Għalfejn hawn anqas żgħażagħ lesti li jagħtu ħajjithom lil Alla? Jaqaw Alla m’għadux isejjaħ?

Din l-inizjattiva twieldet sentejn ilu meta Dalia Kandalaft, membru tal-Ordo Virginum, flimkien ma’ Fr Hector Scerri, Fr Jimmy Bonnici, Fr Colin Sammut OFMConv. u Fr Allister Aquilina OFMConv. bdew mixja ta’ talb u riflessjoni dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Għalfejn hawn anqas żgħażagħ lesti li jagħtu ħajjithom lil Alla? Jaqaw Alla m’għadux isejjaħ? Jew bosta żgħażagħ huma distratti b’ħafna affarijiet oħra? Aħna nemmnu li Alla għadu jsejjaħ! U għalhekk intweriet il-ħtieġa ta’ persuni li jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ jiskopru s-sejħa tagħhom f’ambjent ta’ skiet u ta’ talb. Dan sa jsir f’ambjent newtrali: jiġifieri mhux taħt xi spiritwalità partikulari biex il-persuna tkun tista’ tisma’ biss lil Alla. Issa ghandna wkoll il-barka tal-Isqfijiet ta’ Malta u ta’ Għawdex.

L-isem

Dan huwa l-isem tas-siġra tal-ġummajż jew tina selvaġġa, li tissemma ħafna drabi fil-Bibbja. Waħda mis-siltiet fejn din is-siġra għandha rwol prominenti hi fl-istorja ta’ Żakkew, raġel qasir li biex jara lil Ġesù tela’ fuq siġra tal-ġummajż jew tina selvaġġa. Kien permezz ta’ din is-sigra li Żakkew iltaqa’ mal-Mulej.


X’sa joffri Sycamore?

Sycamore hija inizjattiva għas-servizz taż-żgħażagħ u tal-Knisja f’Malta u Għawdex, biex tgħinhom jiskopru x’irid Alla minnhom. Tgħinhom jiskopru r-rieda tiegħu għal ħajjithom. Sycamore sa joffri spazju fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu dixxernment tas-sejħa ta’ Alla għalihom, permezz ta’ laqghat flimkien, ta’ silenzju, ta’ talb, ta’ qari tal-Iskrittura u permezz ta’ akkumpanjament spiritwali individwali. U jekk xi ħadd qed jħoss li Alla qiegħed isejjaħlu għal xi tip ta’ ħajja partikulari, ma jibżax jagħmel din il-mixja għax isib min qed jagħmel ukoll din il-mixja miegħu.

Min jista’ jieħu sehem?

Hija mixja miftuħa għal dawk kollha li għandhom bejn t-18 u l-35 sena. Din il-mixja hi għal dawk li qed iħossu b’xi mod jew ieħor li Alla qiegħed isejħilhom għal xi ħaġa partikulari u b’serjetà u b’libertà kbira jixtiequ jinżlu aktar fil-fond ta’ dan. Il-laqgħat huma għal dawk li jixtiequ jieqfu ftit mill-istorbju tal-ħajja ta’ kuljum biex jippruvaw flimkien jisimgħu lil Alla ikellimhom. Ħa jkun hemm min qed jagħmel din il-mixja magħhom.

Stedina għal-laqgħa introduttorja

Wara sentejn ta’ riflessjoni, talb u tħejjija, se ssir laqgħa introduttorja ta’ Sycamore nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Ottubru 2021, fiċ-Ċentru taċ-ĊAK, Triq Sommier, Birkirkara, fis-7.00 ta’ filgħaxija. Huma mistiedna persuni ta’ bejn it-18 u l-35 sena li qed iħossu li Alla jrid xi ħaġa minnhom. Nirringrazzjawk jekk twassal din l-istedina lilhom, u nieħdu gost ukoll jekk anki inti tkun tista’ takkompanja dawn il-persuni għal din il-laqgħa.


Biex issir taf iżjed… żur is-sit www.sycamoremalta.org jew segwina fuq Facebook.

Saħħiet u barka

Il-Grupp Sycamore huwa magħmul minn ..

Dalia Kandalaft OV
Fr Hector Scerri
Fr Jimmy Bonnici
Fr Colin Sammut OFMConv.
Fr Allister Aquilina OFMConv.