Laikos

Aktar fuq il-Konċilju Vatikan II ...

IL-PATT TAL-KATAKOMBI

LEJN KNISJA FQIRA U QADDEJJA

 

Fis-16 ta’ Novembru 1965, ftit jiem qabel l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, 42 isqof iltaqgħu fil-Katakombi ta’ Domitilla, f’Ruma. F’dak il-post qaddis fejn hemm insara midfunin, iċċelebraw l-Ewkartistija u ffirmaw dokument li jesprimi l-impenn personali tagħhom bħala isqfijiet lejn l-idejali tal-konċilju. Dan id-dokument baqa’ magħruf bl-isem suġġestiv ta’ “Il-Patt tal-Katakombi”.  Dan id-dokument instab traskritt b’mod sħiħ  fil- “Chronicle of Vatican II” miktub mill-isqof Franġiskan Bonaventura Kloppenburg. Huwa semma d-dokument bl-isem “Il-Patt lejn Knisja Qaddejja u Fqira”. Huwa magħruf li l-isqfijiet li għamlu dan il-patt kienu mmexxija mill-Arċisqof Helder Câmara ta’ Recife, il-Brażil, figura rispettata ħafna fejn tidħol il-ġustizzja u l-paċi. Iżjed tard, il-Kardinal Roger Etchagaray, li kien serva ta’ president onorarju tal-Kunsill Pontifiċju Ġustizzja u Paċi, iffirmah huwa wkoll.

 

It-test tal-Patt huwa dan:

 

Aħna, l-isqfijiet miġburin fil-Konċilju Vatikan II, imdawlin dwar in-nuqqasijiet tal-ħajja tagħna ta’ faqar skont il-Vanġelu, ħeġġiġna lil xulxin biex nieħdu inizjattiva li fiha kull wieħed minna jixtieq jevita li jaħseb li hu speċjali (singularità) u l-preżunzjoni; f’unjoni ma’ Ħutna kollha fl-Episkopat, billi nistrieħu għal kollox fuq il-grazzja u l-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu, fuq it-talb tal-fidili u tas-saċerdoti tad-djoċesijiet rispettivi tagħna; inpoġġu lilna nfusna bil-ħsieb u t-talb quddiem it-Trinità, il-Knisja ta’ Kristu u quddiem is-saċerdoti u l-fidili tad-djoċesijiet tagħna; fl-umiltà u fl-għarfien tad-dgħjufija tagħna, imma wkoll bid-determinazzjoni u l-qawwa kollha li bihom Alla jrid jagħtina din il-grazzja, aħna nimpenjaw ruħna għal dan li ġej:

 

1. Li nippruvaw ngħixu kif igħixu l-ħajja ta’ kuljum il-popli tagħna, fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, ikel, mezzi ta’ trasport u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dawn. Ara Mt 5,3; 6,33w; 8,20.

 

2. Niċħdu għal dejjem id-dehra u r-realtà tal-ġid, speċjalment fil-ħwejjeġ (drappijiet sinjuri, kuluri jleqqu), fl-insinji ta’ materjal prezzjuż (dawn is-sinjali għandhom ikunu effettivament evanġeliċi).

Ara Mk 6,9; Mt 10,9w; Atti 3,6.

La deheb u lanqas fidda. Ma jkollniex propjetà immobbli, proprjetà mobbli, kontijiet bankarji; u, kieku jkun meħtieġ li jkollna, inpoġġu kollox f’isem id-djoċesi jew ta’ opri soċjali jew ta’ karità.

Ara Mt 6,19-21; Lq 12,33w.

 

3. Kull meta jkun possibbli, se nafdaw il-tmexxija finanzjarja u materjali tad-djoċesi tagħna lil kummissjoni ta’ lajċi kompetenti, konxji tar-rwol appostoliku tagħhom, sabiex aħna nkunu inqas amministraturi u aktar ragħajja u appostli.

Ara Mt 10,8; Atti 6,1-7.

 

4. Aħna nirrifjutaw li jsejħulna, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, b’ismijiet u titoli li jfissru kobor u poter (Eminenza, Eċċellenza, Monsinjur ...). Aħna nippreferu li nissejħu bl-isem evanġeliku ta’ Missier.

Ara Mt 20,25-28; 23,6-11; Ġw 13,12-15.

 

5. Fl-imġieba tagħna, fir-relazzjonijiet soċjali tagħna, nevitaw dak kollu li jista’ jidher bħala għoti ta’ privileġġi, preċedenzi, jew saħansitra kwalunkwe preferenza li soltu tingħata lis-sinjuri u nies fil-poter (bħal ikliet kemm offruti kif ukoll aċċettati, u anke fis-servizzi reliġjużi).

Ara Lq 13,12-14; 1 Kor 9, 14-19.

 

6. Bl-istess mod nevitaw li nħeġġu jew ninkoraġġixxu l-vanità ta’ kulħadd, jew li nkunu moħħna biex inkunu kumpensati jew biex nitolbu għotjiet għal kwalunkwe raġuni oħra. Nistiednu lill-fidili tagħna biex iqisu l-offerti tagħhom bħala parteċipazzjoni normali fil-qima, fl-appostolat u fil-ħidma soċjali.

Ara Mt 6, 2-4; Lq 15,9-13; 2 Kor 12,4.

 

7. Nagħtu dak kollu li nistgħu mill-ħin tagħna, ir-riflessjoni, il-qalb, il-mezzi, għas-servizz u l-kura pastorali ta’ persuni u gruppi li huma finanzjarjament dgħajfin, mingħajr preġudizzju għall-persuni u l-gruppi l-oħra tad-djoċesi. Nagħtu appoġġ lil-lajċi, reliġjużi, djakni jew saċerdoti li l-Mulej isejjaħ biex jevanġelizzaw lill-fqar u l-ħaddiema billi jaqsmu l-ħajja u x-xogħol tagħhom.

Ara Lq 4,18w; Mk 6,4; Mt 11,4w; Atti 18,3w; 20,33-35; 1 Kor 4,12 u 9, 1-27.

 

8. Konxji mill-bżonn tal-ġustizzja u tal-karità, u tal-mod kif dawn it-tnejn jirrelataw bejniethom, aħna nippruvaw nittrasformaw il-ħidma ta’ “karità” f’ħidma soċjali mibnija fuq il-karità u l-ġustizzja, ħidma li taħseb f’kulħadd u fil-ħtiġijiet kollha, bħala servizz umli lill-aġenziji pubbliċi kompetenti.

Ara Mt 25, 31-46; Lq 13, 12-14 u 33w.

 

9. Naħdmu b’tali mod biex dawk li huma responsabbli mill-gvernijiet u mis-servizzi pubbliċi tagħna jagħmlu u jimplimentaw liġijiet, strutturi u strutturi soċjali li huma meħtieġa biex ikun hemm ġustizzja, ugwaljanza u żvilupp sħiħ u armonjuż tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha, u b’hekk ikollna ordni soċjali ġdid, li jixraq lil ulied Alla.

Ara Atti 2, 44-45; 4,32-35; 5,4; 2 Kor 8 u 9; 1 Tim 5,16.

 

 

10. Peress li l-kolleġġjalità tal-isqfijiet issib l-ogħla twettieq evanġeliku tagħha meta flimkien jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltà ta’ dawk kollha – li jammontaw għal żewġ terzi tal-umanità – li jinsabu jgħixu fi stat ta’ miżerja fiżika, kulturali u morali, aħna nimpenjaw ruħna:

 

• li ngħinu, skont il-mezzi li għandna, proġetti urġenti ta’ isqfijiet li ġejjin minn pajjiżi fqar;

 

• li b’mod konġunt ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, nitolbu li jiġu adottati strutturi ekonomiċi u kulturali li minflok ma joħolqu nazzjonijiet fqar f’dinja li dejjem qed issir aktar sinjura, tagħmilha possibbli għall-numru kbir ta’ nies fqar li joħorġu mill-faqar tagħhom. Dan kollu nagħmluh meta nagħtu xhieda tal-Vanġelu, fuq l-eżempju tal-Papa Pawlu VI lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

11. Aħna nimpenjaw ruħna biex naqsmu ħajjitna, f’karità pastorali, ma’ ħutna fi Kristu, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, sabiex il-ministeru tagħna jkun tabilħaqq servizz. Għaldaqstant:

 

• se nagħmlu ħilitna biex “nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna” flimkien magħhom;

• se niffurmaw kollaboraturi fil-ministeru tagħna, li jkunu iktar animaturi skont l-ispirtu milli mexxejja skont id-dinja;

• se nippruvaw inkunu kemm jista’ jkun preżenti, nilqgħu lill-oħrajn kemm nistgħu;

• se nkunu miftuħin għal kulħadd, ikun xi jkun it-twemmin tagħhom.

   Ara Mk 8,34-35; Atti 6,1-7; 1 Tim 3,8-10.

 

Meta mmorru lura fid-djoċesijiet tagħna, se nagħmlu dawn ir-riżoluzzjoni tagħna magħrufa lill-fidili tad-djoċesijiet tagħna, u nitolbuhom jgħinuna billi jifhmuna, u anke bil-għajnuna u t-talb tagħhom.

 

Alla jgħinna nkunu fidili.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes