SUPPLIKA  LILL-MADONNA TA’ PINU

FIŻ-ŻMIEN TAL-IMXIJA TAL-COVID-19

 

I

Is-Sejħa tal-Madonna

 

O Marija, f’dan iż-żmien imwiegħer meta, kif qal il-Papa Franġisku, “id-dinja qiegħda tirtgħod” minħabba l-imxija li niżżlitna lkoll għarkupptejna,  ġejna f’din l-għamara tiegħek fostna sabiex inqimu lilek fil-misteru tal-Mewt u l-Assunzjoni tiegħek fis-Sema, kif ukoll lil Ibnek Ġesù Kristu, li minħabba dnubietna ġarr is-salib u ġarrab tbatija l-iktar ħarxa.

 

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin, u magħna ħutna l-emigranti u l-missjunarji, ninxteħtu f’riġlejk nitolbuk tisma’ tnehidna. Inressqu quddiemek it-talb tagħna għall-familji tagħna, għat-tfal, iż-żgħażagħ, il-morda u x-xjuħ, għal dawk infettati bil-mikrobu, għat-tobba u l-infermiera, għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, għall-membri tal-forza tal-ordni, għas-saċerdoti, speċjalment il-kappillani tal-isptarijiet, u għal dawk kollha li huma mġarrbin.

 

Agħmel li fuq l-eżempju ta’ Kristu u tiegħek, nitgħallmu ngħixu ħajja qaddisa u nġorru bis-sabar is-salib tagħna ta’ kuljum. Amen.

 

Sliem għalik, Marija…

 

II

Il-Mewt ta’ Marija

 

O Marija, lilek li rbaħt għalkollox id-dnub u żbaqt lill-anġli fis-safa, ma kenitx tistħoqqlok il-piena tal-ħtija; iżda bħala bint Adam, Inti wkoll kont imdawra bid-dwejjaq u d-duluri, u ġarrabt fl-aħħar il-mewt. Iżda mewtek kienet effett tal-imħabba, li meta waslet fl-aqwa tagħha ħelsitek mir-rbit tal-ġisem, sabiex tingħaqad għal dejjem ma’ Ġesù. Omm tagħna ħanina, filwaqt li nintelqu f’idejk biex il-mewt tkun għalina r-raqda ta’ rwieħ ġusti, illum irridu niftakru f’dawk li dan l-aħħar mewthom kienet effett tal-imħabba lejn il-proxxmu tagħhom, bħalma huma t-tobba, l-infermiera, il-qraba ta’ anzjani milquta mill-virus, saċerdoti li litteralment tilfu ħajjithom għax ħabbew ħafna; irridu niftakru f’dawk l-operaturi sanitarji tagħna li, għax ħabbew, poġġew ħajjithom f’riskju kbir. Irridu niftakru f’dawk li, misjuqin mill-imħabba, mietu għalihom infushom, u qed jagħtu l-enerġija tagħhom f’solidarjetà ma’ min huwa dgħajjef. Amen.

 

Sliem għalik, Marija…

 

III

Il-Qawma ta’ Marija mill-Mewt u t-Tlugħ tagħha fis-Sema

 

O Marija, għamara ħajja tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-ġisem tiegħek bla tebgħa mqiegħed minn idejn l-Appostli fil-qabar ma messux it-taħsir tal-mewt, iżda wara tlitt ijiem ġie mqajjem glorjuż għall-ħajja li qatt ma tintemm; u Inti ġejt meħuda fis-Sema fost il-ferħ u t-tifħir tal-qtajja’ tal-anġli. Ikollok ħniena mix-xejn u d-dgħufijiet tagħna, b’mod partikulari waqt din l-imxija ta’ marda qalila; agħmel li, imnaddfin bid-dmugħ ta’ vera ndiema, ma nħallux iżjed lill-għadu jirbaħna; iżda nħarsu l-qalb u l-ġisem tagħna bħala tempju ħaj ta’ Alla, sabiex fl-aħħar ġurnata nqumu mit-trab tal-qabar tagħna mibdula fil-bniedem perfett. Amen.

 

Sliem għalik, Marija…

 

IV

Talba

 

O Marija, lilek, li aktar mill-qrib imxejt u sseħibt ma’ Ġesù fit-tbatija u fl-għajb tas-Salib, kien jistħoqqlok l-aħjar sehem mir-rebħa tiegħu. Illum tinsab fil-leminija ta’ Ibnek inkurunata mit-Trinità Qaddisa, li qegħdet f’idejk kull setgħa fis-Sema u fl-art. F’idejk Kristu ħalla t-teżori tal-grazzja u l-frott tas-salvazzjoni li kisbilna. Salvana, mela, l-iżjed ħelwa u ħanina fost l-ommijiet: jinżlu fuqna minn idejk it-teżori tal-grazzja ta’ Alla. Kif dejjem għamilt ma’ ġensna, kompli ifrex il-mant tiegħek ta’ Omm fuqna lkoll, speċjalment fuq dawk li, minħabba l-qagħda li ninsabu fiha huma f’baħar ta’ dwejjaq u qtigħ il-qalb, jinsabu waħdihom, tbattlu mit-tama; fuq dawk li huma maħkuma mill-biża’ mhux biss tal-marda imma wkoll tal-piżijiet finanzjarji li ser ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; fuq dawk li qed jerfgħu t-toqol tar-responsabbiltà ta’ deċiżjonijiet fl-oqsma tat-tmexxija, tal-ekonomija, tal-impjiegi, tas-saħħa. Hekk, kif issa nqimuk bl-imħabba u bit-tifħir, jistħoqqilna ġurnata li niġu nirringrazzjawk fis-Sema, u jkollna sehem mill-kuruna tiegħek, billi ngawdu ’l Alla għal dejjem.

 

Amen.

 

Salve Regina