L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Is-Santwarji fil-Knisja

 

 

 

 

ITTRA APOSTOLIKA 
F’FORMA TA’ «MOTU PROPRIO»

TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
IL-PAPA FRANĠISKU

IS-SANTWARJI FIL-KNISJA

Li biha l-ġurisdizzjoni fuq is-Santwarji qed tkun mgħoddija lill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjooni l-Ġdida

1.  Fil-Knisja, is-Santwarji għandhom «valur simboliku kbir» (1) u li wieħed imur fihom bħala pellegrin hi stqarrija ġenwina tal-fidi.  Bil-kuntemplazzjoni tax-xbieha sagra, infatti, tkun mistqarra t-tama li wieħed iħoss aktar qawwija l-qrubija ta’ Alla li jiftaħ il-qalb għall-fiduċja illi x-xewqat l-aktar profondi ta’ dak li jkun, ikunu mismugħin u mitmugħa (2).  Il-pjetà popolari, li hi «espressjoni awtentika tal-azzjoni missjunarja spontanja tal-Poplu t’Alla» (3), fis-Santwarju ssib l-imkien privileġġjat fejn tista’ tesprimi t-tradizzjoni sabiħa tat-talb, tad-devozzjoni u l-fiduċja fil-ħniena t’Alla li huma inkulturati fil-ħajja ta’ kull poplu.

Infatti, sa mill-ewwel sekli, il-pellegrinaġġ, qabel kollox, kien meqjus bħala mixja lejn l-imkejjen fejn Ġesù Kristu kien għex, ħabbar il-misteru tal-imħabba tal-Missier, fejn, fuq kollox, kien jinstab sinjal tanġibbli tal-qawmien mill-mewt tiegħu: il-qabar vojt.  Aktar tard, il-pellegrini bdew jagħmlu mixjiet lejn imkejjen fejn, skont it-tradizzjonijiet differenti, kienu jinstabu l-oqbra tal-Appostli.  Imbagħad, matul is-sekli, il-pellegrinaġġ beda jsir ukoll lejn dawk l-imkejjen, li llum saru l-maġġoranza, fejn il-pjetà popolari misset b’idejha l-preżenza misterjuża ta’ Omm Alla, tal-Qaddisin u tal-Beati (4).

2.  Sa żmienna, is-Santwarji f’kull rokna tad-dinja għadhom sinjal partikulari tal-fidi sempliċi u umli ta’ dawk li jemmnu, li f’dawn il-postijiet sagri jsibu d-dimensjoni bażilari tal-eżistenza tagħhom bħala persuni ta’ twemmin.  Hawnhekk huma jħossu b’mod profond il-qrubija ta’ Alla, it-tenerezza tal-Verġni Marija u l-kumpanija tal-Qaddisin: esperjenza ta’ spiritwalità awtentika li ma jistax jitnaqqsilha l-valur tagħha, inkella jkunu qed jisfgħu mrażżna l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu u l-ħajja tal-grazzja.  Ħafna Santwarji, minn dan l-aspett, kienu jkunu meqjusin parti mill-ħajja tal-persuni, tal-familji u tal-komunitajiet tant, li sawwru l-identità ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ, sa laħqu ħallew timbru fuq l-istorja ta’ xi nazzjonijiet.  Il-mewġiet kbar ta’ pellegrini, it-talb umli u sempliċi tal-Poplu t’Alla, li jalternaw maċ-ċelebrazzonijiet liturġiċi, il-ħafna grazzji li bosta  minn dawk li jemmnu jistqarru li qalgħu, is-sbuħija naturali ta’ dawn il-postijiet, jippermettulna nikkonfermaw kif fl-għamliet kollha tagħhom, is-Santwarji huma espressjoni ta’ opportunità insostitwibbli għall-evenġeliżżazzjoni fi żmienna.

3.  Minkejja l-kriżi tal-fidi li qed taħkem id-dinja kontemporanja, dawn l-imkejjen għadhom jitqiesu bħala spazji sagri li lejhom immorru bħala pellegrini biex insibu waqt li fih nieqfu, is-silenzju u l-kontemplazzjoni fil-ħajja kaotika ta’ jiemna.  Xewqat moħbija jqanqlu f’ħafna n-nostalġija ta’ Alla; u s-Santwarji jistgħu jkunu rifuġju veru fejn wieħed jerġa’ jsib lilu nnifsu u jsib il-forza meħtieġa biex jikkonverti.  Fl-aħħar mill-aħħar, (fis-Santwarji) il-fidili jkunu jistgħu jirċievu s-sapport għall-mixja ordinarja tagħhom fil-parroċċa u fil-komunità Kristjana.  Din l-osmosi bejn il-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju u l-ħajja ta’ kuljum hi għajnuna valida għall-pastorali, għax tippermetti li l-impenn tal-evanġeliżżazzjoni permezz ta’ testimonjanza aktar konvinta, jiġġedded.  Għaldaqstant, mixja lejn is-Santwarju u s-sehem fl-ispiritwalità li jesprimu dawn l-imkejjen diġà hija fiha nfisha att ta’ evanġeliżżazzjoni li jistħoqqlu jkun valoriżżat minħabba l-valur pastorali qawwi li għandu (5).

4.  Għalhekk, mill-istess natura tiegħu, is-Santwarju hu mkien sagru fejn it-tħabbira tal-Kelma t’Alla, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, partikolarment tar-Rikonċiljazzjoni u l-Ewkaristija, flimkien max-xhieda tal-karità, jesprimu l-impenn kbir tal-Knisja għall-evanġeliżżazzjoni; u għalhekk (is-Santwarju) jieħu l-karatteristika ta’ mkien ġenwin ta’ evanġeliżżazzjoni, fejn sa mill-ewwel tħabbira saċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, tidher ċara l-azzjoni qawwija li biha taħdem il-ħniena t’Alla fil-ħajja tal-persuni.

Bis-saħħa tal-ispiritwalità karatteristika ta’ kull Santwarju, il-pellegrini jitmexxew “bil-pedagoġija tal-evanġeliżżazzjoni” (6) lejn impenn dejjem aktar responsabbli kemm fil-formazzjoni Nisranija tagħhom kif ukoll fix-xhieda meħtieġa tal-karità li titnissel minnha.  Minbarra dan, is-Santwarju hu kontribut mhux żgħir lejn l-impenn kateketiku tal-komunità Nisranija; (7) li, fil-fatt jittrasmetti b’mod koerenti għaż-żmien, il-messaġġ li ta bidu għat-twaqqif tiegħu, jgħani l-ħajja ta’ dawk li jemmnu billi joffrilhom ir-raġuni biex l-impenn tal-fidi tagħhom (cfr 1 Ts 1,3) jkun aktar matur, konxju u infurmat.  Fl-aħħar, fis-Santwarju jinfetħu beraħ il-bibien għall-morda, għall-persuni diżabbli u, fuq kollox, għall-foqra, l-emarġinati, ir-rifuġjati u l-migranti.

5.  Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jidher ċar li s-Santwarji għandhom sejħa biex ikollhom rwol fl-evanġeliżżazzjoni l-ġdida tas-soċjetà tal-lum u li l-Knisja mħi msejħja biex tagħti valur pastorali lill-movimenti tal-qlub li jkunu mistqarra permezz tal-pellegrinaġġi lejn is-Santwarji u lejn l-imkejjen ta’ devozzjoni.

Għaldaqstant, peress li nixtieq niffaċilita l-iżvilupp pastorali li jseħħ fis-Santwarji tal-Knisja, iddeċidejt li bis-saħħa tal-artiklu 97, 1, tal-Kostituzzjoni Appostolika Pastor Bonus, li s’issa kienet mogħtija lill-Kongregazzjoni għall-Kleru, u wkoll minħabba dak li jipprevedi l-artiklu 151 tal-istess Kostituzzjoni dwar il-vjaġġi għal għanijiet ta’ pjetà, u, però, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet leġittimi tal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi u ta’ dawk li, permezz ta’ liġijiet speċjali huwa dritt ta’ organiżmi oħra fejn jidħlu Santwarji partikolari, nittrasferixxi l-ġurisdizzjoni lill-Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjoni l-Ġdida,.

Bil-konsegwenza li qed nistabbilixxi li fil-futur ikun dmir tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġilazzjoni l-Ġdida:

a)  Li jwaqqaf Santawarji internazzjonali u japprova l-istatuti rispettivi skont in-norma kan. 1232-1233 CIC;

b) li jistudja u jwettaq il-provedimenti meħtieġa li jiffavorixxu r-rwol ta’ evanġeliżżazzjoni tas-Santwarji u l-kultivazzjoni tar-reliġjożità popolari fihom;

c)  il-promozzjoni ta’ pastorali organika tas-Santwaarji bħala ċentri ta’ stimulu għall-evanġeliżżazzjoni l-ġdida;

d)  il-promozzjoni ta’ laqgħat nazzjonali u internazzjonali li jiffavorixxu ħidma komuni ta’ tiġdid tal-pastorali tal-pjetà popolari u tal-pellegrinaġġ lejn l-imkejjen ta’ devozzjoni;

e)  il-promozzjoni ta’ formazzjoni speċifika tal-operaturi tas-Santwarji u tal-imkejjen ta’ pjetà u devozzjoni;

f)  il-kontroll sabiex lill-pellegrini, fl-inħawi fejn ikunu jduru, tingħatalhom assistenza spiritwali u ekkleżjali koerenti u sostnuta li tippermettilhom jieħdu l-akbar frott personali minn dawn l-esperjenzi;

g)  il-valoriżżazzjoni kulturali u artistika tas-Santwarji skont il-via pulchritudinis bħala metodu tipiku tal-evanġeliżżazzjoni tal-Knisja.

Kull ma ddeliberajt b’din l-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprio, nordna li jkun osservat f’kull aspett tiegħu, minkejja kull ħaġa li tista’ tkun kontra anke jekk denja li tissemma’ b’mod partikulari, u nistabbilixxi li jkun promulgat permezz tal-pubblikazzjoni fuq il-ġurnal ta’ kuljum L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ ħmistax-il ġurnata wara l-promulgazzjoni, u mbagħad ikun imdaħħal fl-Acta Apostolicae Sedis.

Mogħti fil-Belt tal-Vatikan fil-11 ta’ Frar, 2017, Tifkira liturġika tas-Sinjura tagħna ta’ Lourdes, ir-IV sena tal-pontifikat.

Franġisku


[1] Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Direttorju dwar il-pjetà popolari u l-liturġija. Principji u orjentamenti (2002), 263.

[2] Cfr V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latino-Amerikan u l-Karibew, Dokument ta’ Aparecida, 29 ta’ Ġunju, 2007, 259.

[3] Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 122.

[4] Cfr Kunsill Pontifiċju tal-Pastorali għall-Migranti u l-Itineranti, Il-pellegrinaġġ tal-Ġublew il-Kbir tal-2000 (25 ta’ April, 1998), 12-17.

[5] Cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 124.126.

[6] Pawlu VI, Eżort. App. It-tħabbir tal-Evanġelju.

[7] Cfr Kunsill Pontifiċju tal-Pastorali għall-Migranti u l-Itineranti, Is-Santwarju, memorja, preżenza u profezija ta’ Alla l-ħaj (8 ta’ Mejju, 1999), 10.

 

 Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber