"Ejjew, mberkin minn Missieri,
ħudu b'wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet
għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. "
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
"Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu
u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod
fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu
jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn
xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ
mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq
il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta' fuq
il-lemin tiegħu, 'Ejjew, mberkin minn
Missieri, ħudu b'wirt tagħkom is-Saltna li
tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.
Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont
bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u
lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont
marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu
żżuruni.' Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’,
jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik,
jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik
barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?
Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna
nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, 'Tassew,
ngħidilkom, kull ma għamiltu ma' wieħed
mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.'
Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta' fuq ix-xellug,
'Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta'
dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli
tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma
tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix,
kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma
libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma
ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh,
'Mulej,' jgħidulu, 'meta rajniek bil-ġuħ,
jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew
marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex
miegħek?' Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, 'Tassew,
ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma' wieħed
minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma
għamiltuh.'
U dawn imorru fit-tbatija ta' dejjem u l-ġusti
fil-ħajja ta' dejjem.
(Mattew
25: 31-46) |