L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Jum il-Vokazzjonijiet 2017

 

 

 

 

Imqanqal mill-Ispirtu għall-missjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-snin li għaddew, stajna nirriflettu fuq żewġ aspetti li jolqtu l-vokazzjoni Nisranija: l-istedina biex “noħorġu minna nfusna” ħalli nisimgħu leħen il-Mulej u l-importanza tal-komunità ekkleżjali bħala post ipprivileġġjat fejn is-sejħa ta’ Alla titwieled, tikber u tesprimi ruħha.

 

Issa, fl-okkażjoni tal-54 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, nixtieq nieqaf ftit fuq id-dimensjoni missjunarja tas-sejħa Nisranija. Min ħalla l-leħen ta’ Alla jiġbdu lejh u beda jimxi wara Ġesù, ma jdumx ma jiskopri, ġewwa fih, xewqa li ma jistax jifga, dik li jwassal il-Bxara t-Tajba lill-aħwa, permezz tal-evanġelizzazzjoni u l-qadi fil-karità. L-Insara kollha huma magħżula missjunarji tal-Vanġelu! Fil-fatt, id-dixxiplu ma jirċevix id-don tal-imħabba ta’ Alla biex joqgħod iħossu sew hu; mhux imsejjaħ jippreżenta lilu nnifsu u lanqas biex iħares l-interessi ta’ xi kumpanija; sempliċement iħalli jmissu u jibdlu l-ferħ li jħossu maħbub minn Alla u ma jistax iżomm din l-esperjenza għalih waħdu: “Il-ferħ tal-Vanġelu li jimla l-ħajja tal-komunità tad-dixxipli hu ferħ missjunarju” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 21).

 

Għalhekk, l-impenn missjunarju mhux xi ħaġa li nżidu mal-ħajja Nisranija, bħallikieku kien xi tiżjin, imma, bil-maqlub, jinsab fil-qalba tal-istess fidi: ir-relazzjoni mal-Mulej timplika li nħossuna mibgħuta bħala profeti tal-kelma tiegħu u xhieda ta’ mħabbtu.

 

Imqar jekk inġarrbu fina ħafna dgħufija u xi drabi nistgħu nħossuna naqtgħu qalbna, jeħtieġ nerfgħu ħarsitna lejn Alla, bla ma nħallu jgħaffiġna s-sens li ma nħossuniex tajbin biżżejjed jew naqgħu fil-pessimiżmu, li jagħmilna spettaturi passivi ta’ ħajja għajjiena u tas-soltu. M’hemmx lok għal biża’: hu Alla nnifsu li jiġi jsaffi x-“xofftejn imniġġsa” tagħna, u jagħmilna idonji għall-missjoni: “‘Ħżunitek għebet, u dnubek inħafer’. Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: ‘Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?’. U jien weġibt: ‘Hawn jien: ibgħat lili!’” (Is 6:6-8).

 

Kull dixxiplu missjunarju jħoss f’qalbu dan il-leħen divin jistiednu “jgħaddi” minn qalb in-nies, bħal Ġesù, “jagħmel il-ġid u jfejjaq” lil kulħadd (ara Atti 10:38). Fil-fatt, diġà sibt l-okkażjoni nfakkar li, grazzi għall-Magħmudija, kull Nisrani hu “Kristofru”, jiġifieri “wieħed li jġorr lil Kristu” għand l-aħwa (ara Katekeżi, 30 ta’ Jannar 2016). Dan jgħodd b’mod partikulari għal dawk li huma msejħin għal ħajja speċjali ta’ konsagrazzjoni u wkoll għas-saċerdoti, li b’mod ġeneruż wieġbu: “Hawn jien, Mulej, ibgħat lili!”. B’ħeġġa missjunarja mġedda, huma msejħin joħorġu minn wara l-ħitan qaddisa tat-Tempju, biex iħallu l-ħlewwa ta’ Alla tgelgel fuq il-bnedmin (ara Omelija tal-Quddiesa tal-Griżma, 24 ta’ Marzu 2016). Il-Knisja għandha bżonn ta’ saċerdoti bħal dawn: fiduċjużi u sereni għax skoprew it-teżor veru, bla sabar biex imorru juruh bil-ferħ lil kulħadd (ara Mt 13:44)!

 

Bla dubju, mhumiex ftit il-mistoqsijiet li jitqanqlu meta nitkellmu fuq il-missjoni Nisranija:  Xi jfisser tkun missjunarju tal-Vanġelu? Min se jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ tat-tħabbira? Għal dawn il-mistoqsijiet nistgħu nwieġbu billi nikkontemplaw tliet xeni tal-Vanġelu: il-bidu tal-missjoni ta’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazareth (ara Lq 4:16-30); il-mixja li hu jagħmel Irxoxt mad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-35); u fl-aħħar, il-parabbola taż-żerriegħa (ara Mk 4:26-27).

 

Ġesù midluk mill-Ispirtu u mibgħut. Li tkun dixxiplu missjunarju jfisser tieħu sehem attivament fil-missjoni ta’ Kristu, li Ġesù nnifsu jfisser fis-sinagoga ta’ Nazareth: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19). Din hi wkoll il-missjoni tagħna: li nkunu midluka mill-Ispirtu u mmorru għand l-aħwa biex inxandrulhom il-Kelma, u nsiru għalihom strument ta’ salvazzjoni.

 

Ġesù jimxi magħna fit-triq. Quddiem il-mistoqsijiet li jixirfu mill-qalb tal-bniedem u l-isfidi li jitqanqlu mir-realtà, nistgħu nħossuna mitlufa jew inħossu nuqqas ta’ enerġija u ta’ tama. Hemm ir-riskju li l-missjoni Nisranija tidher bħala utopja li ma tistax tintlaħaq, jew xi realtà li tissupera l-isforzi tagħna. Imma jekk nikkontemplaw lil Kristu Rxoxt, li jimxi mad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-15), il-fiduċja tagħna tista’ terġa’ titkebbes; f’din ix-xena mill-Vanġelu, għandna “liturġija tat-triq” vera u proprja, li tiġi qabel dik tal-Kelma u tal-Ħobż maqsum u turina li, f’kull pass tagħna, Ġesù jinsab magħna! Iż-żewġ dixxipli, miġruħa mill-iskandlu tas-Salib, sejrin lura d-dar mit-triq tat-telfa: f’qalbhom iġorru tama mkissra u ħolma li ma twettqitx. Fihom in-niket ħa post il-ferħ tal-Vanġelu. X’jagħmel Ġesù? Ma jiġġudikahomx, jimxi fl-istess triq tagħhom u, flok ma jtella’ ħajt, jiftaħ xaqq ġdid. Naqra naqra jibdel il-qtigħ il-qalb tagħhom, ikebbes lil qalbhom u jiftħilhom għajnejhom, waqt li jħabbar il-Bxara u jaqsam il-Ħobż. Bl-istess mod, in-Nisrani ma jġorrx waħdu l-impenn tal-missjoni, imma jagħmel esperjenza, anki fl-għeja u meta jħossu mhux mifhum, “li Ġesù qed jimxi miegħu, jitkellem miegħu, jieħu n-nifs miegħu, jaħdem miegħu. Iħossu lil Ġesù ħaj miegħu qalb il-ħidma missjunarja” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 266).

 

Ġesù jkabbar iż-żerriegħa. Fl-aħħar nett, mill-Vanġelu importanti nitgħallmu l-istil tat-tħabbira. Fil-fatt, mhux darba u tnejn li, imqar bl-aħjar intenzjonijiet, jista’ jiġri li nitkaxkru minn ċerta xenqa għall-poter, għall-proselitiżmu jew għall-fanatiżmu intolleranti. Imma l-Vanġelu jistedinna niċħdu l-idolatrija tas-suċċess u tal-qawwa, it-tħassib żejjed għall-istrutturi, u ċerta tensjoni li twieġeb iżjed għal spirtu ta’ konkwista milli għal dak tal-qadi. Iż-żerriegħa tas-Saltna, imqar jekk żgħira, ma tidhirx u xi drabi insinifikanti, tikber fis-skiet grazzi għall-ħidma bla waqfien ta’ Alla: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif” (Mk 4:26-27). Din hi l-ewwel fiduċja tagħna: Alla jmur lil hemm minn dak li nistennew aħna u jissorprendina bil-ġenerożità tiegħu, u hekk ikabbar il-frott tal-ħidma tagħna lil hemm mill-kalkoli tal-effiċjenza umana.

 

B’din il-fiduċja tal-Vanġelu ejja niftħu qalbna għall-azzjoni siekta tal-Ispirtu, li hi l-bażi tal-missjoni. Qatt ma jista’ jkun hemm pastorali vokazzjonali, lanqas missjoni Nisranija mingħajr it-talb assidwu u kontemplattiv. F’dan is-sens, jeħtieġ inseddqu l-ħajja Nisranija bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u, fuq kollox, nieħdu ħsieb tar-relazzjoni personali tagħna mal-Mulej fl-adorazzjoni Ewkaristika, “imkien” ipprivileġġjat ta’ laqgħa mal-Mulej.

 

Hi din il-ħbiberija intima mal-Mulej li nixtieq minn qalbi nħeġġiġkom għaliha, fuq kollox biex nittallbu mill-għoli vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata. Il-Poplu ta’ Alla għandu bżonn imexxuh ragħajja li jqattgħu ħajjithom għall-qadi tal-Vanġelu. Għalhekk, nitlob lill-komunitajiet parrokkjali, lill-għaqdiet u lill-għadd kbir ta’ gruppi ta’ talb preżenti fil-Knisja: kontra t-tentazzjoni tal-qtigħ il-qalb, komplu itolbu lill-Mulej biex jibgħat ħaddiema fl-oqsma tiegħu u jagħtina saċerdoti nnamrati mill-Vanġelu, kapaċi jkunu qrib tal-aħwa u, hekk, isiru sinjal ħaj tal-imħabba ħanina ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, illum ukoll għadna nistgħu nsibu mill-ġdid is-sħana tat-tħabbira u nipproponu, fuq kollox liż-żgħażagħ, il-mixja wara Kristu. Quddiem is-sensazzjoni mifruxa ta’ fidi għajjiena u li spiċċat biss “dmirijiet li jridu jsiru”, iż-żgħażagħ tagħna jixtiequ jiskopru l-faxxinu dejjem attwali tal-figura ta’ Ġesù, li jħallu l-kliem u l-ġesti tiegħu jisfidawhom u jipprovokawhom u, fl-aħħar nett, li, grazzi għalih, joħolmu ħajja kollha kemm hi umana, kuntenta li tista’ tgħix fl-imħabba.

 

Marija Santissma, Omm il-Feddej tagħna, kellha l-kuraġġ tħaddan din il-ħolma ta’ Alla, billi qiegħdet iż-żgħożija tagħha u l-ħeġġa tagħha f’idejh. Ħa taqlgħalna l-interċessjoni tagħha l-istess ftuħ tal-qalb, il-ħeffa biex illissnu l-“Hawn jien” tagħna għas-sejħa tal-Mulej, u l-ferħ li, bħalha, naqbdu l-vjaġġ tagħna (ara Lq 1:39) biex inxandruh lid-dinja kollha.

 

Mill-Vatikan, 27 ta’ Novembru 2016

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

 

Franciscus

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard