L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Jum Dinji Missjunarju 2017.

 

 

 

 

Il-missjoni fil-qalba tal-fidi Nisranija

 

Għeżież ħuti,

 

Din is-sena wkoll il-Jum Dinji Missjunarju qed isejħilna madwar il-persuna ta’ Ġesù, “l-ewwel u l-ikbar evanġelizzatur” (Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 7), li kontinwament qed jibgħatna nxandru l-Vanġelu tal-imħabba ta’ Alla l-Missier bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Dan il-Jum jistedinna nirriflettu mill-ġdid fuq il-missjoni fil-qalba tal-fidi Nisranija. Fil-fatt, il-Knisja hi min-natura tagħha missjunarja; kieku ma kinitx hekk, ma kinitx tkun iżjed il-Knisja ta’ Kristu, imma għaqda fost ħafna oħra, li ma ddumx ma tispiċċa titlef l-iskop tagħha u tiġi fix-xejn. Imma, aħna msejħin nagħmlu xi mistoqsijiet li jmissu l-istess identità Nisranija tagħna u r-responsabbiltajiet tagħna li nemmnu, f’dinja mħawda minn tant illużjonijiet, miġruħa minn frustrazzjonijiet kbar u mifnija minn għadd ta’ gwerer bejn l-aħwa li inġustament qed jolqtu speċjalment l-innoċenti. X’inhu l-fundament tal-missjoni? Liema hi l-qalb tal-missjoni? Liema huma l-atteġġjamenti vitali tal-missjoni?

 

Il-missjoni u l-qawwa trasformanti tal-Vanġelu ta’ Kristu, Triq, Verità u Ħajja

1. Il-missjoni tal-Knisja, iddestinata għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, hi msejsa fuq il-qawwa trasformanti tal-Vanġelu. Il-Vanġelu hu Aħbar Tajba li ġġorr fiha ferħ li jittieħed għax għandha u toffri ħajja ġdida: dik ta’ Kristu Rxoxt, li, waqt li jagħtina l-Ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja, isir għalina Triq, Verità u Ħajja (ara Ġw 14:6). Hu Triq li tistedinna nimxu warajh b’fiduċja u kuraġġ. Meta nimxu wara Ġesù bħala t-Triq tagħna, induqu l-Verità u nirċievu l-Ħajja tiegħu, li hi komunjoni sħiħa ma’ Alla l-Missier fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, teħlisna minn kull xorta ta’ egoiżmu u hi għajn ta’ kreattività fl-imħabba.

 

2. Alla l-Missier jixtieq din il-bidla eżistenzjali ta’ wliedu; bidla li tesprimi ruħha bħala qima fl-ispirtu u l-verità (ara Ġw 4:23-24), f’ħajja mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fix-xebh tal-Iben Ġesù għall-glorja ta’ Alla l-Missier. “Il-glorja ta’ Alla hu l-bniedem ħaj” (Irinew, Adversus hæreses IV, 20, 7). Hekk, it-tħabbira tal-Vanġelu ssir kelma ħajja u effikaċi li twettaq dak li xxandar (ara Is 55:10-11), jiġifieri Ġesù Kristu, li kontinwament jitlaħħam f’kull qagħda umana (ara Ġw 1:14).

 

Il-missjoni u l-kairos ta’ Kristu

3. Għalhekk il-missjoni tal-Knisja mhix li xxerred ideoloġija reliġjuża u lanqas il-proposta ta’ etika mill-aqwa. Ħafna movimenti fid-dinja jafu jipproduċu ideali għoljin jew espressjonijiet etiċi notevoli. Permezz tal-missjoni tal-Knisja, hu Ġesù Kristu li jissokta jevanġelizza u jaġixxi, u għalhekk hi tirrappreżenta l-kairos, iż-żmien it-tajjeb tas-salvazzjoni fl-istorja. Permezz tax-xandir tal-Vanġelu, Ġesù jsir dejjem mill-ġdid bniedem ta’ żmienna, biex min jilqgħu bil-fidi u l-imħabba jista’ jduq il-qawwa trasformatriċi tal-Ispirtu tiegħu ta’ Rxoxt li jagħmel il-frott tiegħu fl-umanità u l-ħolqien kif tagħmel ix-xita fil-ħamrija. “Il-qawmien tiegħu mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet mad-dinja. Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx bħalha” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 276).

 

4. Niftakru dejjem li “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est, 1). Il-Vanġelu hu Persuna, li kontinwament toffri ruħha u kontinwament tistieden lil min jilqagħha bil-fidi umli u ħabrieka biex ikollu sehem fil-ħajja tagħha permezz ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-misteru tal-Għid tal-mewt u l-qawmien tagħha. Il-Vanġelu għalhekk isir, permezz tal-Magħmudija, għajn ta’ ħajja ġdida, ħielsa mill-ħakma tad-dnub, imdawla u mibdula mill-Ispirtu s-Santu; permezz tal-Griżma, isir dilka li ssaħħaħ u, grazzi għall-istess Spirtu, juri toroq u strateġiji ġodda ta’ xhieda u qrubija; u permezz tal-Ewkaristija jsir ikel tal-bniedem ġdid, “duwa ta’ immortalità” (Injazju ta’ Antjokja, Epistula ad Ephesios, 20, 2).

