Laikos

 

XI TIFKIRIET DWAR IL-KONĊILJU VATIKAN II

Mons. Arċisqof Ġorġ Frendo O.P.

Arċisqof ta’ Tirana fl-Albania

 

Jien u sieħbi, illum l-Arċisqof emeritu Mons. Pawl Cremona op, konna studenti tal-filosofija u t-teoloġija fil-Kunvent ta’ San Duminku, ir-Rabat, fis-snin meta kien qed jitlaqqa’ l-Konċilju Vatikan II bejn l-1962 u l-1965. Niftakar b’liema entużjażmu konna qed insegwu l-mixja tal-Konċilju billi naqraw, speċjalment, il-Catholic Herald. Allura sirna familjari ma’ ismijiet ta’ Kardinali “progressivi” ġganti bħalma kienu Suenens, Alfrink, Doepfner u Leger, u Kardinali “konservattivi” bhalma kienu Ottaviani u Ruffini, kif ukoll teologi kbar bħalma kienu Rahner, Congar, De Lubac, Schillebeeckx, u żewġ teologi relattivament żgħażagħ imma li kienu diġà qed jibbrillaw: Kung u Ratzinger.

Fl-ewwel sessjoni tal-Konċilju (1962) ma ġie ffinalizzat ebda dokument. Kienet is-sessjoni li kienet timmerita t-titlu tal-ktieb ta’ Schillebeeckx A Struggle of Minds, u t-titlu ta’ artiklu interessanti, The Rhine flows into the Tiber: it-teoloġija żviluppata fil-Ġermanja u Franza, l-Olanda u l-Belġju ġiet wiċċ imb wiċċ mat-teoloġija li kienet għadha tiddomina fl-Universitajiet Kattoliċi ta’ Ruma. Fi tmiem it-tieni sessjoni (1963) ħarġu l-ewwel żewġ dokumenti, is-Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija, u l-Inter Mirifica dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Il-moħħ miftuħ tal-Papa xwejjaħ Ġwanni XXIII fetaħ il-bibien li kienu ngħalqu għal teologi kbar bħat-teologi Dumnikani Chenu u Congar u l-Ġiżwiti De Lubac u Rahner, li taw kontribut kbir fil-Konċilju. Uħud minnhom kienu ġew ipprojbiti li jgħallmu u jiktbu. Il-ktieb interessanti ta’ Chenu Une Ecole de Theologie kien spiċċa fl-“Indiċi tal-Kotba pprojbiti”, imma xorta waħda ġie f’idejn ħafna mill-isqfijiet tal-Konċilju – ktieb dwar l-hekk-imsejħa Nouvelle Theologie li kienet qed tiġi żviluppata fi Franza mill-Ġiżwiti ta’ Fouvrier u d-Dumnikani ta’ Le Saulchoir. Chenu ta kontribut kbir speċjalment għall-Gaudium et Spes, il-Kostituzzjoni dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum. Rahner għen ħafna għad-Dei Verbum, il-Kostituzzjoni dwar ir-Rivelazzjoni u għad-duttrina dwar il-kolleġġjalità tal-Isqfijiet fil-Christus Dominus. Congar ta sehem kbir speċjalment dwar l-Ekumeniżmu fl-Unitatis Redintegratio, il-Lajkat fl-Apostolicam Actuositatem, u l-kapitlu dwar il-Poplu ta’ Alla fil-Lumen Gentium, il-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja.

Aħna d-Dumnikani tar-Rabat konna l-pjunieri għar-riforma tal-liturġija f’Malta. Ħija Patri Ġwann Frendo kien għadu kemm irritorna Malta wara li ggradwa fil-liturġija. Flimkien miegħu ħadmu ħafna Patri Ugo Cremona u Patri Ewġen Cachia, li kien is-superjur tal-kunvent. Kien żmien sabiħ, fejn ħdimna għalenija f’ħidma li saqqiet il-ħidma għar-riforma fil-liturġija fi knejjes oħra. Anki aħna li konna għadna studenti tajna sehemna fi traduzzjonijiet, ittajpjar u stampar ta’ fuljetti (il-photocopiers kienu għadhom ma jeżistux), eċċ. Kellna xi ftit battibekki mal-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi, billi konna xi ftit “qabel iż-żmien” bla ma konna nistennew l-approvazzjoni tal-kummissjoni. Ngħidu aħna, niftakar meta konna l-ewwel knisja li rreċtat l-Għasar bil-Malti – kien l-Ewwel Għasar tal-Festa tal-Madonna tar-Rużarju. Hekk ukoll meta bdejna nintroduċu innijiet ġodda, traduzzjonijiet speċjalment mill-Franċiż u mill-Ingliż. Il-Kummissjoni ppretendiet li tkun hi biss li tipprovdi innijiet għal-liturġija, imma aħna konna xbajna nkantaw “Dawwal moħħi” u “B’qalbna safja”. Patri Ġwann kien jitlob lil Brother Henry F.S.C. jittraduċilu innijiet li hu stess kien jibgħatlu, mill-Franċiż jew mill-Ingliż – ħafna minnhom għadhom jitkantaw sal-lum.

Pass ieħor kbir kien meta, fit-tielet sessjoni tal-Konċilju (1964) ġie ppromulgat l-aktar dokument importanti: Lumen Gentium, il-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja. Teologu li kkontribwixxa ferm għal din l-ekkleżjoloġija ġdida kien id-Dumnikan Yves Congar. Knisja mhux aktar definita bħala soċjetà perfetta, iżda bħala misteru; mhux aktar il-Knisja piramidali fejn fil-quċċata għandek il-Papa, imbagħad l-isqfijiet, u l-bqija, u fil-qiegħ nett għandek il-lajċi, iżda Knisja li hi l-Poplu ta’ Alla fejn il-ġerarkija hija għas-servizz tal-poplu kollu. Interessanti ferm hu l-aħħar kapitlu ta’ din il-Kostituzzjoni, li jittratta l-Madonna fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja. Hemm il-Konċilju ppreżentalna Marjoloġija biblika, patristika, u ekumenika, differenti mill-Marjoloġija li kienet wasslet lill-Protestanti biex jakkużawna b’marjolatrija. Importanti ħafna kienet ukoll il-Kostituzzjoni dommatika dwar ir-Rivelazzjoni, Dei Verbum. Patri Ġwann u Patri Ugo kienu jiġu spiss mistiedna minn parroċċi u għaqdiet reliġjużi biex jagħtu konferenzi, Patri Ġwann fuq il-Liturġija, u Patri Ugo, li dak iż-żmien kien qed jgħallem l-Ekkleżjoloġija fl-Istudju Teoloġiku Dumnikan tar-Rabat, dwar il-Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja.

B’kollox il-Konċilju ppubblika 16-il dokument. L-aktar dokument twil ġie ppromulgat fl-aħħar jum tal-aħħar sessjoni tal-Konċilju (1965), il-Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum. Kien forsi l-aktar dokument li qajjem diskussjoni, tant li kien ġie msejjaħ skema tlettax! Kien ukoll ferm mistenni speċjalment minħabba li ħafna stennew li kien se jagħti tweġiba għall-kwistjoni ferm diskussa dak iż-żmien, dwar il-leġittimità tal-pillola kontraċettiva. Fil-fatt, minħabba d-delikatezza tal-argument, ma ġietx ittrattata f’dan id-dokument, għax il-Papa Pawlu VI iddeċieda li tiġi studjata aktar fil-fond minn kummissjoni speċjali u aktar tard qata’ l-kwistjoni bl-Enċiklika Humanæ Vitæ.

Il-Konċilju kien nissel entużjażmu ġdid f’Malta. B’mod ġenerali, il-kleru, għalkemm fil-parti l-kbira tiegħu kien konservattiv, laqa’ tajjeb it-tiġdid li ġab miegħu l-Konċilju. Kienet bdiet tiġi stampata r-rivista interessanti Pastor, li fiha kienu jiktbu saċerdoti li kellhom sehem kbira għall-ftuħ postkonċiljari dnub li ma baqgħetx toħroġ. Fil-Fakultà tat-Teoloġija kien hemm l-imħuħ ġodda ta’ professuri bhal Maurice Eminyan u Carmelo Muscat. Bdew jiġu mistiedna kelliema barranin magħrufa għal konferenzi miftuħin mhux biss għall-kleru, iżda wkoll għal-lajċi. Insemmi fosthom lil Bernard Haring, Lyonnet, Benoit, u ħafna oħrajn. Nammira ħafna l-fatt li l-Arċisqof Gonzi, ċertament b’mentalità ferm prekonċiljari, madankollu wera ruħu miftuħ għal tibdil u riformi.

X’sar minnu dak l-entużjażmu? Jiddispjaċini jkolli nammetti kemm inħossni deluż meta nara sezzjoni tal-kleru żagħżugħ li jiddispjaċih li ma ġiex tmenin sena qabel, li jrid ritorn għal liturġija Tridentina u ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan I. Jiddispjaċini meta, mistieden biex niċċelebra pontifikal f’xi festa, nisma’ paneġierku li jfakkarni fil-paneġierki li kont nisma meta kont tifel sittin sena ilu, li flok f’katekeżi dwar il-virtujiet tal-qaddis jintilef fi fjorituri u jagħlaq b’għajta li kważi trid tgħidilhom: “Issa ċapċpuli”. Imma ejja napprezzaw iżjed l-impenn ta’ bosta kappillani u saċerdoti li fehmu s-sinjali taż-żminijiet u qrawhom fid-dawl tal-fidi, li ġenwinament iridu jwasslu lil Kristu u li jagħtu lill-poplu dak li l-poplu għandu bżonn aktar milli dak li l-poplu jrid.

 

Is-Sibt 4 ta’ Settembru 2021