Laikos

 

      

KOSTITUZZJONI DOMMATIKA DWAR IL-KNISJA

''LUMEN GENTIUM''

21 ta' Novembru, 1964

 

WERREJ

 

Kap I: IL-MISTERU TAL-KNISJA

1. Il-Knisja sagrament fi Kristu

2. Il-pjan tal-Missier etern għall-fidwa tal-bnedmin kollha

3. Il-missjoni u l-ħidma tal-Iben

4. L-Ispirtu li jqaddes il-Knisja

5. Is-Saltna ta' Alla

6. Xbihat tal-Knisja

7. Il-Knisja ġisem mistiku ta' Kristu

8. Il-Knisja realtà viżibbli u fl-istess ħin spiritwali

 

Kap II: IL-POPLU TA' ALLA

9. Alleanza ġdida u poplu ġdid

10. Is-saċerdozju komuni

11. L-eżerċizzju tas-saċerdozju komuni fis-sagrament

12. Is-sens tal-fidi u l-kariżmi tal-poplu ta' Alla

13. Universalità tal-poplu wieħed ta' Alla

14. Il-fidili kattoliċi

15. Il-Knisja u l-insara mhux kattoliċi

16. Il-Knisja u dawk li mhumiex insara

17. Il-karattru missjunarju tal-Knisja

 

Kap III: IL-KOSTITUZZJONI ĠERARKIKA TAL-KNISJA U, B’MOD

PARTIKOLARI, L-EPISKOPAT

18. Daħla

19. Sejħa u istituzzjoni tat-Tnax

20. L-isqfijiet suċċessuri tal-appostli

21. L-episkopat sagrament

22. Il-kulleġġ tal-isqfijiet u r-ras tiegħu

23. Relazzjonijiet tal-isqfijiet fi ħdan il-kulleġġ episkopali

24. Il-ministeru tal-isqfijiet

25. Id-dmir tal-isqfijiet li jgħallmu

26. Id-dmir tal-isqfijiet li jqaddsu lill-oħrajn

27. Is-setgħa tal-isqfijiet li jiggvernaw

28. Il-presbiteri: ir-relazzjoni tagħhom ma' Kristu, mal-isqfijiet, mal-

         presbiteri l-oħra u mal-poplu nisrani

29. Id-djakni

 

Kap IV: IL-LAJĊI

30. Daħla

31. Natura u missjoni tal-lajċi

32. Dinjità tal-lajċi fil-poplu ta' Alla

33. L-appostolat tal-lajċi

34. Is-sehem tal-lajċi fis-saċerdozju komuni u fil-kult

35. Is-sehem tal-lajċi fil-funzjoni profetika ta' Kristu u fix-xhieda tiegħu

36. Dinjità regali

37. Relazzjonijiet mal-ġerarkija

38. Il-lajċi, ruħ tad-dinja

 

Kap V: IS-SEJĦA UNIVERSALI GĦALL-QDUSIJA FIL-KNISJA

39. Daħla

40. Is-sejħa universali għall-qdusija

41. L-istess qdusija sseħħ b'mod differenti

42. Toroq u mezzi tal-qdusija

 

Kap VI: IR-RELIĠJUŻI

43. Il-kunsilli evanġeliċi fil-Knisja

44. In-natura u l-importanza tal-istat reliġjuż fil-Knisja

45. L-awtorità tal-Knisja u l-istat reliġjuż

46. Il-kobor tal-konsagrazzjoni reliġjuża

47. Eżortazzjoni għall-perseveranza

 

Kap VII: IN-NATURA ESKATOLOĠIKA TAL-KNISJA PELLEGRINA

FUQ L-ART U L-GĦAQDA TAGĦHA MAL-KNISJA TAS-SEMA

48. In-natura eskatoloġika tas-sejħa tagħna

49. Il-komunjoni tal-Knisja tas-sema mal-Knisja pellegrina fuq l-art

50. Ir-relazzjonijiet tal-Knisja pellegrina fuq l-art mal-Knisja tas-sema

51. Dispożizzjonijiet pastorali

 

Kap VIII: L-IMQADDSA VERĠNI MARIJA OMM ALLA FIL-

         MISTERU TA' KRISTU U TAL-KNISJA

I - DAĦLA

52. Il-Verġni Mqaddsa fil-misteru ta' Kristu

53. Marija u l-Knisja

54. L-intenzjoni tal-Konċilju

II - SEHEM IL-VERĠNI MARIJA FIL-PJAN TAS-SALVAZZJONI

55. Omm il-Messija fit-Testment il-Qadim

56. Marija fit-tħabbira tal-anġlu

57. Marija u t-tfulija ta' Ġesù

58. Il-Verġni Mqaddsa fil-ministeru pubbliku ta' Ġesù

59. Il-Verġni Mqaddsa wara t-tlugħ fis-sema ta' Ġesù

III -  IL-VERĠNI MQADDSA U L-KNISJA

60. Marija, qaddejja tal-Mulej, fil-ħidma tal-fidwa u tal-qdusija

61. Koperazzjoni mal-fidwa

62. Ħidma ta' salvazzjoni subordinata

63. Marija,Verġni u Omm, mudell tal-Knisja

64. Il-Knisja Verġni u Omm

65. Il-virtujiet ta' Marija li l-Knisja għandha timita 

 

 

 

KOSTITUZZJONI DOMMATIKA DWAR IL-KNISJA

''LUMEN GENTIUM''

 

Kap I

IL-MISTERU TAL-KNISJA

 

Il-Knisja sagrament fi Kristu

1.  Kristu huwa d-dawl tal-ġnus: għalhekk dan il-Konċilju mqaddes, imlaqqa' fl-Ispirtu s-Santu, jixtieq b'ħerqa kbira illi bit-tħabbir tal-evanġelju lill-ħolqien kollu (cf. Mk 16,15) idawwal il-bnedmin kollha bid-dija ta' Kristu li tixgħel fuq wiċċ il-Knisja. Billi l-Knisja hija, fi Kristu, bħal sagrament jew  sinjal u strument tal-għaqda intima ma' Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu, il-Knisja għandha l-ħsieb illi, fuq il-passi ta' konċilji oħra li saru qabel, tfisser b'mod iżjed ċar u preċiż lill-fidili u lid-dinja kollha n-natura u l-missjoni universali tagħha. Il-kundizzjonijiet ta' żmienna jagħtu lil dan id-dmir tal-Knisja piż u urġenza akbar sabiex il-bnedmin kollha, li huma llum magħqudin iżjed ma' xulxin b'rabtiet soċjali, tekniċi u kulturali differenti, jiksbu wkoll l-unità sħiħa fi Kristu.

Il-pjan tal-Missier etern għall-fidwa tal-bnedmin kollha

2. Il-Missier etern, b'deċiżjoni għalkollox ħielsa u misterjuża tal-għerf u t-tjubija tiegħu, ħalaq id-dinja kollha u ried li jgħolli l-bnedmin ħalli jkollhom sehem mill-ħajja divina. Meta f'Adam il-bnedmin waqgħu fid-dnub, Alla ma telaqhomx u tahom dejjem l-għajnuna biex isalvaw fi Kristu li kellu jkun il-Feddej u "li hu x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha" (Kol 1,15). Il-Missier, qabel kull żmien, lill-magħżulin "għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa" (Rum 8,29). Huwa amar li lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu jiġborhom fil-Knisja mqaddsa li kienet diġà mħabbra bi xbihat sa mill-bidu tad-dinja u mħejjija b'mod tal-għaġeb fil-ġrajja tal-poplu ta' Israel u fil-patt il-qadim[1], u mwaqqfa f'dawn l-aħħar żminijiet dehret fid-dinja meta ssawwab fuqha l-Ispirtu s-Santu u għad tasal għall-milja glorjuża tagħha fit-tmiem ta' din id-dinja. Imbagħad, kif naqraw fil-kitba tas-Santi Padri, il-ġusti kollha, minn Adam u "minn Abel sa l-aħħar fost il-magħżulin"[2], ilkoll jinġabru fil-Knisja universali quddiem il-Missier.

Il-missjoni u l-ħidma tal-Iben

3.  L-Iben għalhekk ġie fid-dinja, mibgħut mill-Missier li għażilna fih qabel il-ħolqien tad-dinja u ppredestinana biex fih inkunu wlied adottivi, għaliex huwa, il-Missier, ried li kollox jinġabar fih (cf. Ef 1,4-5,10). Għalhekk, biex itemm ir-rieda tal-Missier, Kristu inawgura fl-art is-saltna tas-sema u rrivelalna l-misteru tagħha, u bl-ubbidjenza tiegħu temm il-fidwa. Il-Knisja, jew is-saltna ta' Kristu, li għandha l-bidu tagħha f'misteru, tikber fid-dinja b'mod li jidher bis-setgħa ta' Alla. Dan il-bidu u dan l-iżvilupp tagħha jitfissru fid-demm u l-ilma li ħarġu mill-kustat miftuħ ta' Ġesu' msallab (cf. Ġw 19,34) u tħabbru mill-Mulej meta tkellem fuq il-mewt  tiegħu fuq is-salib bil-kliem: "U meta nintrefa' mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja" (Ġw  12,32). Kull darba li s-sagrifiċċju tas-salib, li fih "Kristu l-Ħaruf tal-Għid tagħna hu maqtul" (1 Kor 5,7), ikun iċċelebrat fuq l-altar, tiġġedded il-fidwa tagħna. Fl-istess ħin bis-sagrament tal-ħobż ewkaristiku tintwera u sseħħ l-unità tal-fidili li jagħmlu ġisem wieħed fi Kristu (cf. 1 Kor 10,17). Il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-għaqda fi Kristu li hu d-dawl tad-dinja, li minnu aħna ġejjin, bih ngħixu u lejh mexjin.

L-Ispirtu li jqaddes il-Knisja

4.  Meta ntemmet il-ħidma li l-Missier fada lill-Iben biex jagħmel fuq l-art, nhar l-Għid il-Ħamsin intbagħat l-Ispirtu s-Santu biex iqaddes bla ma qatt jehda l-Knisja u biex hekk dawk li jemmnu jkunu jistgħu jidħlu għand il-Missier permezz ta' Kristu fi Spirtu wieħed (cf. Ef 2,18). Dan hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, għajn ta' ilma li jasal sal-ħajja ta' dejjem (cf. Ġw 4,14; 7,38-39); permezz tiegħu l-Missier jagħti mill-ġdid il-ħajja lill-bnedmin mejta ħtija tad-dnub, sakemm iqajjem fi Kristu l-iġsma tagħhom li jmutu (cf. Rum 8,10-11). L-Ispirtu jgħammar fil-Knisja u fil-qlub tal-fidili bħal f'tempju (cf. 1 Kor 3,16; 6,19), u jitlob fihom u jixhed li huma wlied adottivi (cf. Gal 4,6; Rum 8,15-16,26). Hu jwassal lill-Knisja għall-verità kollha, jgħaqqadha fis-sħubija u fis-servizz, jagħniha b'għotjiet differenti, b'doni ġerarkiċi u b'kariżmi, u b'dawn id-doni jmexxiha u jżejjinha bil-frott tal-grazzja tiegħu (cf. Ef 4,11-12; 1 Kor 12,4; Gal 5,22). Bis-saħħa tal-evanġelju Alla jżomm il-Knisja żagħżugħa, iġeddidha l-ħin kollu u jwassalha għal għaqda perfetta mal-għarus tagħha[3]. Għaliex l-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu lill-Mulej Ġesù: "Ejja!" (cf. Apk 22,17).

Hekk il-Knisja kollha tidher bħala "poplu ta' Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu"[4].

Is-Saltna ta' Alla

5.  Il-misteru tal-Knisja mqaddsa juri ruħu fl-istess twaqqif tagħha. Għaliex il-Mulej Ġesù ta bidu għall-Knisja tiegħu meta xandar il-Bxara t-Tajba, jiġifieri l-wasla tas-Saltna ta' Alla mwiegħda minn sekli fl-Iskrittura: għaliex ''iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta' Alla waslet." (Mk 1,15; cf. Mt 4,17) Din is-Saltna hija rrivelata ċar lill-bnedmin fil-kliem, fil-ħidma u fil-preżenza ta' Kristu. Il-kelma ta' Alla hija mxebbha ma' żerriegħa miżrugħa f'għalqa (Mk 4,14); dawk li jisimgħuha bil-fidi u jagħmlu sehem mill-merħla żgħira ta' Kristu (Lq 12,32), jilqgħu s-Saltna nnifisha; imbagħad iż-żerriegħa, bis-saħħa tagħha stess, tinbet u tikber sa jum il-ħsad (cf. Mk 4,26-29). Il-mirakli ta' Ġesù wkoll jippruvaw li s-Saltna diġà waslet fuq l-art: "Jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla" (Lq 11,20; cf. Mt 12,28). Iżda fuq kollox is-Saltna tidher fl-istess persuna ta' Kristu, Bin Alla u Bin il-bnedmin, li ġie "biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra" (Mk 10,45).

Meta Ġesù, wara li bata l-mewt fuq is-salib għall-bnedmin, qam mill-imwiet, Hu deher bħala l-Mulej, il-Feddej u l-Qassis ta' dejjem (cf. Atti 2,36; Lhud 5,6; 7,17-21) u sawwab fuq id-dixxipli tiegħu l-Ispirtu s-Santu mwiegħed mill-Missier (cf. Atti 2,3). Għalhekk il-Knisja, mogħnija bl-għotjiet tal-Fundatur tagħha u waqt li tħares bil-fedeltà l-preċetti tal-karità, tal-umiltà u taċ-ċaħda, tirċievi l-missjoni li tħabbar is-Saltna ta' Kristu u ta' Alla u li twaqqafha fil-ġnus kollha; ta' din is-Saltna hija l-ewwel nibta u l-bidu. Sadattant, waqt li tkompli tikber bil-mod il-mod, hija nnifisha tixxennaq għall-perfezzjoni tas-Saltna u bil-forzi tagħha kollha tittama u tixtieq li tingħaqad mas-Sultan tagħha fil-glorja.

Xbihat tal-Knisja

6.  Fit-Testment il-Qadim ir-rivelazzjoni tas-Saltna ssir ħafna drabi permezz ta' xbihat; hekk ukoll nistgħu nsiru nafu n-natura intima tal-Knisja permezz ta' tixbihat meħudin mill-ħajja tal-kampanja jew mill-biedja jew mill-kostruzzjoni ta' bini jew mill-familja u miż-żwieġ, tixbihat li jinsabu diġà fil-kotba tal-Profeti li jħejju għall-Patt il-Ġdid. Il-Knisja, infatti, hija l-maqjel li tiegħu Kristu huwa l-bieb waħdieni u meħtieġ (Ġw 10,1-10). Hi wkoll il-merħla li tagħha Alla ħabbar minn qabel li kellu jkun ir-ragħaj (cf. Is 40,11; Eż 34,11 ss.); in-nagħaġ tagħha, għalkemm immexxija minn rgħajja bnedmin, iżda huwa Kristu nnifsu li jirgħahom u jitmagħhom; Kristu li hu r-ragħaj it-tajjeb u l-prinċep tar-rgħajja (cf. Ġw 10, 11-15). 

Il-Knisja hija art tajba għall-biedja jew l-għalqa ta' Alla (cf. 1 Kor 3,9). F'din il-għalqa tikber siġra antika taż-żebbuġ li l-għeruq qaddisa tagħha kienu l-Patrijarki, u li fiha saret u għad issir ir-rikonċiljazzjoni bejn il-Lhud u l-Ġentili (cf. Rum 11,13-26). Hija tħawlet mill-Bidwi tas-sema bħal dielja magħżula (cf. Mt 21,33-43 par.; cf. Is 5,1 ss.). Id-dielja vera huwa Kristu li jagħti l-ħajja u t-tkattir lill-friegħi u li mingħajrha ma nistgħu nagħmlu xejn (cf. Ġw 15,1-5).

Sikwit aktar il-Knisja tissejjaħ ukoll bini ta’ Alla (1 Kor 3,9). Il-Mulej xebbah lilu nnifsu lil ġebla li l-bennejja warrbu u li saret il-ġebla tax-xewka (Mt 21,42 par.; cf. Atti 4,11; 1 Pt 2,7; S 117,22). Fuq dan il-pedament il-Knisja nbniet mill-appostli (cf. 1 Kor 3,11) u fuqu hija tieħu saħħa u rbit. U dan il-bini jissejjaħ b'ħafna ismijiet: dar ta' Alla (cf. 1 Tim 3,15) li fiha tgħix il-familja tiegħu, l-għamara ta' Alla mal-bnedmin (Apk 21,3), u fuq kollox tempju mqaddes, li s-Santi Padri jfaħħruh, rappreżentat fis-santwarji tal-ġebel u li fil-liturġija ġustament jixxebbah mal-Belt imqaddsa, ma' Ġerusalemm il-ġdida"[5]. Għaliex f'din id-dinja aħna mibnijin fiha bħal ġebel ħaj (1 Pt 2,5). Lil din il-belt imqaddsa Ġwanni jaraha fit-tiġdid aħħari tad-dinja, nieżla mis-sema minn Alla, "imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha" (Apk 21, 1 s.).

Il-Knisja, li tissejjaħ "Ġerusalemm tas-sema" u "Ommna" (Gal 4,26; cf. Apk  12,17), tissejjaħ ukoll bħala l-għarusa bla tebgħa tal-Ħaruf bla tebgħa (Apk 19,7; 21,2 u 9; 22,17), li Kristu "ħabb... u ta ħajtu għaliha... biex iqaddisha" (Ef 5,26), li hu għaqqad miegħu b'patt li ma jinħallx, u li bla heda "imantni u jieħu ħsieb" (Ef 5,29). Wara li ppurifikaha, huwa riedha marbuta miegħu u toqgħod għalih bl-imħabba u l-fedeltà (cf. Ef 5,24); fl-aħħar huwa mlieha għall-eternità bil-ġid tas-sema biex aħna nifhmu l-imħabba ta' Alla u ta' Kristu għalina li tisboq kull għarfien (cf. Ef 3,19). Iżda waqt li l-Knisja fuq din l-art qed tagħmel il-pellegrinaġġ bogħod mill-Mulej (cf. 2 Kor 5,6), hi tqis ruħha bħala tturufnata u tfittex u tixtieq il-ħwejjeġ tas-sema fejn Kristu qiegħed fil-lemin ta' Alla, fejn il-ħajja tal-Knisja hija moħbija ma' Kristu f'Alla, sakemm mal-għarus tagħha hija terġa' tidher fil-glorja (cf. Kol 3,1-4).

 

 

Il-Knisja ġisem mistiku ta' Kristu

7. L-Iben ta' Alla, fin-natura umana li hu kien għaqqad fih, rebaħ il-mewt bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt; b'hekk huwa feda lill-bniedem u bidlu f'ħolqien ġdid (cf. Gal 6,15; 2 Kor 5,17). Infatti, waqt li kkomunika l-Ispirtu tiegħu lil ħutu miġmugħin mill-ġnus kollha, huwa għamilhom il-ġisem tiegħu b'mod mistiku.

F'dan il-ġisem il-ħajja ta' Kristu tixtered f'dawk li jemmnu; permezz tas- sagramenti dawn jingħaqdu b'mod misterjuż iżda reali ma' Kristu li bata u li issa jinsab igglorifikat[6]. Permezz tal-magħmudija aħna nsiru nixbhu lil Kristu: "għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed, biex nagħmlu ġisem wieħed" (1 Kor 12,13). B'dan ir-rit imqaddes titfisser u sseħħ l-għaqda tagħna mal-mewt u l-qawmien ta' Kristu: għax "aħna ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija"; iżda "jekk sirna ħaġa waħda f'mewt tixbah lil tiegħu, hekk ukoll ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt" (Rum 6,4-5). Fil-qsim tal-ħobż ewkaristiku, meta aħna nieħdu sehem tassew mill-Ġisem tal-Mulej fit-tqarbin, aħna nintrefgħu biex ningħaqdu lkoll flimkien u miegħu. "Għax la l-ħobża hija waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda" (1 Kor 10,17). B'hekk aħna lkoll insiru membri ta' dak il-Ġisem (cf. 1 Kor 12,27) u "kull wieħed minna membru tal-ieħor" (Rum 12,5).

Iżda kif il-membri kollha tal-ġisem tal-bniedem, għalkemm ħafna, jiffurmaw ġisem wieħed, hekk ukoll jagħmlu ġisem wieħed il-fidili fi Kristu (cf. 1 Kor 12,12). Fil-bini tal-ġisem ta' Kristu hemm ukoll membri differenti u ħidmiet differenti. Wieħed iżda huwa l-Ispirtu li għall-ġid tal-Knisja jqassam l-għotjiet differenti tiegħu skond l-għana tiegħu u l-ħtieġa tal-ministeri (cf. 1  Kor 12,11). Fost dawn l-għotjiet l-ogħla waħda hija l-grazzja mogħtija lill-appostli li għall-awtorità tagħhom l-Ispirtu nnifsu jissottometti saħansitra lil dawk imżejna mill-kariżmi (cf. 1 Kor 14). L-istess Spirtu, waqt li jgħaqqad il-ġisem bil-qawwa tiegħu u bir-rabta ġewwinija tal-membri bejniethom, inissel u jħeġġeġ l-imħabba fost il-fidili. U għalhekk, jekk membru jbati, ibatu l-membri kollha miegħu; jekk membru jitfaħħar, jifirħu l-membri kollha miegħu (cf. 1 Kor 12,26).

Ir-Ras ta' dan il-ġisem huwa Kristu. Huwa x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx u fih kollox inħalaq. Huwa qabel kulħadd u kollox jgħix fih. Huwa r-ras tal-ġisem li hi l-Knisja. Hu l-prinċipju, il-kbir li qam mill-imwiet, sabiex hu jkun l-ewwel f'kollox (cf. Kol 1,15-18). Bil-kobor tas-setgħa tiegħu jiddomina fuq il-ħwejjeġ tas-sema u tal-art u bil-perfezzjoni u bil-ħidma tiegħu li huma 'l fuq minn ta' kulħadd huwa jimla lil ġismu kollu bil-għana tal-glorja tiegħu (cf. Ef 1,18-23)[7].

Il-membri kollha għandhom isiru jixbhuh, sakemm Kirstu jissawwar fihom (cf. Gal 4,19). Għalhekk aħna, magħmulin nixbhuh, li mitna u qomna flimkien miegħu, insiru ħaġa waħda fil-misteri ta' ħajtu sakemm miegħu nieħdu sehem fis-Saltna (cf. Fil 3,21; 2 Tim 2,11; Ef 2,6: Kol 2,12; eċċ). Waqt li għadna fil-mixja tagħna fuq l-art u mexjin fuq il-passi tiegħu fit-tribulazzjoni u l-persekuzzjoni, aħna nissieħbu mal-passjoni tiegħu bħal ġisem mar-ras tiegħu; hekk aħna nbatu miegħu biex naqsmu miegħu l-glorja (cf. Rum 8,17).

Minnu "l-ġisem kollu, permezz tal-għekiesi u l-irbit tiegħu, jieħu l-għajxien u l-għaqda biex jikber skont ma jagħtih Alla" (Kol 2,19). Fil-ġisem tiegħu, jiġifieri l-Knisja, Kristu jqassam il-ħin kollu d-doni tal-ministeri u permezz tagħħom, bis-setgħa tiegħu, aħna ngħinu lil xulxin biex niksbu s-salvazzjoni; hekk, waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba, aħna nikbru f'kollox fih li hu r-Ras tagħna (cf. Ef 4,11-16 gr.).

Imbagħad, biex niġġeddu l-ħin kollu fih (cf. Ef 4,23), huwa tana li nagħmlu sehem mill-Ispirtu tiegħu li hu wieħed u l-istess fir-Ras u fil-membri u jagħti lill-ġisem kollu ħajja, għaqda u moviment hekk illi s-Santi Padri setgħu jqabblu l-ħidma tiegħu ma' dak li jagħmel fil-ġisem il-prinċipju tal-ħajja, jiġifieri r-ruħ[8].

Kristu jħobb il-Knisja bħal għarusa tiegħu u għamel lilu nnifsu mudell ta' raġel li jħobb lil martu bħal ġismu stess (cf. Ef 5,25-28); iżda l-Knisja toqgħod għar-Ras tagħha (ibid. 23-24). "Billi fih tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem" (Kol 2,9), Hu jimla bid-doni tiegħu lill-Knisja, li hi ġismu u l-milja tiegħu (cf. Ef 1,22-23), sabiex hija tfittex li tikseb u tasal għall-milja kollha ta' Alla (cf. Ef 3,19).

Il-Knisja realtà viżibbli u fl-istess ħin spiritwali

8. Kristu, il-Medjatur waħdieni, waqqaf fuq din l-art il-Knisja mqaddsa tiegħu, komunità ta' fidi, ta' tama u ta' mħabba, u għamilha organiżmu li jidher; huwa jieqaf il-ħin kollu magħha[9] u permezz tagħha jxerred fuq kulħadd il-verità u l-grazzja. Is-soċjetà mogħnija b'organi ġerarkiċi u l-ġisem mistiku ta' Kristu, l-assemblea li tidher u l-komunità spiritwali, il-Knisja fuq l-art u l-Knisja li diġà qiegħda tgawdi l-ġid tas-sema, m'għandhomx jitqiesu bħala żewġ realtajiet differenti iżda bħala realtà waħda komplessa magħmula minn element uman u element divin"[10]. B'analoġija xierqa, għalhekk, wieħed jista' jxebbah il-Knisja mal-misteru tal-Verb magħmul bniedem. Infatti, kif in-natura li ħa l-Verb isservih ta' organu ħaj u ta' salvazzjoni magħqud miegħu b'mod li ma jinħallx, hekk, b'mod jixxiebah, l-organiżmu soċjali tal-Knisja jservi lill-Ispirtu ta' Kristu li jagħtih il-ħajja biex il-ġisem jikber dejjem aktar” (cf. Ef 4,16)[11].

Din hija l-Knisja waħdanija ta' Kristu li fil-Kredu aħna nistqarru bħala waħda, qaddisa, kattolika u appostolika[12], u li s-Salvatur tagħna, wara li qam mill-imwiet, ta lil Pietru biex jirgħaha (Ġw 21,17), ħalla f'idejh u f'idejn l-appostli l-oħra biex ixerrduha u jmexxuha (cf. Mt 28,18 ss.), u waqqafha għal dejjem bħala "kolonna u pedament tal-verità'' (1 Tim 3,15). Din il-Knisja, imwaqqfa u organizzata f'din id-dinja bħala soċjetà, issib il-milja tagħha fil-Knisja Kattolika mmexxija mis-suċċessur ta' Pietru u mill-isqfijiet magħqudin miegħu[13], għalkemm jibqa' veru li barra l-organiżmu tagħha jeżistu ħafna elementi ta' qdusija u ta' verità li, għaliex huma doni proprji tal-Knisja ta' Kristu, iwasslu għall-unità kattolika.

Kif Kristu temm il-ħidma tal-fidwa fil-faqar u fil-persekuzzjoni, hekk il-Knisja hija msejħa biex taqbad l-istess triq ħalli twassal lill-bnedmin il-frott tal-fidwa. Ġesu' Kristu, "għad li baqa' bin-natura ta' Alla xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta' lsir" (Fil 2, 6-7), u "għad li kien għani, ftaqar" (2 Kor 8,9) għalina; hekk ukoll il-Knisja, għalkemm biex taqdi dmirha teħtieġ ir-riżorsi umani, mhix imwaqqfa biex tfittex il-glorja fuq l-art iżda biex tgħallem l-umiltà u ċ-ċaħda u tagħti wkoll l-eżempju tagħhom. Kristu ntbagħat mill-Missier "biex iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, ifejjaq lil dawk li għandhom l-indiema f'qalbhom" (Lq 4,18), u "ifittex u jsalva l-mitluf" (Lq 19,10); hekk ukoll il-Knisja tħaddan magħha bi mħabba lil dawk li huma mġarrba b'xi dgħufija umana, saħansitra tagħraf fil-fqar u f'dawk li jsofru x-xbieha tal-Fundatur taghha, fqir u mġarrab, u taħdem biex tnaqqas il-ħtiġijiet tal-fqar u fihom tfittex li taqdi lil Kristu. Iżda waqt li Kristu, "qaddis, innoċenti, safi" (Lhud 7,26), ma kienx jaf x'inhu dnub (cf. 2 Kor 5,21) u ġie biss biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu (cf. Lhud 2,17), il-Knisja, li għandha fi ħdanha wkoll il-midinbin, li hi qaddisa iżda fl-istess ħin dejjem fi ħtieġa ta' purifikazzjoni, qatt ma tehda tagħmel penitenza u ġġedded lilha nnifisha.

Il-Knisja "tkompli l-pellegrinaġġ tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta' Alla"[14] u tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi (cf. 1 Kor 11,26). Mill-qawwa ta' Kristu mqajjem mill-mewt hija ssib il-forza biex bis-sabar u bl-imħabba tirbaħ it-tiġrib u d-diffikulatijiet li jiġuha minn barra u minn ġewwa u biex tirrivela lid-dinja bil-fedeltà, ukoll jekk fost id-dellijiet, il-misteru tiegħu sakemm fl-aħħar taż-żminijiet huwa juri ruħu fil-milja tad-dawl tiegħu.

Kap II

IL-POPLU TA' ALLA

 

Alleanza ġdida u poplu ġdid

9. F'kull żmien u f'kull nazzjon Alla jilqa' lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa (cf. Atti 10,35).  Madankollu Alla għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma' xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija. Għalhekk huwa għażel għalih il-poplu ta' Iżrael u għamel miegħu patt; matul l-istorja tiegħu huwa ffurmah bil-mod il-mod waqt li wrieh lilu nnifsu u l-pjan tar-rieda tiegħu u qaddsu għalih. Iżda dan kollu ġara biss bħala tħejjija u xbieha tal-patt ġdid u perfett li Alla kellu jagħmel fi Kristu u tar-rivelazzjoni aktar sħiħa li kellu jagħmel permezz tal-Verb ta' Alla magħmul bniedem. "Ara għad jiġi żmien - oraklu tal-Mulej - meta jien nagħmel patt ġdid ma' dar Israel u ma’ dar Ġuda... Inqiegħed il-liġi tiegħi fihom u niktibha f'qalbhom; u jien inkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi... għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni miż-żgħir sal-kbir - oraklu tal-Mulej" (Ġer 31,31-34). Kristu waqqaf dan il-patt ġdid, jiġifieri l-alleanza ġdida, f'demmu (cf. 1 Kor 11,25), waqt li sejjaħ il-Lhud u l-ġnus biex jingħaqdu mhux skont il-ġisem imma skont l-Ispirtu u jiffurmaw il-poplu ġdid ta' Alla. Infatti dawk li jemmnu fi Kristu, ġaladarba twieldu mill-ġdid mhux b'żerriegħa li titħassar imma b'waħda li ma titħassarx, permezz tal-kelma ta' Alla ħaj (cf. 1 Pt 1,23), mhux mill-ġisem imma bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu (cf. Ġw 3,5-6), saru “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih... li darba ma kienx poplu, imma issa sar il-poplu ta' Alla" (1 Pt 2,9-10).

Dan il-poplu messjaniku għandu bħala ras lil Kristu "mogħti għall-mewt għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna" (Rum 4,25) li issa, li kiseb isem li hu fuq kull isem, qiegħed isaltan glorjuż fis-sema. Dan il-poplu għandu bħala kundizzjoni tiegħu d-dinjità u l-libertà ta' wlied Alla li fi qlubhom l-Ispirtu s-Santu jgħix bħal f'tempju. Bħala liġi għandu l-preċett il-ġdid li jħobb kif Kristu stess ħabbna (cf. Ġw 13,34). U, fl-aħħar, għandu bħala għan is-saltna ta' Alla, mibdija fuq l-art minn Alla stess, u li għandha tixxerred sakemm titwassal minnu għall-perfezzjoni fl-aħħar tas-sekli meta jidher Kristu, il-ħajja tagħna (cf. Kol 3,4), u "l-ħlejjaq ukoll ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta' wlied Alla" (Rum 8,21). Għalhekk il-poplu messjaniku, għalkemm għadu ma jiġborx fih il-bnedmin kollha u xi drabi jidher qisu merħla żgħira, huwa fil-fatt għall-bnedmin kollha żerriegħa mill-aktar qawwija ta' għaqda, ta' tama u ta' salvazzjoni. Huwa mwaqqaf minn Kristu għal għaqda ta' ħajja, ta' karità u ta' verità; f'idejh isir ukoll bħala strument ta' fidwa għal kulħadd u minnu jintbagħat fid-dinja kollha bħala dawl tad-dinja u melħ tal-art (cf. Mt 5,13-16).

Bħalma Iżrael, skont il-ġisem, meta kien jiġġerra fid-deżert, kien diġà msejjaħ Knisja ta' Alla (2 Esd 13,1; Num 20,4; Dt 23, 1ss.), hekk Iżrael il-ġdid, li llum miexi fit-tfittxija tal-belt li għad trid tiġi u li tibqa' għal dejjem (cf. Lhud 13,14), jissejjaħ ukoll Knisja ta' Kristu (Mt 16,18) li hu kiseb b'demmu (Atti 20,28), imlieha bl-Ispirtu tiegħu u għanieha b'mezzi addattati għal għaqda soċjali u li tidher. Alla ġema' l-assemblea ta' dawk li jħarsu lejn Ġesù bħala l-awtur tas-salvazzjoni u l-bidu tal-unità u tal-paċi, u għamilhom Knisja li tkun għall-bnedmin kollha u għal kull wieħed minnhom sagrament viżibbli ta' din l-unità li ssalva[15]. Hija għandha tixtered man-naħat kollha tad-dinja u għalhekk tidħol fl-istorja tal-bnedmin, għalkemm fl-istess ħin tisboq il-limiti taż-żminijiet u l-fruntieri tal-popli. Għalkemm fost tiġrib u tribulazzjonijiet, hija tkompli l-mixja tagħha msaħħa mill-grazzja ta' Alla mwiegħda lilha mill-Mulej sabiex, minkejja d-dgħufija tal-ġisem, ma tonqos qatt mill-fedeltà perfetta lejn il-Mulej tagħha u tibqa' l-għarusa fidila tiegħu; taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu hija ma tehdiex iġġedded lilha nnifisha sakemm tasal, permezz tas-salib, għal dawl li ma jgħib qatt.

Is-saċerdozju komuni

10. Kristu l-Mulej, il-Qassis il-Kbir magħżul minn fost il-bnedmin (Lhud 5,1-5), għamel mill-poplu ġdid "saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru" (Apk 1,6; 5,9-10). Għaliex dawk li huma mgħammdin, bit-twelid mill-ġdid u l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu huma kkonsagrati biex ikunu tempju spiritwali u saċerdozju qaddis, joffru sagrifiċċji spiritwali permezz tal-ħidma kollha tal-bniedem nisrani, u jħabbru l-qawwa ta' Dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (cf. 1 Pt 2,4-10). Għalhekk id-dixxipli kollha ta' Kristu, waqt li jżommu sħiħ fit-talb u jfaħħru lil Alla (Atti 2,42-47), joffru lilhom infushom b'sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla (cf. Rum 12,1), jagħtu xhieda ta' Kristu kullimkien u lil kull min jitlobhom tifsira tat-tama li għandhom fil-ħajja ta' dejjem (cf. 1 Pt 3,15).

Is-saċerdozju komuni tal-fidili u s-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku, għalkemm huma differenti fl-essenza u mhux biss fil-grad, madankollu huma maħsuba għal xulxin għaliex it-tnejn, kull wieħed bil-mod tiegħu, jipparteċipaw mis-saċerdozju wieħed ta' Kristu[16]. Is-saċerdot ministerjali, bis-setgħa sagra li biha huwa mżejjen, jifforma u jmexxi l-poplu saċerdotali, itemm is-sagrifiċċju ewkaristiku fil-persuna ta' Kristu u joffrih lil Alla f'isem il-poplu kollu. Il-fidili, bis-saċerdozju rjali tagħhom jissieħbu fl-offerta tal-ewkaristija[17]; huma jeżerċitaw dan is-saċerdozju meta jirċievu s-sagramenti, meta jitolbu u jiżżu ħajr lil Alla, bix-xhieda ta' ħajja qaddisa, biċ-ċaħda tagħhom infushom u b'karità li tidher fl-għemil.

L-eżerċizzju tas-saċerdozju komuni fis-sagramenti

11. Il-karattru sagru u l-istruttura organika tal-komunità saċerdotali jseħħu permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet. Il-fidili, imseħbin fil-Knisja bil-magħmudija, jinħatru bil-karattru li jirċievu minnha għall-kult tar-reliġjon nisranija; imweldin mill-ġdid bħala wlied Alla, huma għandhom id-dmir li jistqarru quddiem il-bnedmin il-fidi li rċevew minn Alla permezz tal-Knisja[18]. Bis-sagrament tal-griżma huma jintrabtu mal-Knisja b'mod iżjed perfett u jkunu mogħnija minn qawwa speċjali tal-Ispirtu s-Santu; b'hekk huma jsiru iżjed obbligati illi, bħala xhieda ta' Kristu, bil-kelma u bil-ħidma jxerrdu l-fidi u jiddefenduha[19]. Bil-parteċipazzjoni fis-sagrifiċċju ewkaristiku, għajn u quċċata tal-ħajja nisranija kollha, huma joffru lil Alla l-vittma divina u lilhom infushom magħha[20]. B'hekk, kemm bl-offerta kemm bit-tqarbin imqaddes, min mod u min ieħor, huma kollha jagħmlu sehemhom fl-azzjoni liturġika. Meta jieklu mill-ġisem ta' Kristu fl-assemblea mqaddsa huma juru b'mod konkret l-unità tal-poplu ta' Alla li f'dan is-sagrament l-aktar għoli tintwera b'mod ċar u sseħħ b'mod tal-għaġeb.

Dawk li jersqu għas-sagrament tal-qrar jirċievu mill-ħniena ta' Alla l-maħfra tal-offiżi li għamlulu u fl-istess ħin jirrikonċiljaw ruħhom mal-Knisja li huma darbu bi dnubiethom u li tgħinhom jikkonvertu bl-imħabba, bl-eżempju u bit-talb tagħha. Bil-griżma tal-morda u t-talb tas-saċerdoti l-Knisja kollha tirrakkomanda l-morda lill-Mulej, li bata u li kien igglorifikat, biex itaffi t-tbatijiet tagħhom u jsalvahom (cf. Ġk 5,14-16), anzi tħeġġiġhom biex jingħaqdu minn rajhom mal-passjoni u l-mewt ta' Kristu (cf. Rum 8,17; Kol  1,24;  2 Tim 2,11-12; 1 Pt 4,13) u jagħtu sehemhom għall-ġid tal-poplu ta' Alla. Hemm, imbagħad, dawk fost il-fidili li jkunu mogħnija bl-ordni sagri u jitqiegħdu f'isem Kristu biex jirgħaw il-Knisja bil-kelma u l-grazzja ta' Alla. Fl-aħħar nett hemm il-miżżewġin insara li bis-saħħa tas-sagrament taż-żwieġ jgħinu lil xulxin jiksbu l-qdusija kemm bl-istess ħajja taż-żwieġ kemm billi jilqgħu 'l ulied u jrabbuhom. Bis-sagrament taż-żwieġ huma jfissru l-misteru tal-imħabba kotrana li tgħaddi bejn Kristu u l-Knisja tiegħu u jieħdu sehem fih (cf. Ef 5,32). Għalhekk, fl-istat u l-grad tagħhom, huma għandhom id-don proprju tagħhom fi ħdan il-poplu ta' Alla (cf. 1 Kor 7,7)[21]. Minn dan iż-żwieġ, infatti, toħroġ il-familja li fiha jitwieldu ċittadini ġodda tas-soċjetà tal-bnedmin li, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, bil-magħmudija jsiru wlied Alla li matul iż-żminijiet iżommu dejjem ħaj il-poplu tiegħu. F'din li tista' titqies il-knisja tad-dar, il-ġenituri għandhom ikunu għal uliedhom l-ewwel ħabbara tal-fidi, jgħinuhom fis-sejħa partikolari ta' kull wieħed minnhom u jagħtuhom għajnuna speċjali meta jkollhom xi sejħa reliġjuża.

Mogħnija lkoll b'tant mezzi u b'mezzi daqshekk kbar ta' salvazzjoni, il-fidili, ikunu x'ikunu l-istat u l-kundizzjoni ta' ħajjithom, jissejħu mill-Mulej, kull wieħed minnhom mit-triq tiegħu, għall-perfezzjoni tal-qdusija li biha l-Missier innifsu huwa perfett.

Is-sens tal-fidi u l-kariżmi tal-poplu ta' Alla

12.  Il-poplu qaddis ta' Alla għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta' Kristu meta jxandar ix-xhieda ħajja tiegħu, l-aktar billi jgħix tassew il-fidi u l-karità u joffri lil Alla s-sagrifiċċju ta' foħrija, frott ta' xufftejn li jistqarru ismu (cf. Lhud 13,15). Il-ġemgħa tal-fidili li għandhom l-unzjoni minn Alla l-Qaddis (cf. 1 Ġw 2,20 u 27) ma tistax tiżbalja fit-twemmin. Hija turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens soprannaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha, "mill-isqfijiet sa l-inqas fost il-lajċi"[22], jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta' fidi u ta' morali. B'dan is-sens ta' fidi, li l-Ispirtu s-Santu jqajjem u jżomm ħaj, il-poplu ta' Alla, immexxi mill-maġisteru mqaddes u ħerqan li jisma' minnu, jilqa' l-kelma mhux bħala kelma ta' bniedem imma bħala kelma ta' Alla, kif tassew hi (1 Tes 2,13), il-kelma tal-fidi mogħtija darba lill-qaddisin (cf. Ġuda 3), jintrabat magħha bis-sħiħ, jifhimha aktar fil-fond u jgħixha aktar f'ħajtu kollha.

Minbarra dan, l-Ispirtu s-Santu mhux biss iqaddes u jmexxi l-poplu ta' Alla bis-sagramenti u l-ministeri u jżejnu bil-virtujiet, iżda jqassam ukoll id-doni tiegħu "lil kull wieħed kif jogħġbu'' (1 Kor 12,11), jagħti lil kull grad ta' fidili grazzji speċjali biex bihom ikunu jistgħu jidħlu aħjar u b'ħeġġa akbar għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista' tiġġedded u tinbena aktar fil-wisa' skont ma hemm miktub, li lil kull wieħed "tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta' kulħadd" (1 Kor 12,7). U dawn il-kariżmi, kemm dawk straordinarji u kemm dawk sempliċi u iżjed imxerrda, huma ta' siwi għall-ħtiġijiet tal-Knisja u jaqblu magħha; għalhekk għandhom jintlaqgħu b'sentimenti ta' radd il-ħajr u ta' faraġ. Id-doni straordinarji m'għandhomx jintalbu kif ġieb u laħaq; lanqas m'għandu wieħed jistenna minnhom, bi preżunzjoni, il-frott tal-ħidma appostolika. Iżda l-ġudizzju fuq kemm ikunu ġenwini u kif għandhom jintużaw għandu jitħalla f'idejn dawk li jmexxu l-Knisja li hija kompetenza speċjali tagħhom mhux li jxekklu l-Ispirtu iżda li jippruvaw kollox u jżommu dak li hu tajjeb (cf. 1 Tes  5,12;19-21). 

Universalità tal-poplu wieħed ta' Alla

13. Il-bnedmin kollha huma msejħin biex ikunu l-poplu ġdid ta' Alla. Huwa għalhekk li dan il-poplu, waqt li jibqa' wieħed u waħdani, għandu jixtered mad-dinja kollha u għaż-żmien kollu sabiex iseħħ l-għan tar-rieda ta' Alla li fil-bidu ħalaq natura umana waħda u ried li fl-aħħar ilaqqa' flimkien lil uliedu li kienu mxerrdin (cf. Ġw 11,52). Għal dan il-għan Alla bagħat lil Ibnu u għamlu werriet ta' kollox (cf. Lhud 1,2) sabiex ikun Għalliem, Sultan u Saċerdot ta' kulħadd, Ras tal-poplu ġdid u universali ta' wlied Alla. Għal dan l-iskop ukoll Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu, il-Mulej li jagħti l-ħajja; bih u minnu bħala prinċipju l-Knisja kollha, dawk kollha li jemmnu, u kull wieħed minnhom, jinġemgħu flimkien u jsiru ħaġa waħda fit-tagħlim tal-appostli, fl-għaqda ta' bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb (cf. Atti 2,42 gr.).

Għalhekk il-poplu ta' Alla huwa preżenti fil-ġnus kollha tad-dinja; huwa jagħmel ċittadini tiegħu nies mill-ġnus kollha u jibdilhom f'ċittadini ta' saltna li mhix tal-art iżda tas-sema. Infatti, il-fidili kollha mxerrdin mad-dinja jikkomunikaw mal-oħrajn fl-Ispirtu s-Santu, u hekk "min jinsab f'Ruma jaf li l-Indjani huma membri tiegħu"[23]. Iżda kif is-saltna ta' Kristu mhix ta' din id-dinja (cf. Ġw 18,36), il-Knisja - jew il-poplu ta' Alla - li tħejji din is-saltna, ma tnaqqas xejn mill-ġid temporali tal-ebda poplu; għall-kuntrarju hija tmexxi 'l quddiem, sakemm huma tajbin, l-għana, ir-riżorsi u d-drawwiet tal-popli; waqt li tassimilahom hija tippurifikahom, issaħħaħhom u tgħollihom. Għaliex hija tiftakar li għandha tiġma' ma' dak is-Sultan li lilu ngħataw b'wirt il-ġnus kollha (cf. 2,8) u fil-belt tiegħu jġibu r-rigali u l-għotjiet tagħhom (cf. S. 71(72),10; Is 60,4-7; Apk 21,24). Dan il-karattru ta' universalità li jżejjen lill-poplu ta' Alla huwa don tal-istess Mulej li bih il-Knisja Kattolika tfittex dejjem u b'mod effikaċi li tiġma' lura l-umanità kollha, bil-ġid kollu tagħha, fi Kristu li hu r-Ras, fl-għaqda tal-Ispirtu tiegħu[24].

Bis-saħħa ta' din il-kattoliċità, kull parti twassal id-doni tagħha lill-partijiet l-oħra u lill-Knisja kollha. B'hekk il-partijiet waħda waħda u l-ġisem kollu jissaħħu u jikbru billi jaqsmu ma' xulxin id-doni u jaħdmu lkoll għall-milja tal-unità. Minn dan jiġi li l-poplu ta' Alla mhux biss jinġama' minn popli differenti iżda huwa wkoll mibni fih innifsu minn gradi differenti. Għaliex fost il-membri tiegħu stess hemm ċerta diversità: fid-dmirijiet meta xi wħud ikollhom ministeru mqaddes għall-ġid ta' ħuthom; fil-kundizzjonijiet u l-mod kif jgħixu bħal meta ħafna minnhom jagħżlu l-ħajja reliġjuża u jfittxu li jaslu għall-qdusija minn triq idjaq, u bl-eżempju tagħhom iħeġġu lil ħuthom. Huwa għalhekk li fil-komunjoni ekkleżjastika jinsabu, bid-dritt kollu, xi knejjes partikolari li għandhom it-tradizzjonijiet tagħhom li ma jnaqqsu xejn mill-primat tal-kattedra ta' Pietru li jippresjedi l-assemblea universali tal-karità[25], iħares id-diversitajiet leġittimi u fl-istess ħin jgħasses biex dak li hu partikolari mhux biss ma jagħmilx ħsara lill-għaqda iżda jserviha ta' ġid. Minn hawn, fl-aħħar, jiġu r-rabtiet ta' għaqda intima bejn il-partijiet differenti tal-Knisja dwar l-għana spiritwali li għandhom, il-ħidma appostolika tagħhom u r-riżorsi materjali li jkollhom. Għaliex il-membri tal-poplu ta' Alla huma msejħin biex jaqsmu l-ġid li għandhom. Joqogħdu tajjeb għall-knejjes partikolari, waħda waħda, il-kliem tal-Appostlu: "Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn, hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta” (1 Pt 4,10). Għalhekk il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-unità kattolika tal-poplu ta' Alla, unità li ġġib 'il quddiem il-paċi universali u hija sinjal tagħha qabel iż-żmien. Jagħmlu sehem minn din l-unità kattolika jew mexjin lejha, għalkemm b'modi differenti, l-insara kattoliċi, l-insara l-oħra li jemmnu fi Kristu u, fl-aħħar, il-bnedmin kollha li huma msejħin għas-salvazzjoni mill-grazzja ta' Alla.

Il-fidili kattoliċi

14.  Għalhekk il-Konċilju mqaddes jindirizza ruħu l-ewwel lill-fidili kattoliċi. Fuq il-bażi tal-iskrittura mqaddsa u tat-tradizzjoni huwa jgħallem li din il-Knisja pellegrina hija meħtieġa għas-salvazzjoni. Għaliex Kristu biss, li hu preżenti fostna fil-ġisem tiegħu li hu l-Knisja, huwa l-Medjatur u t-triq tas-salvazzjoni. Hu stess, waqt li għamel espressament enfasi fuq il-ħtieġa tal-fidi u tal-magħmudija (cf. Mk 16,16; Ġw 3,5), fl-istess waqt ikkonferma l-ħtieġa tal-Knisja li fiha l-bnedmin jidħlu, bħal minn bieb, permezz tal-magħmudija. Għalhekk ma jistgħux isalvaw dawk il-bnedmin li, għalkemm jafu li Alla, permezz ta' Ġesu' Kristu, waqqaf il-Knisja Kattolika bħala neċessarja, ma jridux jidħlu jew jipperseveraw fiha.

Għandhom sħubija sħiħa fis-soċjetà li hi l-Knisja dawk li għandhom l-Ispirtu ta' Kristu, li jaċċettaw l-istruttura kollha tagħha u l-mezzi ta' salvazzjoni li hija tagħti, u li huma magħqudin fil-ġisem viżibbli tagħha ma' Kristu – li jmexxiha permezz tal-Papa u tal-isqfijiet – bir-rabtiet tal-istqarrija tal-fidi, tas-sagramenti, tat-tmexxija ekkleżjastika u tal-komunjoni ekkleżjali. Ma jsalvax min, għalkemm imsieħeb fil-Knisja, ma jipperseverax fil-karità u għalhekk jibqa', iva, fil-Knisja "bil-ġisem" iżda ma jibqax fiha "bil-qalb"[26]. Jiftakru għalhekk l-ulied kollha tal-Knisja illi din il-kundizzjoni għolja tagħhom ma jafuhiex lill-merti tagħhom iżda lill-grazzja speċjali ta' Kristu; u jekk għal din il-grazzja huma ma jweġbux bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil, mhux biss ma jsalvawx iżda għad ikunu wkoll iġġudikati b'severità akbar[27].

Il-katekumeni illi taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu jitolbu b'rieda espliċita illi jissieħbu fil-Knisja huma, b'din l-istess rieda tagħhom, magħqudin magħha, u l-Knisja Ommna diġà tħaddanhom bħala wliedha bi mħabba ħerqana.

Il-Knisja u l-insara mhux kattoliċi

15. Il-Knisja taf li għal ħafna raġunijiet hija magħquda ma' dawk li għalkemm mgħammdin u mżejnin bl-isem ta' nsara, iżda ma jipprofessawx il-fidi fl-integrità tagħha jew ma jħaddnux l-unità tal-komunjoni taħt is-suċċessur ta' Pietru[28]. Hemm ħafna, infatti, li jżommu l-Iskrittura Mqaddsa bħal regola ta' fidi u ta' ħajja u juru wkoll żelu reliġjuż sinċier; huma jemmnu bi mħabba f'Alla Missier li jista' kollox u fi Kristu, Iben ta' Alla u Salvatur[29]; huma mmarkati bil-magħmudija li tgħaqqadhom ma' Kristu; anzi huma jagħrfu u jaċċettaw fil-knejjes jew komunitajiet ekkleżjastiċi tagħhom sagramenti oħra wkoll. Ħafna minnhom għandhom ukoll l-episkopat, jiċċelebraw l-Ewkaristija Mqaddsa u jħaddnu d-devozzjoni lejn il-Verġni Omm Alla[30]. Ma' dan wieħed irid iżid l-għaqda fit-talb u f'ġid spiritwali ieħor; anzi hemm ċerta għaqda vera fl-Ispirtu s-Santu li jaħdem fihom ukoll bil-qawwa tiegħu li tqaddes, bid-doni u l-grazzji tiegħu, u lil xi wħud minnhom tahom il-qawwa li jżommu sħiħ sat-tixrid ta' demmhom. Hekk l-Ispirtu jqajjem fid-dixxipli kollha ta' Kristu x-xewqa u l-ħidma sabiex ilkoll, fil-mod li jrid Kristu, jingħaqdu fil-paċi f'merħla waħda taħt ragħaj wieħed[31]. Biex tilħaq dan l-iskop il-Knisja Omm ma tiqafx titlob, tittama u taħdem. Hija tħeġġeġ lil uliedha biex jissaffew u jiġġeddu sabiex is-sinjal ta' Kristu jixgħel ċar fuq wiċċha.

Il-Knisja u dawk li mhumiex insara

16. Fl-aħħar nett, dawk li għadhom ma rċevewx l-evanġelju għandhom relazzjoni mal-poplu ta' Alla b'modi differenti[32]. Ewlieni fosthom huwa l-poplu li Alla tah it-testmenti u l-wegħdiet u li minnu twieled Kristu skont il-ġisem (cf. Rum 9,4-5). Dan il-poplu huwa għażiż skont l-għażla li Alla kien għamel minħabba missirijietu, għax Alla ma jindimx mid-doni u mis-sejħat li jagħmel (Rum 11,28-29). Iżda l-pjan tal-fidwa jħaddan ukoll lil dawk li jagħrfu lill-Ħallieq. Fost dawn minn tal-ewwel huma l-musulmani li, waqt li jistqarru l-fidi ta' Abraħam, jaduraw magħna lil Alla wieħed ħanin li għad jagħmel ħaqq mill-bnedmin fl-aħħar jum. U Alla nnifsu mhux 'il bogħod minn dawk li jfittxuh permezz ta' dellijiet u ta' xbihat ta' Alla mhux magħruf, għaliex Huwa jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox (cf. Atti 17,25-28) u, bħala Salvatur, irid li l-bnedmin kollha jsalvaw (cf. 1 Tim  2,4). Infatti, dawk li mingħajr ħtija ma jagħrfux l-evanġelju ta' Kristu u l-Knisja tiegħu iżda fl-istess ħin ifittxu bis-sinċerità lil Alla u bl-għajnuna tal-grazzja jippruvaw jagħmlu r-rieda tiegħu kif jaslu jagħrfuha minn dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta' dejjem[33]. Il-providenza ta' Alla lanqas tiċħad l-għajnuna meħtieġa għas-salvazzjoni lil dawk li bla ħtija tagħhom għadhom ma waslux għall-għarfien veru u ċar ta' Alla iżda jagħmlu ħilithom, mhux mingħajr il-grazzja ta' Alla, li jgħaddu ħajja tajba. Għaliex dak kollu li hu tajjeb u veru fihom il-Knisja tara fih bħal tħejjija biex huma jilqgħu l-evanġelju[34], u huwa kollu mogħti minn Dak li jdawwal lil kull bniedem sabiex fl-aħħar ikollhom il-ħajja. Iżda ta' spiss il-bnedmin, imqarrqin mill-ħażen ippersonifikat, jintilfu fir-raġunamenti tagħhom, jibdlu l-verità ta' Alla mal-gidba u jservu lill-ħlejjaq aktar milli lill-Ħallieq (cf. Rum 1,21; 25); jew inkella jgħixu u jmutu mingħajr Alla f'din id-dinja u hekk jesponu ruħhom għall-agħar disperazzjoni. Għalhekk il-Knisja, biex iġġib 'il quddiem il-glorja ta' Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, waqt li tiftakar fil-kmand ta' Kristu li jgħid: "Xandru l-evanġelju lill-ħolqien kollu" (Mk 16,15), tieħu ħsieb li b'ħerqa tmexxi 'l quddiem il-missjonijiet.

Il-karattru missjunarju tal-Knisja

17.  Infatti, kif l-Iben kien mibgħut mill-Missier, hekk hu bagħat lill-appostli (cf. Ġw 20,21) meta qalilhom: "Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U, ara, jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien." (Mt 28,18-20) Dan il-kmand solenni ta' Kristu biex titħabbar il-verità li ssalva, il-Knisja rċevietu mill-appostli biex tħaddmu sa truf l-art (cf. Atti 1,8). Għalhekk hija tagħmel tagħha l-kliem tal-Appostlu: "Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-evanġelju" (1 Kor 9,16) u għal din ir-raġuni tkompli tibgħat il-missjunarji sakemm il-knejjes ġodda jorganizzaw ruħhom għalkollox u huma wkoll ikomplu l-ħidma tal-evanġelizzazzjoni. L-Ispirtu s-Santu jimbuttaha biex tikkopera sabiex iseħħ il-pjan ta' Alla li qiegħed lil Kristu bħala l-bidu tas-salvazzjoni għad-dinja kollha. Meta tipprietka l-evanġelju l-Knisja tiġbed lil dawk li jisimgħuh biex jemmnuh u jistqarruh, tiddisponihom għall-magħmudija, teħlishom mill-jasar tal-errur, u tgħaqqadhom f'ġisem wieħed ma' Kristu sabiex permezz tal-karità huma jikbru fih sa ma jilħqu maturità sħiħa. Bil-ħidma tagħha, dak kollu li nżara’ tajjeb fil-qlub u fl-imħuħ tal-bnedmin jew fir-riti u l-kulturi proprji tal-popli mhux biss ma jintilifx iżda jissaffa, jitgħolla u jkun ipperfezzjonat u hekk Alla jissebbaħ, ix-xitan jitħawwad u l-bniedem jithenna. Fuq kull dixxiplu ta' Kristu jaqa' l-piż tad-dmir li jxerred il-fidi skont kif hu jista'[35]. Iżda jekk kulħadd jista' jgħammed lil min jemmen, huwa madankollu uffiċċju tas-saċerdot illi jtemm il-bini tal-Ġisem bis-sagrifiċċju ewkaristiku hu u jwettaq il-kliem ta' Alla permezz tal-profeta: "Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha, kbir hu Ismi fost il-ġnus u kullimkien isir lil Ismi sagrifiċċju ta' inċens u offerta safja" (Mal 1,11)[36]. Hekk il-Knisja titlob u taħdem fl-istess ħin sabiex il-milja tad-dinja kollha ssir il-poplu ta' Alla, Ġisem tal-Mulej u Tempju tal-Ispirtu s-Santu u, fi Kristu, Ras ta' kulħadd, jingħata lill-Ħallieq u Missier tal-univers kull ġieħ u glorja.

 

Kap III

IL-KOSTITUZZJONI ĠERARKIKA TAL-KNISJA U, B'MOD PARTIKOLARI, L-EPISKOPAT

 

Daħla

18.  Kristu l-Mulej, biex jirgħa u jkabbar dejjem iżjed il-poplu ta' Alla, istitwixxa fil-Knisja tiegħu ministeri differenti li jfittxu l-ġid tal-ġisem kollu. Infatti, il-ministri li huma mogħnija bis-setgħa mqaddsa, jaqdu lil ħuthom sabiex dawk kollha li jagħmlu sehem mill-poplu ta' Alla, u għalhekk igawdu tassew id-dinjità nisranija, jaħdmu flimkien bil-libertà u b'mod ordinat għall-istess skop u jaslu għas-salvazzjoni.

Dan is-Sinodu mqaddes, waqt li jimxi fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan I, jgħallem u jiddikjara miegħu illi Ġesù Kristu, ragħaj etern, bena l-Knisja tiegħu meta bagħat lill-appostli tiegħu bħalma hu stess kien intbagħat mill-Missier (cf. Ġw 20,21); huwa ried li s-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-isqfijiet, ikunu rgħajja fil-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Iżda sabiex l-episkopat ikun wieħed u mhux mifrud, huwa qiegħed lil Pietru ras tal-appostli l-oħra u fih waqqaf il-prinċipju u l-fundament perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni[37]. Il-Konċilju mqaddes jipproponi mill-ġdid lill-fidili kollha dan it-tagħlim dwar it-twaqqif, il-kontinwazzjoni sal-aħħar, il-forza u n-natura tal-primat imqaddes tal-isqof ta' Ruma u tal-maġisteru tiegħu infallibbli, sabiex jemmnuh bil-qawwa. U waqt li jmexxi fuq l-istess tagħlim, irid jipprofessa u jiddikjara pubblikament id-duttrina dwar l-isqfijiet, suċċessuri tal-appostli li, flimkien mas-suċċessur ta' Pietru, Vigarju ta' Kristu[38] u Kap viżibbli tal-Knisja kollha, imexxu d-dar ta' Alla ħaj.

Sejħa u istituzzjoni tat-Tnax

19.  Il-Mulej Ġesù, wara li talab lill-Missier, sejjaħ lejh lil dawk li ried u  għażel tnax biex ikunu miegħu u jibgħathom jippritkaw is-saltna ta' Alla (cf. Mk 3,13-19; Mt 10,1-42); dawn l-appostli (cf. Lq 6,13) huwa waqqafhom bħala kulleġġ jew grupp u qiegħed ras tiegħu lil Pietru li huwa għażel minn fosthom (cf. Ġw 21,15-17). Huwa bagħathom, l-ewwel lil ulied Iżrael, imbagħad lill-ġnus kollha (cf. Rum 1,16) sabiex, waqt li jkollhom sehem mis-setgħa tiegħu, jagħmlu lill-popli kollha dixxipli tiegħu, iqaddsuhom u jmexxuhom (cf. Mt 28,16-20; Mk 16,15; Lq 24,45-48; Ġw 20,21-23); b'hekk huma jxerrdu l-Knisja u taħt it-tmexxija tal-Mulej, bl-eżerċizzju tal-ministeru tagħhom, jieħdu ħsiebha l-jiem kollha sal-aħħar taż-żmien (cf. Mt 28,20). F'din il-missjoni huma twettqu bis-sħiħ nhar Għid il-Ħamsin (cf. Atti 2,1-26) skont kif kien wegħedhom il-Mulej: "Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa truf l-art." (Atti 1,8) L-appostli, għalhekk, ippritkaw l-evanġelju kullimkien (cf. Mk 16,20), u dawk li semgħuh laqgħuh bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu; fil-predikazzjoni tagħhom l-appostli ġemgħu l-Knisja universali li l-Mulej waqqaf fuqhom u fuq l-imqaddes Pietru, ir-ras tagħhom, waqt li hu, l-istess Ġesù Kristu, baqa' l-ġebla tax-xewka (cf. Apk 21,14; Mt 16,18; Ef 2, 20)[39].

L-isqfijiet suċċessuri tal-appostli

20. Il-missjoni divina fdata lill-appostli minn Kristu tibqa' sal-aħħar taż-żmien (cf. Mt 28,20) għaliex l-evanġelju li huma kellhom jgħaddu lil ta' warajhom huwa għall-Knisja sors tal-ħajja kollha f'kull żmien. Għalhekk l-appostli ħadu ħsieb li f'din is-soċjetà organizzata b'mod ġerarkiku jkun stabbilit kif jinħatru s-suċċessuri tagħhom.

Infatti, huma mhux biss kellhom kollaboraturi differenti fil-ministeru tagħhom[40] iżda, sabiex il-missjoni fdata f'idejhom titkompla wara mewthom, huma għaddew ukoll, bħal f'testment, lill-kollaboraturi immedjati tagħhom, l-inkarigu illi jsaħħu u jipperfezzjonaw il-ħidma mibdija minnhom[41] waqt li rrakkomandawlhom biex iħarsu f'kollox il-merħla li fiha l-Ispirtu qegħidhom biex jirgħaw il-Knisja ta' Alla (cf. Atti 20,28). Għaldaqstant huma ħatru nies bħal dawn u wara taw dispożizzjonijiet illi, meta huma jmutu, oħrajn li jkun jixirqilhom jieħdu posthom[42]. Fost il-ħafna ministeri li mill-ewwel żminijiet kienu eżerċitati fil-Knisja, l-ewlieni, kif tixhed it-tradizzjoni, kien id-dmir ta' dawk li, magħżulin isqfijiet b'suċċessjoni li ġejja mill-bidu tal-Knisja[43], laqgħu f'idejhom il-fergħa li ġejja miż-żerriegħa appostolika[44]. Hekk kif jixhed San Irenew, huwa permezz ta' dawk li l-appostli ħatru isqfijiet u tas-suċċessuri tagħhom sa żmienna illi t-tradizzjoni appostolika tixxandar[45] u titħares[46] fid-dinja kollha.

Għalhekk l-isqfijiet, flimkien ma' dawk li jgħinuhom, saċerdoti u djakni, irċevew il-ministeru tal-komunità[47]; huma jippresjedu flok Alla fuq il-merħla[48] li tagħha huma rgħajja, bħala għalliema tad-duttrina, saċerdoti tal-kult imqaddes u ministri fit-tmexxija[49]. Għalhekk, kif jibqa' jgħodd l-inkarigu mogħti mill-Mulej b'mod speċjali lil Pietru, l-ewwel fost l-appostli, u li kellu jgħaddi lis-suċċessuri tiegħu, hekk jibqa' jgħodd ukoll l-inkarigu mogħti lill-appostli li jirgħaw il-Knisja u li jibqa' jkun eżerċitat mingħajr waqfien mill-ordni mqaddes tal-isqfijiet[50]. Għalhekk il-Konċilju mqaddes jgħallem illi l-isqfijiet, b'istituzzjoni divina, huma suċċessuri tal-appostli[51] bħala rgħajja tal-Knisja, u li min jisma' lilhom jisma' lil Kristu, min iwarrab lilhom iwarrab lil Kristu u lil Dak li bagħat lil Kristu (cf. Lq 10,16)[52].

L-episkopat sagrament

21.  Huwa għalhekk fl-isqfijiet, megħjuna mill-presbiteri, illi l-Mulej Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir, huwa preżenti fost dawk li jemmnu. Waqt li qiegħed fuq il-lemin ta' Alla l-Missier, Huwa ma jieqafx milli jkun preżenti fl-assemblea tal-isqfijiet tiegħu[53]. Huwa qabelxejn permezz tal-ministeru għoli tagħhom li Huwa jxandar il-kelma ta' Alla lill-ġnus kollha u jamministra l-ħin kollu s-sagramenti tal-fidi lil dawk li jemmnu; permezz tal-uffiċċju tagħhom ta' missirijiet (cf. Kor 4,15) Huwa jgħaqqad, bi twelid soprannaturali ġdid, membri ġodda fil-ġisem tiegħu; u fl-aħħar nett, bl-għerf u bil-prudenza tagħhom, Huwa jmexxi u jidderieġi l-poplu tat-Testment il-Ġdid fil-pellegrinaġġ tiegħu lejn l-hena ta' dejjem. Dawn ir-rgħajja, magħżulin biex jirgħaw il-merħla tal-Mulej, huma ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla (cf. 1 Kor 4,1) li lilhom kienet fdata x-xhieda tal-evanġelju tal-grazzja ta' Alla (cf. Rum 15,26; Atti 20,24) u l-ministeru mdawwal bil-glorja tal-Ispirtu u l-ġustifikazzjoni (cf. 2 Kor 3,8-9).

Biex jaqdu dmirijiet hekk għolja, l-appostli kienu mogħnija minn Kristu b'effużjoni speċjali tal-Ispirtu s-Santu li niżel fuqhom (cf. Atti 1,8;

2,4; Ġw 20,22-23). Huma stess bit-tqegħid tal-idejn għaddew dan id-don spiritwali lill-kollaboraturi tagħhom (cf. 1 Tim 4,14; 2 Tim 6-7), u baqa' jgħaddi sa żmienna bil-konsagrazzjoni episkopali[54]. Il-Konċilju mqaddes jgħallem għalhekk illi bil-konsagrazzjoni episkopali tingħata l-milja tas-sagrament tal-ordni li mingħajr dubju l-konswetudni liturġika tal-Knisja u l-kitba tas-Santi Padri jsejħu l-ogħla saċerdozju u l-quċċata tal-ministeru mqaddes[55]. Għaliex il-konsagrazzjoni episkopali tagħti wkoll lill-isqfijiet, mad-dmir li jqaddsu lill-oħrajn, dak li jgħallmu u jiggvernaw. Iżda dawn id-dmirijiet, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux ikunu eżerċitati jekk mhux f'komunjoni ġerarkika mar-ras u mal-membri tal-kulleġġ episkopali. Jidher ċar, infatti, mit-tradizzjoni - u dan narawh l-iżjed fir-riti liturġiċi u fid-drawwiet tal-Knisja kemm fl-Orjent u kemm fl-Oċċident - illi bit-tqegħid tal-idejn u bil-kliem tal-konsagrazzjoni tingħata lill-isqfijiet il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu[56] li jimmarka fihom karattru mqaddes[57] hekk illi huma jkollhom, b'mod għoli u viżibbli, sehem mill-istess Kristu Għalliem, Ragħaj u Saċerdot, u jaġixxu fil-persuna tiegħu[58]. Imiss għalhekk lill-isqfijiet li, permezz tas-sagrament tal-ordni, idaħħlu membri maħtura ġodda fil-korp episkopali.

Il-kulleġġ tal-isqfijiet u r-ras tiegħu

22. Bħalma San Pietru u l-appostli l-oħra, kif ried il-Mulej, jagħmlu kulleġġ appostoliku wieħed, hekk, bl-istess mod, l-isqof ta' Ruma, suċċessur ta' San Pietru, u l-isqfijiet, suċċessuri tal-appostli, huma magħqudin bejniethom. In-natura kolleġġjali u x-xejra tal-ordni episkopali jirriflettu ruħhom fid-dixxiplina antika ħafna li l-isqfijiet tad-dinja  kienu jikkomunikaw ma' xulxin u mal-isqof ta' Ruma f'rabta ta' unjoni, ta' karità u ta' paċi[59] wkoll fil-konċilji mlaqqgħin[60] biex l-isqfijiet jieħdu deċiżjonijiet flimkien fuq materji importanti ħafna[61] wara eżami profond li kien jiġbor il-pariri ta' ħafna[62]. Jixhdu bid-deher din in-natura kolleġġjali tal-ordni episkopali l-konċilji ekumeniċi li saru matul is-sekli. Dan jidher ukoll mill-użanza li jissejħu għadd ta' isqfijiet biex jieħdu sehem fl-elevazzjoni ta' xi kandidat ġdid għall-ministeru tal-milja tas-saċerdozju. Wieħed isir membru tal-korp episkopali bis-saħħa tal-kongregazzjoni sagramentali u permezz tal-komunjoni ġerarkika mar-ras u mal-membri l-oħra tal-kulleġġ.

Iżda l-kulleġġ jew korp tal-isqfijiet m'għandux awtorità jekk mhux maħsub bħala korp marbut mal-isqof ta' Ruma, suċċessur ta' Pietru, bħala r-ras tiegħu, li jibqagħlu sħiħ il-primat fuq kulħadd, kemm rgħajja kemm fidili. Infatti l-Papa, minħabba l-uffiċċju tiegħu ta' Vigarju ta' Kristu u ragħaj tal-Knisja kollha, għandu fuq il-Knisja s-setgħa sħiħa, l-iżjed għolja u universali, li hu jista' jeżerċita l-ħin kollu bil-libertà kollha. Min-naħa l-oħra, l-ordni tal-isqfijiet, li huwa s-suċċessur tal-kulleġġ tal-appostli fil-maġisteru u fit-tmexxija pastorali, li fih, anzi, jitkompla mingħajr waqfien il-korp appostoliku, għandu wkoll, flimkien mal-isqof ta' Ruma - u qatt mingħajru - bħala r-ras tiegħu, l-ogħla setgħa u setgħa sħiħa fuq il-Knisja kollha[63]. Iżda din is-setgħa ma tistax tkun eżerċitata mingħajr il-kunsens tal-isqof ta' Ruma. Il-Mulej qiegħed biss lil Xmun bħala blata u dak li jżomm l-imfietaħ tal-Knisja (cf. Mt 16,18-19) u għamlu ragħaj tal-merħla tiegħu kollha (cf. Ġw   21,15ss.); imma huwa magħruf li l-uffiċċju li ngħata lil Pietru li jorbot u jħoll (Mt. 16,19) ingħata wkoll lill-kulleġġ tal-appostli f'għaqda mar-ras tiegħu (cf. Mt 18,18; 28,16-20). Dan il-kulleġġ, għaliex magħmul minn ħafna, ifisser il-varjetà u l-universalità tal-poplu ta' Alla; għaliex miġbur taħt ras waħda, ifisser l-unità tal-merħla ta' Kristu. Fih l-isqfijiet, waqt li jirrispettaw fedelment il-primat u l-post ewlieni tar-ras tagħhom, jeżerċitaw is-setgħa proprja tagħhom għall-ġid tal-fidili tagħhom, anzi tal-Knisja kollha li tagħha l-Ispirtu s-Santu jsaħħaħ bla ma jieqaf l-istruttura organika u l-għaqda tal-qlub. Is-setgħa l-aktar għolja li dan il-kulleġġ għandu fuq il-Knisja kollha hija eżerċitata b'mod solenni fil-Konċilju Ekumeniku. Iżda ma jistax ikun hemm Konċilju Ekumeniku li ma jkunx ikkonfermat jew għall-anqas aċċettat bħala tali mis-suċċessur ta' Pietru; hija prerogattiva tal-isqof ta' Ruma li jsejjaħ dawn il-konċilji, jippresjedihom u jikkonfermahom[64]. L-istess setgħa kolleġġjali tista' tkun eżerċitata flimkien mal-Papa mill-isqfijiet imxerrda mad-dinja kollha, sakemm ir-ras tal-kulleġġ isejħilhom għal azzjoni kolleġġjali, jew almenu japprova jew jaċċetta liberament l-azzjoni magħquda tal-isqfijiet imxerrdin, b'mod li minnha jirriżulta att tassew kolleġġjali.

Relazzjonijiet tal-isqfijiet fi ħdan il-kulleġġ episkopali

23.  L-għaqda kolleġġjali tidher ukoll fir-relazzjonijiet li jgħaddu bejn l-isqfijiet wieħed wieħed mal-knejjes partikolari u mal-Knisja universali. L-isqof ta' Ruma, bħala suċċessur ta' Pietru, huwa l-prinċipju perpetwu u viżibbli tal-unità bejn l-isqfijiet u tal-ġemgħa tal-fidili u wkoll il-fundament tagħha[65]. L-isqfijiet, meħudin wieħed wieħed, huma l-prinċipju u l-fundament tal-unità fil-knejjes tagħhom partikolari[66] li huma mwaqqfa fuq ix-xbieha tal-Knisja Kattolika waħda u waħdanija[67]. Għalhekk kull isqof jirrappreżenta l-Knisja kollha, f'rabta ta' paċi, imħabba u unità.

L-isqfijiet, wieħed wieħed, li huma mqegħdin ras fuq il-knejjes partikolari tagħhom, jeżerċitaw il-ministeru ta' tmexxija pastorali fuq dik il-parti tal-poplu ta' Alla li hi fdata f'idejhom iżda mhux fuq il-knejjes l-oħra jew fuq il-Knisja universali. Iżda, għaliex huma membri tal-kulleġġ episkopali u suċċessuri leġittimi tal-appostli, huma lkoll, wieħed wieħed, għandhom id-dmir, kif jidher mill-kmand ta' Kristu u minn kif istitwixxa l-kulleġġ appostoliku, illi jkollhom ħerqa għall-Knisja[68], ukoll jekk din il-ħerqa huma ma jfissruhiex b'atti ta' ġurisdizzjoni, iżda sservi ħafna għall-ġid tal-Knisja universali. L-isqfijiet kollha, infatti, għandhom imexxu 'l quddiem u jiddefendu l-unità tal-fidi u d-dixxiplina komuni fil-Knisja kollha, u jgħallmu lill-fidili l-imħabba għall-ġisem mistiku ta' Kristu kollu u b'mod speċjali tal-membri fqar u li qegħdin ibatu jew li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja (cf. Mt 5,10); fl-aħħar nett huma għandhom imexxu 'l quddiem kull attività li hi komuni għall-Knisja kollha, l-aktar billi jieħdu ħsieb illi l-fidi tikber u jitla' għall-bnedmin kollha d-dawl tal-verità sħiħa. Mill-bqija hija verità ċerta illi, meta huma jmexxu tajjeb il-knisja tagħhom bħala parti mill-Knisja universali, huma jagħtu sehemhom b'mod effikaċi għall-ġid tal-gisem mistiku kollu li hu wkoll ġisem magħmul minn knejjes[69].

Imiss lill-korp tal-isqfijiet li jħabbar l-evanġelju f'kull naħa tad-dinja; lill-isqfijiet Kristu ta l-ordni, komuni għalihom ilkoll, u fuqhom xeħet il-piż, li hu wkoll komuni għalihom ilkoll, li jxandruh, hekk kif il-Papa Ċelestinu kien fakkar lill-padri tal-Konċilju ta' Efesu[70]. Għalhekk l-isqfijiet, safejn ix-xogħol tagħhom partikolari jippermettilhom, għandhom ifittxu kull wieħed li jgħinu lil xulxin u lis-suċċessur ta' Pietru li ngħata b'mod speċjali l-uffiċċju għoli li jxandar l-isem nisrani[71]. Bil-forzi tagħhom kollha huma għandhom jagħtu lill-missjonijiet mhux biss ħaddiema għall-ħsad iżda wkoll għajnuniet spiritwali u materjali; u dan għandhom jagħmluh kemm huma direttament kemm billi jqanqlu l-koperazzjoni ħerqana tal-fidili. L-isqfijiet, fl-aħħar nett, f'rabta universali ta' mħabba għandhom jgħinu bil-qalb lill-knejjes l-oħra, l-iżjed dawk l-aktar qrib u l-aktar fqar, billi jimxu fuq l-eżempju meqjum tal-Knisja antika.

Il-Providenza ta' Alla riedet illi l-ħafna knejjes, imwaqqfa mill-appostli jew mis-suċċessuri tagħhom f'postijiet differenti, biż-żmien żviluppaw fi gruppi magħqudin organikament flimkien u, waqt li żammew l-unità tal-fidi u l-kostituzzjoni divina waħdanija tal-Knisja universali, għandhom dixxiplina proprja, drawwiet liturġiċi proprji u patrimonju teoloġiku u spiritwali tagħhom. Uħud fosthom, u l-aktar il-knejjes patrijarkali antiki, qishom ommijiet fil-fidi, iġġeneraw knejjes oħra li magħhom baqgħu marbutin sa żmienna b'rabta qawwija ta' mħabba fil-ħajja sagramentali u fir-rispett tal-jeddijiet u d-dmirijiet ta' xulxin[72]. Din il-varjetà ta' knejjes lokali magħqudin flimkien fi spirtu komuni turi iżjed ċar il-kattoliċità tal-Knisja mhux diviża. Bl-istess mod, il-Konferenzi Episkopali llum jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom b'modi differenti iżda li jagħtu frott, sabiex l-ispirtu kolleġġjali jwassal għal applikazzjonijiet konkreti.

Il-ministeru tal-isqfijiet

24.  L-isqfijiet, bħala suċċessuri tal-appostli, jirċievu mill-Mulej, li lilu ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art, il-missjoni li jgħallmu lill-ġnus kollha u li jippritkaw l-evanġelju lil kull ħolqien sabiex il-bnedmin kollha, permezz tal-fidi, tal-magħmudija u tal-ħarsien tal-kmandamenti, jiksbu s-salvazzjoni (cf. Mt 28,18; Mk 16,15-16; Atti 26,17ss). Biex itemm din il-missjoni Kristu l-Mulej wiegħed lill-appostli l-Ispirtu s-Santu u f'Għid il-Ħamsin bagħtu mis-sema biex bil-qawwa tiegħu jagħmilhom xhieda tiegħu sa truf l-art quddiem in-nazzjonijiet, il-popli u s-slaten (cf. Atti 1,8; 2,1ss; 9,15). Dan id-dmir li l-Mulej ta lir-rgħajja tal-poplu tiegħu hu servizz veru li l-iskrittura mqaddsa ssejjaħ b'isem li fih tifsira, "djakonija" jew ministeru (cf. Atti 1,17.25; 21,19; Rum 11,13; 1 Tim 1,12). Il-missjoni kanonika tal-isqfijiet tista' ssir permezz ta’ drawwiet leġittimi li ma ġewx revokati mill-awtorità universali u l-aktar għolja fil-Knisja, jew permezz ta' liġijiet magħmula mill-istess awtorità jew magħrufin minnha, inkella direttament mill-istess suċċessur ta' Pietru. Iżda l-isqfijiet ma jistgħux ikunu aċċettati għal uffiċċju jekk il-Papa jirrifjutalhom jew ma jkunx irid jagħtihom il-komunjoni appostolika[73].

Id-dmir tal-isqfijiet li jgħallmu

25.  Fost id-dmirijiet prinċipali tal-isqfijiet jisboq fuq kollox dak tal-predikazzjoni tal-evanġelju[74]. Infatti huma l-ħabbara tal-fidi, dawk li jwasslu lil Kristu dixxipli ġodda; huma għalliema veri, jiġifieri mogħnija bl-awtorità ta' Kristu, li jippritkaw lill-poplu fdat f'idejhom il-fidi li għandu jemmen u japplikawha għall-ħajja morali tiegħu. Huma juru din il-fidi fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu (cf. Mt 13,52) u jagħmlu b'mod li din il-fidi tagħti l-frott waqt li jgħassu biex iżommu 'l bogħod mill-merħla tagħhom l-erruri li jhedduha (cf. 2 Tim 4,1-4). Meta l-isqfijiet jgħallmu f'għaqda mal-isqof ta' Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b'venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; il-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f'isem Kristu, fi ħwejjeġ ta' fidi u morali u joqogħdu għalih b'qima reliġjuża. Iżda din il-qima reliġjuża tar-rieda u tal-intellett għandha tingħata b'mod partikolari lill-maġisteru awtentiku tal-isqof ta' Ruma, ukoll meta ma jkunx qiegħed jitkellem ex cathedra, b'mod illi l-maġisteru l-iżjed għoli tiegħu jkun magħruf b'rispett u l-ġudizzji tiegħu jkunu obduti bis-sinċerità skont il-ħsieb u r-rieda li huwa juri. Dan il-ħsieb u din ir-rieda jkunu jidhru b'mod ċar kemm min-natura tad-dokumenti li l-Papa joħroġ, kemm mill-fatt illi l-istess tagħlim ikun ripetut spiss, u kemm mill-mod kif huwa jkun tkellem.

L-isqfijiet wieħed wieħed ma jgawdux mill-prerogattiva tal-infallibilità; b'danakollu meta huma, għalkemm imxerrdin mad-dinja, iżommu r-rabta ta' komunjoni bejniethom u mas-suċċessur ta' Pietru, jgħallmu awtentikament materji ta' fidi u ta' morali u jaqblu flimkien illi xi tagħlim għandu jinżamm bħala tagħlim definittiv, f'dan il-każ ikunu qegħdin jiddikjaraw b'mod infallibbli t-tagħlim ta' Kristu[75]. Dan jiġri b'mod iżjed ċar meta, miġburin f'Konċilju Ekumeniku, l-isqfijiet ikunu għalliema u mħallfin tal-fidi u tal-morali għall-Knisja kollha ta' Kristu; hawn wieħed għandu jħaddan id-definizzjonijiet tagħhom b'sottomissjoni ta' fidi[76]. Din l-infallibilità li l-Feddej divin ried jagħni biha lill-Knisja meta tiddefinixxi duttrina ta' fidi u ta' morali tasal biss sa fejn jasal id-depożitu tar-Rivelazzjoni li hi għandha tħares bi qdusija u tgħallem bil-fedeltà. L-isqof ta' Ruma, kap tal-kulleġġ tal-isqfijiet, igawdi minn din l-infallibilità minħabba r-responsabbiltà li għandu meta, bħala l-ogħla ragħaj u għalliem tal-fidili kollha li għandu jwettaq lil ħutu fil-fidi (cf. Lq 22,32),  jipproklama b'att definittiv xi tagħlim li jħares il-fidi u l-morali[77]. Għalhekk id-definizzjonijiet tiegħu jissejħu ġustament "irriformabbli" minnhom infushom u ma jiddependux mill-kunsens tal-Knisja għaliex huma magħmula bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu mwiegħda lilu fil-persuna tal-imqaddes Pietru; għalhekk m'hemm bżonn ta' ebda approvazzjoni minn ħaddieħor u anqas hemm lok għal appell ta' ġudizzju ieħor. Ir-raġuni hi li f'dan il-każ il-Papa jipproklama l-fehma tiegħu mhux bħala persuna privata iżda jesponi u jiddefendi t-tagħlim tal-fidi kattolika bħala l-ogħla għalliem tal-Knisja universali, personalment mogħni bid-don tal-infallibilità mogħti lill-istess Knisja[78]. L-infallibilità mwiegħda lill-Knisja tinsab ukoll fil-korp episkopali meta jeżerċita l-ogħla maġisteru flimkien mas-suċċessur ta' Pietru. Il-Knisja ma tista' qatt tonqos li taċċetta dawn id-definizzjonijiet minħabba l-azzjoni tal-istess Spirtu s-Santu li jħares u jmexxi 'l quddiem fl-unità tal-fidi l-merħla kollha ta' Kristu[79].

Meta mbagħad kemm il-Papa u kemm il-korp tal-isqfijiet flimkien miegħu jiddefinixxu xi punt, dan huma jagħmluh bi qbil mar-Rivelazzjoni li kulħadd għandu jżomm u jikkonforma ruħu magħha. Ir-Rivelazzjoni, hekk kif inhi mħarsa mit-tradizzjoni, hija mwassla sħiħa permezz tas-suċċessjoni leġittima tal-isqfijiet u b'mod speċjali permezz tal-isqof ta' Ruma nnifsu li jħarisha; il-Knisja, imdawla mill-ispirtu tal-verità, tħarisha b'għożża qaddisa u tfissirha bil-fedeltà[80]. L-isqof ta' Ruma u l-isqfijiet l-oħra, imbagħad, bis-saħħa tal-uffiċċju tagħhom u skont ma titlob l-importanza tal-materja, jgħassu u jħabirku, bil-mezzi addattati, biex din ir-Rivelazzjoni jistudjawha fil-fond skont il-ħtieġa u jfissruha b'mod xieraq[81]; iżda huma ma jilqgħux rivelazzjoni pubblika ġdida bħala parti mid-depożitu divin tal-fidi[82].

Id-dmir tal-isqfijiet li jqaddsu lill-oħrajn

26. L-isqof, mogħni bil-milja tas-sagrament tal-ordni, huwa "dak li jqassam il-grazzja tal-ogħla saċerdozju"[83] speċjalment fl-ewkaristija li huwa joffri, jew iqabbad lil min joffri[84], u li biha l-Knisja l-ħin kollu tgħix u tikber. Din il-Knisja ta' Kristu hija tassew preżenti fil-ġemgħat lokali leġittimi kollha tal-fidili, li jkunu magħqudin mar-rgħajja tagħhom, u li fit-Testment il-Ġdid jissejħu knejjes[85]. Dawn infatti huma, kull waħda fil-post tagħha, il-poplu ġdid imsejjaħ minn Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u b'persważjoni sħiħa (cf. 1 Tes 1,5). Fihom, bil-predikazzjoni tal-evanġelju ta' Kristu, jinġabru l-fidili u jkun iċċelebrat il-ministeru tal-ikla tal-Mulej, "sabiex permezz tal-ġisem u d-demm tal-Mulej, tingħaqad il-komunità tal-aħwa fil-ġisem ta' Kristu"[86]. Kull komunità li tinġabar madwar l-altar taħt il-ministeru mqaddes tal-isqof[87] hija simbolu ta' dik il-karità u "l-unità tal-ġisem mistiku li mingħajrha ma nistgħux insalvaw"[88]. F'dawn il-komunitajiet, għalkemm ħafna drabi żgħar, fqar u mxerrdin, huwa preżenti Kristu li bil-qawwa tiegħu tinġabar il-Knisja waħda, qaddisa, kattolika, u appostolika[89]. Infatti "l-parteċipazzjoni fil-ġisem u d-demm ta' Kristu ma tagħmilx ħaġa oħra ħlief li aħna ninbidlu f'dak li nkunu qegħdin nirċievu"[90].

Kull ċelebrazzjoni leġittima tal-ewkaristija titmexxa mill-isqof li għandu l-uffiċċju li joffri l-kult tar-reliġjon nisranija lill-kobor ta' Alla u li jirregolah skond kif amar il-Mulej u skont il-liġijiet tal-Knisja li hu japplika, skont il-ġudizzju tiegħu, b'mod iżjed partikolari għad-djocesi tiegħu.

B'hekk l-isqfijiet, bit-talb u l-ħidma tagħhom għall-poplu, isawbu bl-abbundanza u b'modi differenti l-milja tal-qdusija ta' Kristu fuq il-poplu. Bil-ministeru tal-kelma huma jwasslu lil dawk li jemmnu l-qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni tagħhom (cf. Rum 1,16); huma jqaddsu l-fidili permezz tas-sagramenti li, bl-awtorità li għandhom, huma jqassmu b'mod regolari u li jħalli l-frott[91]. Huma jirregolaw l-amministrazzjoni tal-magħmudija li biha tingħata l-parteċipazzjoni fis-saċerdozju regali ta' Kristu. Huma l-ministri ordinarji tal-griżma, iqassmu l-ordni sagri, jirregolaw id-dixxiplina tal-penitenza, u bi ħrara jħeġġu u jgħallmu l-poplu tagħhom sabiex, fil-liturġija u l-aktar fis-sagrifiċċju mqaddes tal-Quddiesa, jagħmel il-parti tiegħu b'fidi u devozzjoni. Fl-aħħar nett, bl-eżempju tal-ħajja tagħhom huma għandhom jgħinu lil dawk li fuqhom huma jippresjedu billi jħarsu d-drawwiet tagħhom minn kull ħażen u, safejn jistgħu, bl-għajnuna ta' Alla, ibiddluhom f'ġid. Hekk, flimkien mal-merħla fdata f'idejhom, huma jkunu jistgħu jaslu għall-ħajja ta' dejjem[92].

Is-setgħa tal-isqfijiet li jiggvernaw

27.  L-isqfijiet imexxu l-knejjes partikolari fdati f'idejhom bħala vigarji u delegati ta' Kristu[93], bil-parir it-tajjeb, bil-persważjoni u bl-eżempju, iżda wkoll bl-awtorità u bis-setgħa sagra tagħhom. Iżda huma ma jużawx din l-awtorità u din is-setgħa jekk mhux biex iwettqu l-merħla tagħhom fil-verità u fil-qdusija, għax huma jiftakru sewwa li min hu l-akbar irid isir bħall-iżgħar u min jikkmanda bħal min iservi (cf. Lq 22,26-27). Din is-setgħa, li huma jeżerċitaw personalment f'isem Kristu, hija setgħa proprja, ordinarja u immedjata, għalkemm l-eżerċizzju tagħha hu fl-aħħar nett regolat mill-ogħla awtorità tal-Knisja u, skont il-ħtieġa tal-Knisja u tal-fidili, jista' jinżamm f'ċerti limiti. B'riħet din is-setgħa l-isqfijiet għandhom il-jedd sagru u d-dmir quddiem il-Mulej li jagħtu liġijiet lis-sudditi tagħhom, li jiġġudikawhom, u li jirregolaw kulma għandu x'jaqsam mal-kult u mal-appostolat.

L-uffiċċju pastorali, jiġifieri r-responsabbiltà abitwali u ta' kuljum tal-merħla tagħhom, huwa mogħti lill-isqfijiet fil-milja kollha tiegħu. Huma m'għandhomx jitqiesu bħala vigarji tal-isqof ta' Ruma, għaliex huma jeżerċitaw setgħa li hi tagħhom u, fis-sewwa kollu, huma msejħin mexxejja tal-popli li huma jiggvernaw[94]. Is-setgħa tagħhom, għalhekk, mhix imxejna mis-setgħa tal-Papa li hi l-ogħla waħda u universali; anzi hija affermata, imsaħħa u mħarsa minnha[95]; l-Ispirtu s-Santu jħares bla ma jonqos qatt il-mod ta' tmexxija li Kristu l-Mulej stabbilixxa fil-Knisja tiegħu.

L-isqof, mibgħut minn Missier il-familja biex jiggverna l-familja tiegħu, għandu jżomm quddiem għajnejh l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb li ġie mhux biex ikun moqdi iżda biex jaqdi (cf. Mt 20,28; Mk 10,45) u jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (cf. Ġw 10,11). Meħud minn fost il-bnedmin u hu stess imdawwar mid-dgħufija, jista' jagħder lil dawk li ma jafux jew li jiżbaljaw (cf. Lhud 5,1-2). Huwa ma għandu jonqos qatt milli jisma' lis-sudditi tiegħu, li hu għandu jħobb bħala veru wliedu u jħeġġiġhom biex jikkoperaw miegħu bil-qalb. Huwa għandu jagħti kont lil Alla ta' rwieħhom (cf. Lhud 13,17); għalhekk għandu jieħu ħsiebhom bit-talb, bil-prietki u b'kull ħidma ta' karità u jiftakar ukoll f'dawk li għadhom ma jemmnux iżda li xorta jrid iqishom bħala fdati f'idejh mill-Mulej. Billi, bħall-Appostlu Pawlu, huwa obbligat lejn kulħadd, huwa għandu jkun lest biex ixandar l-evanġelju (cf. Rum 1,14-15) u biex iħeġġeġ lill-fidili għall-ħidma appostolika u missjunarja. Il-fidili, min-naħa tagħhom, għandhom iżommu ruħhom magħqudin mal-isqof, bħall-Knisja ma' Ġesu' Kristu u bħal Ġesu' Kristu mal-Missier, sabiex kollox ikun jaqbel fl-unità[96] u jitkattar ir-radd il-ħajr għall-glorja ta' Alla (cf. 2 Kor 4,15).

Il-presbiteri – ir-relazzjoni tagħhom ma' Kristu, mal-isqfijiet, mal-presbiteri l-oħra u mal-poplu nisrani

28.  Kristu, li l-Missier ikkonsagra u bagħat fid-dinja (cf. Ġw 10,36), permezz tal-appostli tiegħu ta sehem mill-konsagrazzjoni u mill-missjoni tiegħu lis-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-isqfijiet. Dawn, min-naħa tagħhom, fdaw leġittimament, fi gradi differenti, il-ħidma tal-ministeru tagħhom lil membri differenti tal-Knisja[97]. Hekk il-ministeru ekkleżjastiku, li hu istituzzjoni divina, huwa eżerċitat f'ordnijiet differenti minn dawk li mill-ewwel żminijiet issejħu isqfijiet, presbiteri u djakni[98]. Il-presbiteri, għalkemm ma jilħqux il-quċċata tas-saċerdozju u jiddependu mill-isqfijiet fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom, huma madankollu magħqudin magħhom fid-dinjità saċerdotali[99]. Bis-saħħa tas-sagrament tal-ordni[100], fi xbieha ta' Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern (cf. Lhud 5,1-10; 7,24; 9,11-28), huma kkonsagrati biex jippritkaw l-evanġelju, jirgħaw il-fidili u jiċċelebraw il-kult divin bħala saċerdoti veri tat-Testment il-Ġdid[101]. Waqt li jieħdu sehem, skont il-grad proprju tal-ministeru tagħhom, mill-uffiċċju tal-Medjatur waħdani Ġesù Kristu (cf. 1 Tim 2,5), huma jħabbru l-kelma ta' Alla lil kulħadd. Iżda fuq kollox huma jeżerċitaw il-ministeru qaddis tagħhom fil-kult jew fl-assemblea ewkaristika. Hawn huma jaġixxu fil-persuna ta' Kristu[102] u, waqt li jipproklamaw il-ministeru tiegħu, jgħaqqdu l-offerta tal-fidili mas-sagrifiċċju tar-Ras tagħhom u fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa huma jagħmlu preżenti u japplikaw[103], sa ma jerġa' jiġi l-Mulej (cf. 1 Kor 11,26), is-sagrifiċċju waħdieni tat-Testment il-Ġdid, jiġifieri dak ta' Kristu li offra darba għal dejjem lilu nnifsu lill-Missier bħala vittma safja (cf. Lhud 9,11-28). Huma jeżerċitaw ukoll, fi grad l-iżjed għoli, il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni u tal-faraġ tal-fidili niedma jew morda u jwasslu lil Alla l-Missier il-ħtiġijiet u t-talb tal-fidili (cf. Lhud 5,1-4). Huma jeżerċitaw, skont is-sehem tagħhom mill-awtorità, l-uffiċċju ta' Kristu, Ragħaj u Ras[104], ilaqqgħu l-familja ta' Alla bħala għaqda ta' aħwa mħeġġin minn spirtu wieħed[105], u permezz ta' Kristu jwassluha fl-ispirtu għand Alla Missier. F'nofs il-merħla tagħhom huma jadurawh fl-ispirtu u l-verità (cf. Ġw 4,24). U, fl-aħħar, huma jaħdmu fix-xandir tal-kelma u fit-tagħlim (cf. 1 Tim 5,17), waqt li jemmnu dak li jaqraw u jimmeditaw fil-liġi tal-Mulej, jgħallmu dak li jemmnu u jgħixu dak li jgħallmu[106].

Il-presbiteri, kollaboraturi prudenti tal-ordni episkopali[107], għajnuna tiegħu u strument f'idejh, imsejħin biex jaqdu l-poplu ta' Alla, jagħmlu mal-isqof tagħhom presbiterju wieħed[108], għalkemm dan hu magħmul minn uffiċċji differenti. Fil-komunitajiet tal-fidili waħda waħda huma jwasslu, biex ngħidu hekk, il-preżenza tal-isqof; miegħu huma magħqudin fi spirtu ta' fiduċja u ta' ġenerosità, u għall-parti fdata f'idejhom miegħu jaqsmu l-uffiċċju u l-ħerqa u jħaddmuhom fil-ħajja ta kuljum. Taħt l-awtorità tal-isqof huma jmexxu dik il-parti tal-merħla fdata f'idejhom u jqaddsuha, jagħmlu tidher fil-post fejn jaħdmu l-Knisja universali u jagħmlu xogħol ta' siwi għall-bini tal-ġisem mistiku ta' Kristu (cf. Ef 4,12). Dejjem ħerqana għall-ġid ta' wlied Alla, huma għandhom ifittxu li jagħtu s-sehem tagħhom għall-ħidma pastorali tad-djoċesi kollha, anzi tal-Knisja kollha. U minħabba din il-parteċipazzjoni fis-saċerdozju u fil-missjoni appostolika, il-presbiteri għandhom jagħrfu fl-isqof il-missier tagħhom u jobduh b'qima. L-isqof imbagħad għandu jikkunsidra s-saċerdoti li jikkoperaw miegħu bħala wlied u ħbieb, kif għamel Kristu li jsejjaħ id-dixxipli tiegħu mhux qaddejja iżda ħbieb (cf. Ġw 15,15). Għalhekk, minħabba l-ordni u l-ministeru, is-saċerdoti kollha, kemm djoċesani u kemm reliġjużi, huma magħqudin mal-korp episkopali u, kulħadd skont is-sejħa u l-grazzja li jkollu, iservi għall-ġid tal-Knisja kollha.

Bis-saħħa tal-ordinazzjoni sagra u tal-missjoni, li huma komuni għalihom kollha, il-presbiteri huma magħqudin bejniethom b'rabta intima tal-aħwa li għandha tidher spontanjament u bil-libertà fl-għajnuna spiritwali u materjali, pastorali u personali li jagħtu lil xulxin, fil-laqgħat, u fil-komunjoni ta' ħajja, ħidma u karità.

Huma għandhom, imbagħad, jieħdu ħsieb, bħal missirijiet fi Kristu, tal-fidili li jwelldu spiritwalment bil-magħmudija u bit-tagħlim (cf. 1 Kor 4,15; 1 Pt  1,23). Billi huma saru eżempju tal-merħla (1 Pt 5,3) huma għandhom jippresjedu l-komunità lokali u jservuha b'mod illi hija tista' tissejjaħ b' mod xieraq bl-isem li hu tal-poplu ta' Alla kollu u waħdani, jiġifieri l-isem ta' Knisja ta' Alla (cf. 1 Kor 1,2; 2 Kor 1,1 u passim). Jiftakru li bl-imġiba ta' kuljum u bil-ħerqa tagħhom huma għandhom jagħtu lill-fidili u lill-infidili, lill-kattoliċi u lil dawk li mhumiex kattoliċi, dehra ta' ministeru tassew saċerdotali u pastorali u jkunu għal kulħadd xhieda ta' verità u ta' ħajja; bħala rgħajja tajba huma għandhom ifittxu (cf. Lq 15,4-7) lil dawk li, għalkemm mgħammdin fil-Knisja Kattolika, telqu l-prattika tas-sagramenti jew ukoll tilfu l-fidi.

Minħabba l-fatt li llum il-ġens tal-bnedmin qiegħed kulma jmur jorganizza ruħu f'għaqda ċivili, ekonomika u soċjali, tinħass iżjed il-ħtieġa li s-saċerdoti jgħaqqdu l-forzi u l-ħidma taħt it-tmexxija tal-isqfijiet u tal-Papa, ineħħu kull kawża ta' firda u b'hekk iwasslu l-bnedmin kollha għall-għaqda tal-familja ta' Alla.

Id-djakni

29.  Fi grad anqas tal-ġerarkija hemm id-djakni li fuqhom jitqiegħdu l-idejn "mhux għas-saċerdozju iżda għall-ministeru"[109]. Infatti, imsaħħin mill-grazzja sagramentali fid-djakonija tal-liturġija, tal-predikazzjoni u tal-karità, iservu lill-poplu ta' Alla f'għaqda mal-isqof u l-presbiterju tiegħu. Huwa uffiċċju tad-djaknu, skont ma jingħata lilu mill-awtorità kompetenti, li jamministra b'mod solenni l-magħmudija, iżomm u jqassam l-ewkaristija, jassisti f'isem il-Knisja għaż-żwieġ u jbierku, jieħu l-vjatku lill-moribondi, jaqra l-iskrittura mqaddsa lill-fidili, jgħallem u jħeġġeġ lill-poplu, jippresjedi waqt il-kult u għat-talb tal-fidili, jamministra s-sagramentali, u jippresjedi waqt ir-rit tal-funerali u tad-dfin. Id-djakni mogħtija għall-uffiċċji tal-karità u tal-assistenza, għandhom jiftakru fit-twissija ta' San Polikarpu: "Jalla jħennu, jaħdmu, jimxu skont il-verità tal-Mulej, li għamel lilu nnifsu qaddej ta' kulħadd"[110].

Peress li dawn l-uffiċċji, li huma meħtieġa ħafna għall-ħajja tal-Knisja, f'ħafna nħawi, minħabba d-dixxiplina viġenti tal-Knisja Latina llum, jistgħu jkunu eżerċitati biss bid-diffikultà, id-djakonat jista' fil-ġejjieni jkun restawrat bħala grad proprju u permanenti tal-ġerarkija. Imiss lill-konferenzi episkopali territorjali kompetenti li jiddeċiedu, bl-approvazzjoni tal-Papa, jekk u fejn ikun f'waqtu li djakni ta' din ix-xorta jkunu istitwiti biex jieħdu ħsieb l-erwieħ. Bil-kunsens tal-Papa, dan id-djakonat jista' jingħata lil irġiel ta' età matura, ukoll jekk miżżewġin, u lil żgħażagħ li jkunu tajbin għalih u li għalihom għandha tibqa' mħarsa l-liġi taċ-ċelibat.

 

Kap IV

IL-LAJĊI

 

Daħla

30.  Il-Konċilju mqaddes, wara li ddikjara d-dmirijiet tal-ġerarkija, jgħaddi bil-qalb biex ifisser il-ħsieb tiegħu dwar l-istat ta' dawk il-fidili li jissejħu lajċi. Għalkemm dak kollu li ngħad fuq il-poplu ta' Alla japplika ugwalment għal-lajċi, għar-reliġjużi u għall-kleru, madankollu ċerti punti jolqtu b'mod partikolari lil-lajċi, irġiel u nisa, minħabba l-kundizzjoni u l-missjoni tagħhom. Jeħtieġ li, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali ta' żmienna, wieħed janalizza dawk li huma s-sisien ta' dawn il-punti. Ir-rgħajja sagri, infatti, jafu x'sehem jagħtu l-lajċi għall-ġid tal-Knisja, jafu li huma ma ġewx istitwiti minn Kristu biex jerfgħu waħedhom il-piż kollu tal-missjoni li l-Knisja għandha li ssalva d-dinja; iżda jafu li d-dmir għoli tagħhom huwa li jirgħaw il-fidili u li jagħrfu s-servizz u l-kariżmi tagħhom b'mod li kulħadd, skont ma jista', jikkopera għall-ġid komuni. Għaliex jeħtieġ li "waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f'kollox fih, f'dak li hu r-Ras, Kristu. Bih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta' kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba" (Ef 4,15-16).

Natura u missjoni tal-lajċi

31.  Bl-isem ta' lajċi nifhmu l-fidili kollha minbarra dawk li huma membri tal-ordni sagri u tal-istat reliġjuż magħruf mill-Knisja, jiġifieri l-fidili li wara li saru jagħmlu sehem mill-ġisem ta' Kristu bil-magħmudija u miġbura f'poplu ta' Alla, jipparteċipaw, fil-qies tagħhom, mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u regali ta' Kristu u, kulħadd skont il-parti tiegħu, itemmu fil-Knisja u fid-dinja l-missjoni proprja tal-poplu nisrani kollu.

Ix-xejra sekulari hija proprjament u partikolarment tal-lajċi. Infatti, għalkemm kultant il-membri tal-ordni sagri jagħmlu xogħol sekulari wkoll billi jeżerċitaw xi professjoni sekulari, b'danakollu min-natura stess tal-vokazzjoni tagħhom huma għandhom relazzjoni prinċipalment u proprjament mal-ministeru mqaddes; ir-reliġjużi min-naħa tagħhom huma msejħa biex jagħtu xhieda għolja u li ddawwal illi d-dinja ma tistax tkun trasfigurata f'Alla u offerta lilu mingħajr l-ispirtu tal-beatitudni. Huwa dmir tal-lajċi li, bis-sejħa proprja tagħhom, ifittxu s-saltna ta' Alla billi jħaddmu l-ħwejjeġ temporali u jindirizzawhom skont ir-rieda ta' Alla. Huma jgħixu fid-dinja jiġifieri fl-impjiegi u professjonijiet kollha li jeżistu fid-dinja u f'kull wieħed minnhom, u wkoll fil-kundizzjonijiet normali tal-ħajja familjari u soċjali li magħhom bħal jinsġu l-eżistenza tagħhom. Hemm huma msejħin minn Alla biex, waqt li jagħmlu x-xogħol tagħhom fid-dinja taħt it-tmexxija tal-ispirtu tal-evanġelju, jagħtu sehemhom minn ġewwa, bħalma tagħmel il-ħmira, biex id-dinja titqaddes. B'hekk huma juru lil Kristu lill-oħrajn l-iżjed bix-xhieda ta' ħajjithom imdawla bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba. Imiss għalhekk lilhom, b'mod speċjali, li jdawlu l-ħwejjeġ temporali li magħhom ikollhom x'jaqsmu mill-qrib, u jindirizzawhom b'mod illi kollha jsiru u joktru skont ma jrid Kristu u jkunu ta' foħrija lill-Ħallieq u Feddej.

Dinjità tal-lajċi fil-poplu ta' Alla

32.  Il-Knisja Mqaddsa, kif imwaqqfa mill-Iben ta' Alla, hija organizzata u mmexxija b'varjetà tal-għaġeb. Infatti, ''bħalma aħna għandna ħafna membri f'ġisem wieħed, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor" (Rum 12,4-5).

Il-poplu magħżul minn Alla huwa għalhekk wieħed: "Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda" (Ef 4,5); komuni għal kulħadd hija d-dinjità tal-membri mit-twelid mill-ġdid fi Kristu, komuni l-grazzja ta' wlied, komuni s-sejħa għal perfezzjoni waħda, tama waħda u l-imħabba bla firda. Għalhekk fi Kristu u fil-Knisja m'hemmx differenzi fuq bażi ta’ razza jew nazzjon, kundizzjoni soċjali jew sess, għaliex "m'hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, m'hemmx ilsir u anqas ħieles, m'hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù" (Gal 3,29 gr.; cf. Kol 3,11).

Mela, minkejja li fil-Knisja mhux kulħadd jimxi mill-istess triq, madankollu kulħadd huwa msejjaħ għall-qdusija u, kulħadd xorta waħda, għandu x-xorti li jħaddan il-fidi għall-ġustizzja ta' Alla (cf. 2 Pt 2,1). Għalkemm uħud, b'rieda ta' Kristu, huma maħtura biex jgħallmu jew biex jamministraw jew biex ikunu rgħajja tal-oħrajn, b'danakollu hemm ugwaljanza fost kulħadd dwar id-dinjità u l-ħidma komuni tal-fidili kollha biex jibnu l-ġisem ta' Kristu. Infatti, id-distinzjoni li l-Mulej jagħmel bejn il-ministri sagri u l-bqija tal-poplu ta' Alla ġġib magħha rabta, fis-sens li r-rgħajja u l-fidili l-oħra huma marbutin bejniethom minn ħtieġa komuni: li r-rgħajja tal-Knisja, fuq l-eżempju ta' Ġesù, iservu lil xulxin u jservu lill-fidili l-oħra waqt li dawn min-naħa tagħhom jagħtu l-għajnuna ġeneruża tagħhom lir-rgħajja u lill-għalliema. Hekk fid-diversità kulħadd jagħti xhieda tal-unità tal-għaġeb tal-ġisem ta' Kristu, għaliex l-istess diversità ta' grazzji, ta' ministeri u ta' ħidmiet tiġbor f'ġisem wieħed l-ulied ta' Alla, peress li "dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu" (1 Kor 12,11).

Għalhekk bħalma l-lajċi, b'kondixxenza ta' Alla, għandhom lil Kristu bħala ħuhom li, għalkemm il-Mulej ta' kollox ma ġiex biex ikun moqdi iżda biex jaqdi (cf. Mt 20,28), hekk ukoll huma għandhom bħala aħwa lil dawk li huma mqegħdin fil-ministeru mqaddes li, waqt li jgħallmu, iqaddsu u jmexxu bl-awtorità ta' Kristu lill-familja ta' Alla u jirgħawha b'mod li kulħadd ikun jista' jħares il-kmand ġdid tal-imħabba. Huwa għalhekk li Santu Wistin jgħid bi kliem sabiħ: "Jekk nibża' meta naħseb x’jien għalikom, nitfarraġ meta naħseb x’jien magħkom. Għaliex għalikom jiena isqof; imma magħkom jiena nisrani. Wieħed hu isem ta' uffiċċju, l-ieħor hu isem tal-grazzja ta' Alla; wieħed isem ta' periklu, l-ieħor ta' salvazzjoni"[111].

L-appostolat tal-lajċi

33.  Il-lajċi, miġburin fil-poplu ta' Alla u maħtura f'ġisem wieħed ta' Kristu taħt ras waħda, ikunu min ikunu, huma msejħin bħala membri ħajjin biex jikkontribwixxu, bil-forzi tagħhom kollha li rċevew mit-tjubija tal-Ħallieq u l-grazzja tal-Feddej, biex il-Knisja tikber u toktor bla heda fil-qdusija.

L-appostolat tal-lajċi huwa għalhekk parteċipazzjoni fl-istess missjoni ta' salvazzjoni tal-Knisja u għal dan l-appostolat kulħadd huwa mqabbad mill-Mulej stess permezz tal-magħmudija u tal-griżma. Is-sagramenti, imbagħad, u b'mod speċjali l-ewkaristija mqaddsa, jagħtu u jkattru l-imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin, li hi r-ruħ ta' kull appostolat. Iżda l-lajċi huma msejħin b'mod partikolari biex jagħmlu l-Knisja preżenti u attiva f'dawk il-postijiet u f'dawk iċ-ċirkostanzi fejn hi ma tistax tkun il-melħ tal-art jekk mhux permezz tagħhom[112]. Għalhekk kull nisrani lajk, bis-saħħa tal-istess doni li rċieva, huwa xhieda u fl-istess ħin strument ħaj tal-istess missjoni tal-Knisja "skont il-qies tad-don ta' Kristu" (Ef 4,7).

Minbarra dan l-appostolat, li hu dmir assolut tal-fidili kollha, il-lajċi jistgħu jkunu wkoll imsejħin b'modi differenti biex jgħinu aktar fil-qrib fl-appostolat tal-ġerarkija[113] kif kienu jagħmlu dawk l-irġiel u nisa li kienu jgħinu lill-Appostlu Pawlu fit-tixrid tal-evanġelju u li ħadmu ħafna għall-Mulej (cf. Fil 4,3; Rum 16,3ss). Huma jistgħu wkoll jingħażlu mill-ġerarkija biex, għal xi għan spiritwali, iħaddmu xi uffiċċji ekkleżjastiċi.

Huwa għalhekk dmir nobbli tal-lajċi kollha li jaħdmu sabiex il-pjan ta' Alla ta' salvazzjoni jilħaq il-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull nazzjon. Għandha għalhekk tinfetaħ beraħ it-triq minn kull naħa sabiex, skont il-forzi tagħhom u l-ħtieġa taż-żminijiet, huma wkoll jagħtu sehem attiv fil-ħidma ta' salvazzjoni li għandha l-Knisja.

Is-sehem tal-lajċi fis-saċerdozju komuni u fil-kult

34.  Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern, irid li permezz tal-lajċi wkoll ikompli x-xhieda u s-servizz tiegħu; huwa għalhekk jgħajjixhom bl-Ispirtu tiegħu u jmexxihom bla heda għal kull ħidma tajba u perfetta.

Infatti, lil dawk li jgħaqqadhom intimament f'ħajtu u fil-missjoni tiegħu huwa jagħtihom ukoll sehem mill-funzjoni saċerdotali tiegħu biex jagħtu kult spiritwali u hekk Alla jissebbaħ u l-bnedmin jiksbu s-salvazzjoni. Għalhekk il-lajċi, billi huma mogħtija għal Kristu u kkonsagrati mill-Ispirtu s-Santu, huma b'mod tal-għaġeb imsejħin u mgħallmin biex jagħmlu frott dejjem iżjed kotran tal-Ispirtu. Il-ħidma kollha tagħhom, infatti, it-talb u l-inizjattivi ta' appostolat, il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, ix-xogħol ta' kuljum, il-mistrieħ tar-ruħ u l-ġisem, jekk isiru fl-Ispirtu, u saħansitra d-dwejjaq tal-ħajja jekk huma merfugħin bil-paċenzja, isiru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu (cf. Pt 2,5). Biċ-ċelebrazzjoni ewkaristika dawn is-sagrifiċċji huma bit-tjieba kollha offruti lill-Missier flimkien mal-offerta tal-ġisem tal-Mulej. B'hekk il-lajċi wkoll, waqt li jaħdmu kullimkien bi qdusija bħala adoraturi, jikkonsagraw lil Alla l-istess dinja.

Sehem tal-lajċi fil-funzjoni profetika ta' Kristu u fix-xhieda tiegħu

35. Kristu, il-Profeta l-Kbir, bix-xhieda ta' ħajtu u bil-qawwa ta' kelmtu xandar is-Saltna ta' Missieru. Huwa jibqa' jtemm id-dmir profetiku tiegħu sakemm tidher il-glorja kollha tiegħu. Dan jagħmlu mhux biss permezz tal-ġerarkija li tgħallem f'ismu u bis-setgħa li hu taha, iżda wkoll permezz tal-lajċi li hu għalhekk qiegħed bħala xhieda u għaniehom bis-sens tal-fidi u d-don tal-kelma (cf. Atti 2,17-18; Apk 19,10) biex permezz tagħhom tiddi fil-ħajja ta' kuljum u fil-ħajja familjari u soċjali l-qawwa tal-evanġelju. Huma jkunu qegħdin juru rwieħhom bħala wlied il-wegħda jekk, qawwijin fil-fidi u fit-tama, jinqdew tajjeb mill-ħin ta' issa (cf. Ef 5,16; Kol 4,5) u jistennew bis-sabar il-glorja li għad trid tiġi (cf. Rum 8,25). Din it-tama m'għandhomx jaħbuha f'qalbhom, iżda b'konvinzjoni kontinwa u b'taqbida "kontra l-prinċpijiet ta' din id-dinja ta' dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena" (Ef 6,12), għandhom ifissruha fl-istrutturi tal-ħajja sekulari.

alma s-sagramenti tal-liġi l-ġdida, li huma l-ikel tal-ħajja u tal-appostolat tal-fidili, huma xbieha minn qabel ta' sema ġdid u ta' art ġdida (cf. Apk 21,1), hekk ukoll il-lajċi jkunu ħabbara siewja tal-fidi fil-ħwejjeġ li għadna nittamaw (cf. Lhud 11,1) jekk mal-istqarrija tal-fidi jgħaqqdu bis-sħiħ ħajja ispirata mill-fidi. Din l-evanġelizzazzjoni, jiġifieri t-tħabbira ta' Kristu magħmula mix-xhieda tal-ħajja u tal-kelma, tikseb karatteristika speċifika u qawwa speċjali mill-fatt li hi tkun qiegħda tingħata fil-kundizzjonijiet komuni tal-ħajja tad-dinja.

F'din il-funzjoni jidher ċar li hu ta' valur kbir dak l-istat ta' ħajja li hu mqaddes minn sagrament speċjali: il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja. Fiha hemm eżerċizzju u skola mill-aħjar ta' appostolat għal-lajċi fejn ir-reliġjon nisranija tidħol fl-imġiba kollha tal-ħajja u tbiddilha kuljum għall-aħjar. Huwa hemm li l-miżżewġin għandhom is-sejħa proprja tagħhom li jkunu għal xulxin u għat-tfal xhieda tal-fidi u tal-imħabba ta' Kristu. Il-familja nisranija hija xhieda b'leħen għoli kemm tal-virtujiet li hemm bħalissa fis-Saltna ta' Alla u kemm tat-tama fil-ħajja ta' dejjem. B' hekk, bl-eżempju u bix-xhieda tagħha, il-familja nisranija tixli lid-dinja bid-dnub u ddawwal lil dawk li jfittxu l-verità.

Għalhekk il-lajċi, saħansitra meta jkunu mehdija fil-ħwejjeġ temporali, jistgħu u għandhom jeżerċitaw azzjoni siewja ħafna għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja. Għax anke jekk xi wħud minnhom ikollhom jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom waħedhom, meta ma hemmx ministri sagri jew fi żminijiet ta’ persekuzzjoni; u anke jekk ħafna minnhom jiddedikaw l-enerġiji kollha tagħhom għal xogħol ta’ appostolat; xorta l-lajċi kollha mistennija jikkoperaw biex is-Saltna ta’ Kristu tinfirex u tikber.  Għalhekk il-lajċi għandhom japplikaw ruħhom bil-ħerqa biex jagħrfu dejjem iżjed il-verità rivelata u jitolbu bla heda mingħand Alla d-don tal-għerf.

Dinjità regali

36.  Kristu, li obda sal-mewt u li għalhekk Alla l-Missier għollieh (cf. Fil 2,8-9), daħal fil-glorja tas-saltna tiegħu. Kollox tqiegħed taħtu sakemm hu stess iqiegħed lilu nnifsu u kollox taħt Alla l-Missier sabiex Alla jkun kollox f'kollox (cf. 1 Kor 15, 27-28). Din is-setgħa hu għaddieha lid-dixxipli sabiex huma wkoll igawdu l-ħelsien tas-Saltna ta' Alla u b'ċaħda tagħhom infushom u b'ħajja qaddisa jirbħu fihom stess is-saltna tad-dnub (cf. Rum 6, 12); anzi din is-setgħa tahielhom biex, waqt li jservu lil Kristu fl-oħrajn ukoll, bl-umiltà u l-paċenzja jwasslu lil ħuthom għand is-Sultan li meta taqdih tkun qed issaltan. Għaliex il-Mulej jixtieq ukoll ikabbar permezz tal-fidili lajċi s-saltna tiegħu ta' verità u ta' ħajja, saltna ta' qdusija u ta' grazzja, saltna ta' ġustizzja, mħabba u paċi[114]. F'din is-saltna l-istess kreatura tinħeles mill-jasar tat-taħsir u tikseb il-libertà glorjuża ta' wlied Alla (cf. Rum 8,21). Tassew li d-dixxipli ngħataw wegħda kbira u kmandament kbir: ''Għax... kollox hu tagħkom, u intom ta' Kristu u Kristu ta' Alla'' (1 Kor 3,23).

Għalhekk il-fidili għandhom jagħrfu n-natura intima u l-valur ta' kull ħolqien u kif kull kreatura għandha l-għan li tfaħħar lil Alla. B'ħidmiet ukoll li fihom infushom huma ħidmiet temporali huma għandhom jgħinu lil xulxin għal ħajja aktar qaddisa hekk illi d-dinja timtela bl-ispirtu ta' Kristu u tilħaq b'mod iżjed effikaċi l-għan tagħha, fil-ġustizzja, fil-karità u fil-paċi. Fil-qadi ta' dan id-dmir ma' kullimkien il-lajċi għandhom post minn ta' quddiem. Bil-kompetenza tagħhom f'materji profani u bil-ħidma tagħhom, li l-grazzja ta' Kristu tgħolli minn ġewwa, huma għandhom jgħinu bis-sħiħ biex, permezz tal-ħidma tal-bniedem, bit-teknika u bil-kultura, il-ġid maħluq jitħaddem, skont l-ordni mqiegħed fin-natura minn Alla u fid-dawl tal-Verb tiegħu, għall-aħjar tal-bnedmin kollha, jitqassam b'mod iżjed ġust fosthom, u jservi, fil-qies tiegħu, għall-progress universali fir-rispett tal-libertà umana u nisranija. B' dan il-mod Kristu, permezz tal-membri tal-Knisja, idawwal dejjem iżjed is-soċjetà umana kollha bid-dija tiegħu ta' salvazzjoni. 

Minbarra dan il-lajċi għandhom, bl-għaqda tal-forzi tagħhom, ifejqu l-istituzzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tad-dinja, jekk u fejn dawn iwasslu għad-dnub, u jirriformawhom b'mod illi jitfasslu skont il-ġustizzja u jiffavorixxu l-eżerċizzju tal-virtujiet aktar milli jfixkluh. B'din il-ħidma huma jimlew b'valur morali l-kultura u l-attivitajiet umani. B'dan il-mod u fl-istess ħin l-għalqa tad-dinja titħejja aħjar biex tilqa' ż-żerriegħa tal-kelma ta' Alla u l-bibien jinfetħu iżjed għall-Knisja, biex b'hekk tidħol minnhom it-tħabbira tal-paċi għad-dinja kollha.

Minħabba l-istess pjan ta' salvazzjoni, il-fidili għandhom jitgħallmu jagħżlu tajjeb bejn id-drittijiet u d-dmirijiet li jaqgħu fuqhom bħala membri tal-Knisja u d-drittijiet u d-dmirijiet li huma għandhom bħala membri tas-soċjetà umana. Ifittxu għalhekk li jgħaqqdu f'armonija ma' xulxin iż-żewġ xorta ta' drittijiet u dmirijiet u jiftakru li f'kull ħaġa temporali huma għandhom ikunu mmexxija mill-kuxjenza nisranija, għaliex ebda attività umana, lanqas fl-istess ħwejjeġ temporali, ma tista' taħrab mill-awtorità ta' Alla. Fi żmienna huwa mill-aktar meħtieġ li din id-distinzjoni u fl-istess ħin din l-armonija jidhru jiddu b'mod l-aktar ċar possibbli fil-mod kif iġibu ruħhom il-fidili, sabiex il-missjoni tal-Knisja tkun tista' twieġeb aktar bis-sħiħ għall-kundizzjonijiet tad-dinja tal-lum. Għaliex kif wieħed għandu jammetti li l-belt tal-art, li bir-raġun hi mogħtija għall-interessi tad-dinja, hi mmexxija minn prinċipji tagħha, hekk bir-raġun ukoll wieħed għandu jiċħad it-tagħlim ħażin li jipprova jibni s-soċjetà mingħajr ma jagħti kas tar-reliġjon u li jattakka u jissopprimi l-libertà reliġjuża taċ-ċittadini[115].

Relazzjonijiet mal-ġerarkija

37.  Il-lajċi, bħall-fidili kollha, għandhom il-jedd illi jirċievu bl-abbundanza mir-rgħajja mqaddsa l-ġid spiritwali tal-Knisja u l-iżjed l-għajnuna tal-kelma ta' Alla u tas-sagramenti[116]. Huma għandhom jgħarrfu lir-rgħajja bil-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom u dan għandhom jagħmluh bil-libertà u l-fiduċja kollha li għandhom ikollhom l-ulied ta' Alla u l-aħwa fi Kristu. Skont l-għerf, il-kompetenza u l-prestiġju li jkollhom huma għandhom il-jedd, kultant id-dmir ukoll, li jfissru l-fehmiet tagħhom dwar dak li għandu x'jaqsam mal-ġid tal-Knisja[117]. Dan jista jsir, meta jkun il-każ, permezz tal-istituzzjonijiet imwaqqfa għal hekk mill-Knisja u għandu jsir dejjem fir-rispett tal-verità, bil-qawwa u bil-prudenza, b'qima u bi mħabba għal dawk li minħabba l-uffiċċju sagru tagħhom jaġixxu fil-persuna ta' Kristu.

Il-lajċi, bħall-fidili kollha, għandhom, b'ubbidjenza nisranija, jilqgħu fil-pront dak li r-rgħajja jistabbilixxu bħala għalliema u mexxejja tal-Knisja u bħala rappreżentanti ta' Kristu; f'dan huma jimxu wara l-eżempju ta' Kristu li bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt fetaħ għall-bnedmin kollha t-triq qaddisa tal-libertà ta' wlied Alla. Huma m'għandhomx jonqsu milli fit-talb tagħhom jirrakkomandaw lil Alla l-mexxejja tagħhom li jishru fuqna bħal nies li għad iridu jagħtu kont tagħna, u jitolbu għalihom biex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bi swied il-qalb (cf. Lhud 13,17).

Min-naħa tagħhom ir-rgħajja spiritwali għandhom jagħrfu d-dinjità u r-responsabbiltà tal-lajċi fil-Knisja u jġibuha 'l quddiem; għandhom jagħmlu użu bil-qalb mill-pariri prudenti tagħhom, jafdawlhom b'fiduċja karigi għas-servizz tal-Knisja, iħallulhom libertà u jagħtuhom okkażjoni, anzi jħeġġuhom, biex jieħdu inizjattivi minn rajhom. Huma għandhom jikkunsidraw b'attenzjoni u bi mħabba ta' missirijiet fi Kristu, l-inizjattivi, it-talbiet u x-xewqat li l-lajċi jipproponulhom[118]. Ir-rgħajja għandhom jagħrfu b'rispett il-libertà ġusta li hi ta' kulħadd f'din il-belt tal-art.

Minn dawn ir-relazzjonijiet familjari bejn lajċi u rgħajja għandna nistennew ħafna ġid għall-Knisja. Hekk fil-lajċi jissaħħaħ is-sens ta' responsabbiltà u tikber il-ħerqa għall-ħidma; huma jgħaqqdu b'ħeffa akbar il-forzi tagħhom ma' dawk tar-rgħajja. Min-naħa tagħhom ir-rgħajja, megħjuna mill-esperjenza tal-lajċi, ikunu jistgħu jiffurmaw ġudizzju aħjar u aktar ċar kemm fuq ħwejjeġ spiritwali kemm fuq ħwejjeġ temporali, b'mod illi l-Knisja kollha, imsaħħa mill-membri kollha tagħha, tkun tista' taqdi b'mod iżjed effikaċi l-missjoni tagħha għall-ħajja tad-dinja.

Il-lajċi, ruħ tad-dinja

38.  Kull wieħed mil-lajċi għandu jkun quddiem id-dinja xhud tal-qawmien mill-mewt u tal-ħajja tal-Mulej Ġesù u sinjal ta' Alla ħaj. Ilkoll flimkien, u kull wieħed minnhom, skont il-kapaċità tiegħu, għandhom jitimgħu d-dinja l-frott tal-Ispirtu (Gal 5,22) u fiha jxerrdu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-foqra, lill-mansweti u lil dawk li jġibu l-paċi, li l-Mulej fl-evanġelju jsejjaħ henjin (Mt  5,3-9). F'kelma waħda, "dak li hi r-ruħ fil-ġisem, dan għandhom ikunu l-insara fid-dinja"[119].

 

Kap V

IS-SEJĦA UNIVERSALI GĦALL-QDUSIJA FIL-KNISJA

 

Daħla

39.  Aħna nemmnu li l-Knisja, li l-Konċilju mqaddes qiegħed ifisser il-misteru tagħha, hija qaddisa bla ma tista' qatt tonqos. Infatti Kristu, l-Iben ta' Alla, li hu mħabbar flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu bħala "l-waħdu qaddis"[120], ħabb il-Knisja bħala l-għarusa tiegħu, ta lilu nnifsu għaliha biex iqaddisha (cf. Ef 5,25-26), għaqqadha miegħu bħal ġismu u mlieha bid-don tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja ta' Alla. Għalhekk kulħadd fil-Knisja, kemm dawk li jagħmlu sehem mill-ġerarkija u kemm dawk immexxija minnha, huwa msejjaħ għall-qdusija, kif jgħid l-Appostlu: "Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom" (1Tes 4,3; cf. Ef 1,4). Din il-qdusija tal-Knisja tidher il-ħin kollu, u għandha tidher fil-frott tal-grazzja li l-Ispirtu jipproduċi fil-fidili; hija titfisser b'modi differenti fl-individwi li, kull wieħed skont il-ħajja tiegħu, ifittxu l-perfezzjoni fl-imħabba u hekk jedifikaw lill-oħrajn; iżda hija tidher b'mod kollu partikolari fil-prattika tal-kunsilli li komunement jissejħu l-kunsilli evanġeliċi. Din il-prattika tal-kunsilli, li ħafna nsara, taħt l-influss tal-Ispirtu s-Santu fuqhom, jagħżlu u jgħixu kemm privatament u kemm fi stat jew istituzzjoni magħrufa mill-Knisja, twassal, u għandha twassal, għal xhieda u eżempju li jiddi tal-qdusija tal-Knisja.

Is-sejħa universali għall-qdusija

40. Il-Mulej Ġesù, Għalliem u Mudell divin ta' kull perfezzjoni, lid-dixxipli kollha, u lil kull wieħed minnhom, kienet x'kienet il-kundizzjoni tagħhom, ippritkalhom il-qdusija tal-ħajja li tagħha hu stess huwa l-awtur u dak li jipperfezzjonaha: "Kunu mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet" (Mt.5,48)[121]. Infatti huwa bagħat fuq kulħadd l-Ispirtu s-Santu li jmexxihom b'qawwa ġewwinija biex iħobbu lil Alla b'qalbhom kollha, b'ruħhom kollha, b'moħħhom kollu u bil-qawwa tagħhom kollha (cf. Mk 12,30), u biex iħobbu lil xulxin kif Kristu ħabb lilhom (cf. Ġw 13,34; 15,12). Dawk li jimxu wara Kristu, imsejħin minn Alla u ġġustifikati f'Ġesù Kristu mhux b'xi ħidma tagħhom iżda skont il-pjan ta' Alla u bil-grazzja tiegħu, bil-magħmudija tal-fidi saru tassew ulied Alla u jagħmlu sehem min-natura tiegħu. B'hekk huma saru tassew qaddisin. Jeħtieġ għalhekk li, bl-għajnuna ta' Alla, huma jħarsu u jipperfezzjonaw fil-ħajja tagħhom din il-qdusija li rċevew. L-appostlu jwiddibhom biex jgħixu “kif jixraq lill-qaddisin" (Ef 5,3) u jilbsu mill-ġdid "bħala l-magħżulin ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu, sentimenti ta' ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar" (Kol 3,12), u jkollhom il-frott tal-Ispirtu għall-qdusija (cf. Gal 5,22; Rum 6,22). U billi aħna lkoll ta' sikwit niżbaljaw (cf. Ġak 3,2), neħtieġu l-ħin kollu l-ħniena ta' Alla u għandna kuljum nitolbu, "Aħfrilna dnubietna" (Mt 6,13)[122].

Huwa għalhekk ċar għal kulħadd li l-fidili ta' kull stat u ta' kull grad ta' ħajja huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità[123]; din il-qdusija, ukoll f'din is-soċjetà fuq l-art, tagħti ħajja aktar umana. Biex jilħqu din il-perfezzjoni l-fidili għandhom jużaw il-forzi kollha li għandhom, kull wieħed skont il-qies li rċieva minn Kristu; hekk, waqt li jimxu fuq il-passi tiegħu u waqt li jsiru jixbhu iżjed lix-xbieha tieghu, huma jfittxu li jagħmlu r-rieda tal-Missier f'kollox u jagħtu ruħhom bil-qalb għall-glorja ta' Alla u l-qadi tal-proxxmu. B'hekk il-qdusija tal-poplu ta' Alla tikber u tagħti frott kotran bħalma l-istorja tal-Knisja turi b'mod l-iżjed ċar fil-ħajja ta' tant qaddisin.

L-istess qdusija sseħħ b'mod differenti

41.  Għalkemm id-dmirijiet huma differenti u differenti wkoll huma l-modi kif wieħed jista' jgħix il-ħajja,imma  waħda hija l-qdusija – dik li jfittxu dawk kollha li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta' Alla; dawn, waqt li jobdu għal-leħen tal-Missier u jaduraw 'l Alla l-Missier fl-ispirtu u l-verità, jimxu wara Kristu fqir, umli u mgħobbi bis-salib biex ikun jistħoqqilhom li jissieħbu miegħu fil-glorja. Madankollu kull wieħed, skont id-dmirijiet li għandu u d-doni li rċieva, għandu jimxi 'l quddiem mingħajr ma jeżita fit-triq tal-fidi ħajja li tixgħel it-tama u taħdem permezz tal-imħabba.

Jeħtieġ l-ewwel nett illi r-rgħajja tal-merħla ta' Kristu jħaddmu l-ministeru tagħhom bi qdusija u b'ħerqa, b'umiltà u b'qawwa, fuq ix-xbieha tal-Qassis il-Kbir u Etern, ir-Ragħaj u l-Isqof tar-ruħ tagħna; jekk jagħmlu l-ministeru tagħhom b'dan l-ispirtu jkun jiswielhom ta' mezz mill-akbar għall-qdusija tagħhom stess. Magħżulin għall-milja tas-saċerdozju, ir-rgħajja jirċievu l-grazzja sagramentali sabiex bit-talb, bis-sagrifiċċju, bil-predikazzjoni, bl-uffiċċju u bis-servizz episkopali fil-forom differenti tiegħu, huma jeżerċitaw id-dmir perfett tal-karità pastorali[124], ma jibżgħux jagħtu ħajjithom għan-nagħaġ tagħhom u, waqt li jagħtu l-eżempju lill-merħla (cf. 1 Pt 5,3), imexxuha 'l quddiem kuljum dejjem iżjed lejn il-qdusija.

Jalla l-presbiteri, fuq ix-xebh tal-ordni tal-isqfijiet li tiegħu huma l-kuruna spiritwali[125], jikbru, bl-eżerċizzju ta' kuljum tal-uffiċċju tagħhom, fl-imħabba ta' Alla u tal-proxxmu waqt li jipparteċipaw mill-grazzja tal-inkarigu tagħhom permezz ta' Kristu, il-Medjatur etern u waħdieni. Jalla jżommu r-rabta tal-komunjoni saċerdotali, jikbru f'kull ġid spiritwali, jagħtu lil kulħadd xhieda ħajja ta' Alla[126], u jħabirku biex ikunu bħall-presbiteri li fil-kors tas-sekli ħallew eżempju li jdawwal ta' qdusija, ħafna drabi f'servizz umli u moħbi għal għajnejn il-bnedmin. Il-foħrija tagħhom tibqa' fil-Knisja ta' Alla. Jalla huma, waqt li jkunu jitolbu u joffru s-sagrifiċċji għall-poplu ta' Alla kollu, meta jkunu jaqdu l-uffiċċju tagħhom jagħrfu sewwa dak li jkunu qegħdin jagħmlu u jfasslu ħajjithom skont dak li huma jiċċelebraw[127]. Jalla ma jiqfux mill-ħidma tagħhom minħabba t-toqol tal-ħsieb tal-appostolat, il-perikli u t-tiġrib tiegħu. Anzi f'dawn il-provi huma għandhom isibu mezz biex jaslu għal qdusija iżjed għolja, jagħtu ħajja lill-ħidma tagħhom u jkabbruha permezz tal-għana tal-kontemplazzjoni, għall-hena tal-Knisja ta' Alla. Il-presbiteri kollha u l-aktar dawk li b'titlu speċjali tal-ordinazzjoni tagħhom jissejħu saċerdoti djoċesani, għandhom jiftakru kemm jiswew għall-qdusija tagħhom l-għaqda leali mal-isqof u l-kollaborazzjoni ġeneruża miegħu.

Il-ministri ta' grad anqas, u l-aktar id-djakni, għandhom sehem b'mod speċjali mill-missjoni u mill-grazzja tal-Qassis il-Kbir. Waqt li jservu l-misteri ta' Kristu u tal-Knisja[128] huma għandhom iżommu ruħhom safja minn kull vizzju u jippruvaw jogħġbu lil Alla u jagħmlu kull xorta ta' ġid quddiem il-bnedmin (cf. 1 Tim 3,8-10.12-13). Il-kjeriċi, li huma msejħin minn Alla u maqtugħin biex ikollhom sehem miegħu, għandhom iħejju ruħhom taħt il-ħarsien tar-rgħajja għad-dmirijiet ta' ministri; huma għandhom ifasslu ħsiebhom skont din l-għażla hekk kbira; għandhom jitolbu ħafna, jitħeġġu fl-imħabba, jixxennqu għal dak kollu li hu veru, ġust, ta' isem tajjeb, waqt li jagħmlu kollox għall-glorja u l-qima ta' Alla. Mal-kjeriċi jingħaddu wkoll il-lajċi li, magħżulin minn Alla u msejħin mill-isqof, jagħtu ruħhom għalkollox għall-ħidma tal-appostolat u jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej bi frott kotran[129].

Jeħtieġ li l-miżżewġin u l-ġenituri nsara wkoll, waqt li jissuktaw fit-triq li hi tagħhom, jgħinu lil xulxin fil-grazzja ta' Alla bi mħabba fidila matul ħajjithom kollha u jagħnu lil uliedhom, li huma rċevew bi mħabba mingħand Alla, bit-tagħlim u bil-virtujiet tal-evanġelju. Hekk huma jagħtu lil kulħadd eżempju ta' mħabba ġeneruża u li ma tegħjiex, jgħinu biex tinbena komunità tal-aħwa li jħobbu lil xulxin, ikunu xhieda ta' kemm hi kotrana l-Knisja Omm, u jkunu koperaturi tagħha. B'hekk huma jkunu sinjal tal-imħabba li biha Kristu ħabb lill-Għarusa tiegħu u miet għaliha, u jkollhom sehem minnha[130]. Eżempju li jixbah lil dak tal-miżżewġin, iżda b'mod ieħor, jagħtuh ir-romol u dawk li mhumiex miżżewġa. Huma wkoll jistgħu jikkontribwixxu mhux ftit għall-qdusija u l-ħidma tal-Knisja. Dawk imbagħad li jaħdmu u li ta' spiss għandhom xogħol iebes, jeħtieġ li huma wkoll jipperfezzjonaw ruħhom fil-ħidma umana tagħhom u jgħinu liċ-ċittadini l-oħra ħuthom. Huma għandhom jikkontribwixxu biex jgħollu s-soċjetà u l-istess ħolqien għal livell ta' ħajja aħjar. Jalla, fil-karità ġeneruża tagħhom u fit-tama li żżommhom hienja, jimitaw lil Kristu li ħaddem idejh fix-xogħol ta’ mastrudaxxa u jaħdmu flimkien mal-Missier għas-salvazzjoni ta’ kulħadd billi jerfgħu l-piż ta’ xulxin u billi kuljum, bix-xogħol tagħhom, jilħqu qdusija ogħla, anzi qdusija appostolika.

Dawk li qegħdin ibatu l-faqar, in-nuqqas ta' saħħa, il-mard u tiġrib ieħor, jew dawk li qegħdin ibatu l-persekuzzjoni għall-ġustizzja, għandhom ikunu jafu li huma magħqudin b'mod speċjali ma' Kristu fit-tbatija għas-saħħa tad-dinja. Fl-evanġelju l-Mulej dawn isejħilhom henjin għax "wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għall-glorja tiegħu ta' dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa' jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħidkom fis-sod” (1 Pt 5,10).

Għalhekk il-fidili kollha, ikunu x'ikunu l-kundizzjonijiet ta' ħajjithom, jew ix-xogħol jew iċ-ċirkostanzi, anzi permezz ta' dan kollu, jitqaddsu kuljum iżjed, jekk jaċċettaw kollox b'fidi minn idejn il-Missier tas-sema u jikkoperaw mar-rieda ta' Alla u b'hekk juru lil kulħadd, fis-servizz temporali stess, il-karità li biha Alla ħabb id-dinja.

Toroq u mezzi tal-qdusija

42. "Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f'Alla u Alla fih" (1 Ġw 4,16). Alla sawwab l-imħabba tiegħu fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li ngħata lilna (cf. Rum 5,5); għalhekk l-ewwel don u l-iżjed meħtieġ huwa l-karità li biha aħna nħobbu lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu minħabba fih. Iżda biex il-karità, bħal żerriegħa tajba, tikber fina u tagħti l-frott, kull nisrani għandu jisma' bil-qalb il-kelma ta' Alla u, bl-għajnuna tal-grazzja ta' Alla, jagħmel bil-fatti r-rieda tiegħu, jieħu sehem spiss fil-kult u fis-sagramenti, l-aktar l-ewkaristija, u jagħti ruħu bla heda għat-talb, għaċ-ċaħda tiegħu nnifsu, għall-qadi attiv tal-aħwa u għall-eżerċizzju tal-virtujiet kollha. Il-karità, infatti, li hija l-qofol tal-perfezzjoni u l-milja tal-liġi (cf. Kol 3,14; Rum 13,10), tmexxi l-mezzi kollha tal-qdusija, tagħtihom ħajja u twassalhom għall-għan tagħhom[131]. Għalhekk min hu tassew dixxiplu ta' Kristu jingħaraf mill-karità lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Billi Ġesù, l-Iben ta' Alla, wera l-karità tiegħu billi ta ħajtu għalina, hekk ukoll ħadd m'għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għalih u għall-aħwa (cf. 1 Ġw 3,16; Ġw 15,13). Xi wħud mill-insara, ibda minn dawk tal-ewwel żmien, issejħu, u jibqgħu dejjem jissejħu, biex jagħtu din l-akbar xhieda ta' mħabba quddiem kulħadd, l-iżjed quddiem dawk li jippersegwitawhom. Il-Knisja għalhekk tqis il-martirju, li bih id-dixxiplu jsir jixbah lill-Imgħallem li aċċetta l-mewt għas-saħħa tad-dinja, u jikkonforma ruħu miegħu fit-tixrid tad-demm, bħala l-ogħla don li wieħed jista' jirċievi u l-akbar prova ta' mħabba li jista' jagħti. Jekk hu veru li dan id-don jingħata biss lil ftit, jeħtieġ iżda li kulħadd ikun lest biex jistqarr lil Kristu quddiem il-bnedmin kollha u biex jimxi warajh fit-triq tas-salib f'nofs il-persekuzzjonijiet li qatt ma jonqsu fil-Knisja.

Il-qdusija tal-Knisja hija megħjuna b'mod speċjali wkoll bil-prattika tal-kunsilli differenti li fl-evanġelju l-Mulej ippropona lid-dixxipli tiegħu biex josservawhom[132]. Fost il-kunsilli għandu post importanti d-don għażiż tal-grazzja divina li l-Missier jagħti lil xi wħud (cf. Mt 19,11; 1 Kor 7,7), biex jingħataw b'anqas xkiel lil Alla waħdu b'qalb mogħtija lilu biss (cf. 1 Kor 7,32-34) fil-verġinità jew fiċ-ċelibat[133]. Din il-kontinenza perfetta minħabba s-Saltna tas-smewwiet dejjem inżammet f'qima kbira mill-Knisja, bħala sinjal u stimolu ta' karità, u dejjem kienet għajn spiritwali kbira ta' ġid kotran għad-dinja.

Il-Knisja żżomm quddiem għajnejha wkoll it-twissija tal-Appostlu li jappella lill-fidili għall-imħabba u jħeġġiġhom biex ikollhom l-istess sentimenti li kellu Kristu "li xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta' lsir.... billi obda sal-mewt" (Fil 2, 7-8) u, "għad li kien għani, ftaqar" (2 Kor 8,9) għalina. Bħalma huwa dejjem meħtieġ li d-dixxipli jimitaw din il-karità u din l-umiltà ta' Kristu u li jagħtu xhieda, il-Knisja Omm tifraħ meta tara li fi ħdanha hemm ħafna rġiel u nisa li jimxu wara l-Mulej iżjed mill-qrib, u li b'mod l-iżjed ċar jagħtu xhieda tal-Mulej li xejjen lilu nnifsu meta huma jħaddnu l-faqar bil-libertà kollha ta' wlied Alla u jirrinunzjaw għar-rieda tagħhom. Infatti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-perfezzjoni, huma jissottomettu r-rieda tagħhom għal dik ta' bniedem ieħor għall-imħabba ta' Alla, biex jikkonformaw iżjed bis-sħiħ ma' Kristu li obda[134].

Għalhekk il-fidili kollha huma mistiedna u għandhom l-obbligu li jfittxu l-qdusija u l-perfezzjoni tal-istat tagħhom. Kulħadd għandu għalhekk ifittex li jidderieġi tajjeb is-sentimenti tiegħu u jqis li ma jħallix l-użu tal-ħwejjeġ tad-dinja u r-rabta mal-għana kuntrarja għall-ispirtu ta' faqar evanġeliku jfixkluh milli jasal għall-karità perfetta.  L-Appostlu jwissi lil dawk li jgawdu d-dinja biex ikunu bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi (cf. 1 Kor 7,31 gr.)[135].

 

Kap VI

IR-RELIĠJUŻI

 

Il-kunsilli evanġeliċi fil-Knisja

43. Il-kunsilli evanġeliċi tal-kastità kkonsagrata lil Alla, tal-faqar u tal-ubbidjenza, li huma mibnija fuq il-kliem u l-eżempju tal-Mulej u rrakkomandati mill-appostli, mis-santi padri, u mid-dutturi u r-rgħajja tal-Knisja, huma don ta' Alla li l-Knisja rċeviet mill-Mulej u li, bil-grazzja tiegħu, hija baqgħet dejjem iżżomm. L-awtorità tal-Knisja, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, ħadet ħsieb tinterpretahom, tirregola l-prattika tagħhom u fuqhom tistabbilixxi wkoll forom stabbli ta' ħajja. Ġara għalhekk, bħalma jiġri f'siġra miżrugħa minn Alla u li b'mod tal-għaġeb u b'forom differenti tifrex għeruqha, li żviluppaw ruħhom f'suriet differenti ta' ħajja solitarja jew komuni u twieldu ħafna familji li kibru għall-ġid tal-membri tagħhom stess u tal-ġisem kollu ta' Kristu[136]. Dawn il-familji, infatti, joffru lill-membri tagħhom l-għajnuniet ta' stabbilità akbar ta' metodu ta' ħajja, ta' tagħlim sod biex tintlaħaq il-perfezzjoni, ta' għaqda tal-aħwa fl-eżerċitu ta' Kristu u ta' libertà msaħħa mill-ubbidjenza. Hekk huma jistgħu jgħinu fiż-żgur u jħarsu bil-fedeltà l-professjoni reliġjuża tagħhom u jimxu 'l quddiem fit-triq tal-imħabba fl-hena tal-Ispirtu tal-Mulej[137].

Stat bħal dan, meta wieħed iqis il-kostituzzjoni divina u ġerarkika tal-Knisja, mhuwiex stat bejn il-kundizzjoni tal-kjeriċi u dak tal-lajċi. Alla jista' jsejjaħ xi wħud mill-fidili miż-żewġ kundizzjonijiet ta' ħajja biex igawdu minn dan id-don partikolari fil-ħajja tal-Knisja u, kull wieħed bil-mod tiegħu, jaqdu l-missjoni tagħhom ta' salvazzjoni[138].

Natura u importanza tal-istat reliġjuż fil-Knisja

44.  Permezz tal-voti reliġjużi jew ta' rabtiet sagri oħra li b'mod proprju tagħhom jixbhuhom fl-iskop - u li bihom jobbliga ruħu li josserva t-tliet kunsilli evanġeliċi msemmija - in-nisrani jagħti ruħu kollu kemm hu lil Alla li hu jħobb fuq kollox. B'hekk huwa jimpenja ruħu, b'titlu ġdid u speċjali, għas-servizz u l-qima ta' Alla.

Bil-magħmudija n-nisrani jmut għad-dnub u jikkonsagra ruħu lil Alla; iżda, biex ikun jista' jikseb frott iżjed kotran tal-grazzja tal-magħmudija, bil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi huwa jrid jeħles lilu nnifsu mix-xkiel li jista' jbiegħdu mill-ħerqa tal-imħabba u l-perfezzjoni tal-kult ta' Alla u jfittex li jikkonsagra ruħu b'intimità akbar għall-qadi ta' Alla[139]. Din il-konsagrazzjoni tkun tant iżjed perfetta skont kemm, bir-rabtiet aktar sodi u iżjed stabbli tagħha, hija tkun xhieda ta' Kristu marbut b'rabta li ma tinħallx mal-għarusa tiegħu l-Knisja.

Iżda billi l-kunsilli evanġeliċi jwasslu għall-karità[140] u permezz tagħha jgħaqqdu lil dawk kollha li josservawhom mal-Knisja u mal-misteru tagħha b'rabta speċjali, jeħtieġ li l-ħajja spiritwali ta' dawn in-nies tkun mogħtija wkoll għall-ġid tal-Knisja kollha. Minn hawn jiġi d-dmir tagħhom li jaħdmu, skont il-forzi tagħhom u skond in-natura tas-sejħa tagħhom, biex inisslu fl-erwieħ is-saltna ta' Kristu u biex din tinfirex f'kull naħa tad-dinja; dan jistgħu jagħmluh kemm bit-talb kemm bil-ħidma attiva. Minħabba f'hekk il-Knisja tħares u tinkoraġġixxi l-karattru proprju tal-istituti reliġjużi differenti.

Għaldaqstant il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi tidher bħala sinjal li jista' u għandu jiġbed b'mod effikaċi lill-membri kollha tal-Knisja biex jaqdu b'ħeġġa d-dmirijiet tas-sejħa nisranija. Infatti, billi l-poplu ta' Alla m'għandux hawn belt li tibqa' iżda qiegħed ifittex waħda li għad trid tiġi, l-istat reliġjuż jagħmel lil dawk li jħaddnuh iżjed ħielsa mill-ħsieb tal-ħwejjeġ tad-dinja u lil dawk li jemmnu jagħmlilhom jidher f'din id-dinja stess il-ġid tas-sema; huwa jagħti xhieda tal-ħajja ġdida u eterna li Kristu kiseb bil-fidwa u jħabbar minn issa l-qawmien mill-mewt li għad irid iseħħ u l-glorja tas-Saltna tas-sema. L-istat reliġjuż huwa wkoll xebh mill-qrib tal-forma ta' ħajja li l-Iben ta' Alla aċċetta li jħaddan meta ġie fid-dinja biex jagħmel ir-rieda tal-Missier u li hu ppropona lid-dixxipli tiegħu biex iħaddnu; il-ħajja reliġjuża tirrappreżenta l-ħin kollu fil-Knisja din il-forma ta' ħajja li Kristu għażel. U fl-aħħar, l-istat reliġjuż juri b'mod speċjali li s-Saltna ta' Alla u l-ħtiġijiet tagħha huma 'l fuq mill-ħwejjeġ tal-art; juri wkoll lill-bnedmin kollha l-kobor, li jgħaddi kull kobor ieħor, tal-qawwa ta' Kristu li jsaltan u tal-qawwa bla qies tal-Ispirtu s-Santu li taħdem b'mod tal-għaġeb fil-Knisja.

Għalhekk l-istat li hu magħmul mill-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, għalkemm ma jagħmilx sehem mill-istruttura ġerarkika tal-Knisja, jagħmel iżda sehem bla dubju ta' xejn mill-ħajja u l-qdusija tagħha.

L-awtorità tal-Knisja u l-istat reliġjuż

45. Billi huwa dmir tal-ġerarkija tal-Knisja li tirgħa l-poplu ta' Alla u twasslu għal mergħat kollhom ħdura (cf. Ez 34,14), imiss lilha li tirregola, bil-liġijiet tagħha magħmula bid-dehen, il-prattika tal-kunsilli evanġeliċi li jgħinu b'mod għalkollox speċjali l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu[141]. Hija l-ġerarkija li, waqt li timxi bil-ħlewwa wara l-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu, tilqa' r-regoli proposti minn irġiel u nisa eminenti u, wara li torqomhom iżjed, tapprovahom uffiċjalment. Hija tagħti l-ħarsien tal-awtorità viġilanti tagħha lill-istituti li twaqqfu ftit jew wisq ma' kullimkien għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu, u dan tagħmlu biex huma jikbru u jwarrdu skont l-ispirtu tal-fundaturi tagħhom.

Biex il-ħtiġijiet tal-merħla kollha tal-Mulej jitħarsu aħjar, kull istitut ta' perfezzjoni u kull wieħed mill-membri tiegħu jistgħu jkunu, għall-ġid komuni, eżentati mill-Papa, li jgawdi l-primat fuq il-Knisja kollha, mill-ġurisdizzjoni tal-ordinarju tal-post u jkunu sottomessi għalih biss[142]. Hekk ukoll huma jistgħu jitħallew jew jiġu fdati f'idejn il-patrijarki proprji tagħhom. Il-membri ta' dawn l-istituti, meta jaqdu l-uffiċċju tagħhom fil-Knisja, skont il-forma ta' ħajja li huma jgħixu, għandhom ikollhom, skond il-liġijiet kanoniċi, rispett u ubbidjenza lejn l-isqfijiet partikolari. Dan għandhom jagħmluh kemm b'rispett għall-awtorità tal-isqfijiet fuq il-knejjes partikolari tagħhom u kemm biex iżommu l-għaqda u l-ftehim meħtieġa għall-appostolat[143].

Il-Knisja, bl-approvazzjoni li tagħti lill-professjoni reliġjuża, mhux biss tgħolliha għad-dinjità ta' stat kanoniku iżda tippreżentaha wkoll, bl-azzjoni liturġika tagħha, bħala stat ikkonsagrat lil Alla. Infatti hija l-Knisja li, bl-awtorità mogħtija lilha minn Alla, tirċievi l-voti ta' dawk li jipprofessaw, titlob għalihom b'talba pubblika li tagħmel lil Alla biex huma jiksbu l-għajnuna u l-grazzja tiegħu, tirrakkomandahomlu, u tagħtihom barka spiritwali waqt li tgħaqqad l-offerta tagħhom mas-sagrifiċċju ewkaristiku.

Kobor tal-konsagrazzjoni reliġjuża

46.  Ir-reliġjużi għandhom jagħmlu kull ma jistgħu biex, permezz tagħhom, il-Knisja tkun xhieda kuljum aħjar, kemm għal dawk li jemmnu u kemm għal dawk li ma jemmnux, ta' Kristu li jikkontempla 'l Alla fuq il-muntanja, jew li jħabbar lill-folol is-Saltna ta' Alla, jew ifejjaq il-morda u l-midruba, jew  jikkonverti l-midinbin, jew ibierek lit-tfal, jew jagħmel il-ġid lil kulħadd, iżda li qiegħed dejjem jobdi r-rieda tal-Missier li bagħtu[144].

Ir-reliġjużi għandhom jifhmu ċar illi, għalkemm il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi ġġib magħha ċaħda ta' ġid li bla dubju jistħoqqlu apprezzament kbir, b'danakollu hija ma tfixkilx l-iżvilupp tal-personalità umana; anzi, min-natura tagħha stess, hija tiswa ħafna għaliha. Infatti l-kunsilli evanġeliċi, imħaddnin volontarjament skont is-sejħa personali ta' kull wieħed, jgħinu mhux ftit biex ir-ruħ titnaddaf u tinħeles iżjed, ikabbru l-ħin kollu l-ħeġġa tal-karità u jiswew b'mod speċjali biex in-nisrani jagħżel dik il-forma ta' ħajja ta' faqar u ta' verġinità li għażel għalih innifsu Kristu l-Mulej u li ħaddnet Ommu l-Verġni Marija, u b'hekk isir jixbahhom; l-eżempju ta' tant qaddisin fundaturi jipprova kemm dan huwa minnu. U ħadd m'għandu jaħseb illi r-reliġjużi, bil-konsagrazzjoni tagħhom, isiru jew barranin għall-bnedmin jew bla siwi għall-belt tal-art. Għaliex ukoll meta huma ma jgħinux direttament lil dawk li jgħixu fi żmienhom, b'danakollu huma jħossu rwieħhom preżenti magħhom fil-qalb ta' Kristu u jikkoperaw magħhom spiritwalment sabiex il-belt tal-art tinbena fuq il-Mulej u timxi lejh, li ma jmurx jiġri li dawk li jibnu din il-belt ikunu ħadmu għalxejn.[145].

Għalhekk il-Konċilju mqaddes jinkoraġġixi u jfaħħar lil dawk l-irġiel u nisa, patrijiet u sorijiet, li fil-monasteri, jew fl-iskejjel u fl-isptarijiet, jew fil-missjonijiet, jagħmlu ġieħ lill-Għarusa ta' Kristu bil-fedeltà kostanti u umli tagħhom għal din il-konsagrazzjoni u jagħtu servizzi ġenerużi u ta' kull xorta lill-bnedmin kollha.

Eżortazzjoni għall-perseveranza

47.  Kull min hu msejjaħ għall-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi jqis sewwa li jippersevera u jissaħħah fis-sejħa li jagħmillu Alla u jsir dejjem iżjed perfett fiha għall-akbar qdusija tal-Knisja, għall-akbar glorja tat-Trinità, waħda u mhux diviża, li hi, permezz ta' Kristu, u fih, l-għajn u l-prinċipju ta' kull qdusija.

 

Kap VII

IN-NATURA ESKATOLOĠIKA TAL-KNISJA PELLEGRINA FUQ

L-ART U L-GĦAQDA TAGĦHA MAL-KNISJA TAS-SEMA

 

Natura eskatoloġika tas-sejħa tagħna

48. Il-Knisja, li għaliha aħna lkoll imsejħin fi Kristu Ġesù u li fiha, permezz tal-grazzja ta' Alla, niksbu l-qdusija, ma tasalx fil-milja tagħha jekk mhux fil-glorja tas-sema meta jasal iż-żmien tar-restawrazzjoni ta' kollox (Atti 3,21) li fih, flimkien mal-ġens uman, id-dinja kollha, li hi marbuta sfiq mal-bniedem u bih tasal għall-iskop tagħha, tiġġedded hi wkoll għalkollox fi Kristu (cf. Ef 1,10; Kol 1,20; 2 Pt 3,10-13).

Kristu, meta ntrefa' mill-art, ġibed il-bnedmin kollha lejh (cf. Ġw 12, 32 gr); meta qam mill-imwiet (cf. Rum 6,9) bagħat fuq id-dixxipli tiegħu l-Ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja u li bih bena l-ġisem tiegħu, jiġifieri l-Knisja, bħala s-sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd. Mil-leminija tal-Missier, fejn hu qiegħed, huwa jaħdem bla heda fid-dinja biex iwassal il-bnedmin fil-Knisja, u  permezz tagħha jgħaqqadhom iżjed bis-sħiħ, jgħajjixhom b'Ġismu u b'Demmu u jagħtihom sehem mill-ħajja glorjuża tiegħu. Għalhekk ir-restawrazzjoni mwiegħda lilna, u li aħna qed nistennew, diġà bdiet permezz ta' Kristu, qiegħda titkompla bl-Ispirtu s-Santu mibgħut fostna, u bih tibqa' sseħħ fil-Knisja. Bis-saħħa tal-fidi tagħna, f'din il-Knisja nitgħallmu x'tifsira għandha għalina l-ħajja tagħna ta' din l-art, u kollna tama fil-ġid li għad irid jiġi naqdu sal-aħħar il-missjoni li l-Missier tana fuq din l-art u naħdmu għas-salvazzjoni tagħna (cf. Fil 2,12).

Mela aħna diġà qegħdin fl-aħħar żminijiet (cf. 1 Kor 10,11), it-tiġdid tad-dinja diġà huwa deċiż u d-deċiżjoni ma titteħidx lura; dan it-tiġdid b'xi mod diġà qiegħed realment jinħass sa minn issa: għax il-Knisja, sa minn din id-dinja stess, hi mogħnija bi qdusija tassew, imqar jekk din il-qdusija għadha imperfetta. Madankollu, sa ma jiġu smewwiet ġodda u dinja ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja (cf. 2 Pt 3,13), il-Knisja, hi u miexja fuq din l-art, fis-sagramenti u fl-istituzzjonijiet tagħha magħmula għad-dinja ta' issa, tidher liebsa x-xbieha ta' dan iż-żmien li jgħaddi, anzi hi nnifisha tgħix mal-ħlejjaq li għadhom sa issa jokorbu u jwelldu, huma u jistennew id-dehra ta' wlied Alla (cf. Rum 8,19-22). Għalhekk, magħqudin ma' Kristu fil-Knisja u ssiġillati mill-Ispirtu s-Santu "li hu r-rahan tal-wirt tagħna" (Ef 1,14), aħna nissejħu wlied Alla u tassew aħna (cf. 1 Ġw 3,1), iżda għad ma deherniex ma’ Kristu fil-glorja (cf. Kol 3,4) li fiha nkunu bħal Alla għax narawh kif inhu (cf. 1 Ġw 3,2). Għalhekk, "sakemm indumu mlibbsa b'dan il-ġisem, nibqgħu 'l bogħod mill-Mulej" (2 Kor 5, 6), u aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna (cf. Rum 8,23) u nixtiequ li nkunu ma' Kristu (cf. Fil 1,23). Hija l-istess karità li ġġegħilna ngħixu dejjem iżjed għalih li miet u rxoxta għalina (cf. 2 Kor 5,15). Għalhekk aħna nfittxu li nogħġbu lill-Mulej f'kollox (cf. 2 Kor 5,9) u nilbsu l-armatura ta' Alla biex inkunu nifilħu nieqfu għat-tnassis tax-xitan u nieqfu fi żmien il-ħażen (cf. Ef 6,11-13). U billi la nafu l-jum u lanqas is-siegħa, jeħtieġ li, kif wissiena l-Mulej, nishru l-ħin kollu biex, wara li ntemmu din il-ħajja, li tiġi darba biss (cf. Lhud 9,27), aħna jistħoqqilna nidħlu għall-festa tat-tieġ u ningħaqdu mal-imberkin (cf. Mt 25,31-46) u ma nkunux ordnati, bħall-qaddej ħażin u għażżien (cf. Mt 25,26), li mmorru fin-nar ta' dejjem (cf. Mt 25,41), mitfugħin barra fid-dlam fejn hemm "il-biki u t-tgħażżiż tas-snien" (Mt 22,13; 25,30). Għaliex, qabel ma nsaltnu ma' Kristu glorjuż, aħna lkoll għad nidhru "quddiem it-tribunal ta' Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem" (2 Kor 5,10) u, fl-aħħar tad-dinja, "dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna" (Ġw 5,29; cf. Mt 25,46). Għalhekk, waqt li nistmaw illi "t-tbatijiet ta' issa ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina" (Rum 8,18; 2 Tim 2,11-12), aħna nistennew, qawwijin fil-fidi, "it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-Kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu” (Tit 2,13) li “għad ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu" (Fil 3, 21) u li għad jiġi "biex jieħu l-glorja mingħand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li jkunu emmnu fih" (2 Tes 1,10).

Komunjoni tal-Knisja tas-sema mal-Knisja pellegrina fuq l-art

49. Għalhekk, sakemm il-Mulej jerġa' jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu (cf. Mt 25,31) u, bil-qerda tal-mewt, kollox jitqiegħed taħt riġlejh (cf. 1 Kor 15,26-27), xi wħud mid-dixxipli tiegħu għadhom pellegrini fuq l-art, u oħrajn li diġà ħallew din il-ħajja jew qegħdin jissaffew jew diġà qegħdin fis-sebħ u jaraw "ċar 'l Alla kif inhu fih innifsu, wieħed fi tliet persuni"[146]. Iżda lkoll, min fi grad min f'ieħor, min mod min ieħor, nikkomunikaw fl-istess imħabba ta' Alla u tal-proxxmu u lkoll inkantaw l-istess innu ta' tifħir lil Alla tagħna. Għaliex dawk kollha li huma ta' Kristu għandhom l-istess Spirtu u huma f'xirka waħda fil-Knisja, u fi Kristu huma f'għaqda ma' xulxin (cf. Ef 4,16). Għalhekk l-għaqda ta' dawk li għadhom pellegrini fuq l-art ma' dawk li qegħdin fir-raqda tas-sliem fi Kristu bl-ebda mod ma tinqata', anzi, kif żammet minn dejjem il-Knisja, tissaħħaħ bil-komunikazzjoni bejniethom tal-ġid spiritwali[147]. Għaliex il-qaddisin tas-sema, bis-saħħa tal-għaqda iżjed intima tagħhom ma' Kristu, iwettqu l-Knisja kollha fil-qdusija, jagħmlu iżjed nobbli l-kult li hija tagħti lil Alla fuq l-art u jgħinu b'modi differenti biex il-bini tagħha jikber u jinfirex (cf. 1 Kor 12,12-27)[148]. Infatti l-qaddisin, milqugħin fil-patrija tas-sema, jgħixu quddiem il-Mulej (cf. 2 Kor 5,8) u ma jieqfu qatt li, permezz tiegħu, miegħu u fih, jitolbu għalina quddiem il-Missier[149]. Huma joffru l-merti li huma kisbu fl-art permezz ta' Ġesù Kristu, Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin (cf. 1 Tim 2,5), fejn huma qdew 'l Alla f'kollox u temmew f'ġisimhom dak li jonqos fit-tbatijiet ta' Kristu għall-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja (cf. Kol 1,24)[150]. Għalhekk il-ħerqa tagħhom ta' aħwa tgħin ħafna d-dgħufija tagħna.

Relazzjonijiet tal-Knisja pellegrina fuq l-art mal-Knisja tas-sema

50.  Il-Knisja ta' dawk li għadhom fil-vjaġġ fuq din l-art tagħraf sewwa din l-għaqda li hemm fil-ġisem mistiku kollu ta' Kristu u, sa mill-ewwel żmien tar-reliġjon nisranija, dejjem qiemet bi tjieba kbira t-tifkira tal-mejtin[151]. U, għaliex huwa "ħsieb qaddis u li jagħmel il-ġid'' titlob għall-mejtin biex huma jinħelsu minn dnubiethom" (2 Mak 12,46), offriet ukoll suffraġji għalihom. Il-Knisja dejjem emmnet illi l-appostli u l-martri ta' Kristu, li taw bit-tixrid ta' demmhom l-aqwa xhieda tal-fidi u tal-karità, huma marbutin sfiq magħna fi Kristu. Għalhekk, flimkien mal-Verġni Mbierka Marija u mal-anġli mqaddsa[152], hija dejjem tathom qima bi mħabba speċjali u bi tjieba sejħet l-għajnuna tal-interċessjoni tagħhom. Magħhom f'qasir żmien il-Knisja żiedet lil dawk li imitaw aktar mill-qrib il-verġinità u l-faqar ta' Kristu[153], u fl-aħħar lill-oħrajn kollha li l-kariżmi tagħhom u l-prattika straordinarja tal-virtujiet insara li huma ħarsu[154] għamluhom eżempju għall-fidili u qanqlu devozzjoni ta' tjieba lejhom[155].

Infatti, waqt li aħna nħarsu lejn il-ħajja ta' dawk li mxew wara Kristu bil-fedeltà, aħna nħossu ruħna mħeġġa minn konsiderazzjonijiet ġodda għala għandna nfittxu li naslu fil-belt li għad trid tiġi (cf. Lhud 13,14; 11,10), u fl-istess ħin nitgħallmu t-triq l-aktar żgura li minnha għandna ngħaddu biex, fost il-ħwejjeġ tad-dinja li jitbiddlu, aħna nistgħu naslu, kulħadd skont l-istat u l-kundizzjoni tiegħu, għall-għaqda perfetta ma' Kristu, jiġifieri għall-qdusija[156].  Fil-ħajja ta' dawk li, għalkemm imseħbin magħna fin-natura tagħna l-bnedmin, b'danakollu huma mibdula b'mod iżjed perfett fix-xbieha ta' Kristu (cf. 2 Kor 3,18), Alla juri b'mod ħaj il-preżenza tiegħu u wiċċu lill-bnedmin. Fihom huwa jkellimna u jagħtina sinjal tas-saltna tiegħu[157] li lejha aħna, li għandna madwarna sħaba hekk kbira ta' xhieda (cf. Lhud 12,1) u xhieda hekk kbira tal-verità tal-evanġelju, inħossuna miġbuda b'qawwa.

Iżda aħna ma nqimux it-tifkira tal-qaddisin biss biex nieħdu eżempju minnhom, iżda ħafna iżjed sabiex l-għaqda tal-Knisja kollha fl-Ispirtu tissaħħaħ bil-prattika tal-karità tal-aħwa (cf. Ef 4,1-6). Għaliex kif l-għaqda nisranija fost dawk li huma pellegrini fuq l-art twassalna iżjed qrib lejn Kristu, hekk ukoll il-komunjoni mal-qaddisin tgħaqqadna ma' Kristu li minnu, bħal minn għajn u minn ras, tiġi kull grazzja u l-ħajja tal-poplu ta' Alla nnifsu[158]. Huwa għalhekk xieraq ħafna illi aħna nħobbu lil dawn il-ħbieb u werrieta ta' Kristu, ħbiebna u benefatturi kbar tagħna, li nagħtu l-ħajr li jmiss 'l Alla għalihom[159], li "bil-qalb insejħulhom u nitolbu l-interċessjoni, il-qawwa u l-għajnuna tagħhom biex jaqilgħulna mingħand Alla permezz ta' Ġesù Kristu, Mulej tagħna, li hu l-uniku Feddej u Salvatur tagħna, il-grazzji li nkunu neħtieġu"[160]. Għaliex kull xhieda ġenwina li aħna nagħtu tal-imħabba tagħna għall-qaddisin, min-natura tagħha hija indirizzata lejn Kristu u tispiċċa fih li hu "l-kuruna tal-qaddisin kollha"[161], u, permezz tiegħu, tingħata glorja lil Alla li hu tal-għaġeb fil-qaddisin tiegħu[162].

L-għaqda tagħna mal-Knisja tas-sema sseħħ b'mod l-iżjed għoli waqt li aħna, fil-liturġija mqaddsa, li fiha l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu taħdem fuqna permezz tas-sinjali sagramentali, niċċelebraw flimkien f'għaqda ta' ferħ it-tifħir lill-kobor ta' Alla[163]. F'dan il-waqt aħna lkoll, mifdijin bid-demm ta' Kristu, minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens (cf. Apk 5,9), u miġburin fi Knisja waħda, ngħannu flimkien għanja waħda ta' tifħir lit-Trinità Mqaddsa Alla wieħed. Għalhekk, meta niċċelebraw is-sagrifiċċju ewkaristiku aħna ningħaqdu fl-ogħla mod mal-kult tal-Knisja tas-sema waqt li nissieħbu magħha f'xirka ta' mħabba u niċċelebraw qabel kollox it-tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija, iżda wkoll ta' San Ġużepp, tal-appostli u l-martri, u tal-qaddisin kollha[164].

Dispożizzjonijiet pastorali

51. Il-Konċilju mqaddes jaċċetta b'qima ta' tjieba kbira din il-fidi venerabbli ta' missirijietna dwar l-għaqda tagħna ma' ħutna li huma fil-glorja tas-sema jew li, wara mewthom, qegħdin jissaffew minn dnubiethom, u jerġa' jipproponi d-digrieti tat-Tieni Konċilju ta' Nicea[165], tal-Konċilju ta’ Firenze[166] u tal-Konċilju ta’ Trentu[167]. Fl-istess ħin dan il-Konċilju jħoss ir-responsabbiltà pastorali tiegħu u għalhekk iħeġġeġ lil dawk kollha li huma fid-dmir biex joqogħdu attenti ħalli, jekk 'il hawn u 'l hemm jidħlu xi abbużi jew xi eċċessi jew xi difetti, jikkontrollawhom jew jikkoreġuhom u jġeddu kollox biex tingħata l-foħrija kollha lil Kristu u lil Alla. Għalhekk huma għandhom jgħallmu lill-fidili li l-qima awtentika lill-qaddisin ma tikkonsistix l-iżjed fl-għadd ta' atti esterjuri, iżda x'aktarx fl-intensità tal-imħabba attiva tagħna li biha, għall-akbar ġid tagħna u tal-Knisja, aħna nfittxu mill-qaddisin "eżempju mill-ħajja tagħhom, sehem mill-għaqda tagħhom u għajnuna mit-talb tagħhom"[168]. Min-naħa l-oħra jeħtieġ li huma jgħallmu lill-fidili li r-relazzjoni tagħna mal-qaddisin, sakemm narawha fid-dawl kollu tal-fidi, ma tnaqqas xejn mill-qima latrewtika mogħtija lil Alla l-Missier permezz ta' Kristu fl-Ispirtu, anzi hija tagħniha u tagħmilha iżjed intensa[169].

Infatti aħna lkoll, li aħna wlied Alla u nagħmlu familja waħda fi Kristu (cf. Lhud 3,6), meta nkunu magħqudin fl-imħabba ta' xulxin u fit-tifħir flimkien lit-Trinità Qaddisa, inwieġbu għas-sejħa intima tal-Knisja u nieħdu sehem sa minn issa fit-tgawdija tal-liturġija tal-glorja sħiħa fis-sema[170]. Għaliex meta Kristu għad jidher u jseħħ il-qawmien mill-imwiet tal-qaddisin fil-glorja, id-dija ta' Alla ddawwal il-belt tas-sema u l-musbieħ tagħha jkun il-Ħaruf (cf. Apk 21,24). Imbagħad il-Knisja kollha tal-qaddisin, fl-hena tal-ogħla mħabba, għad tadura 'l Alla u "l-Ħaruf li kien maqtul" (Apk 5,12), u b’leħen wieħed tgħid: "Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma, għal dejjem ta' dejjem" (Apk 5, 13-14).

  

Kap VIII

L-IMQADDSA VERĠNI MARIJA OMM ALLA FIL-MISTERU TA' KRISTU U TAL-KNISJA

 

I - DAĦLA

Il-Verġni Mqaddsa fil-misteru ta' Kristu

52. Alla, tal-akbar tjubija u tal-ogħla għerf, ried illi jtemm il-fidwa tad-dinja u għalhekk, "meta waslet il-milja taż-żminijiet, bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara... biex ikollna l-adozzjoni ta' wlied" (Gal 4,4-5). "Għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna niżel mis-smewwiet u ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni"[171]. Dan il-misteru ta' salvazzjoni kien irrivelat lilna u jitkompla fil-Knisja li l-Mulej għamilha ġismu u li fiha l-fidili kollha, f'għaqda ma' Kristu r-ras tagħhom u f'xirka mal-qaddisin kollha, għandhom iqimu qabel kollox il-glorjuża dejjem Verġni Marija Omm Alla u Sidna Ġesù Kristu[172].

Marija u l-Knisja

53.  Infatti l-Verġni Marija, li mat-tħabbira tal-anġlu laqgħet f'qalbha u f'ġisimha l-Verb ta' Alla u tat il-Ħajja lid-dinja, hija magħrufa u meqjuma bħala vera Omm ta' Alla u tal-Feddej. Mifdija b'mod l-iżjed sublimi minħabba l-merti ta' Binha u magħquda miegħu b'rabta qawwija li ma tinħallx, il-Verġni Marija kienet mogħnija bir-responsabbiltà u bid-dinjità ta' Omm l-Iben ta' Alla. Għalhekk hija l-bint l-aktar maħbuba tal-Missier u s-santwarju tal-Ispirtu s-Santu. Bl-għoti ta' din il-grazzja hekk kbira hija tisboq bil-ħafna lill-kreaturi l-oħra kollha, fis-sema u fl-art. Fl-istess ħin hija tinsab magħquda, min-nisel ta' Adam, mal-bnedmin kollha; anzi "hija tassew l-omm tal-membri kollha (ta' Kristu)... għaliex hija kkoperat bl-imħabba tagħha għat-twelid fil-Knisja tal-insara li huma l-membri tal-istess ras"[173]. Huwa għalhekk illi hi magħrufa bħala membru għoli u singulari tal-Knisja u bħala x-xbieha u l-mudell tagħha l-aktar perfett fil-fidi u fil-karità. Mgħallma mill-Ispirtu s-Santu, b'sentimenti ta' mħabba ta' bint, il-Knisja Kattolika tqimha bħala omm l-aktar maħbuba.

L-intenzjoni tal-Konċilju

54.  Għalhekk il-Konċilju mqaddes, waqt li qiegħed jesponi t-tagħlim dwar il-Knisja li biha l-Feddej divin iħaddem is-salvazzjoni, irid b'mod xieraq ifisser x'kien is-sehem tal-Verġni Mqaddsa fil-Misteru tal-Verb magħmul bniedem u tal-Ġisem Mistiku u x'inhuma d-dmirijiet tal-bnedmin mifdija lejn Omm Alla, Omm Kristu u omm il-bnedmin u, fuq kollox, omm il-fidili. Iżda l-Konċilju m'għandux ħsieb jagħti tagħlim sħiħ dwar Marija u anqas irid jaqta' l-kwistjonijiet li l-istudji teoloġiċi għad ma waslux biex jitfgħu dawl sħiħ fuqhom. Bid-dritt kollu għalhekk jistgħu jibqgħu jinżammu dawk l-opinjonijiet li huma mgħallma bil-libertà kollha fl-iskejjel kattoliċi dwar dik li fil-Knisja mqaddsa tokkupa, wara Kristu, il-post l-aktar għoli u fl-istess ħin l-aktar qrib lejna[174].

II - SEHEM IL-VERĠNI MARIJA FIL-PJAN TAS-SALVAZZJONI

Omm il-Messija fit-Testment il-Qadim

55. Il-kotba tat-Testment il-Qadim u tat-Testment il-Ġdid u t-tradizzjoni mqaddsa juruna b'mod dejjem iżjed ċar is-sehem ta' Omm il-Feddej fil-pjan tas-salvazzjoni u bħal jipproponuhielna għall-kontemplazzjoni tagħna. Il-kotba tat-Testment il-Qadim, infatti, jiddeskrivu l-istorja tas-salvazzjoni li tħejji bil-mod il-mod il-miġja ta' Ġesù Kristu fid-dinja. Dawn l-ewwel dokumenti, kif jinqraw fil-Knisja u jinftiehmu fid-dawl tar-rivelazzjoni aktar sħiħa li ġiet wara, iqiegħdu f'dawl aktar ċar ix-xbieha tal-mara, Omm il-Feddej. F'dan id-dawl hi diġà msemmija profetikament fil-wegħda, magħmula lill-ewwel ġenituri wara li waqgħu fid-dnub, li s-serpent kellu jkun mirbuħ (cf. Ġen 3,15). Bl-istess mod hi dik il-Verġni li kellha tnissel u tiled Iben li kellu jissejjaħ Għimmanu-El (cf. Is 7,14; cf. Mik 5,2-3; Mt 1,22-23). Hi l-ewwel fost l-umli u l-fqar tal-Mulej, li minnu jittamaw b'fiduċja s-salvazzjoni u jiksbuha. U fl-aħħar,  magħha, il-bint l-aktar glorjuża ta' Sijon, u wara l-mistennija twila tal-wegħda, jintemmu ż-żminijiet u sseħħ ekonomija ġdida meta l-Iben ta' Alla ħa minnha n-natura umana biex jeħles il-bniedem mid-dnub, bil-misteri li ġarrab fil-ġisem tiegħu.

Marija fit-tħabbira tal-anġlu

56.  Missier il-ħniena ried illi l-aċċettazzjoni ta' dik li kienet magħżula biex tkun omm issir qabel l-inkarnazzjoni biex b'hekk, kif mara tat sehem biex tiġi l-mewt, mara wkoll tagħti sehem biex tiġi l-ħajja. Dan jgħodd b'mod li jisboq kull mod ieħor għal Omm Ġesù li tat lid-dinja l-istess ħajja li kollox iġġedded, l-omm li kienet mogħnija minn Alla b'doni li jixirqu dmir hekk għoli. Xejn mhu tal-għaġeb, għalhekk, illi fost is-santi padri daħlet id-drawwa illi jsejħu 'l Omm ta' Alla bħala kollha kemm hi qaddisa, il-meħlusa minn kull tebgħa ta' dnub, dik li bħal kienet ipplażmata mill-Ispirtu s-Santu u minnu magħmula kreatura ġdida[175]. Għalhekk lill-Verġni ta' Nazaret, li sa mill-ewwel mument tal-konċepiment tagħha kienet mogħnija bid-dija tal-qdusija, l-anġlu li jagħtiha t-tħabbira, isellmilha, b'rieda tal-Missier, bħala "l-mimlija bil-grazzja" (cf. Lq 1,28) u għal din l-aħbar tas-sema hija twieġeb: "Jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek"  (Lq 1,38). Għalhekk Marija, bint Adam, meta laqgħet il-kelma ta' Alla saret Omm Ġesù u, waqt li ħaddnet bil-qalb kollha u mingħajr ebda tfixkil ta' dnub ir-rieda ta' Alla li jsalva, hi tat ruħha kollha kemm hi, bħala qaddejja tal-Mulej, lill-persuna u lill-ħidma ta' Binha; b'hekk taħt Kristu u ma' Kristu, bil-grazzja ta' Alla li jista' kollox, hija qdiet il-misteru tal-fidwa. Bir-raġun is-santi padri jżommu li Marija ma kenitx biss strument passiv f'idejn Alla iżda li kkoperat għas-salvazzjoni tal-bniedem bil-fidi u bl-ubbidjenza li hi tat bil-libertà kollha tagħha. Infatti, bħalma jgħid San Irenew, "meta obdiet, hija saret il-kawża ta' salvazzjoni għaliha stess u għall-ġens kollu tal-bnedmin"[176]. Għalhekk mhux ftit mis-santi padri tal-qedem, fil-predikazzjoni tagħhom, sostnew bil-qalb: "L-għoqda tad-diżubbidjenza ta' Eva nħallet bl-ubbidjenza ta' Marija; dak li l-verġni Eva kienet rabtet bin-nuqqas ta' twemmin, il-Verġni Marija ħallet bil-fidi"[177]; u waqt li jxebbhuha ma' Eva, isejħu lil Marija "omm il-ħajjin"[178] u spiss ħafna jistqarru: "il-mewt permezz ta' Eva, il-ħajja permezz ta' Marija"[179].

Marija u t-tfulija ta' Ġesù

57.  Din l-għaqda tal-Omm ma' Binha fil-ħidma tas-salvazzjoni tidher sa minn żmien it-tnissil verġinali ta' Kristu sal-ħin ta' mewtu; l-ewwel nett, meta Marija qamet u marret tħaffef iżżur lil Eliżabetta, u din sellmitilha hienja għaliex emmnet fis-salvazzjoni mwiegħda u l-prekursur qabeż bil-ferħ f'ġuf ommu (cf. Lq 1,41-45 ); imbagħad fit-twelid, meta Omm Alla wriet ferħana lir-rgħajja u lill-Maġi l-Iben waħdieni tagħha li ma kienx naqqas iżda qaddes l-integrità verġinali tagħha[180]. Iżda meta ppreżentatu lill-Mulej fit-tempju u tat l-offerta tal-fqar, hija semgħet lil Xmun iħabbrilha illi Binha kellu jkun sinjal li jmeruh u li sejf kellu jinfdilha ruħha biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna (cf. Lq 2,34-35). Meta t-tfajjel Ġesu ntilef u l-ġenituri tiegħu fittxewh bin-niket f'qalbhom u sabuh fit-tempju mehdi fil-ħwejjeġ ta' Missieru, huma ma fehmux il-kliem ta' Binhom. Iżda Ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom (cf. Lq 2,41-51).

Il-Verġni Mqaddsa fil-ministeru pubbliku ta' Ġesù

58. Fil-ħajja pubblika ta' Ġesù Ommu narawha tispikka qabel xejn fil-bidu nett meta, fit-tieġ ta' Kana, imqanqla mill-ħniena, seħħ bis-saħħa tagħha l-ewwel fost is-sinjali ta' Ġesù l-Messija (cf. Ġw. 2,1-11). Matul il-predikazzjoni ta' Binha hija laqgħet il-kliem li bih huwa għolla s-saltna 'l fuq mill-kundizzjonijiet u r-rabtiet tal-ġisem u tad-demm u sejjaħ hienja lil dawk li jisimgħu u jgħożżu l-kelma ta' Alla (cf. Mk 3,35 par; Lq 11,27-28), bħalma hi kienet fedelment taghmel (cf. Lq 2,19.51). Hekk ukoll il-Verġni Mqaddsa mxiet 'il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta' fidi u żammet bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma' Binha sas-salib fejn, mhux mingħajr pjan ta' Alla, hi baqgħet wieqfa (cf. Ġw 19,25), qasmet b'qawwa ma' Binha t-tbatijiet tiegħu u ngħaqdet b'qalb ta' omm mas-sagrifiċċju tiegħu waqt li bi mħabba tat il-kunsens tagħha għall-offerta tal-vittma li hi kienet wildet. U fl-aħħar, mill-istess Kristu Ġesù li kien qiegħed imut fuq is-salib, hi ngħatat lid-dixxiplu bħala omm b'dan il-kliem: "Mara, hawn hu ibnek" (cf. Ġw. 19,26)[181].

Il-Verġni Mqaddsa wara t-tlugħ fis-sema ta' Ġesù

59.  B'danakollu, billi Alla ried li ma jurix b'mod solenni l-misteru tas-salvazzjoni qabel ma jinżel l-Ispirtu mwiegħed minn Kristu, aħna naraw illi, qrib Pentekoste, l-Appostli "lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma' xi nisa, u ma' Marija, Omm Ġesù, u ma' ħutu" (Atti 1,14); naraw ukoll lil Marija titlob hi stess id-don tal-Ispirtu li fit-tħabbira tal-anġlu kien xeħet dellu fuqha. Fl-aħħar, il-Verġni Immakulata, li kienet inżammet ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali[182], wara li temmet il-kors ta' ħajjitha fuq l-art, ittellgħet fil-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem[183] u tgħolliet mill-Mulej bħala reġina tal-univers kollu biex issir tixbah iżjed bis-sħiħ lil Binha, Sultan tas-slaten (cf. Apk 19,16) u rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt[184].

III - IL-VERĠNI MQADDSA U L-KNISJA

Marija, qaddejja tal-Mulej, fil-ħidma tal-fidwa u tal-qdusija

60.  Wieħed hu l-Medjatur tagħna skond il-kliem tal-appostlu: "Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd" (1 Tim 2,5-6). Is-sehem ta' Marija bħala omm bl-ebda mod ma jdallam jew inaqqas il-medjazzjoni ta' Kristu, iżda juri kemm hi qawwija. Għaliex kull influwenza ta' salvazzjoni tal-Verġni Mqaddsa fuq il-bnedmin mhix ġejja minn xi ħtieġa iżda mir-rieda ta' Alla u toħroġ mill-kotra mfawra tal-merti ta' Kristu, tistrieħ fuq il-medjazzjoni tiegħu, tiddependi għalkollox u tieħu l-qawwa minnha. Din l-influwenza tal-Madonna bl-ebda mod ma tfixkel f’dawk li jemmnu l-għaqda immedjata tagħhom ma' Kristu, anzi tħaffifha.

Koperazzjoni mal-fidwa

61.  Il-Verġni Mbierka kienet mill-eternità ppredestinata biex tkun Omm Alla b'digriet wieħed flimkien mal-Inkarnazzjoni tal-Verb ta' Alla. Il-providenza ta' Alla riditha tkun f'din l-art l-omm twajba tal-Feddej u l-qaddejja umli tal-Mulej, li b'qalb kbira u b'manjiera speċjali ssieħbet miegħu f'ħidmietu. Hi nisslet lil Kristu, wilditu, rabbietu, offrietu lill-Missier fit-tempju, u sofriet ma' Binha huwa u jmut fuq is-salib; b'hekk hi kellha sehem speċjali fil-ħidma tas-Salvatur, u bl-ubbidjenzna tagħha, bil-fidi, bit-tama u l-ħeġġa tal-karità tagħha, hi kkoperat miegħu biex l-erwieħ jiksbu mill-ġdid il-ħajja soprannaturali. Minħabba f'hekk hija kienet għalina omm fl-ordni tal-grazzja.

Ħidma ta' salvazzjoni subordinata

62.  Marija bdiet tkun ommna fil-pjan tal-grazzja sa minn mindu hi tat il-kunsens tagħha għat-tħabbira tal-anġlu, kunsens li hi żammet bla eżitazzjoni taħt is-salib; u għadha u tibqa' ommna sa ma sseħħ għalkollox il-ġemgħa tal-magħżulin kollha. Għax għalkemm ittellgħet fis-sema, hi ma telqitx minn taħt idejha din il-ħidma għas-salvazzjoni tagħna imma għadha tidħol għalina b'kull mod biex Alla jagħtina l-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni ta' dejjem[185]. Fl-imħabba tagħha ta' omm hija taħseb il-ħin kollu f'dawk l-aħwa ta' Binha li, fit-triq tagħhom lejn is-sema, għadhom jitħabtu fost perikli u diffikultajiet, u tibqa' tieħu ħsiebhom sa ma jidħlu fil-patrija tal-hena. Għalhekk fil-Knisja l-Verġni Mbierka tissejjaħ bl-ismijiet ta' Avukata, Awżiljatriċi, Għajnuna, Medjatriċi[186]. Madankollu ħadd m'għandu jaħseb li b'daqshekk qiegħda titnaqqas jew tiżdied xi ħaġa fil-kobor u l-qawwa ta' Kristu, li hu waħdu l-Medjatur[187].

Infatti ebda kreatura ma tista' qatt titqabbel mal-Iben ta' Alla magħmul bniedem u Feddej. Imma kif il-ministri sagri u l-poplu tal-fidili, b'modi diversi, għandhom sehem mis-saċerdozju ta' Kristu, u kif il-ħlejjaq kollha, b'modi diversi, jieħdu tassew mit-tjubija ta' Alla, hekk ukoll jiġri fil-medjazzjoni waħdanija ta' Kristu; mhux biss ma teskludix, iżda tqanqal ukoll il-ħlejjaq biex jikkoperaw b'modi diversi u jieħdu sehem f'ħidma li ġejja minn għajn waħdanija.

Il-Knisja ma żżommx lura milli tistqarr din il-funzjoni subordinata ta' Marija; hija tħossha l-ħin kollu u tirrakkomandaha lill-qalb tal-fidili biex, imqawwija minn din l-għajnuna ta' omm, jingħaqdu iżjed intimament mal-Medjatur u Salvatur.

Marija, Verġni u Omm, mudell tal-Knisja

63. Il-Verġni Mbierka, bid-don u d-dmir tal-maternità divina li tgħaqqadha mal-Iben Feddej, u bil-grazzji u d-dmirijiet singulari tagħha, hi intimament marbuta wkoll mal-Knisja: Omm Alla, kif diġà għallem San Ambroġ, hija xbieha tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma' Kristu[188]. Infatti fil-misteru tal-Knisja, fejn ukoll ġustament tissejjaħ verġni u omm, l-Imqaddsa Verġni Marija hi l-ewwel u tagħti eżempju għoli u singulari ta' Verġni u Omm[189]. Għaliex bil-fidi u l-ubbidjenza tagħha ġġenerat fuq l-art l-istess Iben tal-Missier mingħajr ma' għarfet raġel, imma taħt id-dell tal-Ispirtu s-Santu, bħal Eva ġdida, emmnet mhux lis-serpent il-qadim iżda lill-ħabbâr ta' Alla, u emmnitu b'fidi mhux mittiefsa b'xi dubju. Hija mbagħad wildet Iben, li Alla għamlu l-kbir fost ħafna aħwa (Rum 8,29), jiġifieri fost il-fidili, li għat-twelid mill-ġdid u l-formazzjoni tagħhom hija tikkopera bi mħabba ta' omm.

Il-Knisja Verġni u Omm

64. Il-Knisja, li tikkontempla l-qdusija misterjuża ta' Marija, timita fiha l-karità u tagħmel bil-fedeltà r-rieda tal-Missier, issir hi wkoll omm, waqt li tilqa' b'fedeltà l-kelma ta' Alla; għaliex bil-predikazzjoni u l-magħmudija hi tiled għal ħajja ġdida u li ma tintemm qatt ulied li huma mnisslin minn Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Knisja hi wkoll verġni li tħares sħiħa u safja l-kelma li tat lill-Għarus tagħha u, waqt li timita l-Omm tal-Mulej tagħha, tħares b’safa verġinali fidi sħiħa, tama qawwija u karità sinċiera.[190]

Il-virtujiet ta' Marija li l-Knisja għandha timita

65.  Waqt li l-Knisja diġà laħqet fil-Verġni Mbierka l-perfezzjoni li biha hija bla tebgħa u bla tikmixa (cf. Ef 5,27), il-fidili għadhom jitħabtu biex jirbħu d-dnub u jikbru fil-qdusija; u għal dan l-iskop huma jgħollu għajnejhom lejn Marija li tiddi bħala mudell ta' virtù għall-komunità kollha tal-magħżulin. Il-Knisja, waqt li taħseb fiha bit-tjieba u tikkontemplaha fid-dawl tal-Verb magħmul bniedem, tidħol bil-qima aktar fil-fond fil-misteru l-aktar għoli tal-Inkarnazzjoni u ssir tixbah dejjem iżjed lill-Għarus tagħha. Marija, infatti, minħabba s-sehem tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni, b'xi mod tgħaqqad fiha u tirrifletti l-ġrajja ewlenija tal-fidi; għalhekk, waqt li titħabbar u tingħatalha qima, hija ssejjaħ lil dawk li jemmnu biex jersqu lejn Binha, lejn is-sagrifiċċju tiegħu u lejn l-imħabba tal-Missier. Min-naħa tagħha l-Knisja, waqt li tfittex il-glorja ta' Kristu, issir dejjem aktar tixbah lil dan il-mudell tant għoli tagħha waqt li timxi 'l quddiem il-ħin kollu fil-fidi, fit-tama u fil-karità u f'kollox tfittex ir-rieda ta' Alla u tagħmilha. Minn hawn jiġi li wkoll fil-ħidma appostolika tagħha l-Knisja tħares ġustament lejn dik li ġġenerat lil Kristu mnissel mill-Ispirtu s-Santu u mwieled minn Verġni biex, permezz tal-Knisja, jitwieled u jikber ukoll fil-qalb tal-fidili. Il-Verġni Marija, tul ħajjitha kollha, kienet il-mudell ta' dik l-imħabba ta' omm li għandu jkollhom dawk kollha li jikkoperaw fil-ħidma appostolika tal-Knisja għat-twelid mill-ġdid tal-bnedmin.

IV - IL-KULT TAL-VERĠNI MQADDSA FIL-KNISJA

Natura u fundament tal-kult tal-Madonna

66. Marija, li bil-grazzja ta' Alla tgħolliet, wara Binha, fuq l-anġli u l-bnedmin kollha, hi bir-raġun meqjuma mill-Knisja b'kult speċjali għaliex kienet l-omm ta' Alla l-iżjed qaddisa li ħadet sehem fil-misteri ta' Kristu. Fil-fatt, sa mill-eqdem żmien tal-Knisja, il-Verġni Mqaddsa kienet meqjuma bħala Omm Alla, li għandha l-fidili jmorru jitolbu l-ħarsien fil-perikli u l-kenn fil-ħtiġijiet tagħhom kollha[191]. Hu għalhekk illi, l-aktar mill-Konċilju ta' Efesu 'l hawn, il-qima tal-poplu ta' Alla lejn Marija baqgħet tikber b'mod tal-għaġeb, b'venerazzjoni u mħabba, fit-talb u fl-imitazzjoni, skont il-kliem profetiku tagħha: "Kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar" (Lq 12,48). Dan il-kult, hekk kif baqa' jeżisti fil-Knisja, għalkemm huwa għalkollox singulari, huwa fl-istess ħin essenzjalment differenti mill-qima ta' adorazzjoni li tingħata lill-Verb magħmul bniedem hekk kif tingħata lill-Missier u lill-Ispirtu s-Santu. Iżda l-qima lejn il-Madonna twassal għall-adorazzjoni ta' Alla. Il-forom ta' devozzjoni lejn Omm Alla li l-Knisja, fil-limiti ta' tagħlim żgur u ġenwin, approvat skont il-kundizzjoni taż-żmien, tal-post u tal-karattru u l-mentalità tal-fidili, iwasslu biex, waqt li tingħata qima lill-Omm, l-Iben li fih kien maħluq kollox (cf. Kol  1,15-16), u "fih għoġobha tgħammar il-milja kollha (ta' Alla)" (Kol 1,19), ikun magħruf, maħbub, imsebbaħ kif għandu jkun u l-kmandamenti tiegħu miżmuma.

L-ispirtu tal-predikazzjoni u tal-kult

67.  Dan it-tagħlim kattoliku l-Konċilju mqaddes qiegħed jgħallmu espressament waqt li fl-istess ħin iħeġġeġ lill-ulied kollha tal-Knisja biex ġenerożament iġibu 'l quddiem il-qima, l-iżjed dik liturġika, lejn il-Verġni Mqaddsa. Il-Konċilju jħeġġeġ ukoll lill-fidili biex jgħożżu ħafna d-drawwiet ta' devozzjoni lejha li l-maġisteru tal-Knisja inkoraġġixxa matul is-sekli li għaddew u li dak kollu li kien iddegretat fl-imgħoddi dwar il-kult tax-xbihat ta' Kristu, tal-Verġni Mqaddsa u tal-qaddisin jinżamm b'rispett reliġjuż[192]. Il-Konċilju jħeġġeġ ukoll lit-teoloġi u lill-predikaturi tal-kelma ta' Alla biex meta jitkellmu fuq id-dinjità singulari tal-Verġni Mqaddsa joqogħdu attenti li jevitaw kemm esaġerazzjonijiet foloz u kemm ċertu għeluq eċċessiv tal-moħħ[193]. Jalla taħt it-tmexxija tal-maġisteru huma jkomplu l-istudji tal-iskrittura mqaddsa, tas-santi padri u tad-dutturi tal-Knisja, u wkoll tal-liturġiji differenti, b'mod illi jqiegħdu f'dawl ġust is-sehem u l-privileġġi tal-Madonna li dejjem għandhom bħala skop tagħhom lil Kristu, bidu ta' kull verità, qdusija u tjieba. Joqogħdu attenti illi jevitaw bir-reqqa, fil-kliem u fil-kitba, dak kollu li jista' jwassal lill-aħwa mifrudin jew lil kull persuna oħra għal idea żbaljata ta' dak li hu t-tagħlim awtentiku tal-Knisja dwar il-Madonna. Il-fidili mbagħad għandhom jiftakru illi d-devozzjoni vera mhix qiegħda f'xi sentiment sterili u li jgħaddi, u anqas f'xi kredulità fiergħa, iżda ġejja minn fidi vera li twassalna biex nagħrfu l-kobor ta' Omm Alla u tħeġġiġna biex inħobbu bi mħabba ta' wlied lil din Ommna u nimitaw il-virtujiet tagħha.

V - MARIJA SINJAL TA' TAMA U TA' FARAĠ GĦALL-POPLU TA' ALLA PELLEGRIN

Marija sinjal tal-poplu ta' Alla

68.  Sadattant, bħalma Omm Ġesù fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija, fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej (cf. 2 Pt 3,10), bħal sinjal jiddi ta' tama żgura u ta' faraġ għall-poplu ta' Alla fil-mixja tiegħu lejn is-sema.

Marija titlob għall-għaqda tal-insara

69. Għal dan il-Konċilju mqaddes huwa ta' hena u faraġ kbir il-fatt illi wkoll fost l-aħwa mifrudin ma jonqsux dawk li jagħtu lil Omm il-Mulej u s-Salvatur il-qima li jixirqilha; dan hu minnu l-aktar fost l-insara tal-Lvant li dejjem fittxew b'ħerqa u b'devozzjoni li jkunu minn tal-ewwel li jagħtu qima lill-Omm dejjem Verġni ta' Alla[194]. Jalla l-insara kollha jgħollu talb ħerqan lil Omm Alla u Omm il-bnedmin biex hi, imsebbħa fis-sema fuq il-qaddisin u l-anġli kollha, tinterċedi, fix-xirka tal-qaddisin kollha, quddiem Binha biex il-familji kollha tal-popli, kemm dawk li jiżżejnu bl-isem ta' nsara kemm dawk li għadhom ma jafux is-Salvatur tagħhom, jingħaqdu fl-hena, fil-paċi u fil-ftehim, f'poplu ta' Alla wieħed għall-glorja tat-Trinità Qaddisa Alla wieħed.

 

21 ta' Novembru, 1964

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2151, Le 5, Nulli 0 (Total 2156)

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.

 

 


[1] Cf. S. ĊIPRIJANU, Epist. 64,4: PL 3,1017; CSEL (Hartel), III B, p.720; S. ILARJU ta' POITIERS, In Mt 23,6: PL 9,1047; S. WISTIN, passim; S.  ĊIRILLU ta' LIXANDRA, Glaph. in Gen. 2,10; PG 69, 110 A.

[2] Cf. S. GIRGOR IL-KBIR, Hom. in Evang. 19,1: PL 76,1154 B; S.  WISTIN, Serm. 341,9,11: PL 39,1499s.; S. ĠWANN DAMAXXENU, Adv. Iconocl. 11: PG 96,1357.

[3] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer. III, 24,1: PG 7,966 B; HARVEY 2,131; ed. Sagnard, Sources Chr., p.398.

[4] S. ĊIPRIJANU, De Orat. Dom. 23: PL 4,553; HARTEL, III A, p. 285; S. WISTIN, Serm. 71,20,33: PL 38,463s.; S. ĠWANN DAMAXXENU, Adv. Iconocl. 12: PG  96,1358 D.

[5] Cf. ORIĠENE, In Mt. 16,21: PG 13,1443 C;  TERTULLJANU, Adv. Marc 3,7: PL 2,357 C; CSEL 47,3 p.386. Għad-dokumenti liturġiċi cf. Sacramentarium Gregorianum: PL 78,160 B, jew C.; MOHLBERG, Liber Sacramentorum romanae ecclesiae, Ruma, 1960, p.111 XC: “O Alla li meta ssawwar il-Qaddisin tkun qed tħejji għalik għamara għal dejjem..." L-innu Urbs Jerusalem beata  fil-Brevjar monastiku u  Coelestis urbs Jerusalem fil-Brevjar Ruman.

[6] Cf.  S. TUMAS, Summa Theol. III, q.62, a.5, ad 1.

[7] Cf. PIJU XII, IE Mystici Corporis, 29 Gun 1943: AAS 35 (1943), p.208.

[8] Cf. LJUN XIII, IE Divinum Illud, 9 Mej 1897: ASS 29 (1896-97), p.650; PIJU XII, IE Mystici Corporis, 1.c., pp.219-220; DENZ. 2288 (3808); S. WISTIN, Serm. 268,2: PL 38,1232, u f'kitbiet oħra; S. GWANN KRIŻOSTMU, In Eph. Hom. 9,3: PG  62,72; DIDIMU ta’ LIXANDRA, Trin.  21: PG 39,449s.; S. TUMAS, In Col. 1,18 lect. 5; ed. MARIETTI, II n.46: "Hekk kif ġisem wieħed tagħmlu l-unità tar-ruħ, hekk ukoll tagħmel Knisja waħda l-unità tal-Ispirtu".

[9] LJUN XIII, IE Sapientiae christianae, 10 Jan 1890: ASS 22 (1889-90), p.392; Id., IE Satis cognitum, 29 Gun 1896: ASS 28 (1895-96), pp.710 u 724ss.; PIJU XII, IE Mystici Corporis, l.c., pp.199-200.

[10] Cf. PIJU XII, IE Mystici Corporis, l.c., p.221ss; Id., IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), p.571.

[11] LJUN XIII, IE Satis cognitum, l.c., p.713.

[12] Cf. Symbolum Apostolicum: DENZ. 6-9 (10-13); Symb. Nic-Const.: DENZ. 86 (150); coll. Prof. fidei Trid.: DENZ. 994 u 999 (1862 u 1868).

 [13] Ngħidu "Il-Knisja qaddisa, Rumana (kattolika, appostolika)'' fil-Prof. fidei Trid., l.c. u fil-VAT. I, Sess. III. KD de fide cathol.: DENZ 1782 (3001).

[14] S. WISTIN, Civ. Dei, XVIII, 51,2: PL 41, 614.

[15] S. ĊIPRIJANU, Epist. 69,6; PL 3,1142 B;  HARTEL 3 B, p.754: "sagrament inseparabbli ta' għaqda”.

[16] Cf. PIJU XII, Diskors Magnificate Dominum, 2 Nov 1954: AAS 46 (1954), p.669; IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS 39 (147), p.555.

[17] PIJU XI, IE Miserentissimus Redemptor, 8 Mej 1928: AAS 20 (1928), p.171s.; PIJU XII, Diskors Vous nous avez, 22 Set 1956: AAS 48 (1956), p.714.

[18] Cf.  S. TUMAS, Summa Theol. III, q.63, a.2.

[19] Cf. S. ĊIRILLU ta' ĠERUSALEMM, Catch. 17, dwar l-Ispirtu s-Santu, II 35-37, PG 33, 1009-1012; NIC. CABASILAS, De vita in Christo, lib III, dwar is-siwi tal-griżma: PG 150,569-580; S. TUMAS, Summa Theol. III, q.65, a.3 u q.72, a.1 u 5.

[20] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS 39 (1947), l-aktar p.552s.

[21] 1 Kor 7,7: "Kull wieħed għandu d-don proprju tiegħu (idion charisma) minn Alla: wieħed mod, u l-ieħor mod ieħor." Cf. S. WISTIN, De Bono Persev. 14,37: PL 45,1015s.; “Mhux biss is-safa huwa don ta’ Alla, iżda wkoll il-kastità tal-miżżewġin.”

[22] Cf. S. WISTIN, De Praed. Sanct. 14,27: PL 44,980.

[23] S. ĠWANNI KRIŻOSTMU, In Io. Hom 65,1: PG  59,361.

[24] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer. III, 16,6; III 22,1-3: PG  7,925 C-926 A u 955 E-958 A, HARVEY 2,87s. u 120-123; SAGNARD, Ed. Sources Chrèt., pp.290-292 u 372ss.

[25] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Ad. Rom., Praef.: ed. FUNK, I, p.252.

[26] S. WISTIN, Bapt. c. Donat. V. 28,39: PL 43,197: "Huwa ċar, u dan huwa żgur, li meta nitkellmu dwar 'dak li hu ġewwa' jew 'dak li hu barra' l-Knisja, għandna nifhmu ngħiduh għal dak li hu fil-qalb u mhux fil-ġisem." cf. ib. III, 19,26: col.152; V 18,24: col.189; In Io. Tr. 61,2: PL 35,1800, u spiss f'testi oħra.

[27] Cf. Lq 12,48: "Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu." cf. ukoll Mt 5,19-20; 7,21-22; 25,41-46; Ġak 2,14.

[28] Cf. LJUN XIII, IA Praeclara  gratulationis, 20 Ġun 1894: ASS 26 (1893-94), p.707.

[29] Cf. LJUN XIII, IE Satis cognitum, 29 Ġun 1896: ASS 28 (1895-96), p.738.  IE Caritatis Studium, 25 Lul 1898: AAS 31 (1898-99), p.11; PIJU XII, Messaġġ bir-radju Nell'alba, 24 Diċ 1941: ASS 34 (1942), p.21.

[30] Cf. PIJU XI, IE Rerum Orientalium, 8 Set 1928: AAS 20 (1928), p.287; PIJU XII, IE Orientalis Ecclesiae, 9 Apr 1944: AAS 36 (1944), p.137.

[31] Cf. Istruzzjoni tas-Sagra Kongreg. tas-S. Uffizzju, 20 Diċ 1949: AAS 42 (1950), p.142.

[32] Cf. S.TUMAS, Summa Theol. III, q.8, a.3, ad 1.

[33] Cf. Ittra tas-Sagra Kongreg. tas-S. Uffizzju lill-Arċisqof ta' Boston: DENZ. 3869-72.

[34] Cf. EWSEBJU ta' ĊESAREA, Praeparatio Evangelica, 1,1; PG 21,28 AB.

[35] Cf. Benedittu XV, IA Maximum illud: AAS 11 (1919), p.440 u speċjalment pp.451ss.; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae: AAS 18 (1926), pp.68-69; PIJU XII, IE Fidei Donum, 21 Apr 1957: AAS 49 (1957), pp.236-237.

[36] Cf. Didachè, 14: ed. FUNK, I, p.32; S. ĠUSTINU, Dial. 41: PG 6,564; S. IRENEW, Adv. Haer. IV 17,5: PG  7,1023; HARVEY, 2, pp.199ss.; TRENTU, Sess. 22, kap I; DENZ. 939 (1742).

[37] Cf. VAT. I, Sess. IV, KD Pastor aeternus: DENZ. 1821 (3050s.).

[38] Cf. KONĊILJU ta' FIRENZE, Decretum pro Graecis: DENZ. 694 (1307) u VAT. I, ib.: DENZ. 1826 (3059).

[39] Cf. S. GIRGOR, Liber Sacramentorum, Praef. in natali S. Mathiae et S. Thomae: PL 78,51 u 152; cf. Cod. Vat. lat. 3548, f.18; S. ILARJU, In Ps. 67,10: PL 9,450; CSEL 22, p.286; S. ĠIROLMU, Adv. Iovin. 1,26: PL  23,247 A; S.WISTIN, In Ps. 86,4: PL 37,1103; S. GIRGOR IL-KBIR, Mor. in Job, XXVIII, V: PL 76,455-456; PRIMASJU Comm. in Apoc. V: PL  68,924 BC; PASCHASIUS RADB., In Mt. L. VIII, kap. 16: PL 120,561 C; cf. LJUN XIII, I Et Sane, 17 Diċ 1888: AAS 21 (1888), p.321.

[40] Cf. Atti 6,2-6; 11,30; 13,1; 14,23; 20,17; 1 Tes 5,12-13; Fil 1,1; Kol 4,11 u passim.

[41] Cf. Atti 20,25-27; 2 Tim 4,6s. coll. c.; 1 Tim 5,22; 2 Tim 2,2; Tit 1,5; S. KLEMENT ta' RUMA, Ad Cor. 44,3; ed. FUNK, I, p.156.

[42] S. KLEMENT ta' RUMA, Ad Cor. 44,2; ed. FUNK, I, p.154s.

[43] Cf. TERTULLJANU, Praescr. Haer. 32: PL 2,52s.; S. INJAZJU MARTRI, passim.

[44] Cf. TERTULLJANU, Praescr. Haer. 32: PL 2,53.

[45] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer. III, 2,2: PG 7,848A; HARVEY, 2,8; SAGNARD, p.100s.; "manifestatam".

[46] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer.  III, 2,2: PG 7,847; HARVEY, 2,7; SAGNARD, p.100: "custoditur"; cf. ib. IV, 26,2: col. 1053; HARVEY, 2,236 u IV 33,8: col. 1077; HARVEY 2,262.

[47] S. INJAZJU MARTRI, Philad. Praef.; ed. FUNK, I, p.264.

[48] S. INJAZJU MARTRI, Philad. 1,1; Magn. 6,1; ed. FUNK, I, pp.264 u 234.

[49] S. KLEMENT ta' RUMA, l.c., 42,3-4; 44,3-4; 57,1-2; ed. FUNK, I, 152, 156, 171s.; S. INJAZJU MARTRI, Philad. 2; Smyrn. 8, Magn. 3; Trall. 7; ed. FUNK, I, pp.265s.; 282; 232; 246s. eċċ.; S. ĠUSTINU, Apol. 1,65: PG 6,428; S. ĊIPRIJANU, Epist. passim.

[50] Cf. LJUN XIII, IE Satis cognitum, 29 Ġun 1896; ASS 28 (1895-96), p.732.

[51] Cf. TRENTU, Sess. 23, Digr. de Sacr. Ordinis, kap 4: DENZ. 960 (1768); VAT. I, Sess. 4, KD De Ecclesia Christi, kap 3; DENZ. 1828 (3061); PIJU XII, IE Mystici Corporis, 29 Ġun 1943: AAS 35 (1943), pp.209 u 212; CIC, c.329 §1.

[52] Cf. LJUN XIII, I Et Sane, 17 Dic 1888: ASS 21 (1888), pp.321s.

[53] S. LJUN M., Serm. 5,3: PL 54,154.

[54] TRENTU, Sess. 23, kap 3, jiċċita l-kliem 2 Tim 1,6-7 biex jipprova li l-Ordni (Sagri) huwa veru sagrament: DENZ. 959 (1766).

[55] Fi Trad. Apost. 3, ed. BOTTE, Sources Chr., pp.27-30, lill-Isqof jiġi attribwit "il-primat tas-saċerdozju".  Cf. Sacramentarium Leonianum, ed. C. MOHLBERG, Sacramentarium Veronense, Ruma, 1955, p.119:  "... Għall-ministeru tal-ogħla saċerdozju ... temm fis-saċerdoti tiegħek il-milja tal-misteru tiegħek..."; ID., Liber Sacramentorum Romanae Ecclesiae, Ruma, 1960, pp.121-122: "Agħtihom, Mulej, il-kattedra ta' Isqof biex imexxu l-Knisja tiegħek u l-poplu kollu" cf. PL 78,224.

[56] Trad. Apost. 2, ed. BOTTE, p.27.

[57] TRENTU, Sess. 23, kap 4, jgħallem li s-sagrament tal-Ordni (Sagri) jimprimi karattru li ma jitħassarx: DENZ. 960 (1767); cf. ĠWANNI XXIII, Diskors Jubilate Deo, 8 Mej 1960: AAS 52 (1960), p.466; PAWLU VI, Omelija fil-Bażilika Vatikana, 20 Ott 1963: AAS 55 (1963), p.1014.

[58] S. ĊIPRIJANU, Epist. 63,14: PL 4,386; HARTEL, III B, p.713: "Is-saċerdot jaġixxi tabilħaqq flok Kristu." S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In 2 Tim Hom. 2,4: PG  62,612: "Is-saċerdot huwa 'symbolon' ta' Kristu; S.  AMBROĠ, In Ps. 38, 25-26: PL 14,1051-52; CSEL 64,203-204; AMBROSIASTER, In 1 Tim 5,19: PL 17,479C u In Eph. 4,11-12: col. 387C; THEODORUS MOPS.Hom. Catech. XV, 21 u 24: ed. TONNEAU, pp.497 u 503; HESYCHIUS ta' ĠERUSALEMMIn Lev. L. 2,9,23: PG  93,894B.

[59] Cf. EWSEBJU, Hist. Eccl., V, 24,10: GCS II, 1, p.495; ed. BARDY, Sources Chr. II p.69; DIJONISJU, f'EWSEBJU, ib., VII, 5,2: GCS, II, 2, pp.638s.; BARDY, II, pp.168s.

[60] Cf. dwar il-Konċilji antiki, EWSEBJU, Hist. Eccl. V, 23-24: GSC II, 1, pp.488ss.; BARDY, II, pp.66ss. u passim; KONĊILJU ta' NIĊEA, kan.5: Conc. OecDecr., p.7.

[61] TERTULLJANU, De Ieiunio, 13: PL 2,972B; CSEL 20, p.292, lin.13-16.

[62] S. ĊIPRIJANU, Epist. 56,3: HARTEL, III B, p.650; BAYARD p.154.

[63] Cf. Relazzjoni uffiċjali ZINELLI, fil-Konċ. Vat. I; MANSI 52,1109C.

[64] Cf. VAT I, Skema KD II, de Ecclesia Christi, c.4: MANSI 53,310. Cf. Relazzjoni KLEUTGEN fuq l-iskema riveduta: MANSI 53,321B-322B u d-dikjarazzjoni ZINELLI: MANSI 52,1110A. Ara wkoll S. ILJUN il-KBIR, Serm. 4,3: PL 54,151A.

[65] Cf. CIC, c.227.

[66] Cf. VAT I, KD Pastor aeternus: DENZ. 1821 (3050s.).

[67] Cf. S. ĊIPRIJANU, Epist. 66,8: HARTEL III, 2, p.733: "L-Isqof fil-Knisja u l-Knisja fl-Isqof''.

[68] Cf. S. ĊIPRIJANU, Epist. 55,24: HARTEL, p.642, lin.13: "Knisja waħda mqassma f'ħafna membri fid-dinja kollha". Epist. 36,4: HARTEL,  p.575, lin.20-21.

[69] Cf. S. PIJU XII, IE Fidei Donum, 21 Apr 1957: AAS 49 (1957), p.237. 

[70] Cf. S. ILARJU ta' POITIERS, In Ps. 14,3: PL 9,206; CSEL 22, p.86; S. GIRGOR il-KBIR, Moral. IV, 7,12: PL 75,643C. Psewdo-BASILJU, In Is. 15296: PG 30,637C.

[71] S. ĊELESTINU, Epist. 18,1-2, lill-Konċilju ta' Efesu: PL 50,505 AB; SCHWARTZ,  Acta Conc. Oec. I, 1, p.22. Cf. BENEDITTU XV, IA Maximum IlludAAS 11 (1919), p.440; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae, 28 Frar 1926: AAS 18 (1926), p.69; PIJU XII, IE Fidei Donum, 1.c.

[72] LJUN XIII, IE Grande munus, 30 Set 1880: ASS 13 (1880), p.145. Cf.  CIC, c.1327; c.1350 §2.

[73] Dwar id-drittijiet tas-Sede Patrijarkali, cf. KONĊILJU ta' NIĊEA, can. 6 dwar LIXANDRA u ANTJOKJA u can. 7 dwar ĠERUSALEMM: Conc. Oec. Decr., p.8; KONĊILJU tal-LATERAN IV, fis-sena 1215, Constit. V: De dignitate Patriarcharum: ibid., p.212, KONĊILJU FERRARA-FIRENZE: ibid., p.504.

[74] Cf. Kodiċi tad-Dritt Kanoniku għall-Knisja tal-Lvant, c.216-314: dwar il-Patrijarki; c.324-339: dwar l-Arċisqfijiet Maġġuri; c.362-391: dwar id-dinjitarji l-oħra; b'mod partikolari, c.238 §3; 216; 240; 251; 255: dwar l-Isqfijiet li għandu jinnomina l-Patrijarka.

[75] Cf. TRENTU, Digr. de reform., Sess. V, c.2., n.9 u Sess. XXIV, c.4; Conc. Oec. Decr., pp.645 u 739.

[76] Cf. VAT I, KD Dei Filius, 3; DENZ. 1712 (3011). Cf. nota miżjuda mal-Iskema I de Eccl. (meħuda minn S. ROBERTU BELLARMINO): MANSI 51,579C; u l-Iskema rivedut tal-Const. II de Ecclesia Christi, bil-kummentarju KLEUTGEN: MANSI 53,313AB; PIJU IX, I Tuas libenter: DENZ. 1683 (2879).

[77] Cf. CIC, c.1322-1323.

[78] Cf. VAT 1, KD Pastor aeternus: DENZ. 1839 (3074).

[79] Cf. L-ispjegazzjoni ta' GASSER fil-Konċ. VAT I: MANSI 52,1213AC.

[80] GASSER, ib.: MANSI 1214A.

[81] GASSER, ib: MANSI 1215CD, 1216-1217A.

[82] GASSER, ib.: MANSI 1213.

[83] VAT 1, KD Pastor aeternus, 4; DENZ. 1836 (3074).

[84] It-Talba tal-konsagrazzjoni tal-Isqof fir-rit Bizantin: Enchologion to mega, Ruma, 1873, p.139.

[85] Cf. S. INJAZJU MARTRI , Smyrn. 8,1; ed. FUNK, I, p.282.

[86] Cf. Atti 8,1: 14,22-23; 20,17 u passim.

[87] Talba Możarabika: PL 96,759B.

[88] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Smyrn. 8.1; ed. FUNK, I, p 282.

[89] S. TUMAS, Summa Theol. III, q.73, a.3.

[90] Cf. S. WISTIN, C. Faustum, 12,20: PL 42,265; Serm. 57,7: PL 38,389 eċċ.

[91] S. LJUN il-KBIR, Serm. 63,7: PL 54,357C.

[92] Traditio Apostolica ta' Ippolitu, 2-3: ed. BOTTE, pp.26-30.

[93] Cf. It-test tal-examen fil-bidu tal-Konsagrazzjoni episkopali, u t-Talba fit-tmiem tal-Quddiesa tal-istess konsagrazzjoni, wara t-Te Deum.

[94] BENEDITTU XIV, Brevi Romana Ecclesia, 5 Ott 1752 §1: Bullarium Benedicti XIV, t.IV, Ruma, 1758, 21: "L-Isqof huwa xbieha (typum) ta' Kristu, u jħarreġ l-uffiċċju tiegħu"; PIJU XII, IE Mystici Corporis, l.c., p.211: "Kull wieħed, fl-isem ta' Kristu, jirgħa u jiggverna l-merħla fdata lilu."

[95] LJUN XIII, IE Satis cognitum, 29 Ġun 1896:  ASS 28 (1895-96), p.732; id., I Officio sanctissimo,  22 Diċ 1887: ASS 20 (1887), p.264. PIJU IX, IA lill-Isqfijiet tal-Ġermanja, 12 Mar 1875, u Diskors lill-Konċistorju, 15 Mar 1875; DENZ. 3112-3117, fl-edizzjoni l-ġdida biss.

[96] VAT. I, KD Pastor aeternus, 3: DENZ. 1828 (3061); cf. Relazzjoni ZINELLI: MANSI 52,1114D.

[97] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Ad Ephes. 5,1: ed. FUNK, I, p.216.

[98] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Ad Ephes. 6,1: ed. FUNK, I, p.218.

[99] Cf. TRENTU, Sess. 23, De Sacr. Ordinis, kap 2: DENZ. 958 (1765), u kan. 6: DENZ. 966 (1776).

[100] Cf. INNOĊENZ I, Epist. ad Decentium: PL 20,554A; MANSI 3, 1029; DENZ. 98 (215): "Il-Presbiteri, għalkemm huma saċerdoti tat-tieni grad, iżda m'għandhomx il-quċċata tal-episkopat." S. ĊIPRIJANU, Epist. 61,3: ed. HARTEL, p.696.

[101] Cf. TRENTU, l.c., DENZ. 956a-968 (1763-1778), u speċjalment kan. 7: DENZ. 967 (1777); PIJU XII, KA Sacramentum Ordinis: DENZ. 2301 (3857-61).

[102] Cf. INNOĊENZ I, 1.c., S. GIRGOR NAZJANZENU, Apol. II, 22: PG 35,432B. Psewdo-DIJONISJU, Eccl. Hier, 1,2: PG 3,372 D.

[103] Cf. TRENTU, Sess 22: DENZ. 940 (1743); PIJU XII, IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS  39 (1947), p.553; DENZ. 2300 (3850).

[104] TRENTU, Sess. 22: DENZ. 938 (1739-40); VAT. II, K. dwar il-Liturġija Mqaddsa, n.7 u n.47.

[105] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, l.c., n.67.

[106] Cf. S. ĊIPRIJANU, Epist. 11,3: PL 4,242B; HARTEL, II, 2, p.497.

[107] Rit tal-konsagrazzjoni presbiterali, meta jingħata l-ilbies saċerdotali.

[108] Rit tal-konsagrazzjoni saċerdotali, fil-Prefazju.

[109] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Philad. 4: ed. FUNK, I, p.266; S. KORNELJU I, fil-kitba ta’ S. ĊIPRIJANU, Epist. 48,2: HARTEL, III, 2, p.610.

[110] Constitutiones Ecclesiae aegyptiae, III, 2: ed. FUNK, Didascalia, II, p.103, Statuta Eccl. Ant. 37-41: MANSI 3,954.

[111] S. POLIKARPU, Ad Phil. 5,2: ed. FUNK, I, p.300: Kristu jingħad hawn li "sar djaknu ta' kulħadd." Cf. Didachè 15,1: ib., p.32; S. INJAZJU MARTRI, Trall. 2,3: ib. p.242. Constitutiones Apostolorum, 8,28,4: ed. FUNK, Didascalia, I, p.530.

[112] S. WISTIN, Serm. 340,1: PL 38,1483.

[113] Cf. PIJU XI, IE Quadragesimo anno, 15 Mej 1931: AAS 23 (1931), pp.221s.; PIJU XII, Diskors De quelle consolation, 14 Ott 1951: AAS  43 (151), pp.790s.

[114] Cf. PIJU XII, Diskors Six ans se sont écoulés, 5 Ott 1957: AAS 49 (1957), p.927.

[115] Mill-Prefazju tal-festa ta' Kristu Sultan.

[116] Cf. LJUN XIII, IE Immortale Dei, 1 Nov 1885: ASS 18 (1885), pp.166ss.; id., IE Sapientiae christianae, 10 Jan 1890: ASS 22 (1889-90), pp.397ss.; PIJU XII, Diskors Alla vostra filiale, 23 Mar 1958: AAS 50 (1958), p.220: "la legittima sana laicità dello stato”.

[117] CIC, kan. 682.

[118] Cf. PIJU XII, Diskors De quelle consolation, l.c., p.789: "Fil-battalji deċiżivi jiġri kultant li l-aħjar inizjattivi jiġu mill-ewwel linja tal-fronti ...";  id., Diskors L’importance de la presse catholique, 17 Frar 1950: AAS 42 (1950), p.256.

[119] Cf. 1 Tes 5,19 u 1 Ġw 4,1.

[120] Espit. ad Diognetum, 6: ed. FUNK, I, p.400. cf. S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Mt. Hom. 46(47),2: PG  58,478 dwar il-ħmira fl-għaġna.

[121] Missal Ruman, Gloria in excelsis, cf. Lq 1,35; Mk 1,24; Lq 4,34; Ġw 6,69 (ho hagios tou Theou); Atti 3,14; 4,27,30; Lhud 7,26; 1 Ġw 2,20; Apk 3,7.

[122] Cf. ORIĠENE, Comm. Rom. 7,7: PG 14,1122B; Psewdo-MACARIUS, De oratione, 11: PG 34, 861AB; S. TUMAS, Summa Theol. II-II, q.184, a.3.

[123] S. WISTIN, Retract. II, 18: PL 32,736s.; PIJU XII, IE Mystici Corporis, 29 Ġun 1943: AAS 35 (1943), p. 225.

[124] Cf. PIJU XI, EI Rerum Omnium, 26 Jan 1923: AAS 15 (1923), p.50 u pp.59-60; IE Casti Connubii, 31 Dic 1930: AAS 22 (1930), p.548; PIJU XII, KA Provida Mater, 2 Frar 1947: AAS 39 (1947), p 117; Diskors Annus Sacer, 8 Diċ 1950: AAS 43 (1951), pp.27-28; Diskors Nel darvi, 1 Lul 1956: AAS 48 (1956), pp.574s.

[125] Cf. S. TUMAS, Summa Theol. II-II, q.184, a.5 u 6. De perf. vitae spir., c.18;  ORIĠINE, In Is. Hom. 6,1: PG 13,239.

[126] Cf. S. INJAZJU MARTRI, Magn. 13,1: ed. FUNK, I, p.241.

[127] S. PIJU X, Eżortazzjoni Haerent animo, 4 Aww 1908: AAS 41 (1908), pp.560s.; CIC, kan. 124; PIJU XI, IE Ad catholici sacerdotii, 20 Diċ 1935: AAS 28 (1936), pp.22s.

[128] Ordo consacrationis sacerdotalis, fl-eżortazzjoni tal-bidu.

[129] S. INJAZJU MARTRI, Trall. 2,3: ed. FUNK, I, p.244.

[130] PIJU XII, Diskors Sous la maternelle protection, 9 Diċ 1957: AAS 50 (1958), p.36.

[131] PIJU XI, IE Casti Connubii, 31 Diċ 1930: AAS 22 (1930), pp.548s. cf. S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Ephes. Hom. 20,2: PG 62,136ss.

[132] S.WISTIN, Enchir. 121,32: PL 40,288; S. TUMAS, Summa Theol.  II-II, q.184, a.1; PIJU XII, IA Menti nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950), p.660.

[133] Dwar il-kunsilli in ġenerali, cf. ORIĠENE, Comm. Rom. X, 14: PG 14,1275B; S. WISTIN, De S. Virginitate, 15,15: PL 40,403; S.  TUMAS, Summa Theol. I-II, q.100, a.2C (fl-aħħar); II-II, q.44, a.4, ad 3.

[134] Dwar is-sbuħija tal-verġnità mqaddsa cf. TERTULLJANU, Exhort. Cast. 10: PL 2,925C; S.  CIPRIJANU, Hab. Virg. 2 u 22: PL 4,443B u 461A s.; S. ATANASJU (?) De Virg.: PG 28,252ss.; S. ĠWANN KRIŻOSTMU, De Virg.: PG 48,533ss.

[135] Dwar il-faqar spiritwali cf.  Mt 5,3 u 19,21; Mk 10,21; Lq 18,22; dwar l-ubbidjenza jġibu  l-eżempju  ta' Kristu, Ġw 4,34 u 6,38; Fil 2,8-10; Lhud 10,5-7. Mis-Santi Padri u l-fundaturi tal-ordnijiet hemm għadd kbir ta' testi.

[136] Dwar il-prattika effettiva tal-kunsilli li ma hix proposta bħala obbligu lil kulħadd, cf. S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Mt. Hom. 7,7: PG 57,81s.; S. AMBROĠ, De viduis, 4,23: PL 16,241s.

[137] Cf. ROSWEYDUS, Vitae Patrum, Antwerp, 162B; Apophtegmata PatrumPG 65; PALLADIUS, Historia Lausiaca: PG 34,995ss., ed.  C. BUTLER, Cambridge, 1898 (1904); PIJU XI, KA Umbratilem, 8 Lul 1924: AAS 16 (1924), pp.386-387; PIJU XII, Diskors Nous sommes heureux, 11 Apr 1958: AAS 50 (1958), p.283.

[138] PAWLU VI, Diskors Magno gaudio, 23 Mej 1964: AAS 56 (1964), p.566.

[139] CIC, k. 487 u 488, 40; PIJU XII, Diskors Annus Sacer, 8 Diċ 1950: AAS 43 (1951), pp.27s.; PIJU XII, KA Provida Mater, 2 Frar 1947: AAS 39 (1947), pp.120ss.

[140] PAWLU VI, l.c., p.567.

[141] Cf. S. TUMAS, Summa Theol. II-II, q.184, a.3 u q.188, a.2; S. BONAVENTURA, Opusc. XI, Apologia Pauperum, c.3,3: ed. Opera, Quaracchi, t.9, 1898, p.245a.

[142] Cf. VAT. I, Skema De Ecclesia Christi, kap. XV, u nota 48; MANSI, 51,549s. u 619s.; LJUN XIII, I, Au milieu des consolations, 23 Diċ 1900: ASS 33 (1900-01), p.361; PIJU XII, KA Provida Mater, l.c., pp.114s.

[143] Cf. LJUN XIII, K. Romanos Pontifices, 8 Mej 1881: ASS 13 (1880-81), p.483; PIJU XII, Diskors Annus Sacer., 8 Diċ 1950: AAS 43 (1951), pp.28s.

[144] Cf. PIJU XII, Diskors Annus Sacer., l.c., p.28; PIJU XII, KA Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956: AAS  48 (1956), p.355; PAWLU VI, l.c., pp.570-571.

[145] Cf. PIJU XII, IE Mystici Corporis, 29 Ġun 1943: AAS 35 (1943), pp.214s.

[146] Cf. PIJU XII, Diskors Annus Sacer., l.c., p.30; Diskors Sous le maternelle protection, 9 Diċ 1957: AAS 50 (1958), pp.39s.

[147] KONĊILJU ta' FIRENZE, Digr. pro Graecis: DENZ. 693 (1305).

[148] Barra mid-dokumenti aktar antiki (li jeħduha) kontra kull forma ta' sejħa tal-ispirti sa minn Alessandru IV (27 Set 1258), cf. Ittra tas-Sagra Kongr. tas-S. Uffiċċju, De magnetismi abusu, 4 Aww 1856; ASS (1865), pp.177-178, DENZ. 1653-1654 (2823-2825); ir-risposta tas-Sagra Kongr. tas-S. Uffiċċju, 24 Apr 1917: AAS 9 (1917), p.268, DENZ. 2182 (3642).

[149] Għal espożizzjoni sintetika ta' din id-duttrina ta' S. Pawl ara: PIJU XII, IE Mystici Corporis:  AAS 35 (1943), p.200 u passim.

[150] Cf. inter alia, S. WISTIN, Enarr. in Ps. 85,24: PL 37, 1099; S. ĠIROLMU, Liber contra Vigilantium, 6: PL 23,344; S. TUMAS, In 4m Sent., d.45, a.3, q.2; eċċ.

[151] Cf. PIJU XII, IE Mystici CorporisAAS 35 (1943), p.245.

[152] Cf. Ħafna skrizzjonijiet fil-katakombi Rumani.

[153] Cf. GELASIUS I, Decretalis De Libris recipiendis, 3; PL 59,160, DENZ. 165 (353).

[154] Cf. S. METODJU, Symposion, VII, 3: GCS (BONWETSCH), p.74.  

[155] Cf. BENEDITTU XV, Decretum approbationis virtutum in causa beatificationis et canonizationis Servi Dei Joannis Nepomuceni Neumann: AAS 14 (1922), p.23; bosta diskorsi ta' PIJU XI dwar il-qaddisin: Inviti all’eroismo. Discorsi t.I-III, Ruma, 1941-1942, passim; PIJU XII, Discorsi e Radiomessaggi t.10, 1949, pp.37-43.

[156] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei: AAS 39 (1947), p.581.

[157] Cf. Lhud 13,7; Sir 44-50; Lhud 11,3-40. Cf. ukoll PIJU XII, IE Mediator Dei: AAS 39 (1947), pp.582-583.

[158] Cf. VAT. I, K De fide catholica, kap 3: DENZ. 1794 (3013).

[159] Cf. PIJU XII, IE Mystici Corporis: AAS (1943), p.216.

[160] Dwar il-gratitudni lejn l-istess qaddisin, cf. E. DIEHL, Inscriptiones latinae christianae veteres, I Berlin, 1925, nn.2008, 2382 u passim.

[161] TRENTU, Sess. 25, De invocatione ... SanctorumDENZ. 984 (1821).

[162] BREVJAR RUMAN, Invitatorium in festo Sanctorum Omnium.

[163] Cf. per eżempju 2 Tes 1,10.

[164] VAT II, K Dwar il-Liturġija Mqaddsa, kap. 5, n.104.

[165] Kanoni tal-Quddiesa Rumana.

[166] KONĊILJU ta' NIĊEA II, Act VII: DENZ. 693 (1304).

[167] KONĊILJU ta' FIRENZE: Decretum pro Graecis: DENZ. 302 (600).

[168] TRENTU, Sess. 25, De invocatione, veneratione et reliquiis Sanctorum et sacris imaginibus: DENZ. 984-988 (1821-1824); Sess. 25, Decretum de Purgatorio: DENZ. 983 (1820); Sess. 6, Decretum de justificatione, kan.30:  DENZ. 840 (1580).

[169] Mill-Prefazju, permess lil xi djoċesijiet.

[170] Cf. S. PIETRU KANISJU, Cathechismus Maior seu Summa Doctrinae Christianae, kap. III (ed. kritika F. STREICHER), Pars I, pp.15-16, n.44 u pp.100-101, n.49.

[171] Cf. VAT. II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa, kap. I, n.8.

[172] Credo fil-Quddiesa Rumana: Simbolu Kostantinopolitan: MANSI 3,566; KONĊILJU ta’ EFESU, ib. 4,1130 (u ib. 2,655 u 4,1071); KONĊILJU ta’ KALĊEDONJA, ib. 7,111-116; KONĊILJU ta’ KOSTANTINOPLI II, ib. 9,375-396.

[173] Kanoni tal-Quddiesa Rumana.

[174] S.WISTIN, De Virginitate, 6: PL 40,399.

[175] Cf. PAWLU VI, Diskors fil-Konċilju, 4 Diċ 1963: AAS 56 (1964), p.37.

[176] Cf. S. ĠERMANU ta' KOSTANTINOPLI, Hom. in Annunt. Deiparae: PG  98,328A; In Dorm. 2: col.357; ANASTASJU ta' ANTJOKJA, Serm. 2 de Annunt. 2: PG 89,1377AB; Serm. 3,2: col.1388C; S. ANDREA ta' KRETA, Can. in B.V. Nat. 4: PG  97,1321B; In B.V. Nat. 1: col.812A; Hom. in dorm. 1: col.1068C; S. SOFRONJU, Or. 2 in Annunt., 18: PG 87(3), 2327BD.

[177] S. IRENEW, Adv. Haer. III, 22,4: PG 7,959A; HARVEY, 2,123.

[178] S. IRENEW, ibid.; HARVEY, 2,124.

[179] S. EPIFANJU, Haer. 78,18: PG 42,728CD-792AB.

[180] S. ĠIROLMU, Epist. 22,21: PL 22,408. cf. S. WISTIN, Serm. 51,2,3: PL 38,335; Serm. 232,2: col.1108; S. ĊIRILLU ta' ĠERUSALEMM, Catech.  12,15: PG 33,741AB; S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Ps. 44,7: PG 5,193; S. ĠWANN DAMAXXENU, Hom. 2 in dorm. B.M.V., 3: PG 96,728.

[181] Cf. KONĊILJU tal-LATERAN tas-sena 649, kan.3: MANSI 10,1151; S. LJUN il-KBIR, Epist. ad Flav.PL 54,759; KONĊILJU ta' KALĊEDONJA: MANSI 7,462; S. AMBROĠ, De instit. virg.: PL 16,320.

[182] Cf. PIJU XII, IE Mystici Corporis, 29 Ġun 1943: AAS 35 (1943), pp.247-248.

[183] Cf. PIJU IX, Bulla Ineffabilis, 8 Diċ 1854: Acta Pii IX, 1, I, p.616; DENZ. 1641 (2803).

[184] Cf. PIJU XII, KA Munificentissimus, 1 Nov 1950: AAS 42 (1950); DENZ. 2333 (3903), cf. S. ĠWANN DAMAXXENU, Enc. in dorm. Dei genitricis, Hom. 2 u 3: PG  96,721-761, speċjalment col.728B; S. ĠERMANU ta' KOSTANTINOPLI, In. S. Dei gen. dorm. Serm 1: PG 98(6), 340-348; Serm. 3: col.361; S. MODEST ta' ĠERUSALEMM, In dorm. SS.  Deiparae: PG 86(2); 3277-3312.

[185] Cf. PIJU XII, IE Ad. coeli Reginam, 11 Ott 1954: AAS 46 (1954), pp.633-636; DENZ. 3913ss.  Cf. S. ANDRIJA ta' KRETA, Hom. 3 in dorm. SS. Deiparae: PG 97,1089-1109; S. ĠWANN DAMAXXENU, De fide orth., IV, 14: PG  94,1153-1161.

[186] Cf. KLEUTGEN, test rivedut De mysterio Verbi incarnati, kap. IV: MANSI 53,290. Cf. S. ANDRIJA ta' KRETA, In nat. Mariae, serm. 4: PG 97,865A; S. ĠERMANU ta' KOSTANTINOPLI, In annunt. Deiparae: PG 98,321BC; In dormitione Deiparae, III: col.361D; S. ĠWANN DAMAXXENU, In dorm. B.V. Mariae, Hom. 1,8: PG 96,712BC-731A.

[187] Cf. LJUN XIII, IE Adiutricem populi, 5 Set 1895: ASS 15 (1895-96), p.303; S. PIJU X, IE Ad diem illum, 2 Frar 1904: Acta I, p.154; DENZ. 1978a (3370); PIJU XI, IE Miserentissimus, 8 Mej 1928: AAS 20 (1928), p.178; PIJU XII,  Messaġġ bir-radju, 13 Mej 1946: AAS 38 (1946), p.266.

[188] S. AMBROĠ, Epist. 63: PL 16,1218.

[189] S. AMBROĠ, Expos. l.c. II, 7: PL 15,1555.

[190] Cf. Psewdo-PIETRU DAMJAN, Serm. 63: PL 144,861AB; GODEFRIDUS A. S. VICTORE, In nat. B.M., Ms. Parigi, Mazarine, 1002, fol.109r., GERHOL ta' REICHESBERG, De gloria et honore Filii hominis, 10: PL 194,1105AB.

[191] S. AMBROĠ,  l.c. u Expos. l.c. X,24-25: PL 15,1810; S. WISTIN, In Io. Tr. 13,12: PL 35,1499; cf.  Serm. 191,2,3: PL 38,1010, eċċ.; cf. ukoll ISAAC DE STELLA, Serm. 51: PL 194,1863A.

[192] ''Sub tuum praesidium''.

[193] KONĊILJU ta' NIĊEA II, tas-sena 787: MANSI 13,378-379, DENZ. 302 (600-601); TRENTU, Sess. 25: MANSI 33,171-172.

[194] Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 24 Ott 1954: AAS 46 (1954), p.679; IE Ad coeli Reginam, 11 Ott 1954: AAS 46 (1954), p.637.

[195] Cf. PIJU XI, IE Ecclesiam Dei, 12 Nov 1923: AAS 15 (1923), p.581; PIJU XII, IE Fulgens corona, 8 Set 1953: AAS 45 (1953), pp.590-591.