Laikos

Mgħammda u mibgħuta:il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja

 

 

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-JUM DINJI TAL-MISSJONIJIET 2019

 

Mgħammda u mibgħuta:

il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja

 

Għeżież ħuti,

 

Għax-xahar ta’ Ottubru 2019 tlabt lill-Knisja kollha biex tgħix żmien straordinarju ta’ missjonarjetà biex infakkru ċ-ċentinarju mill-promulgazzjoni tal-Ittra appostolika Maximum illud tal-Papa Benedittu XV (30 ta’ Novembru 1919). Il-viżjoni profetika tal-proposta appostolika tiegħu kkonfermatli kemm għadu importanti llum ukoll li nġeddu l-impenn missjunarju tal-Knisja, nikkwalifikaw mill-ġdid f’sens evanġeliku l-missjoni tagħha li xxandar u li twassal lid-dinja s-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li miet u rxoxta.

 

It-titlu ta’ dan il-messaġġ huwa ugwali għat-tema tax-xahar missjunarju ta’ Ottubru: Mgħammda u mibgħuta: il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan ix-xahar tgħinna qabelxejn insibu s-sens missjunarju tar-rabta tagħna fil-fidi ma’ Ġesù Kristu, fidi li rċivejnieha b’xejn bħala don fil-Magħmudija. L-appartenenza filjali tagħna għal Alla qatt ma hi att individwali imma dejjem wieħed ekkleżjali: mill-komunjoni ma’ Alla, Missier u Iben u Spirtu s-Santu, titnissel ħajja ġdida flimkien ma’ tant aħwa oħra. U din il-ħajja divina mhijiex xi prodott biex inbigħu – aħna ma nagħmlux proselitiżmu – imma għana x’nagħtu, x’nikkomunikaw, xi nħabbru: dan hu s-sens tal-missjoni. B’xejn ħadnieh dan id-don u b’xejn nagħtuh (ara Mt 10:8), bla ma nħallu lil ħadd barra. Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw billi jaslu għall-għarfien tal-verità u għall-esperjenza tal-ħniena tiegħu grazzi għall-Knisja, sagrament universali tas-salvazzjoni (ara 1 Tim 2:4; 3:15; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 48).

 

Il-Knisja qiegħda f’missjoni fid-dinja: il-fidi f’Ġesù Kristu tagħtina d-dimensjoni t-tajba tal-affarijiet kollha għax tgħinna naraw id-dinja bl-għajnejn u bil-qalb ta’ Alla; it-tama tiftħilna qalbna għall-ixfqa eterni tal-ħajja divina li fiha tabilħaqq nieħdu sehem; l-imħabba, li diġà nduqu minn qabel fis-Sagramenti u fl-imħabba tal-aħwa, timbuttana sat-trufijiet tal-art (ara Mik 5:3; Mt 28:19; Atti 1:8; Rum 10:18). Knisja li toħroġ sat-trufijiet l-aktar imbiegħda tal-art titlob konverżjoni missjunarja kostanti u permanenti. Kemm qaddisin, kemm nisa u rġiel ta’ fidi huma xhieda għalina, juruna kif dan il-ftuħ bla limiti hu possibbli u prattikabbli, dan il-ħruġ missjunarju hi spinta urġenti tal-imħabba u tal-loġika intrinsika tagħha ta’ don, ta’ sagrifiċċju u ta’ gratwità (ara 2 Kor 5:14-21)! Min ixandar lil Alla għandu jkun bniedem ta’ Alla (ara Ittra appostolika Maximum illud).

 

Dan hu mandat li jmissna mill-qrib: jiena dejjem jien missjoni; int dejjem int missjoni; kull imgħammed hu missjoni. Min iħobb, jiċċaqlaq minn postu, iħossu mġiegħel joħroġ minnu nnifsu, hu miġbud u jiġbed lejh, jingħata lill-oħrajn u jinseġ relazzjonijiet li jġibu l-ħajja. Ħadd mhu inutli u insinifikanti għall-imħabba ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna hu missjoni fid-dinja għax hu frott tal-imħabba ta’ Alla. Imqar jekk missieri u ommi ttradew l-imħabba bil-gidba, il-mibegħda u l-infedeltà, Alla qatt ma ġabar lura d-don tal-ħajja, għax hu minn dejjem ħaseb lil kull wieħed minn uliedu għall-ħajja divina u eterna tiegħu (ara Efes 1:3-6).

