MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-JUM DINJI TAL-IKEL, 2019

 

Lill-Eċċellenza Tiegħu

Is-Sur Qu Dongyu

Direttur Ġenerali tal-FAO

 

Il-Jum Dinji tal-Ikel ta' kull sena huwa eku tal-karba ta' tant ħutna li għadhom iġarrbu t-traġedji tal-ġuħ u n-nuqqas ta' ikel.  Fil-fatt, minkejja l-isforzi li saru tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, l-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli għadha biss programm fuq il-karta f'bosta nħawi tad-dinja.  Biex twieġeb għal dil-karba tal-umanità, din is-sena l-FAO issuġġeriet it-tema: "L-azzjonijiet tagħna huma l-ġejjieni tagħna.  Nieklu sewwa biex fid-dinja ma jkunx hawn il-ġuħ".  Din it-tema turi li hemm diskrepanza bejn il-provvista tal-ikel u n-nutrizzjoni.

Qed naraw li l-ikel m'għadux aktar mezz tal-għixien u qed isir mezz ta' distruzzjoni personali.  Għalhekk, quddiem it-820 miljun ruħ bil-ġuħ, fuq in-naħa l-oħra tal-miżien għandna 720 miljun ħoxnin iżżejjed, vittmi ta' drawwiet żbaljati fin-nutrizzjoni.  Dawn m'għadhomx sempliċiment emblema tad-dieta "tal-popli tal-abbundanza" (cfr Pawlu VI, Enċ. Populorum Progressio), imma issa bdew jidhru anki f'pajjiżi fejn il-qligħ huwa baxx, fejn l-ikel huwa ftit u ħażin, għax qed jikkupjaw mudelli ta' nutrizzjoni taż-żoni sviluppati.  Minħabba n-nutrizzjoni ħażina, il-mard li nsibu fejn hemm l-abbundanza jista' jiġi kemm min-nuqqas ta' bilanċ, mill-iffangarli jħallu l-effetti tad-dijabete, mard tal-qalb u xorta ta' mard ieħor deġenerattiv, kif ukoll minn sbilanċ "tan-nuqqas", kif juruna d-dokumenti dwar l-imwiet minħabba l-anoressija u l-bulimija.

Għaldaqstant jeħtieġ konverżjoni fil-mod kif inġibu ruħna u n-nutrizzjoni hi punt tat-tluq importanti.  Aħna ngħixu bis-saħħa tal-frott li jtina l-ħolqien (cfr Salm 65, 10-14; 104, 27-28)  u dal-frott ma nistgħux nirriduċuh bħala sempliċi oġġett ta' użu jew ta' dominju.

Għal dir-raġuni l-mard nutrizzjonali jista' jkun miġġieled biss jekk nikkultivaw stili ta' ħajja mnebbħin minn viżjoni grata lejn dak li hu mogħti lilna, bil-kontroll fuqna nfusna, il-moderazzjoni, is-sawm, billi nirbħu lilna nfusna u bis-solidarjetà: virtuwjiet li akkumpanjaw l-istorja tal-bniedem.  Jiġifieri għandna nduru lura lejn is-sempliċità u l-moderazzjoni fil-ħajja u ngħixu kull waqt tal-eżistenza tagħna bi spirtu attent għall-ħtiġijiet tal-ieħor.  B'hekk inkunu nistgħu nsaħħu r-rabtiet tal-fraternità bejnietna li jimmira lejn il-ġid komuni u jevita l-individwaliżmu u l-egoiżmu li ma jġibu xejn ħlief ġuħ u nuqqas ta' ugwaljanza soċjali.  Stil ta' ħajja li jtina ċ-ċans nikkultivaw relazzjoni sana magħna nfusna, ma' ħutna u mal-ambjent li ngħixu fih.

Il-post ewlieni fejn aħna nkunu nistgħu nassimilaw dan l-istil ta' ħajja huwa l-familja u l-FAO tat attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-familja rurali u l-promozzjoni tal-agrikoltura fil-gruppi tal-familji.  Fi ħdan il-familja, u grazzi għas-sensibbiltà femminili u materna, wieħed jitgħallem igwadi l-frott tal-art bla ma jabbuża minnu u jiskopri strumenti aħjar biex jixterdu l-istili ta' ħajja għall-ġid personali u kollettiv.

Min-naħa l-oħra l-interdipendenza bejn in-nazzjonijiet, li qed naraw bħalissa, tista' tgħin biex jingħataw il-ġenb l-interessi partikolari sabiex jissaħħu l-fiduċja u r-relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-popli (cfr Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja Kattolika, 482).  Nawgura li t-tema magħżula għal dis-sena tgħinna biex ma ninsewx li għad hemm min għadu jiekol b'mod li ftit huwa ta' fejda għas-saħħa.  Hija krudili, inġusta u paradossali li llum hemm ikel għal kulħadd iżda, madankollu, mhux kulħadd għandu aċċess għalih; inkella hemm reġjuni fid-dinja li fihom l-ikel jinħela, jintrema, hemm l-iffangar jew l-ikel ikun użat għal skopijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu man-nutrizzjoni.  Biex noħorġu minn dan iċ-ċirku jeħtieġ nippromwovu "istituzzjonijiet ekonomiċi u programmi soċjali li jippermettu lill-aktar foqra jkollhom aċċess għar-riżorsi bażiċi b'mod regolari (Enċ Laudato sì, 109).

ll-ġlieda kontra l-ġuħ u l-malnutrizzjoni mhix se tnin sakemm tibqa' tirrenja esklussivament il-loġika tas-suq u dment li nibqgħu nfittxu l-qligħ akkost ta' kollox u l-ikel nirriduċuh f'sempliċi prodott kummerċjali mmexxi mill-ispekulazzjoni finanzjarja aħna u ngħawwġu l-valur kulturali, soċjali u immensament simboliku tiegħu.  L-ewwel preokkupazzjoni tagħna għandha tkun dejjem il-persuna umana, speċjalment dawk neqsin mill-ikel ta' kuljum u li bil-ħniena jirnexxilhom jieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet familjari u soċjali (cfr ibid. 112-113).

Meta l-persuna umana titqiegħed fil-post li jixirqilha, il-ħidma tal-għajnuna umanitarja u l-programmi tal-iżvilupp ikollhom impatt akbar u jagħtu r-riżultati mixtieqa.  Ma nistgħux ninsew li dak li naħżnu u naħlu huwa ħobż il-foqra.

Sur Direttur Ġenerali, dawn huma ftit riflessjonijiet li xtaqt naqsam miegħek fl-okkażjoni ta' dal-Jum, filwaqt li nitlob lil Alla jbierek lil kull wieħed u waħda minnkom sabiex il-frott tagħkom jagħmilulkom għammiel biex b'hekk tibqa' tikber bla heda l-paċi bħala servizz tal-progress awtentiku u integrali tal-familja umana kollha kemm hi.

 

Mill-Vatikan, 16 ta' Ottubru, 2019

FRANĠISKU

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber