KELMTEJN TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-ARĊIDJOĊESI TA’ BENEVENTO

 

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa 20 ta’ Frar 2019

 

L-għodwa t-tajba! Ġejtu ħafna, lanqas li kienet xi kanonizzazzjoni! Grazzi ħafna lill-Isqof, lis-Sindki, lil kulħadd, grazzi ta’ din il-kortesija tagħkom, li bla dubju ta’ xejn turi l-qalb tajba tagħkom, grazzi.

 

Għeżież ħuti,

 

Kemm qed nieħu pjaċir nilqagħkom u li minn qalbi nagħti merħba lil kull wieħed u waħda minnkom. Ġejtu minn Ruma, flimkien mar-Ragħaj tagħkom Mons. Felice Accrocca, biex tirrikambjaw iż-żjara li bi pjaċir għamilt fi Pietrelcina fis-17 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, fiċ-ċentinarju mid-dehra tal-pjagi permanenti ta’ San Piju u fil-ħamsin anniversarju minn mewtu.

 

Nixtieq inġedded lil kulħadd ir-radd ta’ ħajr sinċier tiegħi għall-merħba sabiħa li tajtuni dakinhar. Ma ninsa qatt dik il-ġurnata, kif lanqas nista’ ninsa tant morda li sellimt hemm, dik iż-żjara tassew baqgħet f’qalbi. It-tifkira ta’ dik il-ġrajja, mimlija sinifikat ekkleżjali u spiritwali, ħa ssaħħaħ f’kulħadd ir-rieda li tinżlu iktar fil-fond tal-fidi tagħkom, fid-dawl tat-tagħlim tal-konterran illustri u qaddis tagħkom Patri Piju. Hu ddistingwa ruħu fil-fidi soda f’Alla, fit-tama qawwija fir-realtajiet tas-Sema, fl-għotja ġeneruża għall-oħrajn, fil-fedeltà għall-Knisja, li sa minn dejjem ħabb bil-problemi u t-tiġrib tagħha. Ħa nieqaf ftit fuq dan. Hu ħabb lill-Knisja, bil-ħafna problemi li għandha l-Knisja, bil-ħafna tiġrib, bil-ħafna midinbin tagħha. Għax il-Knisja hi qaddisa, hi l-għarusa ta’ Kristu, imma aħna, ulied il-Knisja, aħna lkoll midinbin – u xi wħud ħoxnin! – imma hu ħabb lill-Knisja kif kienet, ma kissirhiex bi lsienu, kif saret moda nagħmlu llum. Le! Hu jħobb. Dak li jħobb lill-Knisja jaf jaħfer, għax jaf li hu stess hu midneb u għandu bżonn tal-maħfra ta’ Alla. Jaf isewwi l-affarijiet, għax il-Mulej irid isewwi l-affarijiet kif suppost imma dejjem bil-maħfra: ma nistgħux ngħaddu ħajjitna kollha nakkużaw, nakkużaw, nakkużaw lill-Knisja. Ta’ min hu l-uffiċċju tal-akkużatur? Min hu dak li l-Bibbja ssejjaħlu l-akkużatur il-kbir? Ix-xitan! U dawk li jgħaddu ħajjithom jakkużaw, jakkużaw, jakkużaw, huma – mhux ħa ngħid ulied, għax ix-xitan m’għandux – imma ħbieb, kuġini, qraba tax-xitan. U le, dan mhux sew; tajjeb li ngħidu x’inhuma d-difetti biex nikkoreġu, imma meta nkunu wrejna liema huma, u kkundannajnihom, jeħtieġ inħobbu lill-Knisja. Mingħajr imħabba, dak ikun xogħol ix-xitan. U San Piju kellu t-tnejn li huma, kien iħobb lill-Knisja bil-problemi kollha tagħha u t-tiġrib li għaddiet minnu, bid-dnubiet ta’ wliedha. Tinsewhx dan.

 

Inħeġġiġkom tifhmu u tilqgħu dejjem iżjed l-imħabba ta’ Alla, għajn u raġuni tal-hena veru tagħna. Aħna msejħin nxerrdu din l-imħabba li tibdel il-ħajja, fuq kollox lill-persuni l-aktar dgħajfa u fil-bżonn. Kull wieħed u waħda minna, meta nxerrdu l-imħabba ta’ Alla, inkunu ngħinu biex nibnu dinja iktar ġusta u solidali. Fuq l-eżempju ta’ Patri Piju, nitlobkom, tehdew qatt tafdaw ruħkom f’idejn Kristu u xxandru t-tjieba tiegħu u l-ħniena tiegħu bix-xhieda ta’ ħajjitkom. Dan hu li l-bnedmin anki ta’ żmienna qed jistennew mid-dixxipli tal-Mulej. Xhieda. Aħsbu ftit f’San Franġisk – li l-Isqof tagħkom jafu tajjeb – u x’qal lid-dixxipli tiegħu. “Morru, agħtu xhieda, m’hemmx bżonn ta’ kliem”. Xi darba jkun hemm bżonn titkellmu, imma intom ibdew bix-xhieda, għixu ta’ Nsara, agħtu xhieda li l-imħabba hi isbaħ mill-mibegħda, li l-ħbiberija hi isbaħ mill-ġlied, li l-fratellanza bejnna lkoll hi isbaħ mill-gwerra.

 

Grazzi mill-ġdid ta’ din iż-żjara! Mill-qalb nagħti lilkom ilkoll il-Barka tiegħi, li ngħaddi lill-familji tagħkom, lill-komunitajiet tagħkom u lill-Arċidjoċesi kollha ta’ Benevento. Grazzi ħafna!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard