Laikos

 

Għid

Randan

Oħrajn

       

ŻMIEN L-AVVENT

Avvent 1

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek, li ġej, biex jissieħbu miegħu fil-leminija tiegħu u jistħoqqilhom s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna, u agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina fis-sema. Bi Krisu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema u li fil-mixja tagħna fost dak kollu li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Avvent 2

 

Kolletta: O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek; ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċju tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja u norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen

 

 

Avvent 3

 

Kolletta: O Alla, int taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qies li nġarrbu fit-Twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li inti waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, u nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Avvent 4

 

Kolletta: Sawwab f’ruħna, Mulej, il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li dawn l-offerti li aħna ġibna fuq l-altar tiegħek jitqaddsu mill-Ispirtu s-Santu, li bil-qawwa tiegħu, fil-ġuf ta’ Marija Verġni, tnissel Ibnek, Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla li tista’ kollox, aħna tqarbinna bil-ħobż tas-sema, li hu r-rahan tal-fidwa ta’ dejjem; nitolbuk li, aktar ma joqrob il-jum tal-festa tas-salvazzjoni tagħna, aktar nikbru fir-rabta tagħna miegħek biex niċċelebraw kif jixraq il-misteru tat-Twelid ta’ Ibnek, Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 


ŻMIEN IL-MILIED

It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

 

Quddiesa tal-Vġili

 

Kolletta: O Alla, li ta’ kull sena tferraħna fl-istennija tal-fidwa tagħna, agħmel li aħna, bħalma nilqgħu bil-ferħ lil Ibnek il-waħdieni, Feddej tagħna, hekk ukoll jistħoqqilna narawh bla biża’ meta jiġi Mħallef tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħmel, Mulej, li nibdew niċċelebraw minn issa l-festa solenni tal-Milied, biex aktar ma inti turina li biha seħħ il-bidu tal-fidwa tagħna, aktar naqduk bil-qalb aħna u nitħejjew għaliha. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, nitolbuk, Mulej, li nitqawwew fir-ruħ bil-festa li qegħdin nagħmlu fit-twelid ta’ Ibnek il-waħdieni, li hu l-ikel u x-xorb tagħna f’dawn il-misteri qaddisa. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa ta’ Nofsillejl

 

Kolletta: O Alla, int dawwalt dan il-lejl qaddis bid-dija tad-Dawl veru: agħmel li, kif fid-dinja għarafna l-misteru tad-dawl ta’ Ibnek, hekk ukoll fis-sema nitgħaxxqu bil-ferħ tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħa tkun togħġbok, Mulej, l-offerta li qegħdin nagħmlulek fil-festa tal-lum, biex, b’din il-qima qaddisa tagħna u bil-grazzja tiegħek, naslu għall-glorja ta’ Kristu, li fih tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, nitolbuk, Mulej Alla tagħna, li aħna, li nġbarna ferħana biex niċċelebraw it-Twelid tal-Feddej tagħna, ikun jistħoqqilna nissieħbu miegħu permezz ta’ ħajja tajba. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa tas-Sebħ

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, aħna mtlejna bid-dawl ġdid tal-Verb tiegħek magħmul bniedem; agħmel, għalhekk, li d-dawl tal-fidi, li qiegħed jiddi f’ruħna, ikun jidher ukoll fl-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li dawn l-offerti tagħna jkunu jixirqu lill-misteru li qegħdin niċċelebraw illum, biex kif Kristu, li sar bniedem, idda wkoll quddiemna bħala Alla, hekk dan il-frott tal-art li qegħdin noffrulek iġib fina l-grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Bil-ferħ u l-qima kollha, Mulej, qegħdin nagħtu ġieħ lit-Twelid ta’ Ibnek; agħmel li, b’fidi sħiħa, nagħrfu l-kobor ta’ dan il-misteru u ngħożżuh b’ħeġġa akbar ta’ mħabba. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa ta’ Binhar

 

Kolletta: O Alla, int b’mod tal-għaġeb ħlaqt il-bniedem fil-kobor tiegħu, u b’għaġeb akbar ġeddidtu wara li waqa’; agħmel li nissieħbu ma’ Kristu fin-natura tiegħu ta’ Alla, kif hu għoġbu jieħu sehem magħna fin-natura tagħna l-bnedmin. Hu, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, din l-offerta li qegħdin nagħmlulek fil-festa solenni tal-lum; biha int warrabt għalkollox il-korla tiegħek minn fuqna u erġajt ħabbibtna miegħek, u biha wkoll aħna nagħtuk qima perfetta. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, o Alla ħanin, li s-Salvatur tad-dinja, imwieled illum, bħalma għamilna wlied tiegħek, hekk ukoll jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Il-Familja Mqaddsa

 

Kolletta: O Alla, int tajtna eżempji mill-isbaħ fil-Familja Mqaddsa; agħmel li nsiru nixbhuha fil-virtujiet tad-dar u fir-rabta tagħha ta’ mħabba, ħa niġu nithennew għal dejjem fil-ferħ ta’ darek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Se noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju tal-paċi tagħna miegħek; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li, għat-talb tal-Verġni Omm Alla u ta’ San Ġużepp, twettaq il-familja tagħna fil-grazzja tiegħek u s-sliem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Missier l-aktar ħanin, inti tgħajjixna bis-sagramenti tas-sema; agħmel li nimxu dejjem fuq l-eżempju tal-Familja Mqaddsa, biex, wara t-taħbit ta’ din id-dinja, nissieħbu magħha fil-ġenna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Il-Magħmudija tal-Mulej

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied addottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sal-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, dawn id-doni li aħna qegħdin noffrulek b’radd il-ħajr talli wrejtna lil Ibnek l-għażiż; agħmel li din l-offerta tal-fidili tiegħek tinbidel fis-sagrifiċċju tal-istess Ibnek, li għoġbu jħenn għalina u jneħħi d-dnubiet tad-dinja: Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Aħna tqarbinna, Mulej, bid-doni qaddisa li għoġbok tagħtina; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-ħniena tiegħek biex nisimgħu bil-qalb lil Ibnek il-waħdieni, ħalli nistgħu nissejħu wliedek u nkunu hekk tassew. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

L-Epifanija tal-Mulej

 

Kolletta: O Alla, inti llum mexxejt il-ġnus b’kewkba u għarraftilhom ’l Ibnek il-waħdieni; fil-ħniena tiegħek agħtina li aħna, li ġa għarafniek bis-saħħa tal-fidi, naslu biex nitgħaxxqu bik fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ħares lejn din l-offerta tal-Knisja tiegħek; m’aħniex noffrulek iżjed deheb, inċens u mirra, iżda ’l dak li bihom intwera min kien, Ibnek Ġesù Kristu, issagrifikat u mogħti bħala ikel, hu, li miegħek jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, li dejjem u f’kollox tkun int li tmexxina, bid-dawl tiegħek tas-sema, biex il-misteru li fih għoġbok tagħtina sehem, nagħrfuh b’moħħ safi u nirċevuh b’qalb imħejjija kif jixraq. Bi Kristu Sidna. Amen.

 


 ŻMIEN IR-RANDAN

L-Erbgħa tar-Rmied

 

Kolletta: Agħtina, Mulej, li nibdew bis-sawm imqaddes it-taħriġ għat-taqbida tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu, ħalli nitwettqu bil-qawwa tar-rażan u nissieltu tajjeb kontra l-ispirtu tal-ħażen. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: B’solennità kbira, Mulej, sejrin noffrulek is-sagrifiċċju fil-bidu tar-Randan: nitolbuk li, b’għemil ta’ ndiema u mħabba, inrażżnu fina l-ġibdiet ħżiena u nitnaddfu minn dnubietna, ħalli nitħejjew kif jixraq biex niċċelebraw il-passjoni ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li s-sagrament li rċivejna jkun ta’ għajnuna għalina, biex is-sawm tagħna jkun jogħġbok u jiswielna għall-fejqan ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Randan 1

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes agħtina li nifhmu iżjed il-misteru ta’ Kristu, u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħmel, Mulej, li noffrulek kif jixraq dawn id-doni li bihom qegħdin nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru mqaddes tal-Għid. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Aħna tqarbinna, Mulej, bl-ikel tas-sema, li bih nitħeġġu fil-fidi, nissaħħu fit-tama, u nitqawwew fl-imħabba; għallimna nħossu l-bżonn li nieklu lil dak li hu tassew il-ħobż ħaj, u li ngħixu tabilħaqq b’kull kelma li toħroġ minn fommok. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Randan 2

 

Kolletta: O Alla, int tridna nisimgħu lil Ibnek l-għażiż: itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħek, u agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna ħalli nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Il-Vittma li sejrin noffrulek, Mulej, tnaddafna minn ħtijietna u tqaddisna fir-ruħ u l-ġisem biex niċċelebraw kif jixraq il-misteri tal-Għid. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Bil-ħrara kollha nroddulek ħajr, Mulej, għal din it-tqarbina li għamilna li biha, sa minn din id-dinja stess, tagħtina sehem mill-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Randan 3

 

Kolletta: O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek; inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub; ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna, biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna, ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek b’dan is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek; u, bħalma aħna qegħdin nitolbuk biex taħfrilna dnubietna, għinna biex naħfru lil min, fost ħutna, hu ħati għalina. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ħadna, Mulej, ir-rahan tal-ħwejjeġ tas-sema, li għadhom moħbijin għal għajnejna, u sa minn din l-art imtlejna b’ikel spiritwali; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dak li qiegħed iseħħ ġewwa fina taħt il-velu tal-misteru, inwettquh bl-għemejjel tajba tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Randan 4

 

Kolletta: O Alla, int b’mod tal-għaġeb terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem permezz tal-Verb tiegħek; agħmel li l-poplu Nisrani jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Bil-ferħ ta’ qalbna, Mulej, noffrulek is-sagrifiċċju tal-fidwa ta’ dejjem; miċ-ċokon tagħna nitolbuk il-grazzja li nqimuk b’fidi sħiħa u noffruhulek kif jixraq għas-salvazzjoni tad-dinja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla, inti ddawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja: dawwal il-qlub tagħna bid-dija tal-grazzja tiegħek biex dejjem inħobbuk tassew u nżommu bla heda ħsibijietna f’dak biss li jixtieq u jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Randan 5

 

Kolletta: Mulej Alla tagħna, agħtina l-għajnuna tiegħek biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna, ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina. Hu, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla li tista’ kollox, agħti widen għat-talb tagħna, u, bis-saħħa tas-sagrifiċċju li noffrulek, naddaf lill-qaddejja tiegħek li mingħandek ħadu t-tagħlim tal-fidi Nisranija. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla li tista’ kollox, lilna li nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, għoddna dejjem fost il-membri tiegħu: Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umiltà meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlim għalina u li jistħoqqilna nissieħbu miegħu fil-qawmien għall-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Għall-Passjoni ta’ Ibnek il-waħdieni, taffi issa, Mulej, il-korla tiegħek għalina, mhux għax jistħoqqilna minħabba xi għemil tagħna, iżda bil-qawwa tal-ħniena tiegħek u ta’ dan is-sagrifiċċju waħdieni li sejrin noffrulek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li tqarbinna bid-don qaddis tiegħek, fiċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbuk biex, bħalma bil-mewt ta’ Ibnek tajtna t-tama tal-ħwejjeġ li nemmnu, hekk ukoll, bil-qawmien tiegħu għall-ħajja, twassalna għall-premju li lejh aħna miexja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Ħamis ix-Xirka

 

Il-Quddiesa tal-Griżma

 

Kolletta: O Alla, int ikkonsagrajt lil Ibnek il-waħdieni bl-Ispirtu s-Santu, u għamiltu l-Messija u l-Mulej; fil-ħniena tiegħek, agħmel li aħna, li għandna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu, inkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, biex is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek inaddafna bil-qawwa tiegħu mid-dnubiet tagħna tal-imgħoddi, iwettaqna fil-ħajja tal-grazzja, u jmexxina ’l quddiem fit-triq tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, biex aħna, li ġġeddidna bis-sagramenti tiegħek, jistħoqqilna nsiru l-fwieħa ta’ Kristu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

 

Kolletta: O Alla, aħna llum inġbarna biex niċċelebraw l-Ikla qaddisa, meta Ibnek il-waħdieni, qabel ma ngħata għall-mewt, ħalla lill-Knisja s-sagrifiċċju l-ġdid li jibqa’ għal dejejm u l-ikla ta’ mħabbtu; agħmel li, minn misteru hekk kbir, nieħdu l-imħabba u l-ħajja fil-milja kollha tagħhom. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, Mulej, li niċċelebraw dawn il-misteri kif jixraq, għax, kull darba li nġeddu t-tifkira ta’ dan is-sagrifiċċju, iseħħ l-għemil tal-fidwa tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li kif fid-dinja nissaħħu bl-Ikla ta’ Ibnek, hekk ukoll ikun jistħoqqilna nissieħbu miegħu fl-Ikla ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej

 

Talba: Ftakar fil-ħniena tiegħek, Mulej, u ħares dejjem u qaddes lill-qaddejja tiegħek li għalihom Ibnek Ġesù Kristu Sidna waqqaf bit-tixrid ta’ demmu l-misteru tal-Għid. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

jew:

 

O Alla, bil-Passjoni ta’ Kristu, Ibnek u Sidna, inti qridt il-mewt li writna minħabba l-ewwel dnub aħna lkoll li tnissilna minn Adam; agħtina li nsiru bħal Kristu, biex, kif ilbisna x-xbieha tal-bniedem tal-art li minnu tnissilna skond in-natura, hekk ukoll, bil-qdusija tal-grazzja, nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti fdejtna bil-mewt qaddisa ta’ Kristu Ibnek u bil-qawmien tiegħu għall-ħajja: ibqa’ ħares fina dan l-għemil tiegħek ta’ ħniena, biex, bis-saħħa ta’ dan il-misteru li fih ħadna sehem ngħixu dejjem marbuta miegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Dan il-poplu tiegħek, Mulej, fakkar bil-ġieħ kollu l-mewt ta’ Ibnek, b’tama sħiħa fil-qawmien tiegħu għall-ħajja: ixħet fuqu kotra ta’ barka u agħtih il-maħfra u l-faraġ, qawwih fil-fidi mqaddsa u wettqu fil-fidwa ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 


 ŻMIEN IL-GĦID

Il-Vġili tal-Lejl Qaddis tal-Għid

 

Kolletta: O Alla, inti ddawwal dan il-lejl qaddis bis-sebħ tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet; qajjem fil-Knisja tiegħek l-Ispirtu tal-adozzjoni, biex aħna niġġeddu fir-ruħ u l-ġisem u naqduk b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, nitolbuk, Mulej, it-talb tal-poplu tiegħek flimkien mal-offerti għal dan is-sagrifiċċju li kien mibdi bil-misteru tal-Għid, u agħmel li l-istess sagrifiċċju jkunilna ta’ għajnuna għall-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Sawwab fina, Mulej, l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, u bħalma tmajtna bis-sagrament tal-Għid, hekk ukoll, fit-tjieba tiegħek, agħmel li aħna nkunu lkoll qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

L-Għid il-Kbir

 

Kolletta: O Alla, illum b’Ibnek il-waħdieni, il-mewt ġiet megħluba, u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem: agħtina, nitolbuk, li aħna u niċċelebraw il-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej għall-ħajja, aħna niġġeddu bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u nqumu bid-dawl tal-ħajja ġewwa fina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: B’qalbna mimlija bil-ferħ tal-Għid, noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju li bih il-Knisja tiegħek, b’mod tal-għaġeb, titwieled mill-ġdid u tieħu l-għajxien tagħha. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Bil-grazzja u t-tjieba tiegħek, o Alla, ħares dejjem il-Knisja tiegħek, imġedda bil-misteri tal-Għid, u wassalha fid-dawl tal-qawmien għall-ħajja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Għid 2

 

Kolletta: O Alla ta’ ħniena bla tarf, fil-festi tal-Għid li għaddew, int ħeġġiġt il-fidi tal-poplu qaddis tiegħek; kabbarlu wkoll il-grazzja li tajtu, biex bid-dehen kollu kulħadd jifhem kif jixraq b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, b’liema demm infeda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, nitolbuk, Mulej, l-offerta tal-poplu tiegħek, u tal-ulied li tweldulek mill-ġdid, biex dawk kollha li ġġeddu bl-istqarrija ta’ ismek u bil-magħmudija, jiksbu l-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li t-tqarbina li għamilna bis-sagrament tal-Għid, tibqa’ dejjem tagħmlilna l-ġid fir-ruħ tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Għid 3

 

Kolletta: O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja tal-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana, u agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem, int li tant għamilt magħha biex tifraħ. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn il-poplu tiegħek, u, bħalma għoġbok iġġeddu bil-misteru tal-ħajja ta’ dejjem, agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Għid 4

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema, biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek, naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid iqanqluna dejjem ħalli nroddulek ħajr, biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, inti r-Ragħaj it-tajjeb tagħna: ixħet ħarsa ta’ sliem lejn il-merħla tiegħek, u qiegħed fil-mergħat ta’ dejjem in-nagħaġ li fdejt bid-demm għażiż ta’ Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Għid 5

 

Kolletta: O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu inti ressaqtna lejk u tajtna sehem min-natura tiegħek, Alla wieħed u l-Għoli; agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba, niksbu l-verità tiegħek li int għarraftna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej, biex, kif għarraftna l-misteri tas-sema, hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu u timlieh b’ħajja ġdida. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Għid 6

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek, biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna, nitħejjew b’ħajja tajba għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet; kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid, u imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-Tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ’l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fiċ-ċokon tagħna, Mulej, se noffrulek is-sagrifiċċju tal-fidwa, aħna u nagħtu ġieħ lil Ibnek fit-Tlugħ tiegħu fis-sema; agħmel li, b’din il-qima qaddisa tagħna u bil-grazzja tiegħek, nintrefgħu lejn il-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, għalkemm għadna fuq din l-art, inti tagħtina f’idejna l-ħwejjeġ tas-sema; agħmel li l-poplu Nisrani jinġibed b’xewqa qaddisa għas-sema, fejn diġà tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Għid il-Ħamsin

 

Quddiesa tal-Vġili

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tridna niċċelebraw il-misteru kollu tal-Għid bħala festa waħda kbira matul iż-żmien qaddis ta’ ħamsin jum; agħmel li l-ġnus imxerrda kull wieħed bi lsien għalih, bil-grazzja tiegħek ikunu ġemgħa bejniethom fl-istqarrija waħda ta’ Ismek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

jew:

 

O Alla li tista’ kollox, agħtina li tiddi fuqna d-dija tas-sebħ tiegħek, u li l-Ispirtu s-Santu jimla bil-qawwa tad-dawl tiegħek lil dawk li twieldu mill-ġdid bil-Magħmudija, u jwettaqhom fil-grazzja li tajthom. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Xerred, Mulej, il-barka tal-Ispirtu tiegħek fuq l-offerti li ġibna quddiemek, u għin lill-Knisja tiegħek biex turi f’dawl qawwi lid-dinja kollha l-verità tal-misteru tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li t-tqarbina li għamilna tiswielna ta’ ġid, billi tħeġġiġna dejjem iżjed b’dak l-Ispirtu li int, b’mod tal-għaġeb, sawwabt fuq l-Appostli tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa tal-Jum

 

Kolletta: O Alla, bil-misteru tal-festa tal-lum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu; sawwab id-doni tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għal ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-Tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, Mulej, li, kif wegħedna Ibnek, l-Ispirtu s-Santu jurina dejjem aħjar il-misteru tas-sagrifiċċju li sejrin noffrulek, u, fil-ħniena tiegħek, jgħarrafna l-verità kollha. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla, inti xxerred id-doni tas-sema fuq il-Knisja kollha tiegħek; ħares fiha l-grazzja li tajtha, biex jibqa’ dejjem jissaħħaħ fiha d-don tal-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqha, u jkattrilha l-frott tal-fidwa ta’ dejjem, l-ikel spiritwali li bih tgħajjixha. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Trinità Qaddisa

 

Kolletta: O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-verità u l-Ispirtu tal-qdusija, u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb; agħtina li nistqarru l-fidi vera billi nemmnu fit-Trinità Qaddisa, u naduraw Alla wieħed fis-setgħa u l-kobor tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Mulej Alla tagħna, qaddes dawn l-offerti li qegħdin nagħmlulek aħna l-qaddejja tiegħek aħna u nsejħu l-isem tiegħek fuqhom, u bihom agħmel minna stess offerta li tibqa’ għal dejjem quddiemek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, Alla tagħna, qawwina fir-ruħ u l-ġisem bis-saħħa ta’ din it-tqarbina li għamilna u bl-istqarrija tal-fidi tagħna fil-misteru tat-Tliet Persuni f’Alla wieħed minn dejjem ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Il-Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu

 

Kolletta: O Alla, int f’dan is-sagrament tal-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek. Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti lill-Knisja tiegħek l-għaqda u s-sliem, li b’mod mistiku huma mfissra f’dawn id-doni li qegħdin noffurlek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li aħna nduqu minn issa l-ħlewwa li għad inġarrbu bid-dehra tiegħek fis-sema, li hawnhekk int tagħtina ħjiel tagħha fit-tqarbin bil-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħek, int, li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja, u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

jew:

 

O Alla, int, fil-ħniena tiegħek, għoġbok tiftħilna t-teżori bla qies ta’ mħabbtek fil-Qalb ta’ Ibnek midruba bi dnubietna; agħmel li minn qalbna nagħtuh xhieda tal-ħajr u l-qima tagħna billi nagħmlulu tpattija xierqa għal imħabbtu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares, Mulej, lejn l-imħabba bla qies tal-Qalb ta’ Ibnek l-għażiż, biex is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek ikun jogħġbok u jpattilek għal ħtijietna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li s-sagrament tal-imħabba tiegħek iħeġġiġna bi mħabba qaddisa, ħalli ninġibdu dejjem iżjed lejn Ibnek, u nitgħallmu naraw lilu f’ħutna: Hu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 


ŻMIEN TA' MATUL IS-SENA

Matul is-Sena 2

 

Kolletta: O Alla ta’ setgħa bla tarf, li taħkem fuq kollox, fis-sema u fl-art, isma’ bit-tjieba t-talb tal-poplu tiegħek, u agħtina l-paċi fi żmienna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, Mulej, li niċċelebraw dawn il-misteri kif jixraq, għax, kull darba li nġeddu t-tifkira ta’ dan is-sagrifiċċju, iseħħ l-għemil tal-fidwa tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, Mulej, l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, biex, kif tmajtna lkoll minn ħobża waħda tas-sema, hekk ukoll, fit-tjieba tiegħek, tagħmilna qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 3

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skond ir-rieda tiegħek, biex f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’ bis-sliem, Mulej, l-offerti tagħna, u agħmel li jkunu ta’ fejda għat-tqaddis u s-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla li tista’ kollox, qawwina fil-ħajja tal-grazzja tiegħek, u agħmel li dejjem ikollna l-ġieħ li nagħtuk is-servizz tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 4

 

Kolletta: Mulej Alla tagħna, agħtina li nqimu lilek b’ruħna kollha u li nħobbu lil kulħadd bi mħabba spiritwali. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fuq l-altar tiegħek, Mulej, aħna l-qaddejja tiegħek qegħidna l-offerti tagħna; fil-ħniena tiegħek, ilqagħhom, u agħmilhom is-sagrament tal-fidwa tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, int qawwejtna bid-don tal-fidwa tagħna; agħmel, nitolbuk, li, b’din l-għajnuna għas-salvazzjoni tagħna, nissaħħu fil-fidi vera. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 5

 

Kolletta: Fi tjubitek, Mulej, ħares dejjem il-familja tiegħek, u kun int l-għajnuna u l-qawwa tagħha, għax hi ma għandhiex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Mulej, Alla tagħna, inti tajtna dan il-frott tal-art, maħluq minnek, bħala għajnuna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li minnu jsir għalina s-sagrament tal-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla, int ridtna nieħdu sehem minn ħobża waħda u kalċi wieħed; agħtina li nkunu lkoll ħaġa waħda fi Kristu, biex naħdmu ferħana għas-salvazzjoni tad-dinja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 6

 

Kolletta: O Alla, int tajtna kelma li tagħmel l-għamara tiegħek fir-ruħ sewwa u safja; agħmel li, bil-grazzja tiegħek, jistħoqqilna li tgħammar fina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħmel, Mulej, li din l-offerta tnaddafna u ġġeddidna, u li ġġib il-premju ta’ dejjem lil kull min jagħmel ir-rieda tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tmajtna, Mulej, bl-għaxqa tas-sema; nitolbuk li dejjem nixtiequ dak l-ikel li bih ngħixu tassew. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 7

 

Kolletta: Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Aħna u niċċelebraw, Mulej, il-misteri tiegħek, noffrulek is-servizz tagħna, kif inhu dmirna, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex is-sagrifiċċju li sejrin noffru għall-ġieħ tal-kobor tiegħek ikun jiswielna għas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, biex niksbu l-frott tas-salvazzjoni li tagħha rċevejna r-rahan fil-misteri qaddisa li ċċelebrajna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 8

 

Kolletta: Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skond l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li l-Knisja tiegħek tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, int li tagħtina l-ġid tal-art biex minnu nġibulek l-offerti tagħna, u int tilqagħhom għax taf li aħna noffruhomlok bħala qaddejja mogħtijin għas-servizz tiegħek; fil-ħniena tiegħek agħmel li, bħalma dawn l-offerti jiswew ta’ mertu għalina quddiemek, hekk ukoll insibuhom ta’ ġid, biex niksbu l-premju tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tmajtna, Mulej, bl-ikel li jsalvana, is-sagrament li bih, fil-ħniena tiegħek, tgħajjixna fuq din l-art; fit-tjieba tiegħek għamel li, permezz tiegħu, ikollna sehem fil-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 9

 

Kolletta: O Alla, il-providenza tiegħek tqassam kollox b’ordni li qatt ma jinkiser; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex tbiegħed minna kull ħsara u tagħtina kulma hu ta’ fejda għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Kollna tama fi tjubitek, Mulej, nersqu lejk bl-offerti tagħna u nqegħduhom fuq l-altar imqaddes; agħmel li, bil-grazzja tiegħek, nitnaddfu u nissaffew bis-saħħa ta’ dawn il-misteri li bihom naqduk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mexxina, Mulej, bl-Ispirtu Qaddis tiegħek, int li titmagħna bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek, u agħmel li aħna nistqarruk u nfaħħruk, mhux bil-fomm u l-kliem biss, iżda bl-għemil u tassew, biex jistħoqqilna nidħlu fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 10

 

Kolletta: O Alla, li minnek ġej kull ġid, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex fid-dawl tiegħek nintebħu kif għandna nġibu ruħna sewwa, u bl-għajnuna tiegħek ngħixu hekk tabilħaqq. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ixħet, Mulej, ħarsa ta’ tjieba fuq is-servizz li qegħdin nagħtuk, u agħmel li l-offerta tagħna tkun togħġbok u tqawwina fl-imħabba tagħna lejk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Saħħaħna, Mulej, bit-tqarbina li għamilna, biex, għall-ħniena tiegħek, ninħallu mill-irbit ta’ ħżunitna u nimxu ’l quddiem fit-triq it-tajba. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 11

 

Kolletta: O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn; agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, dawn id-doni li qegħdin noffrulek inti tagħmilhom għalina ikel u sagrament, biex bihom tgħajjixna u ġġeddidna sew fir-ruħ u sew fil-ġisem; agħmel, nitolbuk, li ruħna u ġisimna jkunu dejjem megħjuna bihom. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Is-sagrament imqaddes tiegħek, Mulej, li bih aħna tqarbinna, huwa sinjal tal-għaqda tal-fidili fik; agħmel, nitolbuk, li hu jġib tabilħaqq l-għaqda fil-Knisja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 12

 

Kolletta: Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ tal-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, is-sagrifiċċju ta’ tpattija u tifħir li aħna sejrin inġeddu, u agħmel li bil-qawwa tiegħu nissaffew, biex noffrulek qalbna mimlija bl-imħabba, kif togħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Int, Mulej, iġġeddidna u tgħajjixna bil-Ġisem qaddis u d-Demm għażiż ta’ Ibnek; fil-ħniena tiegħek nitolbuk biex niksbu għal dejjem fis-sema l-fidwa li bla heda niċċelebraw bil-qima f’dawn il-misteri qaddisa. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 13

 

Kolletta: O Alla, inti tajtna l-grazzja tal-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl; agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, inti jogħġbok tħaddem is-sagramenti tiegħek biex jagħtuna l-frott tagħhom; agħmel li s-servizz tagħna jkun jixraq lis-sagrifiċċju li sejrin noffrulek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, li nieħdu r-ruħ bil-Vittma qaddisa li offrejnielek u li biha tqarbinna, ħalli ningħaqdu miegħek għal dejjem fl-imħabba u nagħmlu frott li qatt ma jintemm. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 14

 

Kolletta: O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Din l-offerta, Mulej, nikkonsagrawha lil ismek, u nitolbuk li hija ssaffina u tagħtina l-għajnuna biex, minn jum għall-ieħor, nagħmlu opri li jixirqu lill-ħajja tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li mlejtna b’għajnuna hekk kbira, nitolbuk, Mulej, biex dejjem tagħtina d-doni meħtieġa għas-salvazzjoni tagħna, u li qatt ma nieqfu nfaħħruk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 15

 

Kolletta: O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba, u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu Nisrani jbiegħed minnu kulma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares, Mulej, lejn l-offerti li l-Knisja qiegħda tagħmillek hija u titolbok, u agħmel li l-poplu fidil tiegħek jieħu minnhom is-saħħa biex jikber fil-qdusija. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Irċevejna, Mulej, id-doni tiegħek; nitolbuk li nersqu sikwit lejn dan is-sagrament, biex inkabbru fina l-qawwa għas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 16

 

Kolletta: Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u, kollok tjieba, kattar fuqna d-doni tal-grazzja tiegħek biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba, u nishru dejjem sal-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, inti ġbart u temmejt is-sagrifiċċji kollha tal-Patt il-Qadim fis-sagrifiċċju wieħed u perfett tal-Patt il-Ġdid; ilqa’ dan is-sagrifiċċju li sejrin joffrulek il-qaddejja tiegħek, u qaddsu, kif qaddist dak ta’ Abel, biex l-offerta, li f’ġieħ il-kobor tiegħek saritlek minn kull wieħed u waħda minna, tkun tiswa għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej, biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema, hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu u tagħtih ħajja ġdida. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 17

 

Kolletta: O Alla, li tħares lil min jittama fik, mingħajrek xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis; kattar fuqna l-ħniena tiegħek, u kun int li taħkem fuqna u tmexxina, ħalli ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi, hekk li nagħrfu norbtu ruħna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti tajtna b’id miftuħa, u, bil-qawwa tal-grazzja tiegħek, agħmel li dawn il-misteri tas-sema jqaddsuna fil-ħajja ta’ issa u jwassluna fl-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tqarbinna, Mulej, bis-sagrament tas-sema, li hu t-tifkira għal dejjem tal-Passjoni ta’ Ibnek; agħmel li dan id-don, li hu tahulna bi mħabba bla qies, ikun jiswa għas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 18

 

Kolletta: Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kulma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni, u ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek; agħmel li aħna wkoll inkunu offerta li tibqa’ għal dejjem quddiemek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ibqa’ għin dejjem, Mulej, lil dawk li tgħajjex bid-don tas-sema; u kif qatt ma tehda tagħmlilhom il-ġid, agħtihom ukoll li jkun jistħoqqilhom il-fidwa ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 19

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, aħna nagħmlu l-qalb u nsejħulek Missier; saħħaħ fina l-Ispirtu tal-ulied adottivi tiegħek, biex jistħoqqilna niksbu l-wirt li int wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares bis-sliem, Mulej, lejn il-Knisja tiegħek, u ilqa’ l-offerti li qiegħda tagħmillek; għax kont int, fil-ħniena tiegħek, li tajtha l-grazzja li toffrihomlok; u, bil-qawwa tiegħek, tbiddilhom għalina fis-sagrament tas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, biex it-tqarbina li għamilna bis-sagrament tiegħek issalvana u twettaqna fid-dawl tal-verità tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 20

 

Kolletta: O Alla, inti ħejjejt ġid li ma jidhirx għal dawk li jħobbuk; xerred fi qlubna l-ħlewwa ta’ mħabbtek, biex inħobbuk f’kollox u fuq kollox, u hekk niksbu l-ġid li wegħedtna, li hu aqwa minn kulma nistgħu nixtiequ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, dawn l-offerti tagħna, li bihom nagħmlu miegħek bidla glorjuża: għax waqt li aħna noffrulek mill-frott li tajtna, inti tagħtina lilek innifsek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, bis-sagramenti li tajtna inti tagħmilna xirka waħda ma’ Kristu; bl-umiltà kollha nitolbu t-tjieba tiegħek biex insiru nixbhuh f’din id-dinja, ħalli naslu fis-sema u nithennew għal dejjem miegħu: Hu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Matul is-Sena 21

 

Kolletta: O Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien, bil-fehmiet kollha tagħhom, u tiġborhom rieda waħda bejniethom; agħmel li l-poplu tiegħek ikun iħobb il-preċetti tiegħek u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu, biex, fost il-ħafna tibdil ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Int, Mulej, b’sagrifiċċju wieħed magħmul darba għal dejjem, ksibt għalik poplu u tajtu l-grazzja tal-adozzjoni; kun twajjeb mal-Knisja tiegħek, u agħtiha d-doni tal-għaqda u s-sliem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ħenn għalina, Mulej, u agħtina fejqan sħiħ; fit-tjieba tiegħek agħmel li aħna nkunu fidili lejk sal-aħħar, u li nsiru nogħġbuk f’kollox. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 22

 

Kolletta: O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek. Nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li, bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxil quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna, bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: B’din l-offerta qaddisa, Mulej, agħtina dejjem il-barka u s-salvazzjoni, u agħmel li, bil-qawwa tagħha, niksbu l-frott tas-sagrament li qegħdin niċċelebraw. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li tqawwejna, Mulej, bil-ħobż mill-mejda tas-sema, nitolbuk biex b’din l-ikla ta’ mħabba twettaq il-qlub tagħna u tħeġġiġna biex naqdu lilek f’ħutna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 23

 

Kolletta: O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu, ikunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, minnek ġej is-sliem tagħna u r-rabta ta’ qalbna miegħek; agħmel li, b’din l-offerta, nagħtu ġieħ kif jixraq lill-kobor tiegħek, u li nħossu ruħna magħqudin ħaġa waħda bit-tisħib tagħna f’dan il-misteru qaddis. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, inti titma’ lill-fidili tiegħek u tgħajjixhom bl-ikel tal-kelma tiegħek u bis-sagramenti tas-sema; agħmel li, bis-saħħa ta’ doni hekk kbar, mogħtija lilna minn Ibnek l-għażiż, aħna nimxu ’l quddiem sa ma nissieħbu għal dejjem miegħu fil-ħajja tiegħu. Hu li jgħixu u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Matul is-Sena 24

 

Kolletta: Ħares lejna, o Alla, li taħlaq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk b’qalbna kollha, biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħenn għalina, Mulej, u isma’ t-talb tagħna, ilqa’ bit-tjieba dawn l-offerti tal-qaddejja tiegħek, biex l-offerta, li għall-ġieħ ta’ ismek saritlek minn kull wieħed u waħda minna, tkun tiswa għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li d-don tas-sema li rċevejna jaħdem bil-qawwa tiegħu fir-ruħ u l-ġisem tagħna, u li, f’kulma nagħmlu, imexxina dejjem hu, u mhux is-sensi tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 25

 

Kolletta: O Alla, int ġbart id-digrieti kollha tal-liġi mqaddsa fil-kmandament tal-imħabba tiegħek u tal-proxxmu; agħmel li aħna nħarsu l-preċetti tiegħek, biex jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ l-offerti tal-poplu tiegħek, biex bihom niksbu f’dawn is-sagramenti tas-sema dak li nistqarru b’fidi minn qalbna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, inti titmagħna b’dan is-sagrament imqaddes; fit-tjieba tiegħek agħtina dejjem l-għajnuna, biex, bis-saħħa ta’ dawn il-misteri u bl-imġiba tajba tagħna, niksbu l-frott tal-fidwa li tajtna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 26

 

Kolletta: O Alla, inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina; xerred dejjem fuqna l-grazzja tiegħek, biex inħaffu fit-triq tal-wegħdiet tiegħek u tagħtina sehem mill-ġid tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla ħanin, agħmel li din l-offerta tagħna tkun togħġbok, biex bis-saħħa tagħha tinfetħilna l-għajn ta’ kull barka. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, li dan il-misteru tas-sema jġeddidna fir-ruħ u l-ġisem, biex, kif nissieħbu ma’ Ibnek fi tbatijietu aħna u nxandru l-mewt tiegħu, hekk ukoll niksbu fil-glorja l-wirt miegħu: Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Matul is-Sena 27

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tfawwar tjubitek fuq dawk li jitolbuk u tagħtihom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ; xerred fuqna l-ħniena tiegħek, billi taħfrilna kulma jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna u tagħtina dak li ma għandniex ħila nitolbuk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti għas-sagrifiċċju mwaqqaf b’ordni tiegħek, u kompli fina l-għemil ta’ fidwa billi tqaddisna b’dawn il-misteri tas-sema li aħna qegħdin niċċelebraw bħala qaddejja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħti, o Alla li tista’ kollox, li s-sagrament li bih tqarbinna jkun l-ikel u x-xorb tagħna, biex ninbidlu f’dak li aħna nirċievu. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 28

 

Kolletta: Nitolbuk, Mulej, li l-grazzja tiegħek dejjem tqanqalna u tieqaf magħna, u tħeġġiġna biex inkunu l-ħin kollu medhija bl-għemejjel tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, it-talb u l-offerti li qegħdin jagħmlulek il-fidili tiegħek, biex, għall-qima li qegħdin nuruk fis-servizz tagħna, ngħaddu għall-glorja tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Fiċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex, bħalma int tgħajjixna bil-Ġisem u d-Demm imqaddes ta’ Ibnek, hekk ukoll tagħtina sehem min-natura tiegħu ta’ Alla. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 29

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’ tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, nitolbuk, Mulej, li, permezz tad-doni qaddisa tiegħek, naqduk bi spirtu ħieles, biex bil-grazzja tiegħek neħilsu minn kull tinġis u nissaffew b’dawn l-istess misteri li bihom qegħdin naqduk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħtina, Mulej, li, bis-sehem li nieħdu fis-sagramenti mqaddsa, nimxu ’l quddiem fit-triq it-tajba, hekk li ninqdew sewwa bil-ġid tal-art u nikbru fl-għerf bil-ġid tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 30

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, kattar fina l-fidi, it-tama u l-imħabba, u agħmel li nħobbu l-kmandamenti tiegħek biex ikun jistħoqqilna dak li twegħedna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares, Mulej, lejn din l-offerta li qegħdin nagħmlu lill-kobor tiegħek, biex is-servizz tagħna jkun tal-akbar glorja għalik. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, li s-sagramenti tiegħek jagħtuna l-grazzji li fihom jinsabu, biex ’il quddiem niksbu fis-sewwa dak li issa qegħdin nagħmlu taħt xbihat. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 31

 

Kolletta: O Alla ħanin li tista’ kollox, minnek ġej li l-fidili tiegħek jagħtuk servizz xieraq u ta’ ġieħ: agħmel li, mingħajr ebda tfixkil, inħaffu biex niksbu l-wegħdiet tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħmel, Mulej, li s-sagrifiċċju li sejrin inġeddu jitla’ quddiemek bħala offerta safja, li tniżżel fuqna l-kotra tal-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Kabbar fina, Mulej, il-ħidma qawwija tiegħek, u ġeddidna bis-sagramenti tas-sema, biex bil-grazzja tiegħek nitħejjew tajjeb ħalli niksbu l-ġid imwiegħed lil min jirċevihom. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 32

 

Kolletta: O Alla ħanin li tista’ kollox, fit-tjieba tiegħek biegħed minna kull għawġ, biex inkunu ħielsa fir-ruħ u l-ġisem, u naqduk bla xkiel ta’ xejn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares bis-sliem, Mulej, lejn is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek, biex naqilgħu b’tjieba qaddisa l-frott tal-Passjoni ta’ Ibnek, li qegħdin inġeddu f’dan is-sagrament. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Inroddulek ħajr, Mulej, għat-tqarbina mqaddsa li biha saħħaħtna; bħalma mlejtna b’din il-qawwa tas-sema, hekk ukoll, fit-tjieba tiegħek, agħtina l-Ispirtu qaddis tiegħek, biex tibqa’ fina sal-aħħar il-grazzja ta’ ħajja sinċiera. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Matul is-Sena 33

 

Kolletta: Nitolbuk, Mulej Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax il-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħtina, Mulej, li s-sagrifiċċju li sejrin noffru lill-kobor tiegħek jaqlgħalna l-grazzja li nkunu fidili lejk, u jiksbilna l-frott tal-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes; bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju, li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu, ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Se noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju li bih Ibnek reġa’ ħabbeb lill-bnedmin miegħu. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex l-istess Ibnek jagħti lill-ġnus kollha l-grazzja tal-għaqda u s-sliem, Hu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tqarbinna, Mulej, bl-ikel tal-ħajja ta’ dejjem; nitolbuk li, bħalma hu ġieħ kbir tagħna li nħarsu l-ordnijiet ta’ Kristu, is-Sultan tal-ħolqien kollu, hekk ukoll ngħixu miegħu għal dejjem fis-saltna tiegħu tas-sema: Hu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

FESTI U SOLENITAJIET OĦRA

Sidtna Marija Omm Alla (1 ta’ Jannar)

 

Kolletta: O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm u tibqa’ Verġni, u biha offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla, int fi tjubitek tibda kull ġid u twasslu fil-milja kollha tiegħu: agħmel li, aħna u niċċelebraw il-festa tal-Imqaddsa Omm Alla, inħossu l-ferħ tal-grazzja li inti tiżra’ fina, u nithennew bil-frott kollu tagħha. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Kollna ferħana, Mulej, tqarbinna bis-sagrament tiegħek; agħmel li din it-tqarbina tkun tiswielna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li għandna x-xorti li nistqarru li l-Imqaddsa Marija dejjem Verġni hija Omm Ibnek u Omm il-Knisja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej (2 ta’ Frar)

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, illum Ibnek il-waħdieni kien ippreżentat fit-Tempju fis-sura ta’ bniedem bħalna; fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-kobor tiegħek biex aħna wkoll inkunu ppreżentati quddiemek b’ruħna safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Mulej, inti ridt li Ibnek il-waħdieni joffrilek lilu nnifsu bħala l-Ħaruf bla tebgħa tas-sagrifiċċju għas-salvazzjoni tad-dinja; ilqa’, nitolbuk, dawn l-offerti li l-Knisja ferħana qiegħda tagħmillek għat-tiġdid tal-istess sagrifiċċju. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Bit-tqarbina mqaddsa li għamilna, Mulej, temm fina l-milja tal-grazzja tiegħek, kif temmejt ix-xewqa ta’ Xmun il-ġust; u, bħalma hu ma rax il-mewt qabel ma laqa’ f’dirgħajh lil Kristu, hekk ukoll agħmel li aħna nimxu ’l quddiem biex nilqgħu lill-Mulej u nidħlu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

In-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl (10 ta’ Frar)

 

Kolletta: O Alla, fil-providenza tiegħek tal-għaġeb int għoġbok li l-Appostlu Missierna San Pawl jara l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi; bil-ħrara kollha nitolbuk: agħmel li nibqgħu dejjem inroddu ħajr għat-tħabrik u l-imħabba li hu wera magħna, u li nżommu sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li hu tana bil-kelma u bl-eżempji tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerta li qiegħdin nagħmlulek b’radd ta’ ħajr għal bosta u bosta ġid li int fawwart fuqna bil-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl f’din il-gżira, u agħmel li naqdu dejjem lill-kobor tiegħek, bil-qalb u b’kull ħajr. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: O Alla li tista’ kollox, int ta’ kull sena tferraħna bit-tifkira tal-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl fostna; għall-merti tiegħu, agħtina li, bit-tqarbina mqaddsa li għamilna, nibqgħu sħaħ fil-fidi li hu ġabilna u nitqawwew biex nagħmlu kulma hu tajjeb. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

San Ġużepp (19 ta’ Marzu)

 

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, int afdajt il-misteru tas-salvazzjoni sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu taħt il-ħarsien fidil ta’ San Ġużepp; agħmel li, bit-talb tiegħu, il-Knisja tiegħek, taqdi dejjem dan il-misteru, sa ma jseħħ għalkollox. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, biex bħalma San Ġużepp, bit-tjieba u l-qima, qeda lil Ibnek il-waħdieni, imwieled minn Marija Verġni, hekk ukoll aħna jkun jistħoqqilna naqduk b’qalb safja fl-altar tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Fil-ferħ ta’ din il-festa solenni li llum qegħdin nagħmlu f’ġieħ San Ġużepp, tmajtna, Mulej, bl-ikel ta’ din il-mejda qaddisa; ibqa’ żommna dejjem taħt il-ħarsien tiegħek u saħħaħ fina d-doni li, kollok tjieba, jogħġbok tagħtina. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Tħabbira tal-Mulej (25 ta’ Marzu)

 

Kolletta: O Alla, int ridt li l-Verb tiegħek isir bniedem bħalna fil-ġuf ta’ Marija Verġni; agħtina l-grazzja biex aħna, li nistqarru li l-Feddej tagħna hu Alla u bniedem, nissieħbu wkoll fil-ħajja tiegħu ta’ Alla. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: O Alla li tista’ kollox, ilqa’ l-offerta tal-Knisja tiegħek, biex hi, li tagħraf l-ewwel bidu tagħha fit-tnissil ta’ Ibnek il-waħdieni bħala bniedem, tiċċelebra, f’dan il-jum solenni, il-misteru tiegħu. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Wettaq, Mulej, il-fidi tagħna fil-verità tal-misteri tiegħi; aħna nemmnu li Ibnek, imnissel minn Marija Verġni, hu tassew Alla u bniedem; agħtina li, bil-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, li bih ħadna s-salvazzjoni, ikun jistħoqqilna naslu fl-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Twelid ta’ San Ġwann Battista (24 ta’ Ġunju)

 

Quddiesa tal-Vġili

 

Kolletta: Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni skond it-twissijiet ta’ San Ġwann Battista li ħejja t-triq għall-Mulej, biex hekk naslu żgur għand dak li kien imħabbar minnu: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn l-offerti li l-poplu tiegħek qiegħed jagħmillek fil-festa solenni ta’ San Ġwann Battista, u agħtina l-grazzja li fis-servizz li nagħtuk, aħna l-qaddejja tiegħek, infittxu dejjem dawk il-ħwejjeġ li niċċelebraw taħt il-velu tal-misteru. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li mtlejna bl-ikel qaddis tiegħek, Mulej, nitolbuk li jkollna dejjem magħna l-għajnuna tat-talb qawwi ta’ San Ġwann Battista, biex hu, li ħabbrilna l-miġja tal-Ħaruf li jneħħi d-dnub tad-dinja, jaqlgħalna li nkunu dejjem fil-paċi ma’ Ibnek Ġesù Kristu  Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Quddiesa tal-Jum

 

Kolletta: O Alla, int qajjimt lil San Ġwann Battista biex lil Kristu l-Mulej ilestilu poplu mħejji sewwa; agħtina l-grazzja li nġarrbu ferħ tas-sema, u mexxi l-fehmiet tal-qaddejja kollha tiegħek fit-triq tas-salvazzjoni u s-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Permezz ta’ dawn l-offerti, Mulej, li qegħdin inpoġġu fuq l-altar tiegħek, agħtina li niċċelebraw kif jixraq it-twelid ta’ dak li ħabbar il-miġja tas-Salvatur tad-dinja u wrieh meta wasal. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Mulej, inti saħħaħtna b’dan l-ikel qaddis li tajtna mill-mejda tal-Ħaruf tas-sema; agħmel li l-Knisja tiegħek tifraħ bit-twelid ta’ San Ġwann Battista, u tilqa’ lil dak li kien imħabbar minnu bħala l-awtur tat-tnissil ġdid tagħha: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

San Pietru u San Pawl (29 ta’ Ġunju)

 

Quddiesa tal-Vġili

 

Kolletta: Qawwina, Mulej Alla tagħna, bit-talb tal-Appostli San Pietru u San Pawl, u agħti lill-Knisja tiegħek għajnuna għas-salvazzjoni tad-dejjem permezz ta’ dawk li bihom għallimtha taqdi d-dmirijiet qaddisa tagħha lejk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Kollna ferħana bil-festa solenni tal-Appostli San Pietru u San Pawl, inqiegħdu fuq l-altar tiegħek, Mulej, dawn l-offerti, biex daqskemm nibżgħu min-nuqqas ta’ merti tagħna, daqshekk ieħor inqawwu qalbna li ssalvana t-tjieba kbira tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, biex twettaqna b’dawn is-sagramenti tas-sema, kif dawwaltna bit-tagħlim tal-Appostli tiegħek San Pietru u San Pawl. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa tal-Jum

 

Kolletta: O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum tal-festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom int qegħidt fiha s-sisien tar-reliġjon. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Agħmel, Mulej, li t-talb tal-Appostli San Pietru u San Pawl iwassal quddiemek dawn l-offerti li aħna ġibna biex nikkonsagrawhom lil ismek, u bl-istess talb ikollna l-għajnuna biex niċċelebraw dan is-sagrifiċċju bħala qaddejja fidili tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna qawwa ġdida b’dan is-sagrament, nitolbuk, Mulej, li ngħaddu ħajjitna fil-Knisja hekk li nitwettqu dejjem fl-imħabba tiegħek, u nżommu sħiħ qalb waħda u ruħ waħda bejnietna, magħqudin fil-qsim tal-ħobż u t-tagħlim tal-Appostli. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej (6 ta’ Awwissu)

 

Kolletta: O Alla, fit-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni int saħħaħt il-misteri tal-fidi bix-xbieha ta’ Missirijietna, u b’mod tal-għaġeb urejt minn qabel kif aħna nsiru tassew ulied addottivi tiegħek; agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nisimgħu leħen Ibnek il-għażiż biex jistħoqqilna nsiru werrieta miegħu, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Qaddes, Mulej, id-doni li qegħdin noffrulek f’ġieħ it-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni, u bid-dawl tas-sebħ tiegħu naddafna minn kull tebgħa ta’ dnub. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: It-tqarbina bl-ikel tas-sema, Mulej, tbiddilna fix-xbieha ta’ dak li int ridt turina d-dija tiegħu fit-Trasfigurazzjoni glorjuża: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

It-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema (15 ta’ Awwissu)

 

Quddiesa tal-Vġili

 

Kolletta: O Alla, int xħett għajnejk fuq iċ-ċokon tal-Verġni Mqaddsa Marija, kabbartha billi tajtha l-grazzja li ssir Omm Ibnek il-waħdieni magħmul bniedem, u llum għollejtha fi glorja tassew tal-għaġeb; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħha, biex, kif int salvajtna bil-misteru tal-fidwa, hekk ukoll tgħollina fil-glorja tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, is-sagrifiċċju ta’ tpattija u tifħir li se noffrulek fil-festa solenni tal-Omm Qaddisa ta’ Alla Mtellgħa fis-Sema; agħtina bih il-maħfra ta’ dnubietna u agħmel li nroddulek ħajr għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna sehem mill-mejda tas-sema, nitolbuk, Mulej Alla tagħna, biex, għat-tjieba tiegħek, neħilsu minn kull deni li jheddidna, aħna li nagħtu ġieħ lill-Omm Qaddisa ta’ Alla Mtellgħa s-Sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Quddiesa tal-Jum

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Titla’ quddiemek, Mulej, l-offerta tagħna, qaddejja tiegħek; agħmel li l-Verġni Mqaddsa Marija, imtellgħa s-sema, tidħol għalina quddiemek bit-talb tagħha, biex qlubna jitkebbsu bin-nar ta’ mħabbtek u dejjem jixtiquk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tqarbinna, Mulej, bis-sagrament tas-salvazzjoni tagħna; agħtina l-għajnuna tat-talb tal-Verġni Mqaddsa Marija Mtellgħa fis-Sema, ħalli naslu fil-glorja tal-qawmien għall-ħajja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Il-Martirju ta’ San Ġwann Battista (29 ta’ Awwissu)

 

Kolletta: O Alla, int ridt li San Ġwann Battista jkun il-Prekursur ta’ Ibnek, mhux biss fil-ħajja, iżda wkoll fil-mewt; agħtina li, bħalma hu sofra l-martirju għall-verità u għall-ġustizzja, hekk ukoll aħna nissieltu bil-qawwa biex niddefendu t-tagħlim tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Mulej, bl-offerta li qegħdin nagħmlulek nitolbuk li żżommna fit-triq id-dritta tiegħek kif għallimhielna San Ġwann Battista, il-leħen jgħajjat fid-deżert, u wrihielna b’qawwa kbira bit-tixrid ta’ demmu. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Aħna u nġeddu t-tifkira tad-daħla ta’ San Ġwann Battista fis-sema, nitolbuk, Mulej, biex nitgħallmu nagħtu ġieħ lis-sagramenti tas-salvazzjoni tagħna li rċevejna, u nħossu l-ferħ tal-ħidma tagħhom fina. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija (8 ta’ Settembru)

 

Kolletta: Agħti lilna, qaddejja tiegħek, Mulej, id-don tal-grazzja tas-sema u kattar is-sliem tiegħek fuqna, miġburin għall-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija, li ġiebet lil Ibnek fid-dinja bħala bniedem, u hekk infetħet għalina t-triq tas-salvazzjoni. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li jkollna l-għajnuna ta’ Ibnek il-waħdieni magħmul bniedem, biex hu, li twieled minn Verġni bla ma naqqas iżda qaddes ix-Xbubija ta’ Ommu, inaddafna minn ħtijietna u jagħmel li l-offerta tagħna tkun togħġbok: Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Tifraħ, Mulej, il-Knisja tiegħek bil-misteri qaddisa li bihom inti ssaħħaħha, u tithenna bit-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, li mela d-dinja kollha bit-tama u bih żernaq għalina l-jum tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes (14 ta’ Settembru)

 

Kolletta: O Alla, int ridt li Ibnek il-waħdieni jieħu l-mewt tas-salib biex isalva l-bnedmin; agħmel li, kif għarafna l-misteru tiegħu fuq l-art, hekk jistħoqqilna niksbu fis-sema l-frott tal-fidwa li tana Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Naddafna, Mulej, minn kull ħtija, bis-saħħa tas-sagrifiċċju li sejrin noffrulek; bih neħħa d-dnubiet tad-dinja fuq is-Salib, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li tmajtna bl-ikla mqaddsa tiegħek, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej Ġesù Kristu, biex kif fdejtna bis-salib tiegħek, li fih hi l-ħajja tagħna, hekk ukoll twassalna fil-glorja tal-qawmien. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

 

Il-Qaddisin Kollha (1 ta’ Novembru)

 

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-Qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant Qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Aħna nemmnu, Mulej, li l-Qaddisin tiegħek diġà qegħdin isaltnu miegħek għal dejjem fis-sema; ilqa’ din l-offerta li qegħdin nagħmlulek għall-ġieħ tagħhom, u agħmel li aħna nħossu l-għajnuna tat-talb li huma jressqu quddiemek għas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Aħna nadurawk, o Alla, għax, fost il-Qaddisin kollha tiegħek inti tassew tal-għaġeb u waħdek il-Qaddis; agħtina l-grazzja li niksbu qdusija sħiħa fil-milja ta’ mħabbtek, biex minn din il-mejda mħejjija għalina, pellegrini fuq l-art, ngħaddu għall-festa tas-sema pajjiżna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

Il-Fidili Mejtin Kollha (2 ta’ Novembru)

 

Kolletta: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb li qegħdin nagħmlulek, biex, kif jissaħħaħ it-twemmin tagħna fil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, hekk titqawwa t-tama tagħna fil-qawmien mixtieq tal-qaddejja kollha tiegħek għall-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ilqa’ l-offerti li qegħdin nagħmlulek għall-qaddejja kollha tiegħek, ħutna l-mejtin, biex iddaħħalhom fil-glorja ma’ Ibnek, li miegħu qegħdin ningħaqdu bis-sagrament kbir tal-ħniena tiegħu: Hu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħti, Mulej, id-dawl u s-sliem lill-qaddejja kollha tiegħek, ħutna l-mejtin, li għalihom iċċelebrajna dan is-sagrament tal-Għid. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

It-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija (8 ta’ Diċembru)

 

Kolletta: O Alla, bit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek; kif int qist minn qabel il-merti tal-istess Ibnek, biex ħarist lil Ommu minn kull tebgħa tad-dnub, agħmel li aħna, bit-talb tagħha, naslu safja għandek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, il-vittma tas-salvazzjoni li aħna qegħdin noffrulek fis-Solennità tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija, biex kif lilha tajtha l-grazzja minn qabel u ħaristha minn kull tebgħa tad-dnub, hekk ukoll lilna, bit-talb tagħha, teħlisna minn kull ħtija. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, li t-tqarbina mqaddsa li għamilna tfejjaq fina l-ġrieħi ta’ dik il-ħtija, li minnha, b’għaġeb kbir, ħarist lill-Verġni Mqaddsa Marija fit-Tnissil tagħha bla tebgħa. Bi Kristu Sidna. Amen.