L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Jum Dinji tal-Marid - Imfakkar kull sena fil-11 ta' Frar ...

 

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAS-26 JUM DINJI TAL-MORDA 2018

 

Mater Ecclesiæ: “‘Mara, hawn hu ibnek’… ‘Hawn hi ommok’.

U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu…” (Ġw 19:26-27)

 

Għeżież ħuti,

 

Is-servizz tal-Knisja lill-morda u lil dawk li jieħdu ħsiebhom għandu jitkompla b’ħeġġa mġedda kontinwa, b’fedeltà għall-kmand tal-Mulej (ara Lq 9:2-6; Mt 10:1-8; Mk 6:7-13) u billi timxi fuq l-eżempju ċar tal-Fundatur u Mgħallem tagħha.

 

Din is-sena s-suġġett ta’ Jum il-Morda hu mogħti lilna mill-kelmiet ta’ Ġesù, li meta kien mgħolli fuq is-Salib, qal lil Ommu u lil Ġwanni: “‘Mara, hawn hu ibnek’… ‘Hawn hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu…” (Ġw 19:26-27).

 

1. Dawn il-kelmiet tal-Mulej idawlu profondament il-misteru tas-Salib. Is-Salib ma jidhirx bħala traġedja mingħajr tama, iżda l-post fejn Ġesù juri l-glorja tiegħu u jħalli r-rieda tal-akbar imħabba tiegħu, li jsiru r-regola li jibnu l-komunità Nisranija u tal-ħajja ta’ kull dixxiplu. 

 

Qabel kollox, il-kelmiet ta’ Ġesù jagħtu bidu għas-sejħa materna ta’ Marija fil-konfront tal-bnedmin kollha. Hija ser tkun b’mod partikolari l-Omm tad-dixxipli ta’ Ibnu u tieħu ħsieb tagħhom u ta’ mixjithom. U aħna nafu li l-kura tal-omm fl-edukazzjoni tal-iben jew bint tagħha tinkludi kemm l-aspetti materjali u kemm dawk spiritwali.

 

Id-dulur li ma jitfissirx tas-salib nifed ir-ruħ ta’ Marija (ara Lq 2:35), iżda ma pparalizzahiex. Għall-kuntrarju, bħala Omm il-Mulej bdiet għaliha mixja ġdida ta’ għotja. Fuq is-salib Ġesù jitħasseb dwar il-Knisja u l-umanità kollha kemm hi, u Marija hija msejħa biex hija wkoll taqsam miegħu l-istess tħassib. L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu t-tixrid kbir tal-Ispirtu s-Santu li seħħ fPentekoste, juruna li Marija bdiet twettaq il-ħidma tagħha fl-ewwel komunità tal-Knisja. Ħidma li m’għandhiex tmiem.  

 

2. Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, jirrappreżenta l-Knisja, il-poplu messjaniku. Huwa għandu jagħraf lil Marija bħala l-omm proprja tiegħu. Huwa f’dan l-għarfien li huwa msejjaħ biex jilqagħha biex jikkontempla fiha l-mudell tad-dixxipulat u anki s-sejħa materna li Ġesù fdalha, bit-tħassib u l-proġetti li dan kollu jġib miegħu: l-Omm li tħobb u tnissel ulied li kapaċi jħobbu skont il-kmand ta’ Ġesù. Għalhekk is-sejħa materna ta’ Marija, is-sejħa li tieħu ħsieb uliedha, tgħaddi għand Ġwanni u għand il-Knisja kollha. Il-komunità kollha tad-dixxipli hija msieħba fis-sejħa materna ta’ Marija. 

 

3. Ġwanni, bħala d-dixxiplu li qasam kollox ma’ Ġesù, jaf li l-Imgħallem irid iwassal lill-bnedmin kollha għal-laqgħa mal-Missier. Huwa jista jixhed li Ġesù ltaqa’ ma ħafna persuni morda fl-ispirtu, għaliex mimlija kburija (ara Ġw 8:31-39) u morda f’ġisimhom (ara Ġw 5:6). Lil kollha huwa ta l-ħniena u l-maħfra, u lill-morda anki l-fejqan fiżiku, sinjal tal-ħajja abbundanti tas-Saltna, fejn kull demgħa tiġi xxuttata. Bħal Marija, id-dixxipli huma msejħa jieħdu ħsieb ta’ xulxin, iżda mhux biss. Huma jafu li l-qalb ta’ Ġesù hija miftuħa għal kulħadd, mingħajr esklużjoni ta’ ħadd. Lil kulħadd għandha tiġi mħabbra l-Bxara t-Tajba tas-Saltna, u lil dawk kollha li huma fil-bżonn għandha tiġi indirizzata l-karità tal-Insara, sempliċement għaliex huma persuni, ulied Alla.

 

4. Din is-sejħa materna tal-Knisja lejn il-persuni bżonnjużi u morda kkonkretizzat ruħha matul l-elfejn sena ta’ storja b’serje ta’ inizjattivi nobbli favur il-morda. Storja ta’ dedikazzjoni bħal din m’għandhiex tintesa. Din il-ħidma għadha għaddejja llum, fid-dinja kollha. Fil-pajjiżi fejn jeżistu sistemi biżżejjed tas-saħħa, ix-xogħol tal-Kongregazzjonijiet Kattoliċi, tad-djoċesijiet u l-isptarijiet tagħhom, barra li joffri kura medika ta’ kwalità, jipprova jqiegħed il-persuna umana fiċ-ċentru tal-proċess terapewtiku u jwettaq ir-riċerka xjentifika fir-rispett lejn il-ħajja u l-valuri morali Nsara. Fil-pajjiżi fejn is-sistemi tas-saħħa mhumiex biżżejjed jew ma jeżistux, il-Knisja taħdem biex toffri lin-nies, sa fejn hu possibbli, il-kura tas-saħħa, biex telimina l-mewt tat-trabi u tirbaħ ċertu mard li għandu firxa wiesgħa. Kullimkien hija tipprova tagħti l-kura, anki jekk mhux dejjem jirnexxielha tfejjaq. Ix-xbieha tal-Knisja bħala “sptar tal-battalja”, li tilqa’ lil dawk kollha li huma milquta mill-ħajja, hija realtà konkreta ħafna, għaliex f’xi partijiet tad-dinja huma biss l-isptarijiet tal-missjunarji u tad-djoċesijiet li jagħtu l-kura meħtieġa lill-popolazzjoni.

 

5. Il-memorja twila tal-istorja għall-qadi tal-morda hija raġuni ta’ ferħ għall-komunità Nisranija u b’mod partikolari għal dawk kollha li bħalissa qegħdin joffru dan is-servizz. Iżda jeħtieġ li fuq kollox inħarsu lejn il-passat biex inħalluh jagħnina aktar. Minnu għandna nitgħallmu: il-ġenerożità sas-sagrifiċċju totali ta’ ħafna fundaturi ta’ istituti għall-qadi tal-morda; il-kreattività, suġġerita mill-karità, ta’ ħafna inizjattivi li twettqu matul is-sekli; l-impenn fit-tfittxija xjentifika biex toffri lill-morda kura ġdida u affidabbli. Dan il-wirt tal-passat jgħinna nipproġettaw tajjeb il-futur. Ngħidu aħna, li nħarsu l-isptarijiet Kattoliċi mir-riskju li jsiru azjenda, fejn fid-dinja kollha hemm it-tfittxija li jdaħħlu l-kura tas-saħħa fil-qasam tas-suq, u hekk jispiċċaw iwarrbu l-foqra. Organizzazzjoni intelliġenti u l-karità jesiġu li l-persuna tal-marid tkun irrispettata fid-dinjità tagħha u miżmuma dejjem fil-qalba tal-proċess tas-saħħa. Dawn l-orjentamenti għandhom ikunu proprji anki tal-Insara li jaħdmu fi strutturi pubbliċi u li bis-servizz tagħhom huma msejħa jagħtu xhieda tajba tal-Vanġelu.

 

6. Ġesù ħalla lill-Knisja l-qawwa tiegħu li tfejjaq.U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: [] iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu (Mk 16:17-18). Fl-Atti tal-Appostli naqraw deskrizzjoni tal-fejqan imwettaq minn Pietru (ara Atti 3:4-8) u minn San Pawl (ara Atti 14:8-11). Mal-għotja ta’ Ġesù tikkorrispondi l-ħidma tal-Knisja, li taf li trid iġġorr l-istess ħarsa għanja ta’ ħlewwa u kompassjoni tal-Mulej. Il-pastorali tas-saħħa hija u tibqa’ dejjem ħidma meħtieġa u essenzjali, li għandha tingħax b’ħeġġa mġedda, ibda mill-komunità parrokkjali saċ-ċentri l-iktar eċċellenti ta’ kura. Ma rridux ninsew il-ħlewwa u l-perseveranza li biha ħafna familji jieħdu ħsieb ta’ wliedhom, ġenituri u qraba, morda kroniċi jew b’diżabbiltà gravi. Il-kura li tingħata fil-familja hija xhieda straordinarja ta’ mħabba lejn il-persuna umana u għandha tiġi mwieżna b’għarfien u politika adegwata. Għalhekk, tobba u infermiera, saċerdoti, persuni kkonsagrati u voluntiera, familjari u dawk kollha li jimpenjaw ruħhom fil-kura tal-morda, jipparteċipaw f’din il-ħidma tal-Knisja. Hija responsabbiltà li tagħni l-valur tas-servizz ta’ kuljum ta’ kull wieħed minna.

 

7. Lil Marija, Omm tal-ħlewwa, irridu nafdaw il-morda kollha tal-ġisem u tar-ruħ, sabiex issaħħaħhom fit-tama. Lilha wkoll nitolbu li tgħinna biex inkunu dejjem lesti li nilqgħu lil ħutna morda. Il-Knisja taf li għandha bżonn ta’ grazzja speċjali biex tkun tista twettaq dan is-servizz evanġeliku hekk għoli li tieħu ħsieb il-morda. Għalhekk, it-talba lil Omm il-Mulej tarana lkoll magħquda, f’talba insistenti, sabiex kull membru tal-Knisja jgħix bl-imħabba s-sejħa għas-servizz tal-ħajja u tas-saħħa. Il-Verġni Marija tidħol għal dan is-26 Jum Dinji tal-Morda; tgħin lill-persuni morda biex jgħixu t-tbatija tagħhom f’għaqda mal-Mulej Ġesù u tgħin lil dawk kollha li jieħdu ħsieb tagħhom. Lil kulħadd, morda, ħaddiema tas-saħħa u voluntiera, nagħti minn qalbi l-Barka Appostolika.

 

Mill-Vatikan, 26 ta’ Novembru 2017

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Univers

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Mons. Renato Borg

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta