L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-parir ta’ Ratzinger biex inżommu sħaħ fil-fidi mqar qalb skandli kbar

It-Teologu Joseph Ratzinger li fl-2005 sar il-Papa Benedittu XVI

 

 

 

L-osservazzjonijiet tiegħu fl-1968 huma profetiċi… u ta’ faraġ għalina

Miguel Pastorino

Fl-1968, it-teologu Joseph Ratzinger – iktar tard il-Papa Benedittu XVI – fil-ktieb tiegħu Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu kiteb kapitlu qasir fuq il-Knisja, u fetħu b’mod li jidher relevanti ħafna, anzi profetiku, għal żmienna:

… Ejjew nitkellmu ċar dwar xi jbeżżagħna llum… Jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, niġu ttentati li ngħidu li l-Knisja la hi qaddisa u lanqas kattolika… Is-sekli tal-istorja tal-Knisja tant huma mimlija b’kull xorta ta’ falliment uman li xi ftit nistgħu nifhmuha l-viżjoni tat-tkexkix li kellu Dante meta ra l-prostituta Babiloniża bilqiegħda fil-karru tal-Knisja; u l-kliem tal-biża’ ta’ Guliermu ta’ Auvergne, Isqof ta’ Pariġi, fis-seklu tlettax, jinftiehem perfettament. Guliermu qal li l-barbariżmu tal-Knisja, min jarah, kien sa jibbies u jitqażżu: “Quddiemna m’għadx għandna iżjed għarusa, imma mostru feroċi ta’ deformità terribbli”.

Il-kattoliċità tal-Knisja wkoll hi f’diskussjoni daqs il-qdusija tagħha. Il-libsa waħda tal-Mulej hi mċarrta bejn il-ħafna partijiet fi kwistjonijiet bejniethom, il-Knisja waħda hi maqsuma f’ħafna Knejjes, kull waħda xi ftit jew wisq tinsisti li waħidha tinsab fit-triq id-dritta. U għalhekk għal ħafna nies illum il-Knisja saret l-ikbar xkiel għat-twemmin. Fiha m’għadhom jaraw xejn ħlief it-taqbida umana għall-poter, l-ispettaklu msejken ta’ dawk li, bil-pretensjoni tagħhom li huma jistgħu jamministraw il-Kristjaneżmu uffiċjali, donnhom l-iktar li qed iżommu milli jaħdem lill-ispirtu veru tal-ħajja Nisranija.

Ratzinger dan qed jgħidu b’ċarezza sħiħa u ton mill-aktar qawwi, u jkompli jgħidilna li hu konvint li dawn l-argumenti ma jistgħux jitwarrbu għall-ġenb, u li din il-perċezzjoni mhux biss hi msejsa fuq argumenti raġunati, imma ħierġa minn qlub li, fix-xewqat l-aktar għolja tagħhom, sfaw delużi u miġruħa, u huma ddiżappuntati ħafna.

Minn dan il-punt tat-tluq, dan il-kuntrast bejn dak li fih nemmnu bil-fidi u dak li qed naraw iseħħ fir-realtà, aħna nistaqsu: “Għaliex inħobbuha lill-Knisja, minkejja dan kollu?”.

Knisja qaddisa?

Meta ngħidu li l-Knisja hi “qaddisa” m’aħniex infissru li kull membru tagħha hu bla tebgħa u qaddis minn fuq s’isfel. Ratzinger jgħid li din il-ħolma ta’ Knisja bla tebgħa dejjem reġgħet tnisslet f’kull epoka, imma li ma hemmx post għaliha fil-Kredu, u tassew, l-eħrex kritika kontra l-Knisja ħierġa minn din il-ħolma xejn realistika ta’ Knisja bla tikmixa.

Il-qdusija tal-Knisja ġejja minn dik il-qawwa ta’ tqaddis li Alla jwettaq fiha minkejja d-dnubiet tal-bnedmin. Hi l-espressjoni tal-imħabba ta’ Alla, li mhix sa tħalli jirbħilha n-nuqqas ta’ ħila tal-bniedem, imma dejjem tibqa’ miftuħa għalih, tilqgħu kull darba mill-ġdid sewwasew għax hu midneb, iddur lejh, tqaddsu, u tħobbu.

Proprju għaliex hija don, u hi b’xejn, din ma tiddependix fuq il-merti tal-fidili; il-qdusija li tibqa’ sħiħa fil-Knisja hi ta’ Kristu, mhux tagħna. “Hi tabilħaqq il-qdusija tal-Mulej li ssir preżenti fiha u li, biex iġorru l-preżenza tagħha, tagħżel dejjem mill-ġdid– bi mħabba paradossali – l-idejn maħmuġa tal-bnedmin”.

Għal Ratzinger, ix-xbieha paradossali tal-kuntrast bejn il-qdusija ta’ Kristu u l-infedeltà tal-bniedem hi x-xbieha drammatika tal-grazzja f’din id-dinja, li permezz tagħha l-imħabba ħielsa u inkundizzjonata ta’ Alla ssir viżibbli għalina – l-imħabba ta’ dan Alla li, illum bħal dari, ipoġġi bilqiegħda biex jiekol mal-istess mejda tal-midinbin.

Il-ħolma ta’ dinja mhix mimsusa mill-ħażen

L-idea li l-Knisja qatt m’għandha tiċċappas bid-dnub hi idea simpliċistika u duwalistika li tipproponi xbieha idealizzata u aristokratika, imma li mhix reali. Ratzinger ifakkar lill-qarrejja tiegħu li l-istess nies ta’ żmien Kristu skandalizzaw ruħhom bih għax ma kienx dak in-nar jaħraq li waqa’ mis-sema biex jeqred lill-midinbin; lanqas kien żelota li ħaffef jagħmel ħaqq u jifred il-qamħ mis-sikrana.

… Din il-qdusija dehret preċiżament titħallat mal-midinbin li Ġesù qarreb lejh; titħallat sal-punt li hu nnifsu ‘sar dnub’ u ġarr fuqu s-saħta tal-liġi fl-eżekuzzjoni bħala kriminal – biex qasam b’mod sħiħ fix-xorti tal-mitlufa… u hekk wera x’inhi l-vera ‘qdusija’: mhux separazzjoni, imma għaqda; mhux ġudizzju, imma mħabba feddejja.

Il-mistoqsijiet li jitqanqlu minn dan il-mod ta’ kif naraw l-affarijiet iġagħluna nitriegħdu bit-tama:

Forsi l-Knisja mhijiex sempliċiment il-kontinwazzjoni tal-inżul ta’ Alla minn jeddu fil-ħama tal-bniedem; jewwilla mhijiex sempliċiment il-kontinwazzjoni tad-drawwa li kellu Ġesù li joqgħod fuq il-mejda mal-midinbin, li jitħallat mal-miżerja tad-dnub sal-punt li fih donnu jidher qed jegħreq taħt il-piż tagħha? Forsi fil-qdusija xejn qaddisa tal-Knisja, kuntrarju għas-safa li jippretendi minnha l-bniedem, ma tidhirx il-vera qdusija ta’ Alla, li hi mħabba, imħabba li ma żżommx id-distanza tagħha f’xi għamla ta’ safa aristokratiku, maqtugħ, imma titħallat mal-ħmieġ tad-dinja, u dan biex tasal li tegħlbu? Mela, tista’ l-qdusija tal-Knisja tkun ħaġa oħra għajr is-sabar b’xulxin li, naturalment, jiġi mill-fatt li Kristu jistabar bina lkoll?

Nistabru b’xulxin, għax Kristu jistabar bina

Ratzinger ifissrilna, bil-mod dejjem ċar u trasparenti tiegħu, li din il-qdusija tal-Knisja li kemm kemm tinħass, fl-istess ħin b’xi mod tfarraġna. Żgur li konna naqtgħu qalbna quddiem qdusija bla tebgħa li tiġġudikana u tiblagħna, li ma tħaddanx id-dgħufija umana u li mhux dejjem toffri l-maħfra lil dawk li jindmu minn qalbhom. Fil-fatt, kollha konna nitkeċċew mill-Knisja li kieku din kienet komunità ta’ dawk li b’mod perfett jistħoqqilhom il-premju.

Dawk li jgħixu bl-għarfien li ħaddieħor irid jissaportihom, ma jistgħux jirrifjutaw li huma jissaportu lil ħuthom. Il-faraġ li tista’ toffri l-komunità Nisranija hu dak li l-membri tagħha għandhom jissaportu u jistabru b’xulxin l-istess kif huma jsibu min jissaportihom u jistabar bihom.

X’jiswa tassew għall-fidili

Min jissimplifika wisq il-mod ta’ kif iħares lejn il-Knisja, ma jkunx jagħti kas ta’ dak li hi stess temmen dwarha nfisha, lanqas taċ-ċentru tagħha, li hu Ġesù Kristu. Hi mhijiex istituzzjoni fejn l-aktar ħaġa importanti huma l-għanijiet organizzattivi jew politiċi tagħha; dak li jiswa tassew hu “l-faraġ tal-Kelma u tas-sagramenti li hi tagħti kemm fil-ġranet sbieħ u kemm f’dawk koroh”.

Dawk li tabilħaqq jemmnu ma jagħtux wisq importanza lill-ġlieda għar-riforma tal-istrutturi ekkleżjastiċi. Huma jgħixu fuq dak li l-Knisja dejjem hi; u jekk wieħed irid jaf il-Knisja min hi tassew, dan għandu jmur għandhom. Għax il-Knisja hi preżenti l-aktar, mhux fejn hemm ix-xogħol organizzattiv, ta’ riforma, jew tmexxija, imma f’dawk li sempliċiment jemmnu u jirċievu mingħandha d-don tal-fidi li hi l-ħajja tagħhom. Huwa biss min jesperjenza kif, minkejja l-bidliet fil-ministri u l-forom tagħha, il-Knisja tkabbar lill-bnedmin, tagħtihom dar u tama, dar li hi tama – it-triq għall-ħajja ta’ dejjem – huwa biss min esperjenza dan li jaf il-Knisja min hi tassew, kemm fl-imgħoddi u kemm illum.

Dan mhux biex ngħidu li l-Knisja m’għandhiex dejjem titħabat għal qdusija ikbar: 

Hi tgħix mit-taqbida ta’ dak li mhux qaddis biex jikseb il-qdusija, l-istess kif naturalment din it-taqbida tgħix bid-don ta’ Alla, li mingħajru ma tistax tkun. Imma dan l-isforz jista’ jagħti veru frott u jkun kostruttiv jekk ikun imnebbaħ mill-ispirtu tas-sabar, ta’ mħabba vera.

Knisja b’bibienha magħluqa teqred lil dawk li hemm fiha. Ratzinger jisħaq li l-idea li wieħed jista’ jagħmel iktar xogħol kostruttiv waħdu milli f’għaqda mal-oħrajn hi illużjoni daqs il-kunċett ta’ Knisja ta’ ‘poplu qaddis’ minflok ta’ ‘Knisja qaddisa’ li hi qaddisa għax il-Mulej jagħniha bid-don tal-qdusija mingħajr ma jistħoqqilha.

miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta