Talba lis-Santissmu Kurċifiss

 

Ġejt għarkupptejja hawn quddiemek, o Ġesù Kurċifiss, biex inqimek u rroddlok ħajr li tajt ħajtek għalija. Int tixxotta d-dmugħ tiegħi, tweżinni fil-waqtiet tqal, tagħti widen għall-krib tiegħi u tilqa’, flimkien ma’ tiegħek, l-uġigħ tiegħi wkoll.

 

Inti tafha sew lill-qalb tiegħi, imtaqqla imma mhennija fi mħabbtek, u tgħinni nilqa’ l-iebes tal-ħajja.

 

Ta’ spiss naħseb fit-tbatija tiegħek u niġi biex insawwab tiegħi wkoll f’riġlejk, u int tqiegħed idejk fuqi u tfarraġni, iddewwi l-ġrieħi tiegħi bl-imħabba tiegħek, tilqagħni f’dirgħajk u ddewwaqni l-ħniena ta’ qalbek tħeġġeġ għalija.

 

Issa wkoll ġejt inħabbat fuq qalbek u nixtieq nitolbok il-grazzja li …; ismagħni, o Mulej, jekk dak li qed nitlob jaqbel mar-rieda tiegħek.

 

Ġesù Kurċifiss, maġenbek hawn l-Omm tiegħek; ilqgħu fi ħdankom lil dawk kollha li qed ibatu u kunu għalihom il-faraġ u t-tama.

 

Amen.