L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

SUMMA FAMILIÆ CURA

 

 

 

ITTRA APPOSTOLIKA

F’GĦAMLA TA’ MOTU PROPRJU

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

SUMMA FAMILIÆ CURA

 

għat-twaqqif tal-Istitut Pontifiċju Teoloġiku Ġwanni Pawlu II għax-Xjenzi taż-Żwieġ u tal-Familja

 

Imqanqal mill-akbar sens ta’ għożża għall-familja, San Ġwanni Pawlu II, wara s-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1980 dwar il-familja u l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Familiaris consortio, tal-1981, bil-Kostituzzjoni appostolika Magnum Matrimonii sacramentum ta għamla ġuridika stabbli lill-Istitut Pontifiċju Ġwanni Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja, li jaħdem fi ħdan l-Università Pontifiċja Lateranensi. Minn dakinhar dan żviluppa ħidma b’saħħitha ta’ approfondiment teoloġiku u ta’ formazzjoni pastorali kemm fis-Sede Ċentrali tiegħu ta’ Ruma, u kemm fis-Sezzjonijiet barra mill-belt, illum preżenti fil-kontinenti kollha.

 

Iktar lejn żmienna, il-Knisja għamlet mixja oħra sinodali fejn qiegħdet mill-ġdid fil-qalba tal-attenzjoni tagħha r-realtà taż-żwieġ u tal-familja, l-ewwel nett fl-Assemblea straordinarja tal-2014, iddedikata lil “L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni”, u mbagħad f’dik ordinarja tal-2015 fuq “Is-sejħa u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja”. Din il-mixja intensa waslet fil-milja tagħha fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, imxandra fid-19 ta’ Marzu 2016.

 

Dan l-istaġun sinodali wassal lill-Knisja għal għarfien imġedded tal-Vanġelu tal-familja u tal-isfidi pastorali ġodda li għalihom il-komunità Nisranija hi msejħa twieġeb. Iċ-ċentralità tal-familja fil-mixjiet ta’ “konverżjoni pastorali”[1] tal-komunitajiet tagħha u ta’ “trasformazzjoni missjunarja tal-Knisja”[2] tesiġi li – anki fuq livell ta’ formazzjoni akkademika – fir-riflessjoni fuq iż-żwieġ u fuq il-familja – ma jonqsu qatt il-ħarsa pastorali u l-attenzjoni għall-ġrieħi tal-bnedmin. Jekk ma nistgħux nagħmlu approfondiment tat-teoloġija pastorali li jħalli l-frott u nwarrbu l-profil partikulari li għandha l-familja fil-Knisja,[3] min-naħa l-oħra, din l-istess sensibbiltà pastorali tal-Knisja ma tistax ma tarax is-sehem prezzjuż tal-ħsieb u tar-riflessjoni li jgħarblu, bl-iżjed mod approfondit u rigoruż, il-verità tar-Rivelazzjoni u l-għerf tat-Tradizzjoni tal-fidi, fid-dawl tal-aqwa intelliġenza tagħha fil-preżent. “Il-ġid tal-familja hu deċiżiv għall-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja. […] Tajjeb li nħarsu b’attenzjoni lejn ir-realtà konkreta, għax dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob u jrid, juruhulna wkoll l-istess ġrajjiet tal-istorja, li fihom il-Knisja tista’ tasal biex tifhem aħjar u aktar fil-fond il-misteru taż-żwieġ u tal-familja”.[4]

 

Il-bidla antropoloġika-kulturali, li llum tinfluwenza l-aspetti kollha tal-ħajja u titlob viżjoni analitika u diversifikata, ma tħalliniex nillimitaw ruħna għal prattiċi tal-pastorali u tal-missjoni li jirriflettu xejriet u mudelli tal-imgħoddi. Irridu nkunu interpreti konxji u appassjonati tal-għerf tal-fidi f’kuntest li fih l-individwi huma mwieżna wisq inqas milli kienu fil-imgħoddi mill-istrutturi soċjali, fil-ħajja affettiva u familjari tagħhom. Għalhekk, bil-fehma ċara li nibqgħu fidili lejn it-tagħlim ta’ Kristu, jeħtieġ inħarsu, bl-intelliġenza tal-imħabba u b’realiżmu għaref, lejn ir-realtà tal-familja, illum, fil-kumplessità kollha tagħha, fid-dwal u fid-dellijiet tagħha.[5]

 

Għal dawn ir-raġunijiet ħassejtu xieraq li nagħti struttura ġuridika ġdida lill-Istitut Ġwanni Pawlu II, biex “l-intuwizzjoni avangardista ta’ San Ġwanni Pawlu II, li ried bis-saħħa kollha din l-istituzzjoni akkademika, illum [tista’] tingħaraf aħjar u tiġi apprezzata fil-frott u l-attwalità tagħha”.[6] Għalhekk, deherli li għandi nwaqqaf Istitut Teoloġiku għax-Xjenzi taż-Żwieġ u l-Familja, u nwessa’ l-qasam ta’ interess, kemm fl-ordni tad-dimensjonijiet ġodda tad-dmir pastorali u tal-missjoni ekkleżjali, u kemm f’riferiment għall-iżviluppi tax-xjenzi umani u tal-kultura antropoloġika f’qasam hekk fundamentali għall-kultura tal-ħajja.

 

Art. 1

B’dan il-Motu proprju qed inwaqqaf l-Istitut Pontifiċju Teoloġiku Ġwanni Pawlu II għax-Xjenzi taż-Żwieġ u tal-Familja, li, marbut mal-Università Pontifiċja Lateranensi, qed jieħu post l-Istitut Pontifiċju Ġwanni Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja, imwaqqaf bil-Kostituzzjoni appostolika Magnum Matrimonii sacramentum, li għalhekk, issa jispiċċa. Madankollu, hu dmir tagħna li naraw li t-tnebbiħa oriġinarja li tat il-ħajja lill-Istitut għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja li issa hu xolt, tibqa’ tisseddaq fil-qasam usa’ ta’ ħidma tal-Istitut Teoloġiku ġdid, u tikkontribwixxi effikaċjament biex tagħmlu iżjed korrispondenti b’mod sħiħ għall-ħtiġijiet tal-missjoni pastorali tal-Knisja fi żmienna.

 

Art. 2

L-Istitut il-ġdid sa jkun, fil-qasam tal-istituzzjonijiet pontifiċji, ċentru akkademiku ta’ riferiment, għas-servizz tal-missjoni tal-Knisja universali, fil-qasam tax-xjenzi li jolqtu ż-żwieġ u l-familja u dwar it-temi marbuta mal-patt fundamentali tar-raġel u tal-mara għall-għożża tat-tnissil u tal-ħolqien.

 

Art. 3

Ir-relazzjoni speċjali tal-Istitut Teoloġiku ġdid mal-ministeru u l-maġisteru tas-Santa Sede tikseb valur ikbar fir-relazzjoni pprivileġġjata li se joħloq, fl-għamliet li jintlaħaq qbil reċiproku fuqhom, mal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, mad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, u mal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja.

 

Art. 4

§ 1. L-Istitut Pontifiċju Teoloġiku, kif imġedded, jadatta l-istrutturi tiegħu u jagħmel użu mill-għodda meħtieġa – katedri, professuri, programmi, personal amministrattiv – biex iwettaq il-missjoni xjentifika u ekkleżjali assenjata lilu.

§ 2. L-awtoritajiet akkademiċi tal-Istitut Teoloġiku huma l-Gran Kanċillier, il-President u l-Kunsill tal-Istitut.

§ 3. L-Istitut Teoloġiku għandu l-fakultà li jagħti iure proprio lill-istudenti tiegħu dawn il-gradi akkademiċi: id-Dottorat fix-Xjenzi fuq iż-Żwieġ u l-Familja; il-Liċenzja fix-Xjenzi fuq iż-Żwieġ u l-Familja; id-Diploma fix-Xjenzi fuq iż-Żwieġ u l-Familja.

 

Art. 5

Dan kollu stabbilit minn dan il-Motu proprju jiġi elaborat u definit fl-Istatuti proprji, approvati mis-Santa Sede. B’mod partikulari, għandu jinstab il-mod l-iżjed adatt biex jiffaċilita l-koperazzjoni u l-konfront, fil-qasam tad-didattika u tat-tiftix, bejn l-awtoritajiet tal-Istitut Teoloġiku u dawk tal-Università Pontifiċja Lateranensi.

 

Art. 6

Sa ma ssir l-approvazzjoni tal-Istatuti l-ġodda, l-Istitut Teoloġiku temporanjament għandu jitmexxa min-normi statutorji attwali fl-Istitut Ġwanni Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja, inkluża l-istrutturizzazzjoni tiegħu f’Sezzjonijiet u n-normi li japplikaw, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għal dan il-Motu proprju.

 

Dan kollu li stabbilejt b’din l-Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu proprju, nordna li jiġi osservat fil-partijiet kollha tiegħu, minkejja kull ħaġa kuntrarja, anki jekk jixirqilha li tissemma b’mod speċjali, u nordna li jiġi ppromulgat permezz tal-pubblikazzjoni fuq il-ġurnal ta’ kuljum L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ dakinhar tal-promulgazzjoni, u li, suċċessivament, jiġi mdaħħal fl-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħti Ruma, f’San Pietru, fit-8 ta’ Settembru, Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, tas-sena 2017, il-ħames tal-Pontifikat tagħna.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Eżortazzjoni apppostolika Evangelii gaudium, 26-32.

[2] Ara ibid., kap. I.

[3] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11.

[4] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 31; ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Familiaris consortio, 4.

[5] Ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 32.

[6] Diskors lill-komunità akkademika tal-Istitut Pontifiċju Ġwanni Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja, 27 ta’ Ottubru 2016: L’Osservatore Romano, 28 ta’ Ottubru 2016, p. 8