|
Aktar riżorsi fuq il-Verġni Marija ...
Tifkira devozzjonali
tal-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri
Via Matris u talb ieħor
Knisja San Ġakbu
Il-Belt Victoria Għawdex
31 ta’ Marzu 2023
Introduzzjoni
Matul ħajjitha fuq din l-art, ommna Marija,ġarrbet bosta duluri. Sa minn meta lissnet l-‘iva’ tagħha lil Alla għas-sejħa li għamlilha permezz tal-Anġlu Gabrijel, hija għażlet li timxi fit-triq tas-salib ma’ binha Ġesù.
Permezz tal-kliem ‘hawn hi ommok’ li qal fuq is-salib, Ġesù jqiegħed lil kull wieħed u waħda minna taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija. Illum, f’dan il-jum għażiż ta’ tifkira, Marija qed tiġi ppreżentata lilna bħala l-mudell ta’ kif aħna l-Insara għandna ngħixu it-tbatija tagħna f’għaqda ma’ Kristu.
Ejjew, filwaqt li nimmeditwaw is-seba’ duluri ta’ Marija, nissieħbu ma din l-omm tagħna fit-triq kollha sofferenza tagħha minn Nazaret sal-Kalvarju. Filwaqt li nimxu flimkien ma’ Marija it-triq tas-salib, niftakru li permezz tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, il-mewt ġiet mirbuħa darba għal dejjem. Niftakru li fil-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, it-tbatija ħadet sens ġdid, għax issa saret il-mezz privileġġjat biex nilħqu is-saltna tas-smewwiet.
℣. Fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
℟. Ammen.
O Alla, meta Ibnek intrefa’ fuq is-salib, int ridt li Ommu tieqaf ħdejh u tbati miegħu; agħti lill-Knisja tiegħek li tissieħeb mal-Verġni Marija fil-passjoni ta’ Kristu, biex flimkien magħha tieħu sehem ukoll fil-qawmien tal-istess Ibnek Ġesu Kristu Sidna. Ammen.
L-Ewwel Dulur
Marija Santissma tilqa’ bil-fidi l-profezija ta’ Xmun
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Luqa (2:27-35)
Mar mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel”. Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna.”
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Għax kienet magħquda ma’ Binha f’kollox, il-Verġni Marija kellha taqsam miegħu wkoll it-tbatija. Batiet tarah miċħud, mhux mifhum, mgħajjar u mwassal għal mewt ħarxa.
Talba
Marija, l-ewwel dixxiplu tal-Mulej, għinna biex bħalek nilqgħu l-istedina ta’ Ibnek, sabiex nerfgħu salibna kuljum u nimxu warajh, hu li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja.
Imqaddsa Marija, itlob għalina.
Qaddisa Omm Alla, itlob għalina.
Omm il-Mislub, itlob għalina.
Omm ta’ qalbek minfuda, itlob għalina.
Omm il-Feddej, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Wieqfa kienet imbikkija,
l-Omm ħdejn Binha fit-tbatija
fuq salib imdendel.
Ta’ din l-Omm il-qalb maqsuma
f’dak l-imrar, bl-uġigħ mitmuma,
nifed sejf in-niket.
It-Tieni Dulur
Marija Santissma taħrab lejn l-Eġittu biex issalva lil Ġesù
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Mattew (2:13-14)
Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
It-tifel huwa msemmi ma’ ommu. Ġesù u Marija msemmija flimkien. “Lit-tifel u ’l ommu” - espressjoni li l-evanġelista juża’ aktar minn darba f’ħin qasir. M’hemmx Ġesù mingħajr Marija, m’hemmx Marija mingħajr Ġesù. F’mument ta’ tbatija bħalma hija l-ħarba minn pajjiżhom minħabba t-theddida ta’ Erodi, din l-għaqda tkompli tissaħħaħ.
Talba
Marija, faraġ tal-migranti, idħol għalina sabiex meta nħossuna li tlifna kull direzzjoni fil-ħajja u mhedda mill-ispirtu tal-ħażen, ma naqtgħux qalbna, iżda f’dawk il-mumenti nsaħħu r-rabta tagħna ma’ Kristu.
Omm il-mifdija, itlob għalina.
Omm il-ħajjin, itlob għalina.
Omm id-dixxipli, itlob għalina.
Verġni ubbidjenti, itlob għalina.
Verġni li tajt qalbek, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Kemm tbatija f’qalb muġugħa,
liema dwejjaq li jifnuha
ħasset l-Omm imbierka!
X’weġgħa ġarret u x’kefrija
meta ratu fit-tbatija
l-Omm lil Binha, Alla!
It-Tielet Dulur
Marija Santissma tfittex lil Ġesù f’Ġerusalemm
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Luqa (2:41-50)
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-Tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Il-qalb tal-Omm titnikket quddiem il-fatt li Binha huwa ‘mitluf’, sakemm timtela bil-ferħ hekk kif issibu wara tlitt ijiem ta’ tfittxija. Imma dlonk dan il-ferħ jittappan quddiem ir-risposta misterjuża ta’ Binha. Għal darb’oħra, Marija hija mistiedna biex tkompli tirrifletti fuq il-misteru ta’ Binha, li kellu jiġi rrivelat fil-milja tiegħu fl-Għid il-Kbir.
Talba
Marija, omm it-tama, tħalliniex naqtgħu qalbna quddiem il-misteru ta’ Kristu, l-aktar f’dawk il-mumenti meta naħsbu li Ibnek mhux jisma’ talbna. Għallimna ngħożżu f’qalbna kliemu u ġrajjietu u naħsbu fuqhom bejnna u bejn ruħna.
Verġni li bqajt fidila, itlob għalina.
Verġni tas-skiet, itlob għalina.
Verġni tal-maħfra, itlob għalina.
Verġni tal-istennija, itlob għalina.
Xebba li ħrabt lejn l-Eġittu, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Qalb kull bniedem tħoss għaliha
lil Omm Kristu u tibkiha
xħin taraha f’dil-ħasra.
Min ma jħossx id-dwejjaq tagħha
xħin ta’ Kristu l-Omm jilmaħha
f’niket kbir ma’ Binha?
Ir-Raba’ Dulur
Marija Santissma tiltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq tal-Kalvarju
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Luqa (23:26-31)
Huma u sejrin b’Ġesù lejn il-Kalvarju, qabbdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu: ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!’. Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji: ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet: ‘Ordmuna!’. Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Inpoġġu lilna nfusna fis-sitwazzjoni ta’ Omm Ġesù, u nimmaġinaw x’emozzjonijiet kienet qed tħoss f’qalbha, tassisti għal dawn l-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ Binha. Nilmħu fiha l-omm li timxi wara Binha sal-aħħar, id-dixxiplu tal-Mulej, li ma nisslitux biss f’ġufha, imma wkoll b’mod aktar profond fil-qalb tagħha.
Talba
Marija, omm u sieħba tal-Feddej, għinna nipperseveraw fil-mixja tagħna wara Ġesù, u quddiem il-waqgħat tagħna ħa jkollna l-kuraġġ inqumu u b’qalb sogħbiena nitolbu maħfra għal ħtijietna.
Xebba ta’ qawwa, itlob għalina.
Xebba kuraġġjuża, itlob għalina.
Xebba mnikkta, itlob għalina.
Xebba tal-Patt il-ġdid, itlob għalina.
Xebba tat-tama, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Għad-dnubiet ta’ ġensu ħati,
lil Ġesù hi ratu jbati
taħt is-swat bla ħniena.
Rat lil Binha u baqgħet miegħu
f’dak l-imrar tal-mewta tiegħu
waqt li ħarġet ruħu.
Il-Ħames Dulur
Marija Santissma tassisti għat-tislib u l-mewt ta’ Binha
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Ġwann (19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Nimmaġinawna nassistu għal din ix-xena hekk krudili, imma tant profonda. Nosservaw lil Marija, li quddiem dik ix-xena tant qawwija għall-qalb tal-omm, tibqa’ wieqfa quddiem il-misteru ta’ Binha li daqt jasal għall-milja tiegħu. F’dan il-mument Binha jdur fuqha u jipproklamaha bħala l-Omm tad-dixxiplu l-maħbub, l-Omm tad-dixxipli kollha ta’ Kristu, l-Omm tal-Knisja.
Talba
Marija, Omm tal-ħniena, għinna nibqgħu wieqfa quddiem is-salib ta’ Ibnek, il-ktieb il-kbir tagħna, għaliex fih hemm il-maħfra ta’ dnubietna u l-għajn ta’ kull grazzja.
Eva l-ġdida, itlob għalina.
Sieħba tal-Feddej, itlob għalina.
Qaddejja tar-rikonċiljazzjoni, itlob għalina.
Ħarsien tal-innoċenti, itlob għalina.
Kuraġġ tal-ippersegwitati, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Omm u għajn ta’ mħabba għalija
ġegħ’lni ngħix dik it-tbatija
biex jien nibki miegħek.
Kebbes f’qalbi nar ta’ mħabba
u tħalliha qatt tittabba’
imħabbti għal Kristu.
Is-Sitt Dulur
Marija Santissma tilqa’ fi ħdanha l-ġisem ta’ Ġesù mniżżel mis-salib
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Mattew (27:57-61)
Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Bħalma laqgħetu f’ġufha dakinhar tat-Tħabbira, hekk issa terġa’ tilqgħu fi ħdanha, din id-darba mingħajr ħajja. Hija tikkontempla lil Binha mejjet, filwaqt li tibki għad-dnub tal-umanità li wassal lil Binha għall-mewt.
Talba
Marija, mara ta’ fidi kbira, idħol għalina, biex quddiem il-misteru tat-tbatija u l-mewt, ma naħarbux, iżda miegħek nistqarru: “Ħa jsir minni skont kelmtek”, sabiex kliemu jkun imwettaq fl-għażliet u d-deċiżjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.
Qawwa tal-imjassrin, itlob għalina.
Tama tal-midinbin, itlob għalina.
Konsolazzjoni tal-imnikktin, itlob għalina.
Kenn tal-imsejknin, itlob għalina.
Faraġ tal-eżiljati, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Omm qaddisa, isma’ talbi:
dawk il-pjagi qegħidli f’qalbi
t’Ibnek Ġesù Msallab.
Aqsam miegħi dit-tbatija
għal Ġesù, li mħabba fija
xerred Demmu kollu.
Is-Seba’ Dulur
Marija Santissma tidfen fil-qabar ġisem Ġesù fl-istennija tal-Qawmien
℣. Inqimuk Marija u nberkuk.
℟. Għax bid-duluri tiegħek inti sseħibt ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.
Mill-Vanġelu skond San Ġwann (19:38,41-42)
Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.
Mument qasir ta’ skiet
Ħsieb
Wasal il-mument li Marija trodd lil Binha lill-art. It-tbatija tal-Omm tkompli żżid fil-qawwa tagħha. Imma d-dulur tagħha huwa mdawwal bl-istennija ta’ dak li kellu jiġri dalwaqt fit-tielet jum. Is-siegħa li semgħetu jitkellem dwarha waqt it-tieġ ta’ Kana qed taraha tieħu l-forma hawn u issa.
Talba
Marija, mera tal-qdusija, idħol għalina, sabiex meta nġarrbu d-dubji u l-biżgħat, u meta d-dlamijiet tal-ħajja jaħkmu fuqna, ressaqna lejn Ibnek sabiex ilkoll inkunu mdawla bid-dawl tal-Qawmien tiegħu.
Qawwa tad-dgħajfin, itlob għalina.
Saħħa tal-morda, itlob għalina.
Sultana tal-martri, itlob għalina.
Glorja tal-Knisja, itlob għalina.
Verġni tal-Għid, itlob għalina.
Sliema għalik... (x7)
Kant:
Ħdejn Ġesù nibki dnubieti,
fis-Salib nara ħtijieti,
sakemm ngħix f’dil-ħajja.
O Ġesù, meta ssejjaħli
tkun l-Omm tiegħek li tiftaħli
għall-premju ta’ dejjem.
Ammen.
Nitolbu skont il-fehma u għall-bżonnijiet tal-Papa.
Missierna, Sliema, Glorja.
Għall-erwieħ tal-Purgatorju
Agħtihom o Mulej... (x3)
Kant:
Salve, Regína, mater misericórdiæ;
vita, dulcédo et spes nostra, salve.
Ad te clamámus, éxsules fílii Evæ.
Ad te suspirámus, geméntes et flentes
in hac lacrimárum valle.
Eia ergo, advocáta nostra,
illos tuos misericórdes óculos
ad nos convérte.
Et Iesum, benedíctum fructum ventris tui,
nobis post hoc exsílium osténde.
O clemens, o pia, o dulcis Virgo María.
℣. Verġni pura qabel it-twelid
℟. Omm Alla itlob għalina
Sliema...
℣. Verġni pura fit-twelid
℟. Omm Alla itlob għalina
Sliema.
℣. Verġni pura wara it-twelid
℟. Omm Alla itlob għalina
Sliema.
Glorja.. (x3)
Litanija lil Marija Addolorata
Mulej, ħniena
Kristu, ħniena
Mulej, ħniena
Kristu, ismagħna
Kristu, ilqa’ t-talb tagħna
Missier Etern Alla
Iben Alla li fdejt id-dinja
Spirtu Mqaddes Alla
Trinità Mqaddsa Alla wieħed
Imqaddsa Marija
Imqaddsa Omm Alla
Imqaddsa Xebba tax-xbejbiet
Omm tal-Imsallab.
Omm imnikkta.
Omm imbikkija.
Omm titniegħed.
Omm imweġġa’.
Omm abbandunata.
Omm deżolata.
Omm l-iktar qalbek sewda.
Omm imġarrba bid-dwejjaq.
Omm mifnija bin-niket.
Omm minfuda bis-sejf.
Omm imsallba fil-qalb tiegħek.
Omm li ġarrabt il-mewt ta’ Ibnek.
Omm tad-duluri.
Ħamiema titniegħed.
Għajn tad-dmugħ.
Baħar ta’ mrar.
Kamp tat-tribulazzjoni.
Kotra ta’ tbatija.
Mera tas-sabar.
Blata ta’ fedeltà.
Rimedju fit-taħwid.
Ferħ tal-imnikktin.
Arka tal-mitluqin.
Kenn tal-abbandunati.
Tarka tal-maħqurin.
Rebbieħa ta’ dawk li ma jemmnux.
Faraġ ta’ dawk b’qalbhom sewda.
Duwa tal-morda.
Għajnuna tal-beżżiegħa.
Saħħa tad-dgħajfin.
Protettriċi ta’ dawk li jitqabdu.
Port ta’ dawk li jġarrbu l-għarqa.
Li ssikket it-tempesti.
Sieħba tal-imnikktin.
Irtirar għal dawk li jokorbu.
Biża’ tal-qarrieqa.
Mudell għall-martri.
Teżor tal-fidili.
Dawl għall-konfessuri.
Ġawhra tal-verġni.
Faraġ tar-romol.
Ferħ tal-qaddisin kollha.
Sultana tal-qaddejja tiegħek.
Imqaddsa Marija, inti l-ogħla fil-qdusija
Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,
℟. Aħfrilna, nitolbuk, Mulej.
Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,
℟. Ismagħna, nitolbuk, Mulej.
Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,
℟. Ħenn għalina.
℣. Itlob għalina Omm l-aktar imnikkta,
℟. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.
Nitolbu
O Alla, li fil-passjoni tiegħek,
sejf ta’ niket nifed il-Qalb l-iktar ħelwa
tal-glorjuża l-imqaddsa Verġni Marija Omm tiegħek;
agħtina, lilna li qed infakkru s-seba’ Duluri tagħha,
li niksbu l-frott hieni tal-passjoni tiegħek.
Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Kurunella lil Marija Addolorata
O Marija Addolorata,
Aħna wliedek imnikktin,
Għax fil-mewt tal-Iben tiegħek
Batejt miegħu għall-bnedmin.
Int bil-kliem tax-xwejjaħ Xmuni
Ħassejt qalbek b’sejf feruta
Dan għalik kien dulur kiefer
Għax ma ibnek kont marbuta.
Missierna, Sliema, Glorja.
Meta Erodi sema b’Ibnek
Intliet qalbu bil-kefrija
It-tfal kollha ried meqruda
U maqtula bil-ħruxija.
Lil Ġesù għannaqt ma’ sidrek
Mifrud minnek qatt ma ridtu,
B’għaġġla kbira fittixt taħrab
Għall-eżilju ġol-Eġittu.
Missierna, Sliema, Glorja.
Kemm imrar u pwieni kellek
Meta tliftu tlitt ijiem
Lil Ġesù tfajjel fit-tempju
Fittixt b’ħerqa mingħajr sliem.
Qalbek kienet wisq magħfusa
Lejl u nhar qatt ma stabart
Tlaqt lejn darek meta sibtu
Flimkien miegħu hemm inġbart
Missierna, Sliema, Glorja.
Hekk kif smajt dik l-aħbar kiefra
Li Ġesù kien ġie maqbud
Sejf krudil nifidlek qalbek
Taħt salib fl-art kien stendut.
Ħarist lejh, kien kollu dmija
Ma felaħx jimxi ’lquddiem
Xtaqet qalbek kieku tgħinu
Bid-dulur żammlek il-kliem.
Missierna, Sliema, Glorja.
Min ifisser x’ħassejt f’qalbek
Waqt li ‘l Ibnek rajtu jbati
Fuq salib aħrax imdendel
Kont taf żgur li m’huwiex ħati.
Infniet qalbek bid-duluri
Quddiem Ibnek f’dik is-sura
Xejn ma tlift mit-twemmin tiegħek
Fl-ogħla ħsieb kollok miġbura.
Missierna, Sliema, Glorja.
Mis-salib niżżluh bil-qima,
Biex jidfnuh bdew it-tħejjija,
Kellek tilqgħu f’ħoġrok mejjet
L-iben tiegħek, O Marija.
B’għajnejk stess, matul id-difna
Fejn qagħduh, Int rajt il-qabar
Dulur ieħor qalbek nifed
Iżda qatt ma tlift is-sabar.
Missierna, Sliema, Glorja.
Min qatt seta’ jfarraġ lilek
Waqt li ‘l ibnek kont tibkih
F’qabar ġdid difnuh quddiemek
U bilfors kellek tħallih
B’tama kbira l-qawmien tiegħu
Tlitt ijiem stennejt Marija
Erġajt rajtu mill-mewt ħieles
Kristu, l-għajn ta’ kull qdusija.
Missierna, Sliema, Glorja.