 

5. Essenzjalment id-dinja għandha bżonn tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Hu, permezz tal-Knisja, jissokta l-missjoni tiegħu ta’ Samaritan it-tajjeb, jikkura l-ġrieħi jdemmgħu tal-bnedmin, u ta’ Ragħaj it-tajjeb, ifittex bla waqfien lil min intilef f’mogħdijiet imxebilka u li ma jwasslu mkien. U għall-grazzja ta’ Alla ma jonqsux esperjenzi sinifikanti li jagħtu xhieda tal-qawwa trasformatriċi tal-Vanġelu. Jiġini f’moħħi l-ġest ta’ dak l-istudent Dinka li, bi prezz għal ħajtu stess, ipproteġa student tat-tribù Neur iddestinat li jiġi maqtul. Tiġini f’moħħi dik iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika f’Kitgum, fl-Uganda ta’ Fuq, f’dak iż-żmien imxarrab bid-demm mill-brutalità ta’ grupp ta’ ribelli, meta missjunarju ġagħal lin-nies tirrepeti kliem Ġesù fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”, bħala espressjoni ta’ karba ddisprata tal-aħwa lil Kristu msallab. Dik iċ-ċelebrazzjoni kienet għan-nies għajn ta’ faraġ kbir u tant kuraġġ. U nistgħu naħsbu f’għadd bla tarf ta’ xhieda ta’ kif il-Vanġelu jgħinna negħlbu l-għeluq, il-ġlied, ir-razziżmu, it-tribaliżmu, u nippromovu kullimkien u fost kulħadd ir-rikonċiljazzjoni, il-fraternità u l-qsim bejn l-aħwa.

 

Il-missjoni tnebbaħ għal spiritwalità ta’ ħruġ, pellegrinaġġ u eżilju kontinwu

6. Il-missjoni tal-Knisja hi mmexxija minn spiritwalità ta’ ħruġ kontinwu. Dan ifisser li “noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 20). Il-missjoni tal-Knisja tistimola atteġġjament ta’ pellegrinaġġ kontinwu lejn il-bosta deżerti tal-ħajja, permezz tad-diversi esperjenzi ta’ ġuħ u għatx għall-verità u l-ġustizzja. Il-missjoni tal-Knisja tnebbaħ għal esperjenza ta’ eżilju kontinwu, biex insemmgħu lill-bniedem għatxan għall-infinit il-qagħda tiegħu ta’ tturufnat f’mixja lejn il-patrija finali, mifruxa bejn id-“diġà” u l-“mhux għalissa” tas-Saltna tas-Smewwiet.

 

7. Il-missjoni qed tgħid lill-Knisja li hi mhix fini fiha nfisha, imma hi għodda umli u medjazzjoni tas-Saltna. Knisja awtoreferenzjali, li toqgħod tiggosta s-suċċessi tagħha fuq din l-art, mhijiex il-Knisja ta’ Kristu, il-ġisem mislub u glorjuż tiegħu. Hu għalhekk mela li jeħtieġ nippreferu “Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata” (ibid., 49).

 

Iż-żgħażagħ, tama tal-missjoni

8. Iż-żgħażagħ huma t-tama tal-missjoni. Il-persuna ta’ Ġesù u l-Bxara t-Tajba minnu mxandra jibqgħu jiġbdu għal warajhom ħafna żgħażagħ. Huma jfittxu toroq fejn jistgħu jqiegħdu l-kuraġġ u l-inklinazzjonijiet ta’ qalbhom għall-qadi tal-umanità. “Bosta huma ż-żgħażagħ li qed joffru l-għajnuna solidali tagħhom quddiem il-ħażen tad-dinja u qed jieħdu sehem f’diversi xejriet ta’ ħidma u volontarjat […]. Kemm hi ħaġa sabiħa li ż-żgħażagħ ikunu ‘vjaġġaturi tal-fidi’, ferħana li qed iwasslu lil Ġesù f’kull triq, f’kull pjazza, f’kull rokna tad-dinja!” (ibid., 106). L-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li sa tiġi ċċelebrata fl-2018 bit-tema “Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali”, hi okkażjoni providenzjali biex ninvolvu liż-żgħażagħ fir-responsabbiltà missjunarja komuni li għandha bżonn tal-immaġinazzjoni għanja u l-kreattività tagħhom.

 

Is-servizz tal-Opri Missjunarji Pontifiċji

9. L-Opri Pontifiċji Missjunarji huma għodda prezzjuża biex f’kull komunità Nisranija nqanqlu x-xewqa li noħorġu mill-konfini tagħna u mis-sigurtajiet tagħna u mmiddu għonqna għax-xandir tal-Vanġelu lil kulħadd. Permezz ta’ spiritwalità missjunarja profonda fil-ħajja ta’ kuljum, impenn kostanti ta’ formazzjoni u animazzjoni missjunarja, adolexxenti, żgħażagħ, adulti, familji, saċerdoti, reliġjużi, Isqfijiet huma involuti biex tixxettel f’kulħadd qalb missjunarja. Il-Jum Dinji Missjunarju, promoss mill-Opra tal-Propagazzjoni tal-Fidi, hu l-okkażjoni t-tajba biex il-qalb missjunarja tal-komunitajiet Insara tieħu sehem bit-talb, bix-xhieda tal-ħajja u bil-komunjoni tal-ġid ħalli twieġeb għall-ħtiġijiet gravi u vasti tal-evanġelizzazzjoni.

 

Nagħmlu missjoni ma’ Marija, Omm l-evanġelizzazzjoni

10. Għeżież ħuti, nagħmlu missjoni billi nitnebbħu minn Marija, Omm l-evanġelizzazzjoni. Imqanqla mill-Ispirtu, hi laqgħet il-Verb tal-ħajja fil-profondità tal-fidi umli tagħha. Ħa tgħinna l-Verġni llissnu l-“iva” tagħna fl-urġenza li nagħmlu li tidwi l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù fi żmienna; taqlgħalna ħeġġa ġdida ta’ nies imqajma biex inwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja li jirbaħ fuq il-mewt; tidħol għalina biex nistgħu niksbu l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda biex jasal għand kulħadd id-don tas-salvazzjoni.

 

Mill-Vatikan, 4 ta’ Ġunju 2017

Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard