|
Digriet tad-Dikasteru għall-Kleru
dwar id-dixxiplina tal-intenzjonijiet tal-Quddies,
13.04.2025
“Secundum probatum Ecclesiæ morem, sacerdoti cuilibet Missam celebranti aut concelebranti licei stipem oblatam recipere, ut iuxta certam intentionem Missam applicet” – “Skont l-użu approvat tal-Knisja, huwa leċitu għal kull saċerdot li jiċċelebra l-Quddiesa, illi jilqa’ l-offerta mogħtija lilu biex japplika l-Quddiesa skont intenzjoni partikulari” (kan. 945 § 1 CIC).
“L-Ewkaristija, anki jekk hi l-milja tal-ħajja sagramentali, mhix xi premju għall-perfetti biss, imma hi duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin. Din il-konvinzjoni għandha wkoll konsegwenzi pastorali li aħna msejħin inqisu bi prudenza u kuraġġ. Sikwit inġibu ruħna qisna konna aħna li qed nikkontrollaw il-grazzja u mhux bħala dawk li jiffaċilitawha. Imma l-Knisja mhix dwana, hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu”.[1]
Konxji minn din il-grazzja, il-fidili permezz tal-offerta tagħhom iridu jingħaqdu b’mod iktar sħiħ mas-Sagrifiċċju Ewkaristiku billi jżidu miegħu sagrifiċċju tagħhom u jikkollobaraw fil-ħtiġijiet tal-Knisja u, b’mod partikulari, jikkontribwixxu għall-manteniment tal-ministri mqaddsa tagħha.
Hekk il-fidili jingħaqdu b’mod iżjed intimu ma’ Kristu li joffri lilu nnifsu, u jiġu, f’ċertu sens, iktar inseriti b’mod profond fil-komunjoni miegħu. Din id-drawwa mhux biss hi approvata mill-Knisja, imma hija stess li tippromoviha.[2]
L-Appostlu Pawlu jikteb li dawk li jaqdu l-altar għandhom il-jedd li jgħixu mill-altar (ara 1 Kor 9:13-14; 1 Tim 5:18; Lq 10:7). In-normi miġbura fl-ewwel sekli jgħarrfuna dwar doni offruti volontarjament fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Minnhom parti kienet tmur għall-foqra, parti għall-mensa episcopalis u għal dawk li lilhom l-Isqof kien joffri ospitalità, parti għall-kult, u parti għall-kjeriċi ċelebranti jew assistenti, skont kriterju ta’ tqassim stabbilit minn qabel.[3]
Dawk li kienu jagħmlu l-offerti, b’dan il-mod, kienu involuti b’mod speċjali fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku. Id-doni offruti waqt l-Ewkaristija, u eventwalment anki barra minnha, kienu meqjusa bħala kumpens lil benefattur, bħala don f’okkażjoni tas-servizz (occasione servitii) mogħti mis-saċerdot, bħala elemożina u qatt bħala “prezz tal-bejgħ” għal xi ħaġa qaddisa; inkella dan kien ikun att ta’ simonija.
F’dak iż-żmien il-Quddiesa kienet diġà tiġi ċċelebrata, fuq talba tal-fidili, għal intenzjoni partikulari, anki jekk mhux akkumpanjata minn don. Iktar tard żviluppat id-drawwa li joffru elemożina għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Quddiesa u li jagħtu doni lis-saċerdot jew lill-Knisja. Proprju din il-prattika tikkostitwixxi l-preċedent tal-offerta għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Ibda minn tmiem is-seklu 10, biex jitolbu li tiġi ċċelebrata l-Quddiesa għal intenzjoni partikulari, kienu joffru doni kommemorattivi. F’dan l-istess perjodu jibdew il-fondazzjonijiet tal-Quddies, jew aħjar, l-obbligu li jiġi ċċelebrat Quddies għal intenzjonijiet iffissati minn qabel. U hekk twieldet id-drawwa li tingħata offerta fl-okkażjoni tal-Quddiesa, drawwa li l-Knisja, mhux biss tapprovaha, imma tirrakkomandaha u tippromoviha.
Il-konswetudni ta’ bosta sekli u d-dixxiplina tal-Knisja tisħaq li ma’ kull offerta tikkorrispondi l-applikazzjoni partikulari tagħha, min-naħa tas-saċerdot, ta’ Quddiesa ċċelebrata minnu. Barra minn hekk, id-duttrina Kattolika, li tidher ukoll fis-sensus fidelium, tgħallem il-benefiċċju spiritwali u s-siwi, fl-ekonomija tal-grazzja, għall-persuni u l-fini li għalihom is-saċerdot japplika l-Quddies li jiċċelebra, kif ukoll, f’din l-istess perspettiva, il-valur tal-applikazzjoni mtennija għall-istess persuni jew finalitajiet.
Imbagħad, fejn tidħol l-applikazzjoni li f’rabta magħha ġiet milqugħa offerta, fis-sens muri hawn fuq, kemm-il darba ġiet espressa l-projbizzjoni li wieħed japplika Quddiesa waħda għal iktar intenzjonijiet, li għalihom ġew aċċettati rispettivament iżjed minn offerta waħda.
Din il-prassi, kif ukoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ Quddiesa f’rabta mal-offerta milqugħa, ġew iġġudikati kuntrarji għall-ġustizzja, kif hu ripetutement espress fid-dokumenti tal-Knisja.[4]
Mhux b’inqas illeċita tkun is-sostituzzjoni tal-applikazzjoni mwiegħda fil-Quddiesa b’sempliċi “intenzjoni ta’ talb” matul ċelebrazzjoni tal-Kelma jew billi tissemma f’xi mumenti taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Id-dixxiplina tal-Knisja dwar dan is-suġġett, anki lil hemm minn diskorsi ta’ natura strettament teoloġika, hi mnebbħa b’mod ċar minn żewġ ordnijiet ta’ kunsiderazzjonijiet: il-ġustizzja ma’ dawk li jagħmlu l-offerta, u allura ż-żamma tal-kelma mogħtija lilhom, u d-dmir li wieħed jevita li jkun hemm imqar is-sempliċi ħjiel ta’ “kummerċ” ta’ ħwejjeġ qaddisa (ara kan. 947; 945 § 2 CIC).
Madankollu, fi żminijiet iktar riċenti, dehru sitwazzjonijiet u talbiet, li ssuġġerew li jiġu adattati xi dettalji tad-dixxiplina, u tinħoloq eċċezzjoni għal-liġi universali, proprju biex jitħares dak kollu li hu essenzjali.
Fost dawn insibu li n-nuqqas fl-għadd ta’ saċerdoti biżżejjed biex jistgħu jissodisfaw it-talbiet għal Quddies, id-dmir li ma “niffrustrawx ir-rieda qaddisa ta’ dawk li jagħmlu l-offerti, għax inċaħħduhom mix-xewqa tajba tagħhom”,[5] flimkien mal-verifika li d-drawwa tal-Quddies, hekk imsejjaħ “kollettiv”, “jekk tiġġebbed iżżejjed […] għandha titqies bħala abbuż u tista’ tikkawża progressivament fil-fidili inqas ħajra li jagħmlu l-offerta tagħhom għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies skont intenzjonijiet singoli, u hekk tixxejjen konswetudni antikissma u ta’ ġid kemm għall-erwieħ singoli u kemm għall-Knisja kollha”,[6] huma biss ftit mir-raġunijiet għall-innovazzjonijiet.
Kien f’dan l-isfond li, fit-22 ta’ Frar 1991, dik li dakinhar kienet il-Kongregazzjoni għall-Kleru ħarġet id-Digriet Mos iugiter.[7]
Id-Digriet, waqt li jtenni l-fundamenti duttrinali u n-normi fundamentali tad-dixxiplina, diġà milqugħa mill-Codex Iuris Canonici, jipprevedi li, f’kundizzjonijiet partikulari, u f’każijiet bħal dawn biss, is-saċerdot jista’ xorta japplika Quddiesa waħda għal iżjed intenzjonijiet, li f’rabta magħhom ikun irċieva offerti differenti.
Il-kundizzjonijiet ifformulati kellhom l-intenzjoni li, appuntu, minn naħa, jiżguraw il-ġustizzja, u allura ż-żamma tal-kelma mogħtija lil dawk li jagħmlu l-offerta, u mill-oħra jbiegħdu l-periklu, jew imqar biss id-dehra ta’ periklu, ta’ “kummerċ” ta’ ħwejjeġ qaddisa.
Hija proprju din ir-rieda li jiġi mwarrab dan il-periklu li wasslet biex jiġu addottati modifiki dixxiplinari bħal dawn. Konkretement, f’din il-perspettiva, id-Digriet jistabbilixxi fuq kollox li, huwa biss fil-każ li d-donaturi tal-offerta jkunu ġew mgħarrfa kif imiss u esprimew il-qbil tagħhom [kunsens espliċitu], li jistgħu jinġabru iżjed minn offerta waħda għal ċelebrazzjoni waħda tal-Quddiesa, u li din iċ-ċelebrazzjoni ma tkunx ta’ kuljum, biex jiġi evitat li dan iwassal għal prassi komuni u biex jinżamm il-karattru tal-eċċezzjonalità.
Wara li għaddew erbgħa u tletin sena minn meta daħal fis-seħħ id-Digriet Mos iugiter, fid-dawl tal-esperjenza li nġabret minn dakinhar sal-lum, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet, għall-mistoqsijiet u għat-tħeġġiġ li waslu mid-diversi partijiet tad-dinja, mill-Isqfijiet, imma anki mill-membri tal-kleru, minn fidili lajċi u mill-persuni u komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata, dan id-Dikasteru, wara li qies sew l-aspetti kollha tal-materja, u wara konsultazzjoni wiesgħa mad-Dikasteri l-oħra kompetenti, sive ratione materiæ sive alia ratione, wasal għall-ġudizzju li llum huma meħtieġa normi ġodda li jiddixxiplinaw il-materja, u jadegwawha b’mod konformi.
Huwa u jqis kif jista’ jaġġorna n-normi u, fl-istess waqt, jagħmilhom anki iżjed espliċiti fl-esklużjoni ta’ xi prassi li, abbużivament, seħħu f’diversi postijiet, dan id-Dikasteru ra li joħroġ, u issa qed joħroġ, dawn in-normi li ġejjin, biex jiġu integrati fid-dixxiplina li attwalment tapplika f’din il-materja:
Art. 1 § 1 Waqt li jibqa’ japplika l-kan. 945 CIC, jekk il-konċilju provinċjali jew l-Isqfijiet tal-provinċja miġbura flimkien, waqt li jżommu quddiem għajnejhom kundizzjonijiet bħal, ngħidu aħna, l-għadd tas-saċerdoti meta mqabbel mat-talbiet ta’ intenzjonijiet jew il-kuntest soċjali u ekkleżjali, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom jiddisponu dan (li ġej) b’digriet, is-saċerdoti jistgħu jaċċettaw iżjed minn offerta waħda mingħand persuni differenti, u jgħaqqduhom ma’ oħrajn u jissodisfawhom b’Quddiesa waħda, iċċelebrata skont intenzjoni waħda “kollettiva”, jekk – u jekk biss – dawk kollha li jkunu għamlu l-offerta jkunu ġew mgħarrfa b’dan u taw il-kunsens ħieles tagħhom.
§ 2 Din ir-rieda tal-offerenti qatt ma għandha tiġi preżunta; anzi, fin-nuqqas ta’ kunsens espliċitu, wieħed għandu jippreżumi dejjem li dan ma ngħatax.
§ 3 Fil-każ ta’ § 1, iċ-ċelebrant jista’ jżomm għalih biss l-offerta ta’ intenzjoni waħda (ara kan. 950-952 CIC).
§ 4 Kull komunità Nisranija għandha tkun attenta li toffri l-possibbiltà li jiġu ċċelebrati Quddies ta’ kuljum b’intenzjoni waħda, li għalihom il-konċilju provinċjali jew l-Isqfijiet tal-provinċja miġbura flimkien jiffissaw l-istipendju stabbilit (ara kan. 952 CIC).
Art. 2 Waqt li jibqa’ japplika l-kan. 905 CIC, jekk is-saċerdot jiċċelebra leġittimament l-Ewkaristija iżjed minn darba fl-istess ġurnata, jekk ikun hemm bżonn jew hu mitlub mill-veru ġid tal-fidili, hu jista’ jiċċelebra Quddies differenti anki skont intenzjonijiet “kollettivi”, waqt li tibqa’ tapplika n-norma li hu leċitu li hu jżomm għalih, ta’ kuljum, offerta waħda biss ta’ intenzjoni waħda fost dawk li aċċetta (ara kan. 950-952 CIC).
Art. 3 § 1 Hemm bżonn fuq kollox li wieħed iżomm quddiem għajnejh id-dispożizzjonijiet tal-kan. 848 CIC li jistabbilixxu li l-ministru, barra l-offerti determinati mill-awtoritajiet kompetenti, għall-amministrazzjoni tas-sagramenti ma jitlob xejn, u għandu jevita dejjem li dawk l-iktar fil-bżonn jiġu mċaħħda mill-għajnuna tas-sagramenti minħabba l-faqar. Josserva fuq kollox dak li jirrakkomanda b’mod qawwi l-kan. 945 § 2 CIC, jiġifieri “li jiċċelebra l-Quddiesa għall-intenzjonijiet tal-fidili, fuq kollox ta’ dawk l-iżjed foqra, anki jekk ma jkunx irċieva offerta”.
§ 2 Għad-destinazzjoni tal-offerti tiġi applikata, congrua congruis referendo, in-norma tal-kan. 951 CIC.
§ 3 Huwa u jqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Knisja partikulari, u tal-kleru tagħha, l-Isqof djoċesan jista’, b’liġi partikulari, jiddisponi d-destinazzjoni ta’ dawn l-offerti lill-parroċċi li huma f’qagħda ta’ ħtieġa fid-djoċesi tiegħu jew f’oħrajn, speċjalment fil-pajjiżi tal-missjoni.
Art. 4 § 1 L-Isqfijiet għandhom jgħallmu lill-kleru u l-poplu tagħhom dwar il-kontenut u t-tifsira ta’ dawn in-normi, u jgħassu fuq l-applikazzjoni korretta tagħhom, waqt li jaraw li jitniżżlu b’reqqa fuq ir-reġistru apposta n-numru ta’ quddies li wieħed għandu jiċċelebra, l-intenzjonijiet, l-offerti u ċ-ċelebrazzjoni li tkun saret, kif ukoll għandhom jaraw ta’ kull sena dawn ir-reġistri, personalment jew permezz ta’ oħrajn (ara kan. 958 CIC).
§ 2 B’mod partikulari, kemm l-Ordinarji u kemm ir-Ragħajja l-oħra tal-Knisja għandhom jiżguraw li tkun eminentement ċara għal kulħadd id-distinzjoni bejn l-applikazzjoni għal intenzjoni partikulari tal-Quddiesa (imqar jekk “kollettiva”), u s-sempliċi tifkira waqt ċelebrazzjoni tal-Kelma jew f’xi mumenti taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
§ 3 Għandu jkun magħruf b’mod speċjali minn kulħadd li t-tħeġġiġ jew imqar biss l-aċċettazzjoni ta’ offerti f’rabta maż-żewġ każijiet partikulari tal-aħħar hi gravament illeċita; hemm fejn drawwa bħal din xterdet b’mod żbaljat, l-Ordinarji kompetenti ma għandhomx jeskludu li jirrikorru għal miżuri dixxiplinari u/jew penali biex iwaqqfu dan il-fenomenu deplorabbli.
Art. 5 Fid-dawl tal-valuri anki sopranaturali marbuta mal-prassi, meqjuma u ta’ min ifaħħarha, li tiġi milqugħa l-offerta biex tiġi applikata għal Quddiesa skont intenzjoni partikulari (ara kan. 948 CIC), biex jiffavorixxu wkoll id-drawwa ammirevoli li jiġu ttrasferiti lejn il-pajjiżi tal-missjoni l-intenzjonijiet żejda ta’ Quddies flimkien mal-offerti li jikkorrispondu magħhom, ir-Ragħajja tal-erwieħ għandhom jaraw li jinkuraġġixxu b’mod opportun lill-fidili biex iżommuha, u hemm fejn iddgħajfet, biex jerġgħu jsaħħuha u jippromovuha, anki permezz ta’ katekeżi opportuna fuq in-Novissmi u fuq il-communio sanctorum.
Art. 6 Hemm fejn il-konċilju provinċjali jew l-Isqfijiet tal-provinċja miġbura flimkien ma jiddisponu xejn iktar dwar hekk, jibqa’ fis-seħħ dak previst mid-Digriet Mos iugiter tat-22 ta’ Frar 1991.
Id-Dikasteru għall-Kleru, wara għaxar snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn in-normi, se jippromovi studju tal-prassi kif ukoll tan-normi fis-seħħ dwar din il-materja, fid-dawl ta’ verifika tal-applikazzjoni tagħhom u tal-aġġornament li jkun hemm bżonn.
Il-Papa, nhar it-13 ta’ April 2025, Ħadd il-Palm, approva f’forma speċifika dan id-digriet u ordna li jiġi ppromulgat, waqt li ddispona li jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ April 2025, Ħadd il-Għid, derogatis derogandis, contrariis quibuslibet minimeobstantibus.
Il-Kardinal Lazzaro You Heung sik
Prefett
✠ Andrés Gabriel Ferrada Moreira
Arċisqof Titulari ta’ Tiburnia
Segretarju
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, f’AAS105 (2013), 1039-1040, n. 47.
[2] Pawlu VI, Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu proprju Firma in traditione, 13 ta’ Ġunju 1974, f’AAS66 (1974), 308; Kongregazzjoni għall-Kleru, Digriet Mos iugiter, 22 ta’ Frar 1991, f’AAS83 (1991), 443.
[3] Ara, ngħidu aħna, Constitutiones Apostolorum (± 380) II.28,5: “Si autem (diaconus) etlectorest, accipiat et ipse una cum presbyteris”; VIII.31,2-3: “Eulogias, quae in mysticis oblationibus supersunt, diaconi ex voluntate episcopi aut presbyterorum distribuant clero...”, f’F.X. Funk, Didascalia et Constitutiones Apostolorum (Paderborn, 1905; ristampa anastatica 1964), vol. 1, pp. 108-109 u 532-533; Canones Apostolorum (5e eeuw) 41, f’C. Kirch, Enchiridionfontium historiæ Ecclesiasticæ antiquæ (Barcelona, 1965[9]), n. 699.
[4] Ara, ngħidu aħna, Sant’Uffizzju, Digriet, 24 ta’ Settembru 1665, n. 10, f’DH 2030; Sagra Penitenzerija Appostolika, Istruzzjoni Suprema Ecclesiæ bona, 15 ta’ Lulju 1984, f’Enchiridion Vaticanum S1, nr. 901-912; Kongregazzjoni għall-Kleru, Digriet Mos iugiter, cit., 444, art. 1 §1.
[5] Kongregazzjoni għall-Kleru, Digriet Mos iugiter, cit., 446, art. 5 § 1.
[6] Ibid., 445, art. 2 § 3.
[7] Ara ibid., 443-444.