’ Mejju 2016): L’Osservatore Romano, 27-28 ta’ Mejju 2016, p. 8; ara CIC, kan. 663/2.

[54] Ara Ġwanni Pawlu IIOmelija għas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu (14 ta’ Ġunju 2001), 3: AAS 93 (2001), 656.

[55] Ibid., Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 6: AAS 95 (2003), 437.

[56] Ibid., Ittra appostolika Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 26: AAS 80 (1988), 1716.

[57] Ara Bolla Misericordiæ vultus, 1: AAS 107 (2015), 399; CIC, kan. 664; 630.

[58] Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni La vita fraterna in comunità. Congregavit nos in unum Christi amor (2 ta’ Frar 1994), 10.

[59] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 21: AAS 88 (1996), 395.

[60] CIC, kan. 603.

[61] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 43: AAS 93 (2001), 296-297.

[62] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Perfectæ caritatis,15; CIC, kan. 602.

[63] Ara Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni La vita fraterna in comunità. Congregavit nos in unum Christi amor (2 ta’ Frar 1994); CIC, kan. 607/2; 608; 665; 699/1.

[64] Ibid., 32; ara CIC, kan. 619; 630; 664.

[65] Ara Diskors lill-parteċipanti fil-Ġublew tal-ħajja kkonsagrata, 1 ta’ Frar 2016: L’Osservatore Romano, 1-2 ta’ Frar 2016, p. 8.

[66] BenedittuRegola, IV, 70-71.

[67] Ittra appostolika Lill-ikkonsagrati fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata (21 ta’ Novembru 2014), II, 3: AAS 106 (2014), 943.

[68] Ibid.

[69] Ara ibid.; CIC, kan. 614-615; 628/2-1; 630/3; 638/4; 684/3; 688/2; 699/2; 708; 1428/1-2.

[70] Ara CIC, kan. 582; 684/3.

[71] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 59: AAS 88 (1996), 431.

[72] Ara ibid., 59; CIC, kan. 667.

[73] CIC, kan. 667 § 3.

[74] Ibid., kan. 674.

[75] Ibid., kan. 667 § 2.

[76] Ara ibid., kan. 667/1.

[77] Ara J.M. BergoglioIntervent tat-13 ta’ Ottubru 1994 fis-Sinodu tal-Isqfijiet fuq Il-ħajja kkonsagrata u l-missjoni tagħha fil-Knisja u fid-dinja (miġjuba f’Vida Religiosa 115, n. 7, Lulju-Settembru 2013).

[78] Ara Ittra appostolika  Lill-ikkonsagrati fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata (21 ta’ Novembru 2014), II, 3: AAS 106 (2014), 942-943.

[79] Ara CIC, kan. 600.

[80] Messaġġ għat-XLVIII Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (1 ta’ Ġunju 2014): AAS 106 (2014), 114; ara Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni La vita fraterna in comunità. Congregavit nos in unum Christi amor (2 ta’ Frar 1994), 10 u 34.

[81] Ara Kjara ta’ AssisiIV Ittra lil Anjeże, 35: FF 2908.

[82] Ara CIC, kan. 666.

[83] Ara Tislima lill-ikkonsagrati wara l-Quddiesa, 2 ta’ Frar 2016: L’Osservatore Romano, 4 ta’ Frar 2016, p. 6; CIC, kan. 599-601; 1191-1192.

[84] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 59: AAS 88 (1996), 431.

[85] Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni La vita fraterna in comunità. Congregavit nos in unum Christi amor (2 ta’ Frar 1994), 10.

[86] Ara Kjara ta’ AssisiIII Ittra lil Anjeże, 12-13: FF 2888; IV Ittra lil Anjeże, 15, 16: FF 2902.

[87] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 4.

[88] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 53: AAS 105 (2013), 1042; ara ibid., 187ss: AAS 105 (2013), 1098ss.

[89] Ibid., 171: AAS 105 (2013), 1091.

[90] Ibid., 281: AAS 105 (2013), 1133.

[91] J.M. BergoglioIntervent tat-13 ta’ Ottubru 1994 fis-Sinodu tal-Isqfijiet fuq Il-ħajja kkonsagrata u l-missjoni tagħha fil-Knisja u fid-dinja (miġjuba f’Vida Religiosa 115, n. 7, Lulju-Settembru 2013).