L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Twaqqif tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

Mgr Kevin Joseph Farrell, Isqof Irlandiż ta' Dallas fl-Istati Uniti, kien maħtur mill-Papa Franġisku biex imexxi id-Dikasteru l-ġdid għal-Lajċi, għall-Familja u l-Ħajja.

Bil-motu propju. Sedula Mater, mogħti fil-Vatikan fil-15 ta' Awwissu 2016 u li huwa miġjub għall-Malti f'din il-paġna, kienu magħquda flimkien il-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, li kien imexxi minn Mgr Vincenzo Paglia u Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi li kien immexxi mill-Kardinal Stanislaw Rylko.

 

ITTRA APPOSTOLIKA   [“SEDULA MATER”]

F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

 

għat-twaqqif tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

  

Il-Knisja, omm l-aktar għażiża, matul il-medda tas-seklu dejjem ħadet ħsieb u tat kas tal-lajċi, il-familja u l-ħajja, u hekk uriet l-imħabba tal-Feddej ħanin lejn il-bnedmin kollha. Aħna stess, minħabba fl-uffiċċju tagħna ta’ Ragħaj tal-merħla tal-Mulej, rajna li nħabirku f’waqtu biex l-għana ta’ Kristu Ġesù jixtered kif imiss u b’ġid għall-fidili kollha.

Għalhekk, b’reqqa liema bħalha qed naraw li d-Dikasteri tal-Kurja Rumana jiġu adattati għax-xejriet ta’ żmienna u għall-ħtiġijiet tal-Knisja universali. B’mod partikulari, ħsiebna jmur fuq il-lajċi, il-familja u l-ħajja, li nixtiequ noffrulhom tweżin u għajnuna, biex ikunu xhieda ħabrieka tal-Vanġelu fi żmienna u espressjoni tat-tjieba tal-Feddej.

Għalhekk, wara li wżinna kull ħaġa bir-reqqa kollha, bl-awtorità Appostolika tagħna qed inwaqqfu d-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, li jkun irregolat minn Statuti apposta. Il-kompetenzi u l-funzjonijiet li sa issa kienu tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi u tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, mill-1 ta’ Settembru li ġej sa jiġu mgħoddija f’idejn dan id-Dikasteru, u hekk jieqfu jeżistu għalkollox l-imsemmija Kunsilli Pontifiċji.

Dak li hu stabbilit hawn nixtiequ li jkollu valur issa u ’l quddiem, minkejja kull ħaġa kuntrarja.

F’Ruma, f’San Pietru, taħt il-ħatem tas-Sajjied, 15 ta’ Awwissu 2016, fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija, fil-Ġublew tal-Ħniena, fir-raba’ sena tal-Pontifikat tagħna.

Franġisku