IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
1 ta' Diċembru, 2019
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, l-ewwel Ħadd taż-żmien tal-Avvent, tibda sena liturġika ġdida. Tul dawn l-erba' ġimgħat tal-Avvent il-liturġija tmexxina lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied ta' Ġesù filwaqt li tfakkarna illi Hu jiġi kuljum fil-ħajja tagħna, u għad jerġa' jiġi fil-glorja fl-aħħar taż-żminijiet. Din iċ-ċertezza ġġagħalna nħarsu lejn il-ġejjieni bil-fiduċja, u tistedinna wkoll biex inkunu 'Profeta Iżaija' li bil-leħen ispirat tiegħu jakkumpanjana tul il-mixja tal-Avvent.
Fl-ewwel qari tal-lum, Iżaija jagħmel il-profezija li "fl-aħħar taż-żminijiet, l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla 'l fuq mill-għoljiet. lejha għad jiġru l-ġnus kollha" (2.2). It-Tempju tal-Mulej f'Ġerusalemm huwa muri bħala l-post lejn fejn imorru u jiltaqgħu il-popli kollha. Wara l-inkarnazzjoni ta' Iben Alla, Ġesù stess wera li hu l-veru tempju. Għalhekk il-viżjoni meraviljuża ta' Iżaija hija wegħda divina u tibuttana biex l-atteġġjament tagħna jkun wieħed ta' pellegrinaġġ, ta' mixja lejn Kristu, is-sens u l-għan tal-istorja kollha. Kull min hu bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja, jista' jixba' biss jekk iterraq it-toroq tal-Mulej; fil-waqt li l-ħażen u d-dnub jitnisslu mill-fatt li l-individwi u l-gruppi soċjali jippreferu jimxu fit-toroq tal-interessi egoisti li ma jġibu xejn aktar ħlief kunflitti u gwerer. L-Avvent hu ż-żmien tajjeb biex nirċievu l-miġja ta' Ġesù li jiġi bħala messaġġier tal-paċi u biex jurina t-toroq li jressquna lejn Alla.
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jħeġġiġna nkunu lesti għall-miġja tiegħu: "Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom" (Mt 24,42). Is-sahra ma tfissirx li materjalment ikollna għajnejna miftuħin, iżda li qalbna tkun ħielsa u dejjem imdawra lejn id-direzzjoni t-tajba, jiġifieri disposta għall-għotja u għas-servizz. Din hi s-sahra! In-nagħas li jeħtiġilna nqumu minnu hu dak tal-indifferenza, tal-vanità, tan-nuqqas ta' ħila li jkollna relazzjonijeit verament umani, tan-nuqqas ta' ħila li nieħdu fuq spallejna lil ħuna waħdu, abbandunat jew marid.
L-istennija ta' Ġesù li ġej għalhekk, trid tissarraf f'impenn ta' sahra. Qabel kollox hija l-istagħġib quddiem dak li jagħmel Alla, quddiem is-sorptiżi tiegħu, u li nqiegħdu lilu fl-ewwel post. Is-sahra tfisser ukoll li fil-konkret inkunu attenti għall-proxxmu tagħna li jinsab f'diffikultà, inħallu l-ħtiġijiet tiegħu jinterpellawna bla ma noqgħodu nistennew li hu jew hi jitolbuna l-għajnuna, imma nitgħallmu nifhmu minn qabel, nantiċipaw, kif Alla dejjem jagħmel magħna.
Marija, il-Verġni li tishar u Omm it-Tama, tmexxina f'dil-mixja u tgħinna ndawru ħarsitna lejn "l-għolja tal-Mulej", xbieha ta' Ġesù Kristu, li jiġbed lejh lill-bnedmin kollha u lill-popli kollha.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Qed insegwi bi tħassib is-sitwazzjoni fl-Iraq. B'niket sirt naf li l-manifestazzjonijiet ta' protesta tal-jiem li għaddew ħallew il-vittmi għax ir-reazzjoni għalihom kienet waħda iebsa, tant li ħalliet għexieren ta' vittmi. Nitlob għall-mejtin u għall-feruti; inħossni qrib il-familjari tagħhom u qrib il-poplu Iraqqin kollu kemm hu filwaqt li nitlob bil-ħrara lil Alla l-paċi u ftehim.
Id-Dikasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja waqqaf organiżmu ġdid ta' konsultazzjoni internazzjonali taż-żgħażagħ, magħmul minn għoxrin żgħażagħ ġejjin minn sfond ġjografiku u ekkleżjali differenti. Hija tweġiba konkreta għas-Sinodu dedikat liż-żgħażagħ li sar is-sena li għaddiet (cfr Dok. tal-Aħħar, 123). Ix-xogħol ta' dan l-organiżmu hu li jgħin u jifhem il-viżjoni taż-żgħażagħ dwar il-prijoritajiet tal-pastorali maż-żgħażagħ u dwar temi oħra ta' interess aktar ġenerali. Nitolbu għal dan.
Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi! Insellem b'mod partikolari lill-fidili li ġew mill-Polonja u l-kor tat-tfal minn Bucarest.
Insellem lill-gruppi minn Giulianova Lido, Nettuno u Jesi: kif ukoll lill-pellegrini minn Cavarzese flimkien mal-kor 'Serafin', u lill-assoċjazjzoni tar-Rumeni fl-Italja.
Illum waranofsinhar se mmur Greccio, fil-post fejn San Franġisk kien għamel l-ewwel presepju. Hemmhekk se nifirma Ittra dwar it-tifsira u l-valur tal-presepju. Il-presepju huwa sinjal sempliċi u meraviljuż tal-fidi nisranija. Hija Ittra qasira, li tista' tgħin biex inħejju tajjeb għall-Milied. Nitlobkom takkumpnajawni bit-talb tagħkom f'dal-vjaġġ.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber