Laikos

 

Nitolbu ma’ Ġesù jikber fil-ġuf ta’ Marija

 

“Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla.

Ara inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben,

U ssemmih Ġesù.”

Lq 1, 30

“U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu

Minn Marija Verġni,

U sar bniedem.”

Mill-Kredu ta’ Niċea

 

Nafu li ħajtu fuq din l-art bdiet fil-ġuf, fil-mument tat-tnissil tiegħu. U għalhekk nafu li l-ewwel parti tal-vjaġġ tiegħu fostna kienet disa’ xhur f’ġuf ommu. Iżda, rari nirriflettu fuq din il-​parti tal-​preżenza taʼ “Alla magħna.” Dan l-eżerċizzju tal-immaġinazzjoni tagħna ta’ Ġesù meta daħal fid-dinja tagħna, fil-ġuf ta’ Marija, huwa mgħejjun minn stampi bl-ultrasound ta’ tarbija ta’ 5 xhur fil-ġuf, 10 pulzieri tul. Dan it-tifel se jgħinna nqattgħu ftit ħin inħallu din ir-realtà profonda tmiss lil qalbna u niċċelebraw id-dħul ta’ Ġesù fid-dinja tagħna u nilqgħu lil Ġesù f’qalbna issa.

 

Mill-mument li – “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” – il-ħajja ta’ Ġesù bdiet fil-ġuf ta’ Marija, Ġesù sar ħaġa waħda magħna. Ma deherx fid-dinja b’mod maġiku bħala adult. Beda l-vjaġġ ta’ ħajtu bħala ftitċelloli. Nistgħu nimmaġinaw dawk iċ-ċelloli jimmultiplikaw daqshekk malajr, jum b’jum u ġimgħa b’ġimgħa – fis-skiet, b’mod tal-għaġeb. Iżda, din il-ħajja umana kienet diġà “Alla, li sar wieħed minna.” Ħadd qatt ma seta’ jimmaġina li Alla jistaʼ jsir bniedem. U, issa nistgħu nimmaġinaw lil Alla tagħna ġej fostna f’din il-ħajja ġdida li qed tiżviluppa – tant żgħira, tant dipendenti, tant bla saħħa. Nistgħu nħossu l-gratitudni li toħroġ minna meta nikkontemplaw dan il-vjaġġ moħbi u li ma jidhirx ta’ Ġesù “maħbub” f’ġuf ommu (Salm 139).

 

EmbryoEmbrijun. Għalkemm Bin Alla, qed isir Bin Marija. Nistgħu nimmaġinaw li diġà, f’dan l-iżvilupp fin ħafna, qed jieħu laħamha, iċ-ċelloli tagħha, il-forma tagħha, id-dehra tagħha, il-qalb tagħha. Huwa tant bil-mod, u madankollu, hekk ippjanat. Huwa vjaġġ li ħadd minna ma jista’ jiftakar, imma li kull wieħed minna ħa, biex insiru dak li aħna. U, issa nikkontemplaw dik is-solidarjetà profonda magħna li s-Salvatur tagħna beda – anke fil-ġuf, għalina. Diġà, dan is-sens li għandna tad-dħul tiegħu fl-esperjenza tagħna jgħinna niftakru li hu qasam il-vjaġġ tagħna uman b’mod sħiħ, sa mill bidunett, u qatt ma għandna għalfejn inħossuna waħedna, f’xi parti tal-vjaġġ tagħna. Sar wieħed minna billi daħal bl-istess mod kif nidħlu aħna f’din id-dinja. Din it-tranżizzjoni għal ħajja mwielda f’din id-dinja, u l-vjaġġ wara l-ġuf ikompli fil-ħajja ta’ ta’ tifel, żagħżugħ, u finalment bħala adult, huwa vjaġġ li għamel anke Ġesù, għalina. U, f’dawn il-mumenti, hekk kif nikkontemplaw dan il-misteru u t-tifsira tiegħu għalina, nikbru fil-gratitudni għal dik l-ewwel miġja u nikbru fix-xewqa tagħna biex ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù tiżviluppa fl-intimità u fl-imħabba.

 

It-talb tagħna huwa megħjun mill-immaġinazzjoni tagħna. F'dan il-każ, qed nimmaġinaw xi ħaġa li nafu li ġrat, iżda li normalment ma tantx naraw stampi viżwali tagħha. Ejjew nitolbu li nkunu mbierka bid-don tat-tama. Aħna nixtiequ li niġġeddu fl-imħabba ta’ Alla għalina f’Ġesù – għaliex hu ġie hawn magħna, fejn l-iktar li għandna bżonnu. Bil-miġja tiegħu fostna u magħna twettqu l-wegħdiet li għamel Alla, u dan iqanqal lil qalbna biex ikollna fidi f’dawk il-wegħdiet fl-aktar żminijiet ta’ sfida tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna llum. Din it-talba immaġinattiva tippermettilna nitolbu aktar fil-fond, “Ejja, Mulej Ġesù. Nistennew il-miġja tiegħek. Ejja, Mulej.”

 

a footIs-sieq. F’din il-kontemplazzjoni, irridu nimxu daqsxejn bil-mod, ħalli jkollna ċans nidħlu fid-dettalji u nagħrfu s-skiet, u naraw is-Salvatur tagħna jikber bil-mod, ir-realtà prezzjuża tal-Ħajja ta’ Sidna u Salvatur tagħna bħala bniedem. Hekk nibdew billi nimmaġinaw sieq Ġesù fil-ġuf. Nistgħu nibdew induqu, bi stagħġib kbir ir-realtà ta’ dan id-don. Nistgħu nimmaġinaw lil Marija taħsel din is-sieq ċkejkna, eżatt wara li welldet lil Ġesù u tpoġġih fil-maxtura, bla ma qagħdet taħseb dwar l-umiltà ta’ dak il-post. Nistgħu nimmaġinaw li din is-sieq ċkejkna saret is-sieq li mxiet fuq l-art tagħna. B’din is-sieq, tgħallem jimxi. Forsi f’din is-sieq kien jilbes sandlija l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu. Forsi din is-sieq kienet imxiet mal-bank tal-mastrudaxxa fil-ħanut ta’ Ġużeppi. Din hija s-sieq li telqet mid-dar t’ommu u marret lejn il-Ġordan biex titgħammed minn Ġwanni. Naturalment, il-mara midinba tgħallimna dwar il-gratitudni għall-ħniena tiegħu billi tbus u tibki fuq din is-sieq, u xxuttatha  b’xagħarha. Din is-sieq tfixklet kemm-il darba fit-triq lejn il-tislib tiegħu, fejn din is-sieq ġiet imsammra ma’ salib – u dan kollu għalina.

 

Hand in the WombL-idejn.  Nistgħu nimmaġinaw idejh jikbru fil-ġuf, bil-mod il-mod isiru l-idejn li l-ewwel missew wiċċ Marija u d-daqna ta’ Ġużeppi. Din l-id ċkejkna żviluppat f’id li tgħallmet is-sengħa ta’ mastrudaxxa. B’din l-id, ħaddan lit-tfal u mess bi ħlewwa kbira lill-morda u l-midinbin. Niftakru li dawn kienu se jsiru l-idejn li bihom ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu bħala eżempju għalina. Darba nafu li ħa l-ħobż u l-inbid f’din l-istess id u, wara li radd ħajr lil Alla, tahom lid-dixxipli tiegħu, u qal “Dan hu ġismi. Dan hu demmi.” U, l-għada, l-id issa adulta u miftuħa kienet se tissmmar ma’ salib – u dan kollu għalina.

 

Head in the wombIr-ras. Hekk kif nikkontemplaw lil Ġesù, li qed jikber fil-ġuf, biex isir qaddej u Salvatur, hija ħaġa emozzjonanti ħafna nimmaġinaw lil rasu tiżviluppa. Dan il-profil ta’ wiċċ fil-ġuf jurina l-wiċċ uman ta’ Alla tagħna, jikber bil-mod. F'dan il-punt, huwa jkun diġà qed jieħu l-karatteristiċi ta 'ommu u jiżviluppa l-għajnejn. Seta’ kien jixbaħ lil ommu f’imnieħru, f​​il-geddum, f’widnejh, u eventwalment, ix-xagħar. Fuq dan il-wiċċ fil-ġuf hemm diġa hemm sinjali ċkejknin ta’ reazzjoni għall-istimoli, anke l-uġigħ. Dan il-wiċċ għad xi darba jferraħ lir-rgħajja, l-ewwel mill-poplu tiegħu li rawh, u lill-Maġi, l-ewwel mill-ġnus li ħarsu lejn wiċċu. Meta kien tarbija, dan il-wiċċ  beka u ħass il-ġuħ, kif ukoll minn jaf kemm tbissem u daħak. Nistgħu nimmaġinaw il-wiċċ li qed jiżviluppa tat-tifel ta’ Nazaret, Ġesù li tbissem lejn sħabu, minkejja li xi ilsna ħżiena kienu jgħidu li hu kien illeġittimu. Nistgħu nroddu ħajr għall-wiċċ li ħares lejn is-sema fil-Magħmudija tiegħu u ra s-sema jinfetaħ, b’dik l-affermazzjoni qawwija mingħand Alla, Missieru, “Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq. Isimgħu lilu.” U l-wiċċ ta’ mħabba ta’ Ġesù, li żviluppa bil-mod il-mod fil-ġuf, sar dak il-wiċċ li bi ħlewwa kbira ikkomunika ma’ ħafna nies li kellhom il-privileġġ li jarawh f’ħajtu. Dan hu l-istess wiċċ li kienu beżqu fuqu u kien miksi bid-demm mnħabba l-kuruna tax-xewk. U dan kollu għalina.

 

A fetal heartQalb tal-fetu.  Hekk kif nikkonkludu din il-kontemplazzjoni ta’ Ġesù fil-ġuf, nieqfu ftit biex nirriflettu fuq il-qalb tiegħu, li żviluppat, bħalma żviluppat anke qalbna, iżda li saret mhux biss l-organu li ppompjat d-demm biex jagħti ħajja lill-bqija ta’ ġismu, iżda li saret ix-xbieha stess ta’ l-imħabba tiegħu li tissagrifika ruħha. Fil-Punent, nitkellmu dwar il-qalb bħala ċ-ċentru tal-emozzjonijiet u s-sentimenti tagħna u s-sors tal-imħabba tagħna. Din il-qalb ċkejkna saret qalb kbira biżżejjed biex tħobb il-midinbin, il-morda, lill-emarġinati. Din il-qalb kienet imfawra b’kompassjoni u ħniena. Il-qalb ta’ Ġesù, li bdiet tħabbat fil-ġuf ta’ Marija, kienet eventwalment il-qalb għażiża li ġiet minfuda b’lanza fuq is-salib u li, f’għajnejn mimlija fidi ta’ Ġwanni Appostlu u Evanġelista, minn din il-qalb ħareġ demm u ilma, xbieha tal-ħajja sagramentali tal-Knisja li għadha ssostnina sa issa. F’dik il-ferita f’ġenbu, il-Mulej Rxoxt stieden lil Tumas biex ipoġġi idu u jemmen. Huwa qalilna li aħna henjin li ma rajniex b’għajnejna, imma nemmnu.

 

Mulej, Ġesù, nirringrazzjawk għal dawn il-mumenti ta’ grazzja li fihom ftaħtilna għajnejna biex nistennew il-miġja tiegħek b’tama kbira. Hekk kif Marija kienet qed tistenna li twasslek u twelldek f’din id-dinja, aħna nittamaw li nilqgħuk f’qalbna. Permezz ta’ din ir-riflessjoni, aħna grati ħafna għall-mod uman li inti ġejt fostna, grati għas-solidarjetà li urejt magħna u mal-umanità kollha. Nirringrazzjawk għal dawn ix-xbihat li jgħinuna ngħaqqdu flimkien l-iżvilupp moħbi ta’ ġisimek, l-istess ġisem li inti tajtulna fl-imħabba li wrejtna fuq l-art, kif ukoll fl-Ewkaristija u s-Sagramenti li jkomplu jsostuna. Meta naraw b’liema mod inti ġejt fostna, Inħossuna eqreb lejk, għalhekk nitolbuk il-grazzji li għandna bżonn biex niftħu qalbna għall-ħniena u l-imħabba tiegħek li tfejjaqna. Ejja Mulej Ġesù.

 

 

Traduzzjoni mis-sit: https://onlineministries.creighton.edu/CollaborativeMinistry/Advent/Jesus-in-the-womb.html

Stampa: La Madonna del Parto, da Piero della Francesca a Vanessa Beecroft

Miġjuba għall-Malti minn Fr Roy Galdes