 

Din il-ħajja tingħatalna fil-Magħmudija, li tagħtina l-fidi f’Ġesù Kristu rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt, tnissilna mill-ġdid fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla u ddaħħalna fil-ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja. F’dan is-sens, il-Magħmudija hi għalhekk tabilħaqq meħtieġa għas-salvazzjoni għax tiggarantilna li aħna wlied, dejjem u kullimkien, qatt iltiema, barranin jew ilsiera, fid-dar tal-Missier. Dak li fin-Nisrani hu realtà sagramentali – li jitwettaq fl-Ewkaristija –, jibqa’ vokazzjoni u destin għal kull raġel u mara li jixtiequ l-konverżjoni u s-salvazzjoni. Fil-fatt il-Magħmudija hi wegħda mwettqa mid-don divin li lill-bniedem jagħmlu bin Alla. Aħna wlied tal-ġenituri naturali tagħna, imma fil-Magħmudija ngħatatilna l-paternità oriġinarja u l-maternità vera: ma jistax ikollu lil Alla bħala Missier min m’għandux lill-Knisja bħala Omm (ara San Ċiprijanu, L-għaqda fil-Knisja, 4).

 

Hekk, fil-paternità ta’ Alla u fil-maternità tal-Knisja għandha għeruqha l-missjoni tagħna, għax fil-Magħmudija intrinsikament hemm il-mandat Paskwali ta’ Ġesù: Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħatkom mimlijin bl-Ispirtu s-Santu għar-rikonċiljazzjoni tad-dinja (ara Ġw 20:19-23; Mt 28:16-20). In-Nisrani hu dan il-mibgħut, biex ħadd ma jibqa’ sajjem minn din l-aħbar tas-sejħa tiegħu biex ikun iben adottiv, miċ-ċertezza tad-dinjità personali tiegħu u tal-valur intrinsiku ta’ kull ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali tagħha. Is-sekulariżmu li qed jinfirex b’tant qawwa, meta jagħmel rifjut pożittiv u kulturali tal-paternità attiva ta’ Alla fl-istorja tagħna, iċaħħadna minn kull fraternità universali awtentika li tesprimi ruħha fir-rispett reċiproku tal-ħajja ta’ kull persuna. Mingħajr Alla ta’ Ġesù Kristu, kull differenza tirriduċi ruħha għal theddida infernali u hekk tagħmel impossibbli kull laqgħa fraterna u għaqda għammiela bejn il-bnedmin.

 

Id-destinazzjoni universali tas-salvazzjoni li offrielna Alla f’Ġesù Kristu wasslet lil Benedittu XV biex jesiġi li jingħeleb kull għeluq nazzjonalistiku u etnoċentriku, kull taħlit tat-tħabbira tal-Vanġelu mal-qawwiet kolonjali, mal-interessi ekonomiċi u militari tagħhom. Fl-Ittra appostolika tiegħu Maximum illud il-Papa fakkar li l-universalità divina tal-missjoni tal-Knisja tesiġi li wieħed joħroġ minn appartenenza esklussivista għal pajjiżu u għall-grupp etniku tiegħu. Il-ftuħ tal-kultura u tal-komunità għall-karattru salvifiku ġdid ta’ Ġesù Kristu jitlob li jingħeleb kull għeluq etniku u ekkleżjali li ma jkunx f’loku. Illum ukoll il-Knisja għad għandha bżonn ta’ rġiel u nisa li, bil-qawwa tal-Magħmudija tagħhom, iwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa biex iħallu darhom, il-familja tagħhom, art twelidhom, il-lingwa tagħhom, il-Knisja lokali tagħhom. Huma mibgħuta qalb il-ġnus, fid-dinja li għadha ma ġietx mibdula mis-Sagramenti ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja mqaddsa tiegħu. Huma jħabbru l-Kelma ta’ Alla, jagħtu xhieda tal-Vanġelu u jiċċelebraw il-ħajja tal-Ispirtu billi jsejħu għall-konverżjoni, jgħammdu u joffru s-salvazzjoni Nisranija b’rispett lejn il-libertà personali ta’ kull bniedem, fi djalogu mal-kulturi u r-reliġjonijiet tal-popli li għandhom huma mibgħuta. Hekk il-missio ad gentes, dejjem meħtieġa għall-Knisja, tikkontribwixxi b’mod fundamentali għall-proċess permanenti ta’ konverżjoni tal-Insara kollha. Il-fidi fil-Qawmien ta’ Ġesù, il-mandat ekkleżjali li joħroġ mill-Magħmudija, il-ħruġ ġeografiku u kulturali minna nfusna u mid-dar tagħna, il-ħtieġa ta’ salvazzjoni mid-dnub u l-ħelsien mill-ħażen personali u soċjali jesiġu l-missjoni sal-ibgħad truf tal-art.

 

Il-koinċidenza providenzjali maċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu Speċjali fuq il-Knejjes tal-Amażonja twassalni biex nagħfas fuq kif il-missjoni li fdalna Ġesù bid-don tal-Ispirtu tiegħu għadha attwali u meħtieġa anki għal dawk l-artijiet u n-nies li jgħixu fihom. Pentekoste mġedded jiftaħ beraħ il-bibien tal-Knisja biex l-ebda kultura ma tibqa’ magħluqa fiha nfisha u l-ebda poplu ma jibqa’ iżolat imma jinfetaħ għall-komunjoni universali tal-fidi. Ħadd m’għandu jibqa’ magħluq fil-jien tiegħu, fl-awtoreferenzjalità tal-appartenenza etnika u reliġjuża tiegħu. L-Għid ta’ Kristu jfarrak il-limiti dojoq ta’ dinjiet, reliġjonijiet u kulturi, u jsejħilhom jikbru f’rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, lejn konverżjoni dejjem iżjed sħiħa għall-Verità tal-Mulej Irxoxt li jrodd lil kulħadd il-ħajja vera.

 

Dwar dan, jiġuni f’moħħi l-kelmiet tal-Papa Benedittu XVI fil-ftuħ tal-laqgħa tagħna tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina f’Aparecida, fil-Brażil, fl-2007, kliem li nixtieq nerġa’ nġib hawn u nagħmlu tiegħi: “X’fissret għall-pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karribew l-aċċettazzjoni tal-fidi Nisranija? Għalihom fissret li għarfu u laqgħu lil Kristu, dak Alla li, mingħajr ma jafuh, missirijiethom kienu jfittxu fit-tradizzjonijiet reliġjużi għonja tagħhom. Kristu kien il-Feddej li għalih kienu jixxennqu fis-skiet. Fissret ukoll li rċivew, bl-ilmijiet tal-Magħmudija, il-ħajja divina li għamlithom ulied adottivi ta’ Alla; li rċivew, fuq kollox, l-Ispirtu s-Santu li ġie biex irodd frott ġdid lill-kulturi tagħhom, isaffihom u jkabbar il-kotra ta’ żerriegħa li l-Verb inkarnat kien qiegħed ġo fihom, u hekk jorjentahom lejn it-toroq tal-Vanġelu. […] Il-Verb ta’ Alla, meta sar laħam f’Ġesù Kristu, sar ukoll storja u kultura. L-utopja li terġa’ tingħata l-ħajja lir-reliġjonijiet Prekolombjani, u jiġu mifruda minn Kristu u mill-Knisja universali, mhux progress tkun, imma rigress. Fir-realtà, tkun pass lura lejn mument storiku ankrat fl-imgħoddi” (Diskorsi fis-Sessjoni inawgurali, 13 ta’ Mejju 2007: Insegnamenti III,1 [2007], 855-856).

 

Lil Marija l-Omm tagħna nafdaw il-missjoni tal-Knisja. Magħquda ma’ Binha, sa mill-Inkarnazzjoni l-Verġni Mbierka ċċaqilqet minn postha, ħalliet għalkollox lil Ġesù jdaħħalha fil-missjoni tiegħu, missjoni li f’riġlejn is-salib saret ukoll il-missjoni tagħha: li tikkollabora bħala Omm il-Knisja biex tnissel fl-Ispirtu u fil-fidi wlied ġodda għal Alla.

 

Nixtieq nagħlaq b’kelma qasira fuq l-Opri Missjunarji Pontifiċji, li l-Maximum illud kienet diġà pproponiet bħala għodda missjunarja. L-OMP jesprimu s-servizz tagħhom lill-universalità tal-Knisja bħala xibka globali li tgħin lill-Papa fl-impenn missjunarju bit-talb, li hu r-ruħ tal-missjoni, u l-karità tal-Insara mifruxa mad-dinja kollha. L-offerta tagħhom tgħin lill-Papa fl-evanġelizzazzjoni tal-Knejjes partikulari (Opra tal-Propagazzjoni tal-Fidi), fil-formazzjoni tal-kleru lokali (Opra ta’ San Pietru Appostlu), fl-edukazzjoni tal-kuxjenza missjunarja tat-tfal tad-dinja kollha (Opra tas-Sant’Infanzja) u fil-formazzjoni missjunarja tal-fidi tal-Insara (Unjoni Missjunarja Pontifiċja). Waqt li nġedded l-appoġġ tiegħi għal dawn l-Opri, nawgura li x-Xahar Missjunarju Straordinarju ta’ Ottubru 2019 jikkontribwixxi għat-tiġdid tas-servizz missjunarju tagħhom lill-ministeru tiegħi.

 

Lill-missjunarji rġiel u nisa u lil dawk kollha li b’kull mod jipparteċipaw, bil-grazzja tal-Magħmudija tagħhom, fil-missjoni tal-Knisja, nibgħat minn qalbi l-barka tiegħi.

 

Mill-Vatikan, 9 ta’ Ġunju 2019, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard