Il-Ħadd, 6
ta' Marzu 2016
Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan (Sena Ċ).
Riflessjoni fuq l-Evanġelju ta' San Luqa
(15:1-3;11-32) minn Dun Pawl Camilleri.
Video iffilmjat u editjat minn George
Palmier. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju
issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca
Iklin Malta.
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin
kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. U
kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu
jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa'
għandu dan u jiekol magħhom!"
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: "Kien
hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal
lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li
jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom
il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta
ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn
pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu
kollu f'ħajja mtajjra. Meta ħela kull ma
kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u
beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma'
wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba'
tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku
jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu
l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm
lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba'
, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum
u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier,
dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma
jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni
b'wieħed mil-lavranti tiegħek.' Qam, u telaq
għal għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru
lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar
inxteħet fuq għonqu u biesu. 'Missier,'
qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra
tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ
ibnek.' Iżda l-missier qal lill-qaddejja
tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u
xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli
f'riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh,
ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni
kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!'
U għamlu festa.
"Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u
rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama'
daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u
staqsieh dak x'kien. 'Hawn ħuk,' qallu dak,
'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen,
għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' Hu inkorla,
u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ
jitolbu jidħol. 'Ara,' qal lil missieru, 'ili
dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma
ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi
lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi!
Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek
man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!'
'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi,
u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien
meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan
ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u
nstab.' "
|