Kristu jgħix, Kristu huwa ħaj!

 


“Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illissen lil kull żagħżugħ nisrani huma: Hu jgħix u jridek ħaj!”   Hekk tiftaħ l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit tal-Papa Franġisku, indirizzata “liż-żgħażagħ u lill-poplu kollu ta’ Alla”. 

Fl-Eżortazzjoni, l-Papa, wara li jagħti ħarsa lejn dak li tgħid il-Kelma ta’ Alla dwar iż-żgħażagħ, juri kif xi kitbiet juruna kif Alla jħares lejhom b’għajnejn differenti u jippreżenta figuri ta’ żgħażagħ mill-Bibbja.  Huwa jfakkar li Ġesù, dejjem żagħżugħ, “irid jagħtina qalb dejjem żagħżugħa,” u li r-relazzjoni tiegħu man-nies kienet dik ta’ żagħżugħ li kien jaqsam fil-ħajja kollha ta’ familja intergrata tajjeb fir-raħal.”  Huwa jħeġġeġ liż-żgħażagħ “biex ikunu qrib ta’ Ġesù u jkunu jistgħu jixorbu mill-għajn vera, li żżomm ħajja l-ħolmiet, il-proġetti u l-ideali kbar tagħhom u li tindirizzahom lejn it-tħabbira ta’ ħajja li hi ta’ min jgħixha.”   Il-Papa jgħid liż-żgħażagħ, “il-Mulej qed isejħilna biex nixegħlu kwiekeb fil-lejl ta’ żgħażagħ oħra.”

Dwar iż-żogħżija tal-Knisja, Franġisku jgħid: “Nitolbu lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq.” Huwa jitlob biex jeħlisha minn tentazzjoni oħra: “li temmen li hi żagħżugħa għax tbaxxi rasha għal dak kollu li d-dinja toffrilha, li temmen li tiġġedded jekk taħbi l-messaġġ tagħha u tinħeba qalb il-kotra.”   Il-Papa jgħid li l-Knisja hi żagħżugħa meta tkun dak li tassew hi, “meta tirċievi l-qawwa tagħha dejjem ġdida mill-Kelma ta’ Alla, mill-Ewkaristija, mill-preżenza ta’ Kristu u tal-qawwa tal-Ispirtu tiegħu kuljum.”   Huwa jgħid li fil-Knisja “irid ikollna l-kuraġġ li nkunu differenti, li nikxfu ħolm ieħor li din id-dinja ma toffrix, li nagħtu xhieda tal-ġmiel tal-ġenerożità, tas-servizz, tas-safa, tal-qawwa, tal-maħfra, tal-fedeltà għall-vokazzjoni tagħna, tat-talb, tat-taqbida għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba għall-foqra, tal-ħbiberija soċjali.”  Huma sewwasew “iż-żgħażagħ li jistgħu jgħinuha tibqa’ żagħżugħa.”

Fl-Eżortazzjoni jingħad li hemm żgħażagħ li jħossu li l-preżenza tal-Knisja “tagħtihom fastidju u ddejjaqhom” minħabba nuqqasijiet li jaraw fiha, waqt li hemm oħrajn li “jixtiequ Knisja li tisma’ iżjed, li ma toqgħodx il-ħin kollu tikkundanna lid-dinja.”  Franġisku jafferma li ma nistgħux nillimitaw ruħna u ngħidu li “ż-żgħażagħ huma l-futur tad-dinja: huma l-preżent, qed jagħnuh bil-kontribut tagħhom.” Għalhekk jeħtieġ nisimgħuhom.”  Min hu msejjaħ ikun missier, ragħaj u gwida taż-żgħażagħ għandu jkollu l-ħila “jindividwa mixjiet fejn oħrajn qed jaraw biss ħitan, jilmaħ possibbiltajiet fejn oħrajn jaraw biss perikli.   Għalhekk il-qalb ta’ kull żagħżugħ għandha titqies ‘art qaddisa.’”

L-eżortazzjoni titkellem dwar dak li jgħaddu minnu żgħażagħ, li jgħixu f’kuntesti ta’ gwerra, dawk sfruttati u vittmi ta’ ħtif, kriminalità organizzata, traffikar ta’ bnedmin, jasar u sfruttament sesswali, stupri, u anki dawk li jġarrbu atti kriminali u vjolenzi.  “Ħafna żgħażagħ huma użati bħala laħam tal-priża u bħala għodda biex teqred, tbeżża’ jew tirredikola lill-oħrajn. U l-agħar ħaġa hi li ħafna jinbidlu f’suġġetti individwalisti, għedewwa u suspettużi f’kulħadd, u hekk isiru priża faċli ta’ proposti li jnaqqsu jbaxxu ġieħ il-bniedem u ta’ pjanijiet qerrieda minsuġa minn gruppi politiċi jew poteri ekonomiċi.”  Iżjed kotrana huma dawk li jġarrbu xi xorta ta’ emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali għal raġunijiet reliġjużi, etniċi jew ekonomiċi. Franġisku jikkwota adolexxenti u żgħażagħ li “joħorġu tqal u l-pjaga tal-abort, kif ukoll it-tixrid tal-HIV, il-bosta xorta ta’ dipendenza (drogi, logħob tal-azzard, pornografija, u l-bqija) u s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq.”  “Ma nistgħux inkunu Knisja li ma tibkix quddiem dawn it-traġedji ta’ wliedha żgħażagħ. Qatt ma għandna nidraw.”  Il-Papa jistieden liż-żgħażagħ “jitgħallmu jibku għal sħabhom li huma agħar minnhom.”

Meta jitkellem fuq id-diffikultajiet ta’ żmienna, l-Papa jsemmi l-“ambjent diġitali”, li ħoloq “mod ġdid ta’ komunikazzjoni” u li “jista’ jiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni.  L-internet u x-xbieki soċjali “saru post essenzjali biex nilħqu u ninvolvu liż-żgħażagħ,” imma “huma wkoll territorju ta’ solitudni, manipulazzjoni, sfruttament u vjolenza.  Il-midja diġitali tista’ tesponi għar-riskju ta’ dipendenza, ta’ iżolament u biex bil-mod il-mod jintilef il-kuntatt mar-realtà konkreta.”  Il-Papa jsemmi wkoll xejriet ġodda ta’ vjolenza li jinxterdu permezz tal-midja soċjali, fosthom “l-ibbuljar, il-pornografija, l-isfruttament tal-persuni għal skop sesswali jew il-logħob tal-azzard.”  Huwa jfakkar li fid-dinja diġitali “hemm għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski.” Hemm ċrieki magħluqa li “jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, jagħwu bi preġudizzji u mibegħda.   Il-Papa jitkellem ukoll fuq żgħażagħ involuti fil-migrazzjoni, u jsemmi l-isfruttar tagħhom u l-fatt li jħossuhom maqlugħa mill-għeruq kulturali u reliġjużi tagħhom.  Il-Papa jsemmi l-abbużi fuq il-minuri, u dnubiet oħra, imma jfakkar liż-żgħażagħ li “hemm triq biex noħorġu” mis-sitwazzjonijiet kollha koroh u ta’ tbatija:  l-Aħbar it-Tajba li xxandret fl-għodwa tal-Qawmien.

Fl-Eżortazzjoni, liż-żgħażagħ, il-Papa jħabbrilhom tliet veritajiet kbar. L-ewwel li, “Alla li hu mħabba” u għalhekk “Alla jħobbok, qatt tiddubitah dan” u tista’ “tinxteħet bla nkwiet ta’ xejn fid-dirgħajn ta’ Missierek tas-Sema.  It-tieni verità hi li “Kristu jsalvak”. “La tinsa qatt li hu jaħfer sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba.” Ġesù jħobbna u jsalvana, għax “tista’ ssalva biss lil min l-ewwel tkun ħabbejtu.  Tista’ tibdel biss lil min tkun għannaqt. L-imħabba tal-Mulej hi ikbar mill-ħażen kollu tagħna, mid-dgħufijiet u l-għemejjel imsejkna kollha tagħna… Hu jaħfrilna u jeħlisna b’xejn.”  It-tielet verità hi li “Hu jgħix!” “Jeħtieġ niftakruh dan… għax nirriskjaw li nieħdu lil Ġesù Kristu biss bħala eżempju tajjeb mill-imgħoddi, bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu.   Jekk “hu jgħix, dan hu garanzija li t-tajjeb jista’ jsaltan f’ħajjitna… Allura nistgħu nieqfu ngemgmu u nibdew inħarsu ’l quddiem.”

“L-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu ħaj ma jżommuniex milli noħolmu, anzi bil-maqlub, din l-imħabba tixprunana, tistimulana, tiftaħna għal ħajja aħjar u isbaħ.  Iż-żagħżugħ, għall-Papa, huwa dak li jżomm dejjem riġlu wieħed quddiem l-ieħor, lest biex jitlaq, biex jagħmel xi ħaġa, dejjem orjentat ’il quddiem. Iż-żgħożija ma tistax tibqa’ “żmien sospiż”, għax “hi ż-żmien tal-għażliet” f’ambitu professjonali, soċjali, politiku u anki fl-għażla tas-sieħeb jew sieħba jew li wieħed iġib l-ewwel ulied. L-ansjetà “tista’ ssir waħda mill-agħar għedewwa meta twassalna biex inċedu l-armi xħin niskopru li r-riżultati mhumiex immedjati. L-isbaħ ħolm jitwettaq bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u meta nwarrbu l-għaġla żejda. Fl-istess waqt, ma nistgħux neħlu għax ma nħossuniex fiż-żgur, ma rridux nibżgħu nirriskjaw jew inkella li ħa nagħmlu xi żball.”  Franġisku jistieden liż-żgħażagħ biex ma jgħixux ħajjithom gallarija, ma jgħaddux ħajjithom quddiem skrin, ma jirriduċux ruħhom għal karozzi mitluqa u ma jħarsux lejn id-dinja qishom kienu turisti: “Agħmlu ħoss! Keċċu l-biżgħat li qed iwaħħlukom… għixu!” Jistedinhom “jgħixu l-preżent” billi jgawdu bi gratitudni kull don ċkejken tal-ħajja mingħajr ma jispiċċaw “qatt mhuma sodisfatti b’xejn” jew “ossessjonati bil-pjaċiri bla tarf” 

Il-Papa, meta jitkellem fuq kif nikbru u nimmaturaw, jurina bl-importanza li nfittxu “żvilupp spiritwali”, li “nfittxu lill-Mulej u nħarsu l-Kelma tiegħu”, li nżommu “l-għaqda ma’ Ġesù… għax m’intix se tikber fil-ferħ u fil-qdusija biss bil-qawwa u l-ħsieb tiegħek.”   Li tikber “ifisser tgħożż u ssaħħaħ fik il-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li tagħtik iż-żogħżija, imma fl-istess waqt ifisser inkunu miftuħa biex insaffu fina dak li mhux tajjeb,”   niskopru min aħna u niżviluppaw il-mod personali tagħna kif inkunu qaddisa.”

Il-Papa jitkellem fuq iż-“żgħażagħ impenjati”, u jipproponi “liż-żgħażagħ li jmorru lil hemm mill-gruppi ta’ ħbieb tagħhom u jibnu l-ħbiberija soċjali, ifittxu l-ġid komuni. L-ostilità soċjali teqred familji, pajjiżi u l-istess dinja.  “L-impenn soċjali u l-kuntatt dirett mal-foqra jibqgħu okkażjoni fundamentali ta’ skoperta u approfondiment tal-fidi u ta’ dixxerniment tal-vokazzjoni.”   Iż-żagħażagħ huma msejħa biex ikunu “missjunarji kuraġġjużi”, u jagħtu xhieda kullimkien tal-Vanġelu b’ħajjithom u ma nistgħux nistennew li “l-missjoni ħa tkun ħafifa jew komda.”  Min-naħa l-oħra, Franġisku jgħid li jiddispjaċih “jara li xi wħud qed jipproponu liż-żgħażagħ li jibnu futur bla għeruq, bħallikieku d-dinja bdiet issa.” Huwa jistieden liż-żgħażagħ biex japprezzaw l-anzjani u l-esperjenza tagħhom.

L-eżortazzjoni titkellem ukoll dwar il-pastorali maż-żgħażagħ u turi kif din trid tkun kapaċi ssawwar “mixja flimkien”, u timplika żewġ linji kbar ta’ azzjoni: l-ewwel hi t-tiftixa, it-tieni l-maturazzjoni. “Dan jimplika li liż-żgħażagħ nifhmuhom, nistmawhom u nħobbuhom, u ma niġġudikawhomx il-ħin kollu jew nesiġu minnhom perfezzjoni li ma tikkorrispondix mal-età tagħhom.”

Fuq il-vokazzjoni, il-Papa jgħid li hu fundmentali “li niddixxernu u niskopru li dak li jrid Ġesù minn kull żagħżugħ u żagħżugħa hu qabelxejn il-ħbiberija tiegħu.” Il-vokazzjoni hi sejħa għas-servizz missjunarju lejn l-oħrajn, “għax ħajjitna fuq din l-art tilħaq il-milja tagħha meta tinbidel f’offerta.”

F’dak li għandu x’jaqsam mal-“imħabba u l-familja”, il-Papa jikteb li “ż-żgħażagħ iħossu b’ċerta qawwa s-sejħa għall-imħabba u joħolmu li jiltaqgħu mal-persuna t-tajba li magħha jistgħu jibnu familja,” u s-sagrament taż-żwieġ “igeżwer din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha f’Alla nnifsu.”  Minkejja d-diffikultajiet kollha, “nixtieq ngħidilkom… li l-familja hi ta’ min jirriskja għaliha u fiha ssibu l-aqwa tħeġġiġ biex timmaturaw u l-isbaħ ferħ x’taqsmu ma’ xulxin. Tħallux lil min jisirqilkom il-possibbiltà li tħobbu bis-serjetà.”  “Li temmen li xejn ma jista’ jkun għal dejjem hu ingann u gidba… nitlobkom tkunu rivoluzzjonarji, nitlobkom tmorru kontra l-kurrent.”

Fejn jidħol ix-xogħol, il-Papa jikteb: “Nistieden liż-żgħażagħ biex ma jippretendux li jistgħu jgħixu bla ma jaħdmu, dejjem jiddependu mill-għajnuna tal-oħrajn. Dan mhuwiex sew, għax ix-xogħol hu ħtieġa, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq ta’ maturazzjoni, ta’ żvilupp uman u ta’ mixja biex nilħqu l-milja personali ta’ ħajjitna.  Franġisku jitlob liż-żgħażagħ li fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni ma jaqtgħux barra l-possibbiltà ta’ konsagrazzjoni lill-Mulej.

Fl-aħħar kapitlu, l-Papa jfakkarna li “mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi qisna merċa mitluqa għat-tendenzi tal-mument.”  Hi ħidma li titlob spazji ta’ solitudni u ta’ skiet, għax din hi deċiżjoni personali ħafna li ħadd ma jista’ jeħodha hu flokna.” 

L-Eżortazzjoni tagħlaq b’“xewqa” tal-Papa Franġisku: “Għeżież żgħażagħ, kemm nieħu gost narakom tiġru b’ħeffa ikbar minn min jeħodha bil-mod u hu beżżiegħi. Iġru, miġbuda minn dak il-Wiċċ hekk maħbub, li aħna nqimu fl-Ewkaristija mqaddsa u nagħrfu fil-ġisem ta’ ħuna li jbati… Il-Knisja għandha bżonn tal-qabża tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom…”

 

Patri Joe Saliba O. Carm.