Home          |          Email          |             Blog          |                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

Il-Professur Joseph Ratzinger

illum il-Papa Benedittu XVI

 

 

 

Is-Sacerdozju fit-taghlim ta’ Joseph Ratzinger

Sr. Daniela Micallef U.S.A.M.

 

Il-ħsieb ta’ Joseph Ratzinger, Papa Benedittu XVI, ikopri numru kbir ta’ suġġetti, ilkoll attwali u ta’ ċerta mportanza. Waħda minnhom li żgur hi għal-qalbu, u li qiegħed itiha prominenza f’din is-sena, hi s-sacerdozju ministerjali. Huwa ħeġġeġ lill-fidili jitolbu għall-dawk li diġa’ qed jaqdu din il-missjoni fil-Knisja u jgħixu din is-sejħa speċjali, għall-dawk li qed jiffurmaw ruħhom għal-din il-forma ta’ servizz li twasslu għal xebħ perfett ma’ Kristu. Infatti fl-ittra li biha fetaħ din is-sena saċerdotali u li bagħat lis-saċerdoti kollha, enfasiżża li f’din is-sena s-saċerdoti għandhom japprofondixxu l-impenn tagħhom lejn tiġdid interjuri għal-xhieda iżjed qawwija u inċiżiva. L-ewwel ħaġa li għandna nitgħallmu hija l-identifikazzjoni kompleta tal-bniedem mal-ministeru tiegħu.

Dan il-ħsieb kien żviluppat fit-tagħlim li hu ppreżenta f’diskors li għamel fil-ftuħ tat-Tmien Assemblea Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq il-Formazzjoni tal-Kleru li saret fl-1 t’Ottubru 1990. Dan li ġej hu parti mit-test oriġinali ta’ dan id-diskors.

 

IL-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdot.

 

Il-funzjoni tas-saċerdot, fl-aħħar mill-aħħar, huwa sempliċi : li jkun leħen għall-Kelma, “Hu jeħtieġ li jikber, jien nonqos.” (Ġw 3:30).

Meta l-Missirijiet tal- Konċilju Vatikan it-Tieni bdew jaħdmu fuq id-Digriet li jitratta l-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdot, diġa` kienu lestew dibattiti kbar fuq in-natura ta’ l-isqfijiet, u għamlu stqarrijiet importanti fuq il-pożizzjoni tal-lajċi fil-knisja u fuq il-ħajja reliġjuża. Wasal iż-zmien li nipprovdu kelma ta’ faraġ lis-saċerdoti, li jum wara l-ieħor iridu jġorru l-madmad tal-ħidma fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej. Ċertament, ma jkunx biżżejjed billi nagħmlu eżortazzjoni devozzjonali: meta l-isqfijiet iċċaraw it-tifsira u l-bażi teoloġiku tal-ministeru tagħhom, ukoll il-kelmiet indirizzati lis-saċerdoti kienu ser jinħtieġu l-istess profondita` teoloġiku. B’hekk biss il-ħidma tas-saċerdoti seta’ jiġi magħruf b’mod konvinċenti u l-isforzi tagħhom jiġu nkorraġġuti.

Iżda dan il-messaġġ lis-saċerdoti kien meħtieġ għal aktar raġunijiet milli biss biex jagħti l-attenzjoni meqjus lill-“istati” varji fil-knisja. Meta l-missirijiet konċiljari ħadmu fuq it-tifsira speċjali ta’ l-uffiċju ta’ isqof f’relazzjoni mas-suċċessuri ta’ San Pietru, setgħu jibbażaw fuq konsensus wiesgħa ta’ l-opinjoni pubblika kemm tal-Knisja kif ukoll tad-dinja, speċjalment fil-komunita` Nisran-ija. Iżda meta ġew għall-kunċett Nisrani tas-saċerdozju kien mod ieħor, għaliex it-tifsira tagħha ma’ kienx fid-dieher, ukoll fl-għarfien tal-Knisja. Ċertament, il-kriżi fuq dan l-għarfien, li malajr ħareġ fid-dieher wara l-Konċilju u wassal għal-kriżijiet oħra li kkonċernaw anke l-ezistenza tas-saċerdozju u l-vokazzjoni għas-saċerdozju, kien għadu fl-istadji bikrija f’dak il-waqt. Waħda mill-kawżi tagħha kienet bidla fil-ħarsa lejn il-ħajja, li fih dak li hu “qaddis” kien mifhum inqas, u dak li hu “funzjonali” mgħolli bħalha l-unika kategorija li tiswa. Iżda kien hemm ukoll għeruq teoloġiċi, li xorbu nutriment bla mistenni mill-kundizzjonijiet ġodda tas-soċjeta`. Ukoll l-eżiġeżi tat-Testment il-Ġdid deher li stabbilixxa idea mhix sagra tal-ħidma ekkleżjali, u neħħa kull kontinwita` bejn il-funzjonijiet sagri tat-Testment il-Qadim u l-ministeri ġodda tal-knisja tal-bidu. Terġa` inqas konnessjonijiet setgħu jiġu magħrufa bejn l-idea pagana tas-saċerdozju. In-novita`  tal-ħajja Nisranija deheret li tikkonsissti preċiżament fid-disakralizzazjoni tal-ministri. Il-qaddejja tal-komunita` Nisranija ma’ kienux imsejjħa saċerdoti iżda presbiteri, jew “xjuħ”. Issa għalkemm l-oriġini Protestanta ta’ l-eżiġeti moderna kienu wżati f’dan il-mod ta’ interpretazzjoni tat-Testment il-Ġdid, xejn ma’ seta’ jbiddel il-provi li deher li jiġġustifika l-konklużjoni : għall-kuntrarju, il-mistoqsija taħraq ta’ dak iż-żmien kien jekk Luteru jew il-Konċilju ta’ Trentu kellhomx raġun.

Kien hemm u għad hemm żewġ ideat opposti tal-ministeru saċerdotali, wiċċ imb’wiċċ. Fuq naħa waħda, l-idea ta’ funzjoni soċjali tfisser is-saċerdozju bħalha “servizz” – servizz magħmul għall-komunita`, billi twettaq funzjoni fil-knisja li għandha dimensjoni soċjali. Fuq in-naħa l-oħra, l-idea sagramentali – ontoloġika, mingħajr ma tiċħad l-aspett ta’ servizz, tara s-saċerdozju bħalha don, magħruf bħala sagrament, mogħti mill-Mulej permezz tal-knisja. L-idea funzjonali huwa wkoll magħqud ma’ bidla fit-terminoloġija : espressjonijiet bħal saċerdot u saċerdozju bill-konnotazjonijiet sakrali tagħhom, huma evitati u mibdula bil-kliem newtrali u funzjonali ministru u ministeru, li s’issa bilkemm kienu wżati fit-teoloġija Kattolika.

Din id-differenza ta’ kif tifhem in-natura tas-saċerdozju tikkorrispondi, sa ċertu punt, ma’ bidla li tiċċentra s-saċerdozju fuq l-Ewkaristija (sacerdos, sacrificium) kontra l-prijorita` tipikament Protestanta mogħtija lill-Kelma. Issa, ħsieb tas-saċerdozju li tagħti prijorita`  lill-kelma m’hemmx għalfejn tmur kontra s-sagramenti. Id-digriet tal-Vatikan II fuq is-saċerdoti juri l-kuntrarju. Iżda tqum il-mistoqsija jekk dawn iż-zewġ kunċetti jeskludux lil xulxin, jew jekk jagħmux lill-xulxin u jsolvu n-nuqqas ta’ qbil minn ġewwa. Din, mela, kienet il-mistoqsija quddiem il-Konċilju Vatikan II : kemm seta’ d-dehra klassika post-Tridentina tas-saċerdozju jiġ mwessa’ – jiġifieri kemm seta’ jissodisfa d-domandi magħmula mir-Riforma, b’eżeġezi kritika, u mill-attitudni moderna tal-ħajja – mingħajr ma titlef dak li hu essenzjali u viċi-versa : kemm setgħet l-idea Protestanta tal- “ministru” tinfetaħ għat-tradizzjoni tal-knisja, kemm tal-Lvant kif ukoll tal-Punent, għaliex (ukoll mill-Konċilju ta’ Trentu) ma kien hemm  l-ebda differenza essenzjali bejn ideat Kattoliċi u Ortodossi fuq is-saċerdozju.

 

In-Natura tal-Ministeru Saċerdotali.

Il-Vatikan it-Tieni ma daħalx f’dawn il-problemi, li f’dak iż-zmien kienu għadhom qed jitfaċċaw. Wara d-dibattiti kbar fuq il-kolleġjalita` episkopali,   l-ekumeniżmu u fuq il-ħelsien reliġjuż, u fuq it-temi tad-dinja moderna, il-“padres” konċiljari ma kellhomx la żmien u l-anqas enerġija. Min dak iż-żmien, is-sidondi ta’ l-1971 u 1990 studjaw is-suġġett tas-saċeerdozju u fetħu fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Konċilju, filwqat li l-ittri tal-Papa ta’ Ħamis ix-Xirka lis-saċerdoti u d-Direttorju tal-Kongregazzjoni tal-Kleru qed japplikaw it-tema b’mod iżjed konkret għall-ħajja ta’ kuljum tas-saċerdoti. U jekk id-digriet konċiljari ma’ jieħux pożizjoni espliċitament fir-rigward tal-kontroversji tal-lum, jipprovdi l-pedament għal aktar elaborazzjoni.

X’inhuma, mela, t-tweġibiet għall-problemi li ddeskrivejna ? Fil-qasir, it-tagħlim konċiljari ma’ jistax jiġi mnaqqas għal kull wieħed mill-alternattivi. L-ewwel definizzjoni tas-saċerdozju skond id-digriet jgħid li bil-konsagrazzjoni tagħhom, is-saċerdoti huma ordnati għas-servizz ta’ Kristu bħalha mgħallem, qassis u re ; huma jaqsmu fil-ministeru tiegħu, li permezz tiegħu  l-knisja hawn fid-dinja hi    l-ħin kollhu tinbena fil-Poplu t’Alla, il-ġisem ta’ Kristu, u t-Tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu (no.1). Fil-paragrafi ta’ wara jissemma l-qawwa tas-saċerdot li joffri       s-sagrifiċju li jaħfer id-dnubiet (no.2). Iżda din il-biċċa ħidma speċjali tas-saċerdot hi mdaħħla b’mod qawwi fil-viżjoni dinamika u storika tal-knisja, li fiha l-fidili kollha “jipparteċipaw fil-missjoni” tal-ġisem kollhu, għalkemm “ma għandhomx xogħol wieħed”(cf Rum 12:4). Biex niġbru l-ħsieb s’issa, nistgħu ngħidu li l-ewwel kapitlu tad-digriet (nri 2 u 3) jenfasiżża b’mod qawwi l-aspett ontoloġiku ta’ l-eżistenza saċerdotali, u għalhekk jenfasizza l-qawwa li joffri s-sagrifiċċju. Għal darb’oħra ż-żewġ elementi huma enfaziżżati fil-bidu ta’ nru 3 : “Kull qassis il-kbir, meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li jmiss lil- Alla, biex joffri għatjiet u sagrifiċċji għad-dnubiet (cf Lhud 5:1), jgħixu magħhom bħal ħuthom. “ F’kuntrast mal-Konċilju ta’ Trentu, hemm enfasi ġdid fuq l-għaqda mgħixa u t-triq komuni tal-Knisja kollha, li fiha hi mdaħħla l-idea tradizzjonali tas-saċerdozju. Iżjed u iżjed, mela, l-attenzjoni tagħna huma miġbuda lejn il-bidu tat-tieni kapitlu, fejn id-doveri konkreti tas-saċerdoti minnha mfissra, bħalha ko-operaturi ta’ l-isqfijiet, li jippriedkaw il-kelma t’Alla lil kulħadd (no. 4). Din tidher li tafferma b’mod ċar il-primat tal-Kelma, jew il-ministeru tal-predikazzjoni. Allura tqum il-mistoqsija “X’inhi r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ stqarrijiet : saċerdot  “hu ordnat . . . biex joffri doni u sagrifiċċji”, u “l-ewwel dmir tiegħu” hu li jippriedka l-Vanġelu” ( Evangelium . . . evandelizandi) ?

 

Bażi Kristoloġika.

Biex issib soluzzjoni għal din il-problema, l-ewwel għandna nsaqsu lilna nfusna, x’ifisser tevanġelizza ? Ċertament il-Konċilju seta’ rrifera għall-Vanġeli biex jistabilixxi l-primat tal-predikazzjoni. Hawnhekk għandi f’moħħi episodju qasir iżda sinifikanti mill-bidu ta’ Mark. Kulħadd kien qed ifittex lill-Mulej għall-qawwiet mirakulużi tiegħu, iżda hu telaq f’post imwarrab biex jitlob (Mk 1: 35-39); meta kien magħfus minn “Xmun u sħabu”, il-Mulej jgħid, “Ħa mmorru post ieħor, fl-irħula tal-qrib, biex hemm ukoll inxandar; għax għalhekk ġejt” ( Mk 1:38). Ġesu` jgħid l-iskop tal-miġja tiegħu hu biex jippriedka s-Saltna t’Alla. Għalhekk din għandha tkun il-prijorita`  li tiddefinixxi tal-ministeru tiegħu kollha : huma joħorġu jxandru s-saltna, u din tfisser li tagħmel lil Alla ħaj, qawwi u omnipreżenti jieħu l-ewwel post f’ħajjitna. Issa, biex nifhmu sewwa din il-prijorita`, nistgħu nakkwistaw żewġ ideat oħra min din is-silta. L-ewwel, din   l-evanġeliżazzjoni għandha tmur id-f’id ma daħħla fis-solitudni tat-talb personali ; infatti, ġabra nterjuri bħal din tidher bħalha prekondizzjoni meħtieġa għall-predikazzjoni. It-tieni, il-predikazzjoni hija magħquda mal-“ħruġ tax-xjaten” (Mk 1:39) : hija mhux biss kwistjoni ta’ kliem iżda ta’ azzjoni effettiva. U l-predikazzjoni ma’ sseħħx f’dinja mimlija ferħ u dawl, iżda f’dinja ttiraniżżata mix-xjaten, li fiha tidħol biex teħlisha.

Iżda rridu nagħmlu pass il-quddiem, lil hinn mis-silta qasira iżda sinifikanti ta’ Mark, u nagħtu ħarsa lejn il-Vanġelu kollu, biex nifhmu sewwa l-prijoritajiet ta’ Gesu` stess. Hu jippriedka s-saltna t’Alla, u jagħmel dan b’mod speċjali bil-para-bboli iżda wkoll bis-sinjali, li fihom il-preżenza tas-saltna titqarreb lejn il-bnedmin. Il-kelma u s-sinjal huma nseparabbli. Kulmeta s-sinjali jidhru biss bħalha għeġubijiet mingħajr tifsira, Gesu`  ma jkomplix jagħmilhom. Iżda  l-anqas iħalli li l-evanġeliżżazjoni tiegħu tiftiehem bħalha ħaġa ntelletwali biss, ħaġa ta’ diskussjoni waħedha. Kliemu jitolbu deċiżjoni ; iġibu r-rejalta `. F’dan is-sens, il-kelma tiegħu hi “nkarnata” : ir-relazzjoni ta’ ħbiberija bejn il-kelma u s-sinjal jesprimi struttura “sagramentali”.

Iżda rridu  mmorru pass li ‘l hinn. Ġesu` ma jwassalx għerf li hu ndipendenti mill-persuna tiegħu, bħalma kien jagħmel kull mgħallem jew wieħed li jirrkonta l-istejjer. Hu differenti mir-rabbini u iżjed minnhom. Meta jiżvolġi l-predikazzjo-ni tiegħu, isir iżjed ċar li l-parabboli tiegħu jirreferu lejh innifsu, li ”s-saltna” u   l-persuna tiegħu għandhom joqogħdu flimkien, li s-saltna tiġi fil-persuna tiegħu. Id-deċiżjoni li jitlob hija deċiżjoni fuq kif wieħed qiegħed f’relazzjoni miegħu, bħal meta Pietru jgħid “Inti l-Messija” (Mk 8:29). Fl-aħħar mill-aħħar, il-messaġġ paskwali ta’ Ġesu` stess, id-destinazzjoni tiegħu ta’ mewt u Qawmien. Dan nar-

awh, per eżempju, fil-parabbola tal-bdiewa qattiela (Mk 12:1-11). Hawnhekk      il-kelma u r-rejalta`  jidħlu f’xulxin b’mod ġdid : il-parabbola tqajjem ir-rabja ta’ l-avversarji tiegħu, li jagħmlu kulma tgħid il-parabbola. Huma joqtlu lill-iben. Dan ifisser li l–parabboli kienu jitilfu t-tifsira tagħhom li kieku ma kienx għall-persuna ħajja ta’ l-Iben magħmul bniedem, li “ħareġ għal dan” (Mk 1:38), li “kien mibgħut” mill-Missier (Mk 12:6). Il-parabboli kienu jkunu vojta mingħajr konfirmazzjoni tal-Kelma tiegħu bis-Salib u l-Qawmien. Issa nistgħu nifhmu li  l-predikazzjoni ta’ Ġesu` tista’ tissejjaħ “sagramentali” f’sens iżjed profond minn dak li stajna rajna qabel. Fiha nnifisha l-Kelma tiegħu għandha r-rejalta` ta’         l-Inkarnazzjoni u t-tema tas-salib u l-Qawmien. Hija “azzjoni / kelma” f’dan is-sens profond, li tgħallem il-knisja din id-dipendenza tal-predikazzjoni u tal-Ewkaristija, flimkien mad-dipendenza tal-predikazzjoni ma’ xhieda ħajja u awtentika.

Nagħmlu pass ‘l quddiem ieħor bil-viżjoni paskwali li jippreżenta San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu. Pietru kien qal li Ġesu`  hu l-Kristu. Issa Ġwanni jżid li Ġesu` Kristu huwa l-Logos. Huwa nnifsu l-kelma Eterna tal-Missier, li hu m’Alla u li hu Alla (Ġw 1:1). Fih, din il-kelma saret laħam u għammar fostna (Ġw 1:14). Fil-predikazzjoni Nisranija, wieħed mhux qed jittratta mal-kliem, iżda mal-Kelma. “Meta nitkellmu mill-ministeru tal-kelma t’Alla, nifhmu wkoll ir-relazzjon inter-Trinitarja. Iżda fl-istess ħin, “ dan il-ministeru jipparteċipa fil-funzjoni ta’ l-Inkarnazzjoni.” Bir-raġun ġie ndikat li d-differenza fundamentali bejn il-predikazzjoni ta’ Ġesu` u l-lezzjonijiet tar-rabbini tikkonsisti preċiżament fil-fatt li l-“Jien” ta’ Ġesu` - jiġifieri hu nnifsu – hu fil-qalba tal-messaġġ tiegħu. Iżda rridu niftakru wkoll li Ġesu` stess fehem li dak li kien jikkaratteriżża kliemu b’mod speċjali kien li ma’ kienx qed jitkellem “f’ismu” (cf Ġw 5:43 ; 7:16). Il-“Jien” tiegħu huwa kompletament miftuħ għall-“Int” tal-Missier ; ma’jibqax fih innifsu iżda jdaħħalna fil-ħajja stess tat-Trinita`. Dan ifisser li l-predikatur Nisrani ma’ jitkellimx fuqu nnifsu, iżda jsir il-leħen ta’ Kristu nnifsu, billi jħejji t-triq għall-Logos u jwassal, permezz ta’ għaqda mal-bniedem Ġesu`, għall-komunjoni ma’ Alla l-ħaj.

Dan iġibna lura lejn id-Digriet tal-Vatikan II fuq is-Saċerdozju. Hu jenfasiżża karatteristika komuni għall-forom kollha tal-predikazzjoni. Is-saċerdot qatt m’għandu jgħallem l-għerf tiegħu stess. L-importanti hu l-Kelma t’Alla, li ssejħilna għall-verita` u l-qdusija (nru.4). B’San pawl bħalha mudell, il-ministeru tal-Kelma jitlob li s-saċerdot jinża’ lilu nnifsu profondament “ngħix imma mhux aktar jien, imma jgħix fija Kristu.” (Gal 2:20)

Issa nixtieq infakkar episodju mill-jiem bikrija tal-Opus Dei, li jiċċara dan il-punt. Mara żagħżugħa kellha l-opportunita` li tisma’ għall-ewwel darba diskors ta’ Fr. Escriva, il-fundatur ta’ l-Opus Dei. Kellha kurżita` kbira biex tisma’ predikatur famuż, iżda wara li ħadet sehem f’quddiesa ċċelebrata minnu, ma’ riditx tisma’ predikatur. Wara rrakontat li min dak il-waqt, l-uniku nteress tagħha kien li tiskopri l-Kelma u r-rieda t’Alla.

Il-ministeru tal-Kelma titlob li s-saċerdot jaqsam fil-kenosi ta’ Kristu, f’li “jikber u jiċkien”. Ċertament il-fatt li s-saċerdot ma’ jitkellimx fuqu nnifsu, iżda jwassal messaġġ ta’ ħaddieħor, ma’ jfissirx li mhux involut personalment, iżda preċizament il-kontra : hija “l-għotja” fi Kristu li jieħu t-triq tal-misteru ta’ l-Għid u jwassal għal vera sejba tagħna nfusna u komunjoni ma’ dak li hu l-Kelma t’Alla in persuna Din l-istruttura paskwali tal-“mhux jien”, li tinbidel fil-“veru jien” wara kollox turi, fl-analiżi aħħarija, li l-ministeru tal-Kelma tmur li ‘l hinn mill-“funzjonijiet” biex jippenetra l-esseri tas-saċerdot u jippresuppuni li s-saċerdozju huwa sagrament. (1)

Nikkonkludi billi ngħid li dan id-diskors jitfa’ dawl fuq il-fatt li l-ħajja u l-ħidma tas-saċerdot, fil-fehma ta’ Joseph Ratzinger / Papa Benedittu XVI, mhux talli huma ntrinsikament f’għaqda bejntiethom, iżda li l-wieħed iwassal għall-qdusija u l-effikaċja ta’ l-ieħor. F’dan nagħarfu l-kobor ta’ din is-sejħa kemm għas-saċerdot innifsu kif ukoll għall-Knisja kollha.

_____________

1.   Dan it-test huwa meħud mill-ktieb The Essential Pope Benedict XVI, John F. Thornton / Susan B. Varenne, Harper One publ 2007, pp. 305 -310. 

 

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta