Laikos

 

IS-SENA FAMILJA AMORIS LAETITIA

intervista mal-Kardinal Kevin Farrell

 

Id-19 ta’ Marzu, is-Solennità ta’ San Ġużepp, tibda s-sena li l-Papa Franġisku ddedika lil Amoris laetitia, l-Eżortazzjoni Appostolika pubblikata fl- 2016. Dan id-dokument ma ntlaqax kullimkien fid-dinja. Jitkellem dwar dan il-Kardinal Kevin Joseph Farrell, president tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja, u Camerlengo ta-Knisja Kattolika.

Għaliex sena sħiħa?

Il-kultura individwalista li aħna mgħaddsa fiha dgħajfet ir-rabtiet tal-familja, l-istituzzjoni legali taż-żwieġ saret tabilħaqq dgħajfa, u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda qed isibuha diffiċli mhux biss biex jifhmu d-differenza sostanzjali li hemm bejn iż-żwieġ u l-koabitazzjoni, li għalihom huma t-tnejn l-istess, imma anke biex jifhmu t-tifsira taż-żwieġ bħala Sagrament.

F’ħafna ambjenti tal-knisja, il-ministeru tal-familja, meta ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ dawn l-isfidi, baqa’ għaddej għal ħafna żmien qisu mhu qed jiġri xejn. Imma ż-żewġ Sinodi dwar il-familja qajmu sensitività ġdida, enfasizzaw bżonnijiet ġodda li għandhom il-familji, u ġagħlu lill-Knisja tisma’ lill-poplu kollu ta’ Alla: lill-operaturi pastorali, lill-familji, saċerdoti u isqfijiet. Minn hawn ħarġet il-ħtieġa urġenti li nġeddu l-azzjoni pastorali fid-dawl tal-isfidi li qed tpoġġi quddiemna r-rejaltà tal-lum. Is-sena tal-Familja Amoris Laetitia hi maħsuba biex tkun żmien qawwi ħalli ssaħħaħ dan it-tiġdid pastorali biex jasal fid-dinja kollha, bl-iskop li jiżgura li l-knejjes lokali jkunu tabilħaqq hemm, mal-familji, jimxu magħhom fil-mumenti iebsin li, iżjed issa bil-pandemija, il-familji qed jgħaddu minn mumenti kultant iebsin wisq.

F’dan is-sens, huwa meħtieġ li nerġgħu naqraw u napprofondixxu dak li tgħidilna Amoris laetitia sabiex nagħmlu tagħna l-istrateġiji u s-suġġerimenti li hemm fiha rigward il-valur u t-tifsira taż-żwieġ, l-edukazzjoni tat-tfal, kif ngħixu l-imħabba fil-familja speċjalment meta jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ mard, faqar, nuqqas ta’ kumditajiet, vjolenza, xi dipendenzi jew anke solitudni. Sena hija qasira wsiq biex wieħed jagħmel din ir-riflessjoni b’mod deċiżiv li tista’ tilħaq mhux biss il-knejjes lokali, imma wkoll lill-familji biex huma jħossuhom parti mill-Knisja.

Ħames snin wara li ġiet promulgata, fiex waslet l-implimentazzjoni tagħha? Hemm xi differenzi bejn l-Ewropa u kontinenti oħra?

Huwa fatt li  Amoris laetitia ma ġietx implimentata kullimkien fid-dinja. U ma nistgħux niċħdu li dan il-fatt kien ikkundizzjonat fil-bidu, l-iktar fl-Ewropa u l-Amerika minħabba d-dibattitu fuq il-kapitlu 8.  Iżjed riċenti, kien hemm attenzjoni ikbar, minn ħafna mkejjen tad-dinja, dwar aspetti li jirrigwardaw it-tħejjija għaż-żwieġ, l-akkumpanjament tal-miżżewġin, l-edukazzjoni tal-ulied, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, ir-rwol tal-familji fil-Knisja, ir-rata tat-twelid li dejjem qed tonqos u l-ftuħ għall-ħajja: temi li qed isiru dejjem iżjed importanti fil-ministeru mġedded tal-familja.

Wara kollox, dawn huma temi li jikkonċernaw lill-maġġoranza kbira tal-familji fid-dinja: affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum li għandhom implikazzjonijiet importanti għall-ħajja tal-familji, anke sabiex ikollhom dik l-għajnuna meħtieġa biex jistgħu jorjentaw ruħhom aħjar biex jagħmlu d-dixxerniment meħtieġ.

X’indikazzjonijiet, anke prattiċi, jissuġġerixxi d-Dikasteru tiegħek biex dan id-dokument jibda jitħaddem?

Fost il-prijoritajiet li joħorġu b’mod qawwi, hemm it-tħejjija għaż-żwieġ u l-akkumpanjament tal-koppji miżżewġin – dawn huma dawk li l-iktar joffrulna sfida bħala Knisja. Sabiex inwieġbu b’mod adegwat għal dawn l-isfidi, huwa verament meħtieġ li jiġi previst l-involviment attiv tal-familji u tal-miżżewġin li, flimkien mar-rgħajja, ikunu  qrib ta’ koppji għarajjes u koppji fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom. L-eżempju tal-ħajja tagħhom huwa meħtieġ biex titrawwem ix-xewqa għall-imħabba tal-familja fiż-żgħar, biex dawn jaraw b’għajnejhom il-ġid kbir li għandha l-familja, meta jkollha l-għeruq tagħha fi Kristu.

X’inhu t-tagħlim li dan id-dokument jipproponi lis-soċjetà ċivili u lil dawk li ma jemmnux?

Amoris laetitia, fin-numru 52, tfakkarna li “ħadd ma jista' jaħseb li meta ndgħajfu l-familja bħala soċjetà naturali mwaqqfa fuq iż-żwieġ hija xi ħaġa li tagħmel il-ġid lis-soċjetà”. Il-fraġilità tar-rabtiet għandha konsegwenzi serji mhux biss għall-kuntentizza tal-individwi, iżda wkoll għas-soċjetà u l-ekonomija. Meta l-familji jisfaxxaw, dan iġib faqar, iżolament soċjali u solitudni.

Il-familja hija l-post naturali fejn il-bniedem jikber, u dan japplika kemm għal dawk li jemmnu kif ukoll għal dawk li ma jemmnux. Tabilħaqq, kull persuna teħtieġ imħabba b'xejn u rabtiet dejjiema u affidabbli sabiex timmatura u tikkontribwixxi min-naħa tagħha għall-ġid komuni. Iż-żwieġ, mhux biss bħala sagrament iżda wkoll bħala istituzzjoni legali, iġib miegħu valuri li huma fundamentali għal kull bniedem: stabbiltà, fiduċja u fertilità. Rabtiet mibnija fuq impenn reċiproku jwasslu lin-nies biex ikunu ġenerużi u jiġġeneraw il-ħajja madwarhom, u b’hekk jagħtu wkoll tama għall-ġejjieni. Fuq dan l-aspett, wieħed jista’ jsib ukoll xi xebħ bejn il-Maġisteru tal-Knisja, il-ħsieb sekulari u t-tagħlim ta’ reliġjonijiet oħra.

Skont Amoris laetitia, iż-żwieġ huwa sagrament li ġo fih għandu qawwa li tbiddel l-imħabba umana. Mela għaliex illum, anke fost il-kattoliċi, l-għażla taż-żwieġ kulma tmur qed tonqos?

It-tagħrif li għandna dwar in-numru ta' żwiġijiet xejn ma jfarraġna, u lanqas it-tagħrif dwar in-numru ta’ twelid. Il-kawża ta’ dan mhijix biss diffikultajiet ekonomiċi u kulturali, iżda wkoll fin-nuqqas profond ta' tama u fiduċja fil-ġejjieni min-naħa tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Kawża oħra hija li ż-żwieġ mhuwiex meqjus bħala t-tweġiba għal vokazzjoni, iżda bħala għażla li spiss titqiegħed fuq l-istess livell bħal meta wieħed isib xogħol jew jikseb xi grad universitarju.

Fir-realtà, iż-żwieġ huwa tweġiba għal sejħa minn Alla lill-koppja. Hija l-“iva” għall-vokazzjoni ta' koppja li tgħix proġett ta' ħajja fi Kristu għal dejjem. Fil-ministeru taż-żgħażagħ, dan l-aspett għandu jkun inkluż fit-tħejjija remota għaż-żwieġ, mhux biss għaż-żgħażagħ, iżda wkoll tat-tfal. Il-fatt li t-tfal u ż-żgħażagħ illum ta’ spiss ma jkollhomx eżempji pożittivi ta’ ħajja miżżewġa madwarhom, ma jeskludix il-fatt li l-Knisja tista’ tippreżentalhom is-sbuħija taż-żwieġ bħala vokazzjoni, billi tfittex għajnuna fil-ministeru taż-żgħażagħ minn xhieda ta’ tant persuni miżżewġin u għarajjes insara li jgħixu u juru lil ħaddieħor din is-sbuħija.

F’dan il-qasam, il-Knisja tiffaċċja sfida enormi, li tpoġġi r-responsabbiltà fuq spallejna bħala rgħajja.

Fl-aħħarnett, x’għandha xi tgħid Amoris laetitia lis-separati, divorzjati li reġgħu żżewġu, lil dawk waħedhom u lir-romol?

L-isprtu ta’ dan id-dokument huwa spirtu ta’ tenerezza u qrubija, u dan l-ispirtu jsir iktar importanti, iktar ma l-persuni u r-rabtiet familjari tagħhom ikunu iktar fraġli. Hemm din ir-rieda li nisimgħu u li nkunu iktar qrib, u dan jinsab f’dan il-messaġġ bażiku: il-Knisja hija dar għal dawk kollha li jfittxu lil Alla, anke, u ngħid b'mod speċjali, għal dawk li huma waħedhom u f'diffikultà.

Mir-rivista Famiglia Cristiana

